This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32013R1363
Commission Delegated Regulation (EU) No 1363/2013 of 12 December 2013 amending Regulation (EU) No 1169/2011 of the European Parliament and of the Council on the provision of food information to consumers as regards the definition of ‘engineered nanomaterials’ Text with EEA relevance
Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1363/2013 tat- 12 ta’ Diċembru 2013 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-għoti ta’ informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi, fejn tidħol id-definizzjoni ta’ “nanomaterjali maħdumin” Test b’relevanza għaż-ŻEE
Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1363/2013 tat- 12 ta’ Diċembru 2013 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-għoti ta’ informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi, fejn tidħol id-definizzjoni ta’ “nanomaterjali maħdumin” Test b’relevanza għaż-ŻEE
ĠU L 343, 19.12.2013, p. 26–28
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
No longer in force, Date of end of validity: 19/12/2013
19.12.2013 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 343/26 |
REGOLAMENT TA’ DELEGA TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 1363/2013
tat-12 ta’ Diċembru 2013
li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-għoti ta’ informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi, fejn tidħol id-definizzjoni ta’ “nanomaterjali maħdumin”
(Test b’relevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2011 dwar l-għoti ta’ informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 18(5) tiegħu,
Billi:
(1) |
L-Artikolu 18(3) tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011 jipprovdi li kull ingredjent preżenti fil-forma ta’ nanomaterjali maħdumin għandu jkun indikat ċar fil-lista tal-ingredjenti tal-ikel biex tkun żgurata l-informazzjoni lill-konsumaturi. Barra minn hekk, wara l-isem ta’ kull ingredjent tal-ikel preżenti fil-forma ta’ nanomaterjali maħdumin għandu jkun hemm il-kelma “nano” fil-parentesi. Għaldaqstant, ir-Regolament (UE) Nru 1169/2011 jistabbilixxi definizzjoni ta’ “nanomaterjali maħdumin”. |
(2) |
L-Artikolu 18(5) ta’ dak ir-Regolament jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni biex taġġusta u tadatta d-definizzjoni ta’ “nanomaterjali maħdumin” imsemmija fih skont il-progress tekniku u xjentifiku jew għal definizzjonijiet miftiehma fil-livell internazzjonali, permezz ta’ atti delegati, sabiex jintlaħqu l-għanijiet ta’ dan ir-Regolament. |
(3) |
Fit-18 ta’ Ottubru 2011, ġiet adottata r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2011/696/UE (2), biex fost l-oħrajn twieġeb talba mingħand il-Parlament Ewropew biex fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni tiddaħħal definizzjoni komprensiva tan-nanomaterjali bbażata fuq ix-xjenza. Id-definizzjoni stabbilita f’dik ir-Rakkomandazzjoni hi msejsa biss fuq id-daqs tal-partikoli kostitwenti ta’ materjal u tkopri materjali naturali, inċidentali jew manifatturati. Fost l-oħrajn, din tqis ir-Rapport ta’ Referenza taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni Ewropea “Considerations on a Definition of Nanomaterial for Regulatory Purposes” (3), l-opinjoni tal-Kumitat Xjentifiku dwar ir-Riskji tas-Saħħa Emerġenti u Identifikati Ġodda (SCENIHR) dwar il-“Bażi xjentifika għad-definizzjoni tat-terminu ‘nanomaterjal’ ” (4) u d-definizzjoni ta’ “nanomaterjal” li ħolqot l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Istandardizzazzjoni (ISO) (5). |
(4) |
Skont ir-Rakkomandazzjoni 2011/696/UE, id-definizzjoni ta’ “nanomaterjal” stabbilita fiha, la tippreġudika u lanqas tirrifletti l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ xi parti mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni. |
(5) |
F’Komunikazzjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar it-Tieni Reviżjoni Regolatorja dwar in-Nanomaterjali (6), il-Kummissjoni qalet li beħsiebha tapplika d-definizzjoni ta’ “nanomaterjal” kif stabbilita fir-Rakkomandazzjoni 2011/696/UE għal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni. Meta fil-leġiżlazzjoni tal-UE jintużaw definizzjonijiet oħra, id-dispożizzjonijiet se jiġu adattati biex ikun żgurat approċċ konsistenti, minkejja li jaf jibqa’ l-bżonn ta’ soluzzjonijiet speċifiċi għas-settur. |
(6) |
Għalhekk jixraq li tiġi adattata d-definizzjoni ta’ “nanomaterjali maħdumin” stabbilita fir-Regolament (UE) Nru 1169/2011 skont dik mogħtija fir-Rakkomandazzjoni 2011/696/UE, li tirrifletti l-progress tekniku u xjentifiku sal-lum. |
(7) |
Billi d-definizzjoni stabbilita fir-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tirreferi għal “nanomaterjali maħdumin” u mhux għal “nanomaterjali” ġenerali, in-nanomaterjali naturali u inċidentali ma għandhomx jiddaħħlu fid-definizzjoni. |
(8) |
Barra minn hekk, jixraq li d-definizzjoni ta’ “nanomaterjali maħdumin” tintrabat ma’ materjal manifatturat intenzjonalment, ħaġa li għandha tiġi definita b’mod espliċitu. Din id-definizzjoni għandha tqis id-definizzjoni adottata mill-ISO, li skont in-“nanomaterjal maħdum” hu “nanomaterjal imfassal għal skop jew funzjoni speċifika” (7). |
(9) |
Skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8), l-addittivi tal-ikel approvati biss u li huma inklużi fil-listi tal-Unjoni jistgħu jitqiegħdu fis-suq bħala tali u jintużaw fl-ikel, fl-addittivi tal-ikel, fl-enżimi tal-ikel u fl-aromatizzanti tal-ikel skont il-kundizzjonijiet tal-użu speċifikati fih u wara valutazzjoni tas-sikurezza. |
(10) |
Dawk il-listi tal-Unjoni ġew stabbiliti mir-Regolamenti tal-Kummissjoni (UE) Nru 1129/2011 (9) u (UE) Nru 1130/2011 (10). Dawn il-listi, kif stabbilit, jistabbilixxu l-addittivi tal-ikel li kienu permessi għall-użu qabel daħal fis-seħħ ir-Regolament (KE) Nru 1333/2008 wara reviżjoni tal-konformità tagħhom mad-dispożizzjonijiet tiegħu. Bħalissa dawn l-addittivi tal-ikel approvati kollha huma soġġetti għal programm ta’ evalwazzjoni mill-ġdid mill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (minn hawn ‘il quddiem “l-Awtorità”) skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 257/2010 (11). L-evalwazzjoni mill-ġdid tal-addittivi tal-ikel qed issir skont il-prijoritajiet stipulati f’dak ir-Regolament u mill-grupp ta’ addittivi tal-ikel skont il-klassi tal-funzjoni ewlenija li jaqgħu taħtha. Din tkopri wkoll kull kwistjoni relatata man-nano li tista’ tiġi indirizzata f’reviżjoni tal-kundizzjonijiet tal-użu, fejn xieraq. B’riżultat ta’ dan diġà ġew evalwati 30 kulur alimentari. L-ebda wieħed mill-kuluri alimentari ma hu prodott fil-forma nano. Għall-karbonat tal-kalċju (E170) u għall-karbonju veġetali (E153) l-Awtorità rrakomandat li jiġi stabbilit il-qies tal-partikuli fl-ispeċifikazzjonijiet. Addittivi oħrajn li jistgħu jkunu f’forma nano se jkunu evalwati sal-:
|
(11) |
Ċerti addittivi tal-ikel inklużi fil-listi tal-Unjoni kif stabbilit mir-Regolamenti tal-Kummissjoni (UE) Nru 1129/2011 u (UE) Nru 1130/2011 jistgħu jkunu fil-forma ta’ “nanomaterjali maħdumin” fl-ikel finali. Madankollu, jekk dawn l-addittivi tal-ikel jiġu indikati fil-lista tal-ingredjenti u warajhom tiżdied il-kelma “nano” fil-parentesi, jaf tħawwad lill-konsumaturi għax tista’ tkun qed tissuġġerixxi li dawk l-addittivi huma ġodda filwaqt li fir-realtà ilhom jintużaw fl-ikel f’dik il-forma għal għexieren ta’ snin. |
(12) |
Għaldaqstant l-addittivi tal-ikel inklużi fil-listi tal-Unjoni bir-Regolamenti (UE) Nru 1129/2011 u (UE) Nru 1130/2011 ma għandhomx jiġu kwalifikati [bilfors] bħala “nano” fil-lista tal-ingredjenti u ma għandhomx ikunu koperti bid-definizzjoni tan-nanomaterjali maħdumin. Il-ħtieġa għal rekwiżiti speċifiċi ta’ tikkettar relatat man-nano għal dawk l-addittivi għandha tiġi indirizzata fil-kuntest tal-programm ta’ evalwazzjoni mill-ġdid, billi jekk ikun meħtieġ, jiġu emendati l-kundizzjonijiet tal-użu fl-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 u l-ispeċifikazzjonijiet ta’ dawk l-addittivi tal-ikel stabbiliti fir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 231/2012 (12). Dik l-eċċezzjoni ma għandhiex tapplika għal addittivi tal-ikel imdaħħla f’dawk il-listi fiż-żmien ta’ wara, inklużi entrati ġodda skont l-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008. |
(13) |
Għandha ssir reviżjoni tal-limitu tad-distribuzzjoni dimensjonali numerika ta’ 50 % bil-ħsieb li ssir valutazzjoni dwar jekk, fil-futur, dan għandux jiġi sostitwit b’limitu ta’ bejn 1 % u 50 %, minħabba l-iżviluppi teknoloġiċi li jikkonċernaw il-metodi tal-kxif u l-kwantifikazzjoni u meta dan ikun ġustifikat bi tħassib dwar is-saħħa u s-sikurezza. |
(14) |
Għalhekk, ir-Regolament (UE) Nru 1169/2011 għandu jinbidel skont dan, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Il-Punt (t) tal-Artikolu 2(2) tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011 jinbidel b’dan li ġej:
“(t) |
‘nanomaterjal maħdum’ tfisser kull materjal manifatturat intenzjonalment, li jkun fih partikoli, fi stat maħlul jew bħala aggregat jew agglomerat, u meta, għal 50 % jew iktar tal-partikoli fid-distribuzzjoni dimensjonali numerika, dimensjoni esterna waħda jew aktar tkun fil-firxa tad-daqs bejn 1 nm u 100 nm. |
B’deroga:
(a) |
l-addittivi tal-ikel koperti bid-definizzjoni stabbilita fl-ewwel paragrafu ma għandhomx jitqiesu bħala nanomaterjali maħdumin, jekk ikunu ddaħħlu fil-listi tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 bir-Regolamenti tal-Kummissjoni (UE) Nru 1129/2011 (*) u (UE) Nru 1130/2011 (**); |
(b) |
il-fulereni, il-frak grafen u n-nanotubi tal-karbonju b’wiċċ wieħed b’dimensjoni esterna waħda jew aktar anqas minn 1 nm għandhom jitqiesu bħala nanomaterjali. Għall-finijiet tad-definizzjoni stabbilita fl-ewwel paragrafu:
|
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmula fi Brussell, it-12 ta’ Diċembru 2013.
Għall-Kummissjoni
Il-President
José Manuel BARROSO
(1) ĠU L 304, 22.11.2011, p. 18.
(2) Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2011/696/UE tat-18 ta’ Ottubru 2011 fuq id-definizzjoni ta’ nanomaterjal (ĠU L 275, 20.10.2011, p. 38).
(3) EUR 24 403 EN, Ġunju 2010.
(4) http://ec.europa.eu/health/scientific_committees/emerging/docs/scenihr_o_032.pdf
(5) http://cdb.iso.org
(6) COM(2012) 572 finali, bid-data tat-3 ta’ Ottubru 2012.
(7) http://cdb.iso.org.
(8) Ir-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar l-addittivi tal-ikel (ĠU L 354, 31.12.2008, p. 16);
(9) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1129/2011 tal-11 ta’ Novembru 2011 li jemenda l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jistabbilixxi lista tal-Unjoni ta’ addittivi tal-ikel, ĠU L 295, 12.11.2011, p. 1).
(10) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1130/2011 tal-11 ta’ Novembru 2011 li jemenda l-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-addittivi tal-ikel billi jistabbilixxi lista tal-Unjoni tal-addittivi tal-ikel approvati għall-użu fl-addittivi tal-ikel, l-enżimi tal-ikel, l-aromatizzanti u n-nutrijenti tal-ikel (ĠU L 295, 12.11.2011, p. 178).
(11) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 257/2010 tal-25 ta’ Marzu 2010 li jistabbilixxi programm għar-rivalutazzjoni tal-addittivi tal-ikel approvati skont ir-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-addittivi tal-ikel (ĠU L 80, 26.3.2010, p. 19).
(12) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 231/2012 tad-9 ta’ Marzu 2012 li jistabbilixxi l-ispeċifikazzjonijiet għall-addittivi tal-ikel elenkati fl-Annessi II u III tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 83, 22.3.2012, p. 1).