EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32012D0024

2012/24/UE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal- 11 ta’ Jannar 2012 li ttemm il-proċediment antidumping li jikkonċerna l-importazzjonijiet ta’ aċetat tal-vinil li joriġinaw mill-Istati Uniti tal-Amerika u li jirrilaxxa l-ammonti assigurati permezz tad-dazji provviżorji imposti

ĠU L 8, 12.1.2012, p. 36–37 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2012/24(1)/oj

12.1.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 8/36


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-11 ta’ Jannar 2012

li ttemm il-proċediment antidumping li jikkonċerna l-importazzjonijiet ta’ aċetat tal-vinil li joriġinaw mill-Istati Uniti tal-Amerika u li jirrilaxxa l-ammonti assigurati permezz tad-dazji provviżorji imposti

(2012/24/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”), u b’mod partikolari l-Artikolu 9 tiegħu,

Wara li kkonsultat mal-Kumitat Konsultattiv,

Billi:

A.   IL-PROĊEDIMENT

1.   Il-bidu tal-proċediment u l-impożizzjoni ta’ miżuri provviżorji

(1)

Fit-22 ta’ Ottubru 2010, il-Kummissjoni rċeviet ilment skont l-Artikolu 5 tar-Regolament Bażiku dwar dumping dannuż allegat ta’ importazzjonijiet ta’ aċetat tal-vinil (minn hawn ’il quddiem “il-prodott ikkonċernat”) li joriġinaw mill-Istati Uniti tal-Amerika (“USA”).

(2)

L-ilment sar minn Ineos Oxide Ltd (“l-ilmentatur”) li jirrappreżenta proporzjon kbir, f’dan il-każ iżjed minn 25 % tal-produzzjoni totali tal-industrija tal-Unjoni tal-prodott ikkonċernat.

(3)

Fl-4 ta’ Diċembru 2010, il-Kummissjoni ħabbret, permezz ta’ notifika ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea  (2), it-tnedija ta’ proċediment tal-antidumping fir-rigward ta’ importazzjonijiet fl-Unjoni ta’ aċetat tal-vinil li joriġinaw mill-Istati Uniti tal-Amerika.

(4)

Il-Kummissjoni, permezz tar-Regolament (KE) Nru 821/2011 (3) (ir-“Regolament provviżorju”) imponiet dazju provviżorju antidumping fuq l-importazzjonijiet tal-aċetat tal-vinil attwalment taħt il-kodiċi tan-NM 2915 32 00, u li joriġina mill-Istati Uniti tal-Amerika.

B.   L-IRTIRAR TAL-ILMENT U T-TMIEM TAL-PROĊEDIMENT

(5)

Permezz ta’ ittra tal-4 ta’ Novembru 2011 lill-Kummissjoni, l-ilmentatur irtira formalment l-ilment tiegħu.

(6)

Skont l-Artikolu 9(1) tar-Regolament bażiku, il-proċediment jista’ jintemm meta jiġi rtirat l-ilment, sakemm tali tmiem ma jkunx fl-interess tal-Unjoni.

(7)

Il-Kummissjoni qieset li l-proċediment attwali għandu jintemm peress li l-investigazzjoni ma sabet ebda konsiderazzjonijiet li juru li dan it-tmiem ma jkunx fl-interess tal-Unjoni. Il-partijiet interessati ġew mgħarrfa b’dan u ngħataw l-opportunità li jikkummentaw. Ma tressqu ebda kummenti li jindikaw li dan it-tmiem ma jkunx fl-interess tal-Unjoni.

(8)

Wara l-iżvelar, kien hemm parti waħda li sostniet li ma kellhiex tiġi eskluża mid-definizzjoni tal-industrija tal-Unjoni, jew li alternattivament, ir-Regolament provviżorju għandu jiġi emendat biex jinkludi lil din il-parti fid-definizzjoni. F’dan ir-rigward ta’ min jinnota li s-sejbiet tar-Regolament provviżorju, abbażi tal-informazzjoni li nkisbet waqt l-investigazzjoni, kienu biss provviżorji, kif jingħad fil-premessa (31) tar-Regolament provviżorju stess. Billi l-proċedimenti antidumping intemmu mingħajr l-impożizzjoni ta’ miżuri definittivi, wara li ġie rtirat l-ilment, mhuwiex xieraq, f’deċiżjoni ta’ terminazzjoni, la li jingħataw deċiżjonijiet definittivi u lanqas li jiġi emendat Regolament provviżorju.

(9)

Ta’ min ifakkar li s-sejbiet disponibbli kienu ta’ natura provviżorja. Għaldaqstant kull każ fil-ġejjieni marbut mal-prodott jew mal-partijiet interessati f’dan il-proċediment se jkun ivvalutat fuq il-merti tiegħu stess.

(10)

Għalhekk il-Kummissjoni tikkonkludi li l-proċediment kontra antidumping li jikkonċerna l-importazzjonijiet fl-Unjoni tal-prodott ikkonċernat li joriġina mill-Istati Uniti tal-Amerika, għandu jintemm mingħajr l-impożizzjoni ta’ miżuri antidumping.

(11)

Kull dazju li nġabar provviżorjament abbażi tar-Regolament (UE) Nru 821/2011 għandu jiġi rilaxxat.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-proċediment kontra d-dumping li jikkonċerna l-importazzjonijiet tal-aċetat tal-vinil, attwalment taħt il-kodiċi tan-NM 2915 32 00 u li joriġinaw mill-Istati Uniti tal-Amerika, huwa b’dan mitmum mingħajr l-impożizzjoni ta’ miżuri antidumping.

Artikolu 2

Ir-Regolament (UE) Nru 821/2011 huwa b’dan imħassar.

Artikolu 3

L-ammonti miġbura permezz ta’ dazji provviżorji antidumping skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 821/2011 fuq l-importazzjonijiet ta’ aċetat tal-vinil attwalment taħt il-kodiċi NM 2915 32 00 u li joriġinaw mill-Istati Uniti tal-Amerika se jiġu rilaxxati.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, il-11 ta’ Jannar 2012.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51.

(2)  ĠU C 327, 4.12.2010, p. 23.

(3)  ĠU L 209, 17.8.2011, p. 24.


Top