Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32012H0154

    2012/154/UE: Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tal- 15 ta’ Marzu 2012 dwar il-monitoraġġ tal-preżenza ta’ alkalojdi tal-ergotina fl-għalf u fl-ikel Test b’relevanza għaż-ŻEE

    ĠU L 77, 16.3.2012, p. 20–21 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reco/2012/154/oj

    16.3.2012   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 77/20


    RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

    tal-15 ta’ Marzu 2012

    dwar il-monitoraġġ tal-preżenza ta’ alkalojdi tal-ergotina fl-għalf u fl-ikel

    (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    (2012/154/UE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 292 tiegħu

    Billi:

    (1)

    Id-Direttiva 2002/32/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Mejju 2002 dwar sustanzi mhux mixtieqa fl-għalf tal-annimali (1) tistipula li l-użu ta’ prodotti maħsuba għall-għalf tal-annimali li fihom livelli ta’ sustanzi mhux mixtieqa li jaqbżu l-livelli massimi stabbiliti fl-Anness I tiegħu hu pprojbit.

    (2)

    Livell massimu ta’ 1 000 mg/kg ta’ skleroti tal-ergotina tas-segala (Claviceps purpurea) ġie stabbilit għall-għalf li fih ċereali mhux mitħun.

    (3)

    Il-Bord Xjentifiku dwar l-aġenti ta’ kontaminazzjoni fil-Katina Alimentari tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) adotta opinjoni fuq talba tal-Kummissjoni relatata mal-ergotina bħala sustanza mhux mixtieqa fl-għalf għall-bhejjem fid-19 ta’ April 2005 (2).

    (4)

    It-terminu ergotina jirreferi għall-istrutturi fungali mill-ispeċi Claviceps li jiżviluppaw minflok il-ġewwieni fuq l-iżbul tal-qamħ jew iż-żerriegħa fuq l-għata tal-ħaxix, u huma viżibbli bħala skleroti kbar b’kulur skur. Dawn l-iskleroti fihom klassijiet differenti ta’ alkalojdi, l-aktar prominenti huma l-ergometrina, l-ergotammina, l-ergosina, l-ergokristina, l-ergokriptina u l-ergokornina u l-ini relatati magħhom. L-ammont u x-xejra tossina jvarjaw bejn traċċi fungali, skont il-pjanta ospitatriċi, u r-reġjun ġeografiku.

    (5)

    Bħalissa, il-grad ta’ varjabilità fix-xejra tal-alkalojd tal-ergotina relatat mal-ispeċi fungali, id-distribuzzjoni ġeografika kif ukoll f’realzzjoni mal-pjanta ospitatriċi (pereżempju, ix-xejra tal-alkalojdi fl-ergotina tas-segala hija differenti mill-ergotina tal-ħaxix oħra) mhux magħruf. Hemm bżonn ta’ aktar dejta biex ikunu identifikati l-fatturi kollha responsabbli għall-varjabilità fix-xejra tal-alkalojdi tal-ergotina fl-ispeċi tal-pjanti individwali.

    (6)

    Id-determinazzjoni fiżika tar-rata ta’ kontaminazzjoni taċ-ċereali skont l-ergotina tas-segala hija ta’ spiss mhux preċiża, peress li d-daqs u l-piż tal-iskleroti jistgħu jvarjaw b’mod konsiderevoli. Barra minn hekk, din id-determinazzjoni fiżika hija impossibbli fl-għalf u l-ikel ipproċessat. Għaldaqstant, kien issuġġerit li barra li jkun hemm kontroll permezz ta’ metodi fiżiċi, ikun hemm ukoll il-possibilità ta’ kontrol permezz ta’ analiżi kimika ta’ għalf u ikel potenzjalment ikkontaminat, peress li metodi varji kromotografiċi huma disponibbli biex jinstabu l-alkalojdi tal-ergotina fl-għalf u l-ikel. Madankollu, il-metodi huma limitati għal numru magħżul ta’ alkalojdi tal-ergotina.

    (7)

    Hemm bżonn li tkun ġenerata aktar dejta dwar il-preżenza ta’ dawn l-alkalojdi tal-ergotina, mhux biss f’ċereali mhux mitħun imma wkoll fi prodotti ċereali u għalf u ikel kompost u li tinġabar dejta affidabbli dwar ix-xejra tal-alkalojdi tal-ergotina fl-għalf u l-ikel u li tinstab konnessjoni bejn il-preżenza tal-alkalojdi tal-ergotina u l-ammont tal-l-iskleroti preżenti. Huwa xieraq li dan il-monitoraġġ jiffoka fuq sitt alkalojdi tal-ergotina l-aktar preżenti, jiġifieri l-ergometrina, l-ergotammina, l-ergosina, l-ergokristina, l-ergokriptina u l-ergokornina u l-ini relatati magħhom.

    ADOTTAT DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI:

    1.

    L-Istati Membri għandhom iwettqu, bil-parteċipazzjoni attiva tal-operaturi kummerċjali tal-għalf u l-ikel, il-monitoraġġ dwar il-preżenza tal-alkalojdi tal-ergotina fiċ-ċereali u l-prodotti ċereali maħsuba għall-konsum mill-bniedem jew maħsuba għall-għalf tal-annimali, fi ħxejjex tal-mergħat/foraġġ għall-għalf tal-annimali u f’għalf u ikel kompost.

    2.

    L-Istati Membri għandhom janalizzaw il-kampjuni għall-inqas għal dawn l-alkalojdi tal-ergotina li ġejjin:

    ergokristina/ergokristinina;

    ergotammina/ergotamminina;

    ergokriptina/ergokriptinina;

    ergometrina/ergometrinina;

    ergosina/ergosinina;

    ergokornina/ergokorninina.

    3.

    L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw simultanjament, fejn hu possibbli, il-kontenut tal-iskleroti fil-kampjun sabiex ikun possibbli li jittejjeb l-għarfien dwar ir-relazzjoni bejn il-kontenut tal-iskleroti u l-livell tal-alkalojdi tal-ergotina individwali.

    4.

    Ir-riżultati analitiċi għandhom jingħataw lill-EFSA, fuq bażi regolari, għall-kumpilazzjoni f’dejtabejż.

    Magħmul fi Brussell, il-15 ta’ Marzu 2012.

    Għall-Kummissjoni

    John DALLI

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 140, 30.5.2002, p. 10.

    (2)  L-Opinjoni Xjentifika tal-Bord dwar l-Aġenti ta’ Kontaminazzjoni fil-Katina Alimentari fuq talba tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-ergotina bħala sustanza mhux mixtieqa fl-għalf, EFSA Journal (2005) 225, 1-27. http://www.efsa.europa.eu/en/scdocs/doc/contam_op_ej225_ergot_en1.pdf


    Top