Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32013D0052

2013/52/UE: Deċiżjoni tal-Kunsill tat- 22 ta’ Jannar 2013 li tawtorizza kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tat-taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji

ĠU L 22, 25.1.2013, p. 11–12 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2013/52(1)/oj

25.1.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 22/11


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tat-22 ta’ Jannar 2013

li tawtorizza kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tat-taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji

(2013/52/UE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 329(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra t-talbiet magħmula mir-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika tal-Estonja, ir-Repubblika Ellenika, ir-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika Taljana, ir-Repubblika tal-Awstrija, ir-Repubblika Portugiża, ir-Repubblika tas-Slovenja u r-Repubblika Slovakka,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew,

Billi:

(1)

B’konformità mal-Artikolu 3(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), l-Unjoni għandha tistabbilixxi suq intern.

(2)

B’konformità mal-Artikolu 113 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), il-Kunsill għandu jadotta dispożizzjonijiet għall-armonizzazzjoni ta’ leġislazzjoni li tittratta dwar taxxi fuq it-turnover, dazji tas-sisa u forom oħra ta’ tassazzjoni indiretta sa fejn tali armonizzazzjoni tkun neċessarja sabiex tiżgura l-istabbiliment u l-funzjonament tas-suq intern u tevita d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni.

(3)

Fl-2011, il-Kummissjoni nnutat id-dibattitu li kien għaddej fil-livelli kollha dwar it-tassazzjoni addizzjonali tas-settur finanzjarju. Dan id-dibattitu joriġina mix-xewqa li jiġi żgurat li s-settur finanzjarju jikkontribwixxi b’mod ġust u sostanzjali għall-ispejjeż tal-kriżi u li jiġi ntaxxat b’mod ekwu fil-konfront ta’ setturi oħrajn fil-ġejjieni, biex jiġu disinċentivati attivitajiet riskjużi wisq minn istituzzjonijiet finanzjarji, biex jiġu kkomplementati miżuri regolatorji maħsuba biex jiġu evitati kriżijiet futuri u biex jiġi ġġenerat dħul addizzjonali għall-baġits ġenerali jew għal skopijiet speċifiċi ta’ politika.

(4)

F’dan l-isfond, fit-28 ta’ Settembru 2011, il-Kummissjoni adottat proposta għal Direttiva tal-Kunsill dwar sistema komuni ta’ taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2008/7/KE (1). L-għan ewlieni ta’ dik il-proposta kien li jkun żgurat il-funzjonament korrett tas-suq intern u li tiġi evitata distorsjoni tal-kompetizzjoni.

(5)

Fil-laqgħa tal-Kunsill tat-22 ta’ Ġunju 2012, ġie aċċertat li ma kienx hemm appoġġ unanimu għal sistema komuni ta’ taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji (TTF) kif proposta mill-Kummissjoni. Il-Kunsill Ewropew ikkonkluda fid-29 ta’ Ġunju 2012 li d-Direttiva proposta ma tiġix adottata mill-Kunsill fi żmien perijodu raġonevoli. Waqt il-laqgħa tal-Kunsill tal-10 ta’ Lulju 2012, saret referenza għad-differenzi persistenti u essenzjali fl-opinjonijiet fir-rigward tal-ħtieġa tat-twaqqif ta’ sistema komuni ta’ TTF fil-livell tal-Unjoni u ġie kkonfermat li l-prinċipju ta’ taxxa armonizzata fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji mhux se jirċievi appoġġ unanimu fil-Kunsill fil-futur prevedibbli.

(6)

F’dawn iċ-ċirkostanzi, 11-il Stat Membru, jiġifieri il-Belġju, il-Ġermanja, l-Estonja, il-Greċja, Spanja, Franza, l-Italja, l-Awstrija, il-Portugall, is-Slovenja u s-Slovakkja, indirizzaw talbiet lill-Kummissjoni b’ittri li waslu bejn it-28 ta’ Settembru u t-23 ta’ Ottubru 2012 fejn indikaw li xtaqu li jistabbilixxu bejniethom kooperazzjoni msaħħa bejniethom fil-qasam tat-TTF. Dawn l-Istati Membri talbu li l-ambitu u l-għanijiet tal-kooperazzjoni msaħħa tkun ibbażata fuq il-proposta tal-Kummissjoni għal Direttiva tat-28 ta’ Settembru 2011. Saret ukoll referenza b’mod partikolari għall-bżonn li jiġu evitati azzjonijiet evażivi, distorsjonijiet u trasferimenti lejn ġurisdizzjonijiet oħra.

(7)

Il-kooperazzjoni msaħħa għandha tipprovdi l-qafas legali meħtieġ għall-istabbiliment ta’ sistema komuni ta’ TTF fl-Istati Membri parteċipanti u tiżgura li l-karatteristiċi bażiċi tat-taxxa jkunu armonizzati. Safejn ikun possibbli, l-inċentivi għall-arbitraġġ dwar tassazzjoni u d-distorsjonijiet bejn is-swieq finanzjarji minħabba l-allokazzjoni, kif ukoll il-possibbiltajiet għal tassazzjoni doppja jew għal nuqqas ta’ tassazzjoni, kif ukoll azzjonijiet evażivi, għandhom b’hekk jiġu evitati.

(8)

Il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 20 tat-TUE u fl-Artikoli 326 u 329 tat-TFUE huma sodisfatti.

(9)

Fil-laqgħa tal-Kunsill tad-29 ta’ Ġunju 2012 ġie stabbilit, u kkonfermat fl-10 ta’ Lulju 2012, li l-għan li tiġi adottata sistema komuni ta’ TTF ma jistax jintlaħaq fi żmien perijodu raġonevoli mill-Unjoni komplessivament. Konsegwentement, il-kondizzjoni stabbilita fl-Artikolu 20(2) tat-TUE li l-kooperazzjoni msaħħa tista’ tiġi adottata bħala l-aħħar għażla hija sodisfatta.

(10)

Il-qasam sostantiv li fih isseħħ il-kooperazzjoni msaħħa, jiġifieri l-istabbiliment ta’ sistema komuni ta’ TTF fi ħdan l-Unjoni, huwa qasam kopert mill-Artikolu 113 tat-TFUE u għalhekk kopert mit-Trattati.

(11)

Il-kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-istabbiliment ta’ sistema komuni ta’ TTF għandha l-għan li tiżgura l-funzjonament korrett tas-suq intern. Fuq l-iskala ta’ din il-kooperazzjoni, hija tevita l-koeżistenza ta’ reġimi nazzjonali differenti u għalhekk frammentazzjoni bla bżonn tas-suq, kif ukoll problemi sussegwenti fil-forma ta’ distorsjonijiet tal-kompetizzjoni, devjazzjonijiet ta’ kummerċ bejn prodotti, atturi u żoni ġeografiċi, u inċentivi għal operaturi biex jevitaw it-taxxi permezz ta’ operazzjonijiet b’valur ekonomiku baxx. Dawn il-kwistjonijiet huma ta’ relevanza partikolari fil-qasam konċernat, li huwa mmarkat minn bażijiet ferm mobbli ta’ tassazzjoni. Għaldaqstant, hija tiffavorixxi l-kisba tal-objettivi tal-Unjoni, tħares l-interessi tagħha u ssaħħaħ il-proċess tal-integrazzjoni tagħha b’konformità mal-Artikolu 20(1) tat-TUE.

(12)

It-twaqqif ta’ sistema armonizzata komuni ta’ TTF mhuwiex inkluż fil-lista ta’ oqsma ta’ kompetenza esklużiva tal-Unjoni stipulati fl-Artikolu 3(1) tat-TFUE. Billi din isservi l-funzjonament tas-suq intern, b’konformità mal-Artikolu 113 tat-TFUE, hija taqa’ taħt il-kompetenzi kondiviżi tal-Unjoni fis-sens tal-Artikolu 4 tat-TFUE u għaldaqstant tinsab fi ħdan il-qafas tal-kompetenza mhux esklużiva tal-Unjoni.

(13)

Il-kooperazzjoni msaħħa fil-qasam ikkonċernat tikkonforma mat-Trattati u mal-liġi tal-Unjoni, taħt l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 326 tat-TFUE. B’konformità mat-tieni paragrafu tal-Artikolu 326 tat-TFUE, hija mhijiex se timmina s-suq intern jew il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, u lanqas se tikkostitwixxi ostakolu jew diskriminazzjoni fil-kummerċ bejn l-Istati Membri jew toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni bejniethom.

(14)

Il-kooperazzjoni msaħħa fil-qasam ikkonċernat tirrispetta l-kompetenzi, drittijiet u obbligi tal-Istati Membri mhux parteċipanti, b’konformità mal-Artikolu 327 tat-TFUE. Tali sistema ma taffettwax il-possibbiltà għal Stati Membri mhux parteċipanti li jżommu jew jintroduċu TTF fuq il-bażi ta’ regoli nazzjonali mhux armonizzati. Sistema komuni ta’ TTF tattribwixxi drittijiet ta’ tassazzjoni lill-Istati Membri parteċipanti biss fuq il-bażi ta’ fatturi ta’ konnessjoni xierqa.

(15)

Suġġett għall-konformità ma’ kwalunkwe kondizzjoni ta’ parteċipazzjoni stabbilita f’din id-Deċiżjoni, il-kooperazzjoni msaħħa fil-qasam imsemmi hija miftuħa f’kull mument għall-Istati Membri kollha li jixtiequ jikkonformaw mal-atti diġà adottati fi ħdan dan il-qafas taħt l-Artikolu 328 tat-TFUE,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Ir-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika tal-Estonja, ir-Repubblika Ellenika, ir-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika Taljana, ir-Repubblika tal-Awstrija, ir-Repubblika Portugiża, ir-Repubblika tas-Slovenja u r-Repubblika Slovakka huma b’dan awtorizzati li jistabbilixxu bejniethom kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-istabbiliment ta’ sistema komuni ta’ taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji, billi japplikaw id-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattati.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, it-22 ta’ Jannar 2013.

Għall-Kunsill

Il-President

M. NOONAN


(1)  COM(2011) 594 final tat-28 ta’ Settembru 2011.


Top