Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32012D0488

2012/488/UE: Deċiżjoni tal-Kunsill tat- 22 ta’ Ġunju 2012 dwar il-pożizzjoni li għandha tieħu l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat għall-Kummerċ u l-Iżvilupp Sostenibbli stabbilit bil-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha minn naħa, u r-Repubblika tal-Korea min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-operat tal-Forum tas-Soċjetà Ċivili u t-twaqqif tal-Bord ta’ Esperti li jeżamina l-kwistjonijiet fl-oqsma li jaqgħu fl-ambitu tal-Kumitat għall-Kummerċ u l-Iżvilupp Sostenibbli

ĠU L 231, 28.8.2012, pp. 1–5 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2012/488/oj

28.8.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 231/1


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tat-22 ta’ Ġunju 2012

dwar il-pożizzjoni li għandha tieħu l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat għall-Kummerċ u l-Iżvilupp Sostenibbli stabbilit bil-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha minn naħa, u r-Repubblika tal-Korea min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-operat tal-Forum tas-Soċjetà Ċivili u t-twaqqif tal-Bord ta’ Esperti li jeżamina l-kwistjonijiet fl-oqsma li jaqgħu fl-ambitu tal-Kumitat għall-Kummerċ u l-Iżvilupp Sostenibbli

(2012/488/UE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207(4), l-ewwel subparagrafu, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Fit-23 ta’ April 2007 l-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex tinnegozja ftehim ta’ kummerċ ħieles mar-Repubblika tal-Korea f’isem l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha.

(2)

Fis-6 ta’ Ottubru 2010 ġie ffirmat il-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa waħda, u r-Repubblika tal-Korea, min-naħa l-oħra (1) (“il-Ftehim”).

(3)

B’konformità mal-Artikolu 15.10(5) tal-Ftehim, il-Ftehim ġie applikat provviżorjament mill-1 ta’ Lulju 2011 suġġett għal li jiġi konkluż aktar tard.

(4)

L-Artikolu 13.13(1) tal-Ftehim jistipula li l-partijiet għandhom jaqblu b’deċiżjoni tal-Kumitat għall-Kummerċ u l-Iżvilupp Sostenibbli (TSD) (“il-Kumitat għall-Kummerċ u l-Iżvilupp Sostenibbli”) dwar l-operat tal-Forum tas-Soċjetà Ċivili sa mhux aktar tard minn sena wara d-dħul fis-seħħ tal-Ftehim.

(5)

L-Artikolu 13.15(3) jipprevedi li titwaqqaf lista ta’ persuni li jistgħu jiġu msejħa biex iservu f’Bord ta’ Esperti biex jeżaminaw kwalunkwe kwistjoni li tista’ tinqala’ skont il-kapitolu TSD li ma tistax tiġi indirizzata b’mod sodisfaċenti permezz ta’ konsultazzjonijiet mal-gvern.

(6)

L-Unjoni għandha tiddetermina l-pożizzjoni li għandha tieħu dwar l-operat tal-Forum tas-Soċjetà Ċivili u l-lista ta’ persuni li jitsgħu jiġu msejħa biex iservu bħala esperti,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tieħu l-Unjoni fil-Kumitat għall-Kummerċ u l-Iżvilupp Sostenibbli UE-Korea stabbilit bil-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha minn naħa, u r-Repubblika tal-Korea min-naħa l-oħra, dwar:

(a)

l-operat tal-Forum tas-Soċjetà Ċivili previst fl-Artikolu 13.13(1) tal-Ftehim u

(b)

it-twaqqif ta’ lista ta’ persuni kkwalifikati biex iservu bħala membri ta’ Bord, skont l-Artikolu 13.15(3) tal-Ftehim,

għandha tissejjes fuq l-abbożż tad-deċiżjonijiet tal-Kumitat għall-Kummerċ u l-Iżvilupp Sostenibbli UE-Korea mehmuża ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ dakinhar tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fil-Lussemburgu, it-22 ta’ Ġunju 2012.

Għall-Kunsill

Il-President

M. VESTAGER


(1)   ĠU L 127, 14.5.2011, p. 6.


ABBOZZ

DEĊIŻJONI Nru …/2012 TAL-KUMITAT GĦALL-KUMMERĊ U L-IŻVILUPP SOSTENIBBLI UE-KOREA

ta’

dwar l-adozzjoni tar-regoli ta’ operat tal-Forum tas-Soċjetà Ċivili kif meħtieġ bl-Artikolu 13.13 tal-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u r-Repubblika tal-Korea, min-naħa l-oħra

IL-KUMITAT GĦALL-KUMMERĊ U L-IŻVILUPP SOSTENIBBLI,

Wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u r-Repubblika tal-Korea, min-naħa l-oħra, iffirmat fi Brussell fis-6 ta’ Ottubru 2010 (“il-Ftehim”), u b’mod partikolari l-Artikolu 13.13 tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 13.13 tal-Ftehim jistipula li l-membri tal-Grupp(i) ta’ Konsultazzjoni Domestika minn kull Parti għandhom jiltaqgħu f’Forum tas-Soċjetà Ċivili.

(2)

L-għamla tal-Forum tas-Soċjetà Ċivili għandha tkun b’mod li jkun hemm rappreżentanza bbilanċjata tal-membri tal-Grupp(i) ta’ Konsultazzjoni Domestika.

(3)

Il-Partijiet għandhom jaqblu b’deċiżjoni tal-Kumitat għall-Kummerċ u l-Iżvilupp Sostenibbli UE-Korea dwar l-operat tal-Forum tas-Soċjetà Ċivili sa mhux aktar tard minn sena wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Ir-regoli tal-operat tal-Forum tas-Soċjetà Ċivili, kif imfassla fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni huma b’dan stabbiliti.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ dakinhar tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi… nhar …

Għall-Kumitat għall-Kummerċ u l-Iżvilupp Sostenibbli UE-Korea

Kopresidenza tal-Kumitat għall-Kummerċ u l-Iżvilupp Sostenibbli UE-Korea tar-Repubblika tal-Korea

Kopresidenza tal-Kumitat għall-Kummerċ u l-Iżvilupp Sostenibbli UE-Korea tal-Unjoni Ewropea

ANNESS

REGOLI TA’ OPERAT TAL-FORUM TAS-SOĊJETÀ ĊIVILI

Artikolu 1

Il-Forum tas-Soċjetà Ċivili se jkun magħmul minn 12-il membru tal-Grupp ta’ Konsultazzjoni Domestika tal-UE u 12-il membru tal-Grupp ta’ Konsultazzjoni Domestika tal-Korea maħtura mill-Gruppi ta’ Konsultazzjoni Domestika nfushom. Il-membri jistgħu jkunu akkumpanjati minn konsulenti esperti. Ir-rappreżentanti tal-Forum tas-Soċjetà Ċivili minn kull Parti għandhom jinkludu tal-inqas tliet (3) rappreżentanti ta’ organizzazzjonijiet tan-negozju, trejdjunjins u organizzazzjonijiet tal-ambjent mhux governattivi rispettivament.

Artikolu 2

Il-Forum tas-Soċjetà Ċivili għandu jkollu ko-presidenza mill-UE u mill-Korea. Il-ko-presidenzi se jkunu maħtura mill-Grupp ta’ Konsultazzjoni Domestika tal-UE u l-Grupp(i) ta’ Konsultazzjoni Domestika tal-Korea, rispettivament, fost il-parteċipanti tagħhom fil-Forum tas-Soċjetà Ċivili.

Il-kopresidenzi se jfasslu l-aġenda tal-laqgħat tal-Forum tas-Soċjetà Ċivili, abbażi tat-talbiet mill-Gruppi ta’ Konsultazzjoni Domestika rispettivi tagħhom. Barra minn hekk, l-aġenda għandha tinkludi dawn il-punti regolari li ġejjin:

(a)

Informazzjoni mill-Partijiet fuq l-implimentazzjoni tal-Kapitolu dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp Sostenibbli;

(b)

Rapporti tal-konsultazzjonijiet magħmula skont l-Artikolu 13.14 u dwar il-ħidma tal-Bord ta’ Esperti skont l-Artikolu 13.15.

Artikolu 3

Il-Forum tas-Soċjetà Ċivili għandu jiltaqa’ tal-inqas darba f’sena, alternattivament fi Brussell u Seoul, sakemm ma jsirx ftehim mod ieħor mill-Partijiet. Tista’ tissejjaħ laqgħa straordinarja fuq talba ta’ wieħed mill-Gruppi ta’ Konsultazzjoni Domestika.


ABBOZZ

DEĊIŻJONI Nru …/2012 TAL-KUMITAT GĦALL-KUMMERĊ U L-IŻVILUPP SOSTENIBBLI UE-KOREA

ta’

dwar it-twaqqif ta’ Bord ta’ Esperti kif imsemmi fl-Artikolu 13.15 tal-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u r-Repubblika tal-Korea, min-naħa l-oħra

IL-KUMITAT GĦALL-KUMMERĊ U L-IŻVILUPP SOSTENIBBLI UE-KOREA,

Wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u r-Repubblika tal-Korea, min-naħa l-oħra, iffirmat fi Brussell fis-6 ta’ Ottubru 2010 (“il-Partijiet” u “il-Ftehim”) u b’mod partikolari l-Artikolu 13.15 tiegħu,

Billi:

(1)

Parti tista’ titlob li jitlaqqa’ Bord ta’ Esperti biex jeżamina kwistjoni li ma tkunx ġiet indirizzata b’mod sodisfaċenti permezz tal-konsultazzjonijiet governattivi.

(2)

L-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-Bord tal-Esperti għandha tiġi monitorjata mill-Kumitat għall-Kummerċ u l-Iżvilupp Sostenibbli UE-Korea.

(3)

Il-Partijiet fasslu lista ta’ 18-il isem, kif speċifikat fl-Anness 2.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-lista ta’ esperti li jistgħu jservu bħala membri tal-bord għall-finijiet tal-Artikolu 13.15 tal-Ftehim hija stabbilita fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni, u hemm qbil dwarha b’dan.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ dakinhar li tiġi adottata u għandu jsir rapport dwarha lill-Kumitat għall-Kummerċ UE-Korea.

Magħmul fi… nhar …

Għall-Kumitat għall-Kummerċ u l-Iżvilupp Sostenibbli UE-Korea

Kopresidenza tal-Kumitat għall-Kummerċ u l-Iżvilupp Sostenibbli UE-Korea tar-Repubblika tal-Korea

Kopresidenza tal-Kumitat għall-Kummerċ u l-Iżvilupp Sostenibbli UE-Korea tal-Unjoni Ewropea

ANNESS

LISTA TA’ ESPERTI

Esperti proposti mill-Korea

 

Kee-whahn CHAH

 

Young Gil CHO

 

Weon Jung KIM

 

Suh-Yong CHUNG

 

Taek-Whan HAN

 

Won-Mog CHOI

Esperti proposti mill-UE

 

Eddy LAURIJSSEN

 

Jorge CARDONA

 

Karin LUKAS

 

Hélène RUIZ FABRI

 

Laurence BOISSON DE CHAZOURNES

 

Geert VAN CALSTER

Presidenti

 

Thomas P. PINANSKY

 

Nguyen Van TAI

 

Le HA THANH

 

Jill MURRAY

 

Ricardo MELÉNDEZ-ORTIZ

 

Nathalie BERNASCONI-OSTERWALDER


Top