Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32011R1238

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1238/2011 tat- 30 ta’ Novembru 2011 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 372/2011 li jiffissa l-limitu kwantitattiv għall-esportazzjonijiet taz-zokkor u l-isoglukożju barra mill-kwota sa tmiem is-sena tas-suq 2011/2012

ĠU L 318, 1.12.2011, p. 2–3 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2011/1238/oj

1.12.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 318/2


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 1238/2011

tat-30 ta’ Novembru 2011

li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 372/2011 li jiffissa l-limitu kwantitattiv għall-esportazzjonijiet taz-zokkor u l-isoglukożju barra mill-kwota sa tmiem is-sena tas-suq 2011/2012

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta’ Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS [ir-Regolament dwar l-OKS Waħdieni]) (1), u partikolarment l-Artikolu 61, l-ewwel paragrafu, il-punt (d) flimkien mal-Artikolu 4 tiegħu,

Billi:

(1)

Skont il punt (d) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007, iz-zokkor u l-isoglokożju prodotti matul sena tas-suq li jaqbeż il-kwota msemmija fl-Artikolu 56 ta’ dak ir-Regolament jista’ jiġi esportat biss skont il-limitu kwantitattiv li għandu jiġi stabbilit.

(2)

Ir-regoli dettaljati ta’ implimentazzjoni għall-esportazzjonijiet li jaqbżu l-kwota, b’mod partikolari dwar il-ħruġ tal-liċenzji tal-esportazzjoni, huma stabbiliti bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 951/2006 tat-30 ta’ Ġunju 2006 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 318/2006 dwar il-kummerċ ma’ pajjiżi terzi fis-settur taz-zokkor (2). Madankollu, għal kull sena tas-suq, il-limitu kwantitattiv għandu jkun stabbilit abbażi tal-opportunitajiet possibbli fis-swieq tal-esportazzjoni.

(3)

Għas-sena tas-suq 2011/2012, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 372/2011 (3) iffissal-limitu kwantitattiv għall-esportazzjoni ta’ 650 000 tunnellata fil-każ ta’ zokkor barra mill-kwota, u 50 000 tunnellata fil-każ tal-isoglokożju barra mill-kwota. Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 372/2011 għandu japplika biss mill-1 ta’ Jannar 2012 u b’hekk l-applikazzjonijiet għal liċenzji ta’ esportazzjoni ma jistgħux jitressqu qabel dik id-data fir-rigward tal-limiti kwantitattivi stipulati b’dak ir-Regolament.

(4)

Skont l-istimi l-aktar riċenti, il-produzzjoni taz-zokkor barra mill-kwota tista’ tiżdied b’mod konsiderevoli fis-sena tas-suq 2011-2012 minħabba l-kundiżżjonijiet eċċellenti tat-temp u l-erja dejjem tikber taż-żriegħ. Il-produzzjoni barra mill-kwota taz-zokkor hija mistennija li fl-2010/2011 tiżdied minn 2 333 000 tunnellata għal 4 920 000 tunnellata fl-2011/2012 u għaldaqstant għandhom jiġu żgurati l-postijiet addizjonali tas-suq.

(5)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 397/2010 tas-7 ta’ Mejju 2010 li jiffissal-limitu kwantitattiv għall-esportazzjonijiet taz-zokkor u l-isoglukożju barra mill-kwota sa tmiem is-sena tas-suq 2010/2011 (4) stabbilixxa l-limitu kwantitattiv għall-esportazzjonijiet tal-isoglukożju barra mill-kwota għal 50 000 tunnellata. Kien minħabba d-domanda qawwija għall-esportazzjoni li l-kwantità żdiedet għal 65 000 tunnellata bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 852/2011 tal-24 ta’ Awwissu 2011 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 397/2010 fir-rigward tal-limitu kwantitattiv għall-esportazzjonijiet taz-zokkor u l-isoglukożju barra mill-kwota sa tmiem is-sena tas-suq 2010/2011 (5).

(6)

Meta jiġi kkunsidrat li l-limitu tad-WTO għall-esportazzjoni għas-sena tas-suq 2011/2012 ma ntużax għal kollox, ikun xieraq li jiżdied il-limitu kwantitattiv għall-esportazzjoni b’700 000 tunnellata, biex tiġi sfruttata kull possibbiltà għall-prodott disponibbli. Din il-miżura ser tipprovdi negozju addizjonali għas-settur taz-zokkor fl-Unjoni. Bl-istess mod, abbażi tal-esperjenza tas-sena tas-suq 2010/2011, il-limitu kwantitattiv għall-esportazzjoni tal-isoglukożju barra mill-kwota għandu jiżdied b’20 000 tunnellata. Sabiex il-manifatturi taz-zokkor u l-isoglukożju barra mill-kwota tal-Unjoni jkunu jistgħu jisfruttaw l-opportunitajiet tas-suq fis-swieq tal-esportazzjoni tagħhom u jibbenefikaw mill-prezzjijiet internazzjonali għoljin preżenti, huwa xieraq li l-kwantitajiet miżjuda jkunu disponibbli qabel l-1 ta’ Jannar 2012. Biex tkun żgurata ġestjoni tajba tas-suq, l-applikazzjonijiet għal liċenzji għal 700 000 tunnellata għandhom ikunu permessi sa mill-1 ta’ Diċembru 2011, filwaqt li l-applikazzjonijiet għal liċenzji għal 650 000 tunnellata għandhom ikunu permessi sa mill-1 ta’ Jannar 2012. Għaldaqstant, il-kwantità ta’ 700 000 tunnellata hija meħtieġa biex tipprovdi deroga mir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 1010/2011 (6)

(7)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni(UE) Nru 372/2011 għandu jiġi emendat skont dan.

(8)

Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat ta’ Ġestjoni għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 372/2011 huwa emendat kif ġej:

(1)

L-Artikolu 1 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

‘1.   Għas-sena tas-suq 2011/2012, li tibda mill-1 ta’ Ottubru 2011 sat-30 ta’ Settembru 2012, il-limitu kwantitattiv imsemmi fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 61(d) tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 għandu jkun 1 350 000 tunnellata għall-esportazzjonijiet mingħajr rifużjoni ta’ zokkor abjad barra mill-kwota kopert bil-kodiċi tan-NM 1701 99. Din il-kwantità għandha titqassam kif ġej:

(a)

700 000 tunnellata għandhom ikunu disponibbli sa mill-1 ta’ Diċembru 2011 u

(b)

650 000 tunnellata għandhom ikunu disponibbli sa mill-1 ta’ Jannar 2011.’

(b)

għandu jiżdied il-paragrafu li ġej:

“3.   L-Artikolu 1, il-paragraph 3 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 1010/2011 (*) ma għandux japplika għall-kwantità ta’ 700 000 tunnellata li ser tkun disponibbli sa mill-1 ta’ Diċembru 2011 skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

(*)  ĠU L 268, 13.10.2011, p. 14.”"

(2)

L-Artikolu 2(1) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Għas-sena tas-suq 2011/12, li ddum mill-1 ta’ Ottubru 2011 sat-30 ta’ Settembru 2012, il-limitu kwantitattiv imsemmi fl-Artikolu 61, l-ewwel subparagrafu, il-punt (d) tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 għandu jkun 70 000 tunnellata ta’ materja niexfa, għall-esportazzjonijiet mingħajr rifużjoni ta’ isoglukożju barra mill-kwota kopert bil-kodiċijiet tan-NM 1702 40 10, 1702 60 10 u 1702 90 30.”

(3)

Fl-Artikolu 3, għandu jitħassar it-tieni paragrafu.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta’ Diċembru 2011.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-30 ta’ Novembru 2011.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1.

(2)  ĠU L 178, 1.7.2006, p. 24.

(3)  ĠU L 102, 16.4.2011, p. 8.

(4)  ĠU L 115, 8.5.2010, p. 26.

(5)  ĠU L 219, 25.8.2011, p. 1.

(6)  ĠU L 268, 13.10.2011, p. 14.


Top