Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32011R1240

    Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1240/2011 tat- 30 ta’ Novembru 2011 li jistabbilixxi miżuri eċċezzjonali fir-rigward tar-rilaxx ta’ zokkor u iżoglukożju ’l fuq mill-kwota fis-suq tal-Unjoni b’imposta mnaqqsa fuq l-ammont żejjed matul is-sena tas-suq 2011/2012

    ĠU L 318, 1.12.2011, p. 9–13 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2012

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2011/1240/oj

    1.12.2011   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 318/9


    REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 1240/2011

    tat-30 ta’ Novembru 2011

    li jistabbilixxi miżuri eċċezzjonali fir-rigward tar-rilaxx ta’ zokkor u iżoglukożju ’l fuq mill-kwota fis-suq tal-Unjoni b’imposta mnaqqsa fuq l-ammont żejjed matul is-sena tas-suq 2011/2012

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta’ Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (1), u b’mod partikolari l-Artikoli 64(2) u 187, flimkien mal-Artikolu 4 tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Il-prezzijiet tas-suq dinji għaz-zokkor ilhom f’livell qrib jew saħansitra ogħla mill-prezz tas-suq intern tal-Unjoni għal bosta xhur. It-tbassir tal-prezzijiet tas-suq dinji għal Marzu, Mejju u Lulju 2012, imsejjes fuq is-swieq tal-iskambji futuri taz-zokkor ta’ New York u Londra, ikompli jindika li l-prezz tas-suq dinji se jibqa’ kostantament għoli. Matul is-sena tas-suq 2011/2012, l-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi li jibbenefikaw minn ċerti ftehimiet preferenzjali huma għaldaqstant mistennija li jiżdiedu b’mod moderat biss.

    (2)

    Il-previżjoni għall-bilanċ taz-zokkor fl-Unjoni għas-sena tas-suq 2011/2012 tindika defiċit ta’ madwar 700 000 tunellata bejn l-utilizzazzjoni ta’ zokkor tal-kwota u dak li kellu jkun disponibbli. Ir-riżultat huwa livell baxx ta’ stokkijiet aħħarin li jhedded li jfixkel id-disponibbiltà tal-provvista tas-suq taz-zokkor tal-Unjoni u jgħolli l-prezz taz-zokkor fis-suq intern tal-Unjoni.

    (3)

    Min-naħa l-oħra, il-ħsad tajjeb f’xi partijiet tal-Unjoni wassal għall-produzzjoni ta’ zokkor li taqbeż il-kwota stipulata fl-Artikolu 56 tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 ta’ kważi 5 miljun tunnellata. Meta jitqiesu l-istimi fuq l-impenji kuntrattwali tal-produtturi taz-zokkor fir-rigward ta’ ċerti użi industrijali kif ipprovduti fl-Artikolu 62 tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 u l-impenji għall-esportazzjoni tal-2011/2012 għal zokkor ‘il fuq mill-kwota, xorta se jibqgħu disponibbli kwantitajiet sostanzjali ta’ zokkor ‘il fuq mill-kwota ta’ madwar 1 000 000 tunnellata. Parti minn dan iz-zokkor għandu jsir disponibbli għas-suq taz-zokkor tal-Unjoni sabiex jissodisfa d-domanda parzjalment u biex jevita żidiet eċċessivi fil-prezz.

    (4)

    L-Artikolu 187 tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 jawtorizza lill-Kummissjoni biex tieħu l-miżuri meħtieġa għas-settur jekk il-kwotazzjonijiet jew il-prezzijiet fis-suq dinji jilħqu livell li jfixkel jew jhedded li jfixkel id-disponibbiltà tal-provvista fis-suq tal-Unjoni. F’dan il-kuntest, miżuri possibbli mhumiex limitati għall-miżura msemmija espliċitament ta’ sospensjoni sħiħa jew parzjali tad-dazji tal-importazzjoni.

    (5)

    Fis-sena tas-suq 2010/2011, il-prezz tas-suq dinji għaz-zokkor kien qrib jew saħansitra ogħla mill-medja rreġistrata tal-prezz tas-suq tal-Unjoni għal ċerti perjodi ta’ żmien. F’dan l-isfond u b’kunsiderazzjoni tal-ispejjeż tat-trasport u d-dewmien relatat mal-importazzjonijiet, l-istrument ta’ tnaqqis ta’ dazji tal-importazzjonijiet waħdu jista’ ma jkunx biżżejjed biex jindirizza n-nuqqas ta’ zokkor tal-kwota u l-pressjoni biex il-prezzijiet fis-suq tal-UE jogħlew.

    (6)

    L-Artikolu 64(2) tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 jawtorizza lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi l-imposta fuq l-ammont żejjed ta’ zokkor u iżoglukożju prodotti ‘l fuq mill-kwota f’livell għoli biżżejjed sabiex jiġi evitat l-akkumulu ta’ kwantitajiet żejda. L-Artikolu 3(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 967/2006 tad-29 ta’ Ġunju 2006 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 318/2006 rigward produzzjoni taz-zokkor li taqbeż il-kwota (2) stabbilixxa dik l-imposta għal EUR 500 kull tunnellata.

    (7)

    Il-provvista kontinwament baxxa taz-zokkor fis-suq intern fis-sena tas-suq 2011/2012 tista’ tippermetti l-bejgħ ta’ 400 000 tunnellata ta’ zokkor ‘il fuq mill-kwota fis-suq intern. Minħabba li l-iskarsezza taz-zokkor hija inqas gravi minn dik tas-sena tas-suq 2010/2011 u l-miżura qed tittieħed fi stadju aktar bikri meta kkumparata mas-sena tas-suq 2010/2011 xorta waħda b’xi inċertezzi fir-rigward tal-kwantitajiet eżatti disponibbli fis-suq tal-UE, ikun xieraq li tiġi stabbilita imposta mnaqqsa, sabiex jiġu evitati kwalunkwe riskji ta’ akkumulazzjoni tal-kwantitajiet. Għal dik il-kwantità limitata ta’ produzzjoni ta’ zokkor ‘il fuq mill-kwota għandha tiġi stabbilita imposta mnaqqsa fuq l-ammont żejjed, fuq livell għal kull tunnellata li jirrappreżenta d-differenza bejn l-aktar prezz medju reċenti tal-Unjoni li huwa pubblikament disponibbli u l-prezz tas-suq dinji.

    (8)

    Billi r-Regolament (KE) Nru 1234/2007 jiffissa kwoti kemm għaz-zokkor kif ukoll għall-iżoglukożju, għandha tapplika miżura simili għal kwantità xierqa ta’ iżoglukożju prodott ‘il fuq mill-kwota, billi dan il-prodott tal-aħħar, sa ċertu punt, huwa sostitut kummerċjali għaz-zokkor.

    (9)

    Għal dik ir-raġuni u bil-għan li tiżdied il-provvista, il-produtturi taz-zokkor u tal-iżoglukożju għandhom japplikaw għal ċertifikati, mingħand l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, li jippermettulhom li jbiegħu ċerti kwantitajiet prodotti ‘l fuq mil-limitu tal-kwota fis-suq tal-Unjoni b’imposta mnaqqsa fuq l-ammont żejjed.

    (10)

    Il-validità taċ-ċertifikati għandha tkun limitata fil-ħin sabiex tinkoraġġixxi titjib malajr tas-sitwazzjoni tal-provvista.

    (11)

    L-iffissar tal-limiti massimi tal-kwantitajiet li għalihom jista’ japplika kull produttur f’perjodu wieħed ta’ applikazzjoni u r-restrizzjoni taċ-ċertifikati għal prodotti tal-produzzjoni tal-applikant stess għandhom jimpedixxu azzjonijiet spekulattivi fis-sistema maħluqa minn dan ir-Regolament.

    (12)

    Meta jippreżentaw l-applikazzjoni tagħhom, il-produtturi taz-zokkor għandhom jimpenjaw ruħhom li jħallsu l-prezz minimu għall-pitravi taz-zokkor użat fil-produzzjoni tal-kwantità taz-zokkor li jkunu applikaw għaliha. Għandhom jiġu speċifikati r-rekwiżiti minimi tal-eliġibbiltà għall-applikazzjonijiet.

    (13)

    L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni bl-applikazzjonijiet li jkunu rċevew. Sabiex dawk in-notifiki jiġu ssimplifikati u standardizzati, xi mudelli għandhom isiru disponibbli.

    (14)

    Il-Kummissjoni għandha tiżgura li ċ-ċertifikati jingħataw biss fil-limiti kwantitattivi stipulati f’dan ir-Regolament. Il-Kummissjoni, għalhekk, jekk ikun meħtieġ, għandha tkun tista’ tistabbilixxi koeffiċjent tal-allokazzjoni applikabbli għall-applikazzjonijiet irċevuti.

    (15)

    L-Istati Membri għandhom jinfurmaw minnufih lill-applikanti jekk il-kwantità li applikaw għaliha kinitx approvata parzjalment jew kompletament.

    (16)

    L-imposta mnaqqsa fuq l-ammont żejjed għandha tiġi mħallsa wara li tiddaħħal l-applikazzjoni u qabel ma jinħareġ iċ-ċertifikat.

    (17)

    L-awtoritajiet kompetenti għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni bil-kwantitajiet li għalihom inħarġu ċertifikati bi tnaqqis tal-imposti fuq l-ammont żejjed. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni għandha tqiegħed mudelli għad-dispożizzjoni.

    (18)

    Kwantitajiet ta’ zokkor rilaxxati fis-suq tal-Unjoni ta’ kwantitajiet żejda taċ-ċertifikati maħruġa skont dan ir-Regolament għandhom ikunu soġġetti għall-imposta fuq l-ammont żejjed stipulata fl-Artikolu 64(2) tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007. Huwa għalhekk xieraq li jkun ipprovdut li kwalunkwe applikant li ma jwettaqx l-impenji tiegħu li joħroġ fis-suq tal-Unjoni l-kwantità koperta minn ċertifikat imwassal lilu, għandu jħallas ukoll ammont ta’ EUR 500 kull tunnellata. Dan l-approċċ konsistenti huwa mmirat biex jevita l-abbuż tal-mekkaniżmu introdott b’dan ir-Regolament.

    (19)

    Għall-fini tal-istabbiliment ta’ prezzijiet medji għaz-zokkor tal-kwota u ‘l fuq mill-kwota fis-suq tal-Unjoni skont l-Artikolu 13(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 952/2006 tad-29 ta’ Ġunju 2006 li jistabbilixxi regoli ddettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 318/2006 fir-rigward tal-ġestjoni tas-suq Komunitarju fiz-zokkor u s-sistema tal-kwoti (3), zokkor kopert b’ċertifikat maħruġ skont dan ir-Regolament għandu jitqies bħala zokkor tal-kwota.

    (20)

    Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat ta’ Ġestjoni għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Tnaqqis temporanju tal-imposta fuq l-ammont żejjed

    B’deroga mill-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 967/2006, l-ammont tal-imposta fuq l-ammont żejjed għal kwantità massima ta’ 400 000 tunnellata ta’ zokkor espressa f’zokkor abjad ekwivalenti, u ta’ 21 000 tunnellata iżoglukożju f’materja xotta, prodotti ’l fuq mill-kwota stipulata fl-Anness VI għar-Regolament (KE) Nru 1234/2007, u rilaxxati fis-suq tal-Unjoni matul is-sena tas-suq 2011/2012, għandu jiġi stipulat għal EUR 85 kull tunnellata. L-imposta mnaqqsa fuq l-ammont żejjed għandha tiġi mħallsa wara li tiġi ammessal-applikazzjoni msemmija fl-Artikolu 2, u qabel ma jinħareġ iċ-ċertifikat imsemmi fl-Artikolu 6.

    Artikolu 2

    Applikazzjoni għal ċertifikati

    1.   Sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-kundizzjonijiet speċifikati fl-Artikolu 1, il-produtturi taz-zokkor u l-iżoglukożju għandhom japplikaw għal ċertifikat.

    2.   L-applikanti jistgħu jkunu biss impriżi li jipproduċu l-pitravi taz-zokkor u z-zokkor tal-kannamieli jew l-iżoglukożju, li huma approvati skont l-Artikolu 57 tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007, u li ngħatatilhom allokazzjoni ta’ kwota tal-produzzjoni għas-sena tas-suq 2011/2012, skont l-Artikolu 56 ta’ dak ir-Regolament.

    3.   Kull applikant jista’ jissottometti sa mhux aktar minn applikazzjoni waħda għaz-zokkor u waħda għall-iżoglukożju għal kull perjodu ta’ applikazzjoni.

    4.   L-applikazzjonijiet għaċ-ċertifikati għandhom jintbagħtu permezz ta’ feks jew posta elettronika lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li fih kienet approvata l-impriża. L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jistgħu jirrikjedu li l-applikazzjonijiet elettroniċi jkunu akkumpanjati b’firma elettronika avvanzata fi ħdan it-tifsira tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1999/93/KE (4).

    5.   Biex ikunu validi, l-applikazzjonijiet għandhom jissodisfaw il-kundizzjonijiet li ġejjin:

    (a)

    l-applikazzjonijiet għandhom jindikaw:

    (i)

    l-isem, l-indirizz u n-numru tal-VAT tal-applikant; kif ukoll

    (ii)

    il-kwantitajiet li għalihom qed issir l-applikazzjoni, espressi f’tunnellati ta’ zokkor abjad ekwivalenti u f’tunnellati ta’ iżoglukożju f’materja xotta, imqarrbin mingħajr punti deċimali;

    (b)

    il-kwantitajiet li għalihom qed issir l-applikazzjoni f’dan il-perjodu ta’ applikazzjoni, espressi f’tunnellati ta’ zokkor abjad ekwivalenti u tunnellati ta’ iżoglukożju f’materja xotta, ma għandhomx jaqbżu l-50 000 tunnellata fil-każ taz-zokkor u l-2 500 tunnellata fil-każ tal-iżoglukożju;

    (c)

    jekk l-applikazzjoni tirrigwarda z-zokkor, l-applikant għandu jimpenja ruħu li jħallas il-prezz minimu tal-pitravi, stipulat fl-Artikolu 49 tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007, għall-kwantità ta’ zokkor koperta minn ċertifikati maħruġa skont l-Artikolu 6 ta’ dan ir-Regolament;

    (d)

    l-applikazzjoni għandha ssir bil-lingwa uffiċjali jew b’waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Istat Membru fejn l-applikazzjoni tkun ippreżentata;

    (e)

    l-applikazzjoni għandha tindika referenza għal dan ir-Regolament u d-data ta’ skadenza għas-sottomissjoni tal-applikazzjonijiet għall-perjodu ta’ applikazzjoni inkwistjoni;

    (f)

    l-applikant ma għandu jintroduċi l-ebda kundizzjonijiet addizzjonali ma’ dawk stabbiliti f’dan ir-Regolament;

    6.   Applikazzjoni li ma tiġix ippreżentata skont il-paragrafi 1 sa 5 ma għandhiex tkun ammissibbli.

    7.   Applikazzjoni ma tistax tiġi rtirata jew emendata wara li tintbagħat, anke jekk il-kwantità li ssir l-applikazzjoni għaliha tingħata biss parzjalment.

    Artikolu 3

    Preżentazzjoni ta’ applikazzjonijiet

    1.   L-ewwel perjodu li matulu l-applikazzjonijiet jistgħu jiġu ppreżentati għandu jintemm fis-7 ta’ Diċembru 2011 f’nofsinhar (12:00), ħin ta’ Brussell.

    2.   Il-perjodi li fihom jistgħu jiġu ppreżentati l-applikazzjonijiet għat-tieni perjodu ta’ applikazzjoni u għal dawk sussegwenti għandhom jibdew fl-ewwel jum tax-xogħol wara li jintemm il-perjodu ta’ qabel. Dawn għandhom jintemmu f’nofsinhar (12:00), ħin ta’ Brussell, fl-14 ta’ Diċembru 2011, fil-11 ta’ Jannar 2012, fil-25 ta’ Jannar 2012, fl-1 ta’ Frar 2012, fil-15 ta’ Frar 2012, fis-6 ta’ Ġunju 2012, fis-27 ta’ Ġunju 2012 u fil-11 ta’ Lulju 2012.

    3.   Il-Kummissjoni tista’ tissospendi l-preżentazzjoni tal-applikazzjonijiet għal perjodu ta’ applikazzjoni wieħed jew aktar.

    Artikolu 4

    Trażmissjoni ta’ applikazzjonijiet mill-Istati Membri

    1.   L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom jiddeċiedu dwar il-validità tal-applikazzjonijiet fuq il-bażi tal-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 2. Meta l-awtoritajiet kompetenti jiddeċiedu li applikazzjoni mhix valida, għandhom jinfurmaw lill-applikant mingħajr dewmien.

    2.   L-awtorità kompetenti għandha tinnotifika lill-Kummissjoni sa mhux iktar tard minn nhar il-Ġimgħa dwar l-applikazzjonijiet validi ppreżentati matul il-perjodu ta’ applikazzjoni ta’ qabel, permezz ta’ feks jew posta elettronika. Dik in-notifika ma għandhiex ikun fiha d-dejta msemmija fl-Artikolu 2(5)(a)(i). L-Istati Membri li ma kellhom ebda applikazzjoni iżda li għandhom kwoti taz-zokkor jew tal-iżoglukożju allokati lilhom għas-sena tas-suq 2011/2012, għandhom jibagħtu wkoll in-notifiki tagħhom ta’ ebda applikazzjoni lill-Kummissjoni fl-istess limitu ta’ żmien.

    3.   Il-forma u l-kontenut tan-notifiki għandhom ikunu ddefiniti fuq il-bażi tal-mudelli li l-Kummissjoni għamlet disponibbli lill-Istati Membri.

    Artikolu 5

    Limiti maqbuża

    Meta l-informazzjoni nnotifikata mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri skont l-Artikolu 4(2) tindika li l-kwantitajiet li saret applikazzjoni għalihom jaqbżu l-limiti stipulati fl-Artikolu 1, il-Kummissjoni għandha:

    (a)

    tistabbilixxi koeffiċjenti ta’ allokazzjoni, li l-Istati Membri għandhom japplikaw għall-kwantitajiet koperti minn kull applikazzjoni għal ċertifikat innotifikata;

    (b)

    tirrifjuta applikazzjonijiet li ma ġewx innotifikati qabel;

    (c)

    tagħlaq il-perjodu għall-preżentazzjoni tal-applikazzjonijiet.

    Artikolu 6

    Ħruġ ta’ ċertifikati

    1.   Bla preġudizzjoni għall-Artikolu 5, fl-għaxar jum ta’ xogħol ta’ wara ġimgħa li fiha jkun intemm perjodu ta’ applikazzjoni, l-awtorità kompetenti għandha toħroġ ċertifikati għall-applikazzjonijiet innotifikati lill-Kummissjoni, skont l-Artikolu 4(2), matul dak il-perjodu ta’ applikazzjoni.

    2.   Kull nhar ta’ Tnejn, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bil-kwantitajiet ta’ zokkor u/jew iżoglukożju li għalihom ikunu nħarġu ċertifikati matul il-ġimgħa ta’ qabel.

    3.   Mudell taċ-ċertifkat jinsab fl-Anness.

    Artikolu 7

    Validità taċ-ċertifikati

    Iċ-ċertifikati għandhom ikunu validi sa tmiem it-tieni xahar ta’ wara x-xahar tal-ħruġ.

    Artikolu 8

    Trasferibbiltà taċ-ċertifikati

    Kemm id-drittijiet kif ukoll l-obbligi li jirriżultaw miċ-ċertifikati ma jistgħux jiġu trasferiti.

    Artikolu 9

    Rappurtaġġ tal-prezzijiet

    Għall-fini tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament (KE) Nru 952/2006, il-kwantità ta’ zokkor mibjugħ koperta b’ċertifikat maħruġ skont dan ir-Regolament għandha tiġi kkunsidrata bħala zokkor tal-kwota.

    Artikolu 10

    Monitoraġġ

    1.   L-applikanti għandhom iżidu l-kwantitajiet li għalihom ingħataw ċertifikati skont l-Artikolu 6 ta’ dan ir-Regolament man-notifiki tagħhom ta’ kull xahar previsti fl-Artikolu 21(1) tar-Regolament (KE) Nru 952/2006.

    2.   Qabel il-31 ta’ Ottubru 2012, kull detentur ta’ ċertifikat skont dan ir-Regolament għandu jippreżenta lill-awtorjitajiet kompetenti tal-Istati Membri prova li l-kwantitajiet kollha koperti biċ-ċertifikat tiegħu kienu rilaxxati fis-suq tal-Unjoni. Kull tunnellata koperta minn ċertifikat iżda li ma ġietx rilaxxata fis-suq tal-Unjoni, għal raġunijiet oħra barra ta’ forza maġġuri, għandha tkun soġġetta għall-ħlas ta’ ammont ta’ EUR 415 kull tunnellata.

    3.   L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bil-kwantitajiet li ma ġewx irrilaxxati fis-suq tal-Unjoni.

    4.   L-Istati Membri għandhom jikkalkulaw u jinnotifikaw lill-Kummissjoni bid-differenza bejn il-kwantità totali ta’ zokkor u iżoglukożju prodotta minn kull produttur ‘il fuq mill-kwota, u bil-kwantitajiet li l-produtturi ddisponew minnhom skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (KE) Nru 967/2006. Jekk il-kwantitajiet ta’ zokkor u ta’ iżoglukożju ‘l fuq mill-kwota ta’ produttur li jifdal ikunu inqas mill-kwantitajiet maħruġa għal dak il-produttur skont dan ir-Regolament, il-produttur għandu jħallas ammont ta’ EUR 500 għal kull tunnellata ta’ dik id-differenza.

    Artikolu 11

    Dħul fis-seħħ

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum ta’ wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Għandu jiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2012.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, it-30 ta’ Novembru 2011.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    José Manuel BARROSO


    (1)  ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1.

    (2)  ĠU L 176, 30.6.2006, p. 22.

    (3)  ĠU L 178, 1.7.2006, p. 39.

    (4)  ĠU L 13, 19.1.2000, p. 12.


    ANNESS

    Mudell taċ-ċertifikat imsemmi fl-Artikolu 7(3)

    ĊERTIFIKAT

    għat-tnaqqis, għas-sena tas-suq 2011/12, tal-imposta prevista fl-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 967/2006

    Stat Membru:

    Detentur tal-kwota:

     

    Prodott

     

    Kwantitajiet li għalihom saret l-applikazzjoni:

     

    Kwantitajiet li għalihom inħareġ iċ-ċertifikat:

     

    Imposta mħallsa (EUR/t)

    EUR 85/tunnellata

    Għas-Sena tas-Suq 2011/2012, l-imposta msemmija fl-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 967/2006 ma għandhiex tapplika għall-kwantitajiet maħruġa b’dan iċ-ċertifikat, soġġett għall-ħarsien tar-regoli stipulati fir-Regolament ta' Implimentazzjoni (KE) Nru 1240/2011, b’mod partikolari fl-Artikolu 2(5)(c).

    Firma tal-Awtorità Kompetenti tal-Istat Membru

    Data tal-ħruġ

    Dan iċ-ċertifikati għandu jkun validu sa tmiem it-tieni xahar ta’ wara d-data tal-ħruġ.


    Top