Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32012R0298

    Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 298/2012 tat- 2 ta’ April 2012 dwar il-klassifikazzjoni ta’ ċerti prodotti fin-Nomenklatura Magħquda

    ĠU L 99, 5.4.2012, p. 12–14 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 04/06/2013

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2012/298/oj

    5.4.2012   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 99/12


    REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 298/2012

    tat-2 ta’ April 2012

    dwar il-klassifikazzjoni ta’ ċerti prodotti fin-Nomenklatura Magħquda

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 9(1)(a) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Sabiex tiġi żgurata applikazzjoni uniformi tan-Nomenklatura Magħquda mehmuża mar-Regolament (KEE) Nru 2658/87, huwa neċessarju li jiġu adottati miżuri li jikkonċernaw il-klassifikazzjoni tal-prodotti msemmija fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

    (2)

    Ir-Regolament (KEE) Nru 2658/87 stabbilixxa r-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda. Dawn ir-regoli japplikaw ukoll għal kwalunkwe nomenklatura oħra li hija bbażata, parzjalment jew kollha kemm hi, fuqha, jew li żżid kwalunkwe subdiviżjoni magħha u li hija stabbilita minn dispożizzjonijiet tal-Unjoni speċifiċi, bil-għan li titwettaq l-applikazzjoni ta’ tariffi u miżuri oħra relatati mal-kummerċ tal-oġġetti.

    (3)

    Skont dawn ir-regoli ġenerali, il-prodotti msemmija fil-kolonna (1) tat-tabella mniżżla fl-Anness għandhom jiġu kklassifikati taħt il-kodiċi NM indikat fil-kolonna (2), minħabba r-raġunijiet stabbiliti fil-kolonna (3) ta’ din it-tabella.

    (4)

    Huwa xieraq li jkun stipulat li, soġġett għall-miżuri fis-seħħ fl-Unjoni Ewropea li għandhom x’jaqsmu mas-sistemi ta’ verifika doppja u mas-sorveljanza minn qabel u retrospettiva ta’ oġġetti tessili waqt l-importazzjoni fl-Unjoni Ewropea, id-detentur ikun jista’ għal perjodu ta’ 60 jum ikompli joqgħod fuq tagħrif tariffarju vinkolanti maħruġ mill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri, li huwa marbut mal-klassifikazzjoni tal-oġġetti fin-Nomeklatura Magħquda iżda li mhuwiex skont dan ir-Regolament, skont l-Artikolu 12(6) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta’ Ottubru 1992 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (2).

    (5)

    Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament tfasslu b’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Il-prodotti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella kif imniżżla fl-Anness għandhom ikunu kklassifikati fin-Nomenklatura Magħquda taħt il-kodiċi NM indikat fil-kolonna (2) ta’ din it-tabella.

    Artikolu 2

    Suġġett għall-miżuri fis-seħħ fl-Unjoni Ewropea relatati mas-sistemi ta’ verifika doppja u mas-sorveljanza retrospettiva ta’ prodotti tessili waqt l-importazzjoni fl-Unjoni Ewropea, wieħed jista’ għal perjodu ta’ 60 jum jibqa’ joqgħod fuq tagħrif vinkolanti fuq it-tariffi maħruġ mill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri fir-rigward tal-klassifika tal-merkanzija fin-Nomeklatura Magħquda u li ma tkunx konformi ma’ dan ir-Regolament, skont l-Artikolu 12(6) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92.

    Artikolu 3

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, it-2 ta’ April 2012.

    Għall-Kummissjoni, F’isem il-President,

    Algirdas ŠEMETA

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1.

    (2)  ĠU L 302, 19.10.1992, p. 1.


    ANNESS

    Deskrizzjoni tal-prodotti

    Klassifikazzjoni

    (Kodiċi tan-NM)

    Raġunijiet

    (1)

    (2)

    (3)

    Artiklu kompost fil-forma ta’ lbies mingħajr kmiem, maħsub biex ikopri l-parti ta’ fuq tal-ġisem, li jilħaq sa taħt il-qadd. L-artiklu magħmul minn tliet pannelli, meħjuta flimkien. Kull pannell hu magħmul minn tliet saffi, żewġ saffi ta’ barra ta’ drapp tessili maħdum ta’ fibra artifiċjali (nylon) u saff ta’ ġewwa li jservi bħala protezzjoni kontra r-radjazzjoni, magħmul minn taħlita ta’ trab tal-antimonu, trab tat-tungsten, kif ukoll jinkludi polimer. It-tliet saffi huma meħjuta flimkien madwar it-truf kollha b’żigarella applikata.

    Iż-żewġ pannelli ta’ quddiem jirkbu għal kollox fuq xulxin, tax-xellug fuq tal-lemin Iż-żewġ pannelli ta’ quddiem huma mqabbda ma’ xulxin permezz ta’ żewġ strippi vertikali twal wesgħin tat-tip “Velcro” ma’ quddiem, u żewġ strippi tal-“Velcro” oħra, iqsar, fl-ispalel. Fuq quddiem hemm tliet buttuni li jingħalqu bi klipp, fuq il-lemin, biex jgħinu li l-prodott jinżamm magħluq. L-artiklu huwa tond madwar l-għonq, fuq ix-xellug għandu but fuq is-sider, u spallejn ikkuttunati.

    (ilbies ta’ protezzjoni industrijali u tax-xogħol)

    (Ara r-ritratti nri 659 A u B) (*)

    6211 33 10

    Il-Klassifikazzjoni hija stabbilita mir-Regoli Ġenerali 1 u 6 għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda, in-Nota 7(e) tat-Taqsima XI, in-Nota 8 tal-Kapitolu 62 kif ukoll il-kliem tal-kodiċijiet NM 6211 , 6211 33  u 6211 33 10 .

    L-artiklu huwa maħsub biex jintlibes bħala lbies protettiv kontra r-radjazzjoni waqt attivitajiet professjonali li jkunu jinvolvu l-x-rays. Għandu jitqies bħala lbies ta’ protezzjoni industrijali u tax-xogħol, peress li hu maħsub biex jintlibes biss, jew prinċipalment, sabiex tiġi pprovduta protezzjoni għal ilbies ieħor u/jew il-persuni waqt attivitajiet industrijali, professjonali jew domestiċi (are wkoll in-Noti ta’ Spjegazzjoni man-Nomenklatura Magħquda għall-Kapitolu 62, Ġenerali, paragrafu 4).

    L-ilbies protettiv għal kontra r-radjazzjoni huwa inkluż fl-intestatura 6210 tat-Taqsima XI (ara wkoll in-Nota ta’ Spjegazzjoni mas-Sistema Armonizzata għall-intestatura 6210 , it-tieni paragrafu. Madankollu, peress li l-artiklu mhux magħmul minn drappijiet fl-intestaturi 5602 , 5603 , 5903 , 5906 jew 5907 , il-klassifikazzjoni taħt dik l-intestatura hija eskluża..

    Meta wieħed jikkunsidra d-dehra ġenerali tal-artiklu bħala lbies, il-forma tiegħu u l-materjal tat-tessut li minnhom huma magħmula ż-żewġ saffi ta’ quddiem, il-klassifikazzjoni skont is-saff ta’ ġewwa tal-artiklu hija eskluża. Għalhekk il-klassifikazzjoni taħt il-kodiċi tan-NM 8110 90 00 hija eskluża.

    Għaldaqstant, l-artiklu għandu jiġi kklassifikat taħt il-kodiċi tan-NM 6211 33 10 bħala lbies industrijali u tax-xogħol.

    Image Image

    (*)  Ir-ritratti huma għal għanijiet informattivi biss.


    Top