EUR-Lex Access to European Union law
This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32011H0711
Commission Recommendation of 27 October 2011 on the digitisation and online accessibility of cultural material and digital preservation
Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tas- 27 ta’ Ottubru 2011 dwar id-diġitizzazzjoni u l-aċċessibbiltà fuq l-Internet ta’ materjal kulturali u l-konservazzjoni diġitali
Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tas- 27 ta’ Ottubru 2011 dwar id-diġitizzazzjoni u l-aċċessibbiltà fuq l-Internet ta’ materjal kulturali u l-konservazzjoni diġitali
ĠU L 283, 29.10.2011, p. 39–45
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
29.10.2011 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 283/39 |
RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUMMISSJONI
tas-27 ta’ Ottubru 2011
dwar id-diġitizzazzjoni u l-aċċessibbiltà fuq l-Internet ta’ materjal kulturali u l-konservazzjoni diġitali
(2011/711/UE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 292 tiegħu,
Billi:
(1) |
L-Aġenda Diġitali għall-Ewropa tfittex li tottimizza l-vantaġġi tat-teknoloġiji informatiċi għat-tkabbir ekonomiku, għall-ħolqien tal-impjiegi u għall-kwalità tal-għajxien taċ-ċittadini Ewropej, bħala parti mill-istrateġija tal-Ewropa 2020. Id-diġitizzazzjoni u l-konservazzjoni tal-memorja kulturali tal-Ewropa, li tinkludi materjal stampat (kotba, rivisti, gazzetti), ritratti, oġġetti tal-mużewijiet, dokumenti f’arkivji, materjal awdjo u awdjoviżiv, monumenti u siti arkeoloġiċi (minn issa ’l quddiem, “materjal kulturali”), jikkostitwixxu qasam ewlieni minn dawk indirizzati mill-Aġenda Diġitali. |
(2) |
L-Istrateġija tal-UE għad-diġitizzazzjoni u l-konservazzjoni tibni fuq il-ħidma mwettqa tul l-aħħar ftit snin fl-inizjattiva tal-biblijoteki diġitali. L-azzjonijiet Ewropej f’dan il-qasam, li jinkludu l-iżvilupp tal-Europeana –l-arkivju tal-biblijoteka u l-mużew diġitali tal-Ewropa–, kellhom l-appoġġ tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, l-iktar riċenti f’Riżoluzzjoni tal-Parlament tal-5 ta’ Mejju 2010, u fil-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-10 ta’ Mejju 2010. Il-Pjan ta’ Ħidma għall-Kultura 2011-2014, stabbilit mill-Kunsill fil-laqgħa tiegħu tat-18 u d-19 ta’ Novembru 2010, jisħaq fuq il-bżonn ta’ sforzi koordinati fil-qasam tad-diġitizzazzjoni. |
(3) |
Fit-28 ta’ Awwissu 2006, il-Kummissjoni ħarġet Rakkomandazzjoni lill-Istati Membri bil-għan li jitkattar, permezz tal-Internet, il-potenzjal ekonomiku u kulturali tal-wirt kulturali tal-Ewropa. Ir-rapporti tal-Istati Membri dwar l-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-2008 u l-2010 juru li sar ċertu progress. Madankollu, il-progress mhuwiex konsistenti fost l-Istati Membri, u huwa żbilanċjat fost il-punti differenti tar-Rakkomandazzjoni. |
(4) |
Barra minn hekk, il-kuntest għall-isforzi ta’ diġitizzazzjoni u għall-kollaborazzjoni fuq il-livell Ewropew inbidel b’mod konsiderevoli matul l-aħħar ftit snin. Fost l-elementi ġodda ta’ min jissemmew it-tnedija tal-Europeana f’Novembru 2008, il-pubblikazzjoni tar-rapport “The New Renaissance” mill-‘Comité des Sages on bringing Europe’s cultural heritage online’ (minn hawn ’il quddiem, “il-Kumitat Espert”) tat-10 ta’ Jannar 2011, u l-proposta tal-Kummissjoni għal Direttiva dwar ix-Xogħlijiet Orfni tal-24 ta’ Mejju 2011. |
(5) |
Għaldaqstant, għandha tiġi rrakkomandata lill-Istati Membri sensiela aġġornata ta’ miżuri għad-diġitizzazzjoni u l-pubblikazzjoni fuq l-Internet tal-wirt kulturali, kif ukoll għall-konservazzjoni diġitali. F’dan il-kuntest, l-iżvilupp tal-materjal diġitali mill-biblijoteki, l-arkivji u l-mużewijiet għandu jkompli jitħeġġeġ sabiex jiġi żgurat li l-Ewropa żżomm postha minn ta’ quddiem fix-xenarju internazzjonali tal-kultura u tal-kontenut kreattiv, kif ukoll li tuża r-rikkezza tal-materjal kulturali tagħha bl-aqwa mod possibbli. Kif ġie ssottolinjat mill-Kumitat Espert, l-Ewropa jeħtiġilha tieħu azzjoni minn issa jekk tixtieq taħsad il-frott tad-diġitizzazzjoni u tal-konservazzjoni diġitali. Jekk l-Istati Membri ma jkattrux l-investimenti tagħhom f’dan il-qasam, ikunu qed jissugraw li l-vantaġġi kulturali u ekonomiċi tal-“bidla diġitali” jsiru realtà f’kontinenti oħra u mhux fl-Ewropa. |
(6) |
L-aċċessibbiltà tal-materjal kulturali fuq l-Internet ser tippermetti liċ-ċittadini mal-Ewropa kollha jaċċessawh u jużawh għall-gost, għall-istudju jew anki għal xogħolhom. Għandha tagħti lill-wirt divers u multilingwi tal-Ewropea profil ċar fuq l-Internet, filwaqt li d-diġitizzazzjoni tal-assi tagħhom se tgħin lill-istituzzjonijiet kulturali Ewropej ikomplu jwettqu l-missjoni tagħhom li jagħtu aċċess għal wirtna u jikkonservawh fl-ambjent diġitali. |
(7) |
Aktar minn hekk, il-materjal diġitizzat jista’ jerġa’ jintuża — għal skopijiet kummerċjali u mhux — f’għadd ta’ oqsma, fosthom l-iżvilupp ta’ kontenut edukattiv u tat-tagħlim, id-dokumentarji, it-turiżmu, il-logħob, l-animazzjoni u l-għodda tad-disinn, dejjem jekk dan isir b’rispett sħiħ lejn id-drittijiet tal-awtur u drittijiet simili. Dan se jagħti kontribut importanti lill-industriji kreattivi, li jirrappreżentaw 3,3 % tal-PDG tal-UE, u 3 % tal-impjiegi. Dawn l-industriji qed iħabbtu wiċċhom ma’ tranżizzjoni diġitali li qiegħda theżżeż il-mudelli tradizzjonali, u b’hekk qiegħda tittrasforma l-katini tal-valur u tindika l-ħtieġa ta’ mudelli ġoddi tan-negozju. Id-diġitizzazzjoni tar-riżorsi kulturali u l-għoti ta’ aċċess usa’ għalihom joffru opportunitajiet ekonomiċi tassew kbar, u huma kundizzjoni essenzjali biex ikomplu jiżviluppaw il-ħiliet kulturali u kreattivi tal-Ewropa, kif ukoll tal-preżenza industrijali tagħha f’dan il-qasam. |
(8) |
Id-diġitizzazzjoni hija mezz importanti biex jiġi żgurat aktar aċċess għall-materjal kulturali, kif ukoll l-użu tiegħu. Azzjoni kkoordinata mill-Istati Membri biex jidiġitizzaw il-wirt kulturali tagħhom tkun tista’ trodd aktar koerenza lill-għażla tal-materjal, u tevita d-duplikazzjoni fid-diġitizzazzjoni. Twassal ukoll għal klima aktar sikura għall-kumpaniji li jinvestu fit-teknoloġiji tad-diġitizzazzjoni. Stampa globali tal-attivitajiet kurrenti u ppjanati fid-diġitizzazzjoni, u miri kwantitattivi għad-diġitizzazzjoni, għandhom jikkontribwixxu għall-ilħiq ta’ dawk l-għanijiet. |
(9) |
L-ispejjeż tad-diġitizzazzjoni tal-wirt kulturali kollu tal-Ewropa huma għoljin, u ma jistgħux jiġu koperti mill-finanzjament pubbliku biss. L-isponsorjar tad-diġitizzazzjoni mis-settur privat, jew sħubijiet bejn is-settur pubbliku u dak privat, jistgħu jinvolvu entitajiet privati fl-isforzi tad-diġitizzazzjoni, u għandhom jitħeġġew iktar. Biex ikunu ekwi u bbilanċjati, dawn is-sħubijiet għandhom isegwu għadd ta’ prinċipji importanti. B’mod partikulari, jeħtieġ li jiġu stabbiliti limiti ta’ żmien għall-użu preferenzjali tal-materjal diġitizzat. Il-“Kumitat Espert” indika li ż-żmien massimu għall-użu preferenzjali tal-materjal diġitizzat fi sħubijiet pubbliċi privati ma għandux ikun itwal minn seba’ snin. |
(10) |
Il-Fondi Strutturali tal-UE jistgħu jintużaw, u qegħdin jintużaw, għall-kofinanzjament tal-attivitajiet ta’ diġitizzazzjoni, bħala parti minn proġetti li għandhom impatt fuq l-ekonomija reġjonali. Madankollu, tali użu jista’ jkompli jitwessa’, u jsir iktar sistematiku. Il-proċessi tad-diġitizzazzjoni tal-massa jistgħu jsiru iktar effiċjenti minħabba l-iskala tagħhom. Għaldaqstant, l-użu effiċjenti tal-kapaċità tad-diġitizzazzjoni, u fejn possibbli, it-taqsim tat-tagħmir tad-diġitizzazzjoni bejn l-istituzzjonijiet kulturali u l-pajjiżi individwali, għandhom jitħeġġew. |
(11) |
Parti limitata mill-materjal miżmum fil-biblijoteki, fl-arkivji u fil-mużewijiet tinsab fid-dominju pubbliku, fis-sens illi mhijiex jew ma għadhiex koperta mid-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, filwaqt li l-bqija hija protetta mid-drittijiet tal-proprjetà intellettwali. Ġaladarba d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali huma strument ewlieni għall-istimolu tal-kreattività, il-materjal kulturali tal-Ewropa għandu jiġi ddiġitizzat, isir disponibbli u jiġi kkonservat fir-rispett sħiħ tad-drittijiet tal-awtur u d-drittijiet relatati. |
(12) |
Fl-24 ta’ Mejju 2011, il-Kummissjoni ressqet proposta għal Direttiva għax-Xogħlijiet Orfni. Sabiex din id-Direttiva jkollha l-effett kollu li jixirqilha, għandha tiġi adottata u implimentata mingħajr dewmien, u b’hekk jiġi żgurat approċċ armonizzat għall-kwistjoni tax-xogħlijiet orfni mal-UE kollha. Għad-diġitizzazzjoni fuq skala kbira tax-xogħlijiet li ma għadhomx fis-suq, x’aktarx li jenħtieġ appoġġ fl-Istati Membri għal soluzzjonijiet ta’ liċenzjar żviluppati b’mod volontarju mill-partijiet interessati, filwaqt li jitqies il-bżonn li jiġi żgurat effett transkonfinali. F’dan il-kuntest, l-approċċ li ġie segwit fid-djalogu fost il-partijiet interessati dwar il-kotba u r-rivisti akkademiċi li ma għadhomx fis-suq, sponsorjat mill-Kummissjoni, u li rriżulta fil-Memorandum ta’ Fehim iffirmat fi Brussell fl-20 ta’ Settembru 2011, għandu jitqies bħala mudell għad-djalogi ta’ tkomplija biex jiffaċilita l-ftehimiet favur id-diġitizzazzjoni tal-materjal kollu possibbli minn dak li ma għadux fis-suq. Bażijiet tad-dejta tal-informazzjoni dwar id-drittijiet fuq il-livell Ewropew jistgħu jniżżlu l-ispejjeż tat-tranżazzjonijiet għar-riżoluzzjoni tad-drittijiet. Għaldaqstant, għandu jitħeġġeġ dan it-tip ta’ mekkaniżmi f’kooperazzjoni mill-qrib mal-partijiet kollha interessati. |
(13) |
Bil-għan li jingħata aċċess usa’ għall-kontenut fid-dominju pubbliku għall-konsultazzjoni kif ukoll għall-użu, jeħtieġ li jiġi żgurat li l-kontenut tad-dominju pubbliku jibqa’ fid-dominju pubbliku ladarba jkun ġie diġitizzat. Għandu jiġi evitat l-użu ta’ marki tal-ilma (watermarks) invażivi jew ta’ miżuri oħra ta’ protezzjoni viżiva fuq kopji tal-materjal fid-dominju pubbliku bħala sinjal tas-sjieda jew tal-provenjenza. |
(14) |
L-Europeana, il-biblijoteka, arkivju u mużew diġitali tal-Ewropa, tnediet fl-20 ta’ Novembru 2008. It-tkomplija tal-iżvilupp tal-pjattaforma tal-Europeana se tiddependi l-iktar minn kif l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet kulturali tagħhom jagħlfuha bil-kontenut, u minn kif jagħmluha viżibbli għaċ-ċittadini. Għandhom jitħeġġew miżuri għal dan il-għan. |
(15) |
Bħalissa, l-Europeana tagħti aċċess dirett għal iktar minn 19-il miljun oġġett diġitizzat. 2 % biss minn dawn l-oġġetti diġitizzati huma materjal awdjo jew awdjoviżiv. Iż-żieda tal-kontenut aċċessibbli mill-Europeana, inklużi tat-tipi ta’ materjal li bħalissa mhumiex irrappreżentati biżżejjed, għandha twassal għal sit iktar interessanti għall-utenti, u għaldaqstant għandha titħeġġeġ. Il-mira globali ta’ 30 miljun oġġett sal-2015 hija skont il-pjan strateġiku tal-Europeana, u tirrappreżenta pass importanti fit-triq lejn id-diġitizzazzjoni tal-wirt kulturali sħiħ tal-Ewropa sal-2025. Id-disponibbiltà tal-kapulavuri kollha fid-dominju pubbliku (jiġifieri, xogħlijiet u oġġetti kulturali jew storiċi ewlenin, kif iddefiniti u magħżula mill-Istati Membri) permezz tal-Europeana ser tkompli żżid u żżejjen il-kontenut tas-sit, kif jaqbel mal-aspettattivi tal-utenti. Dispożizzjonijiet fl-Istati Membri li jiżguraw li l-materjal kollu ddiġitizzat b’finanzjament pubbliku jsir disponibbli mill-Europeana jkunu ta’ xprun għall-iżvilupp tal-pjattaforma, u jkunu ta’ għajnuna biex jinħoloq qafas ċar għall-kontribuzzjoni tal-kontenut mingħand l-istituzzjonijiet kulturali. Għaldaqstant, l-introduzzjoni ta’ tali dispożizzjonijiet għandha titħeġġeġ. |
(16) |
Il-materjal diġitali jeħtieġ li jinżamm u jitmexxa sew, inkella l-fajls x’aktarx isiru illeġġibbli meta l-ħardwer u s-softwer imħaddem biex jaħżinhom ikun għadda żmienu, jew jista’ jintilef xi materjal meta t-tagħmir tal-ħżin jitherra maż-żmien, jew it-tagħmir tal-ħżin jista’ ma jlaħħaqx mal-volum kolossali tal-kontenut ġdid u aġġornat. Minkejja l-progress li sar mal-UE kollha fil-qasam tal-konservazzjoni tal-materjal diġitali, f’bosta Stati Membri, ma hemm l-ebda politika ċara u komprensiva fis-seħħ fir-rigward tal-konservazzjoni tal-kontenut diġitali. In-nuqqas ta’ tali politiki jhedded is-sopravvivenza tal-materjal diġitizzat, u jista’ jwassal għat-telf ta’ materjal prodott f’format diġitali (materjal b’oriġni diġitali). L-iżvilupp ta’ mezzi effettivi ta’ konservazzjoni diġitali fih implikazzjonijiet qawwija li jmorru lil hinn sew mill-istituzzjonijiet kulturali. Il-kwistjonijiet tal-konservazzjoni diġitali huma relevanti għal kull organizzazzjoni pubblika jew privata li jkollha l-obbligu jew ix-xewqa li tikkonserva l-materjal diġitali. |
(17) |
Il-konservazzjoni diġitali tippreżenta sfidi ta’ natura finanzjarja, teknika u organizzattiva, u minn żmien għal ieħor titlob aġġornament tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi. Bosta Stati Membri daħħlu jew qegħdin jikkunsidraw obbligi legali li jeżiġu li l-produtturi tal-materjal diġitali jagħmlu kopja jew għadd ta’ kopji tal-materjal tagħhom għad-dispożizzjoni ta’ entità maħtura ta’ depożitu. Dispożizzjonijiet u prattiki effiċjenti għad-depożitu legali jistgħu jimminimizzaw il-piż amministrattiv fuq id-detenturi tal-kontenut kif ukoll fuq l-istituzzjonijiet tad-depożitu, u għaldaqstant għandhom jitħeġġew. Teħtieġ kollaborazzjoni effikaċi fost l-Istati Membri biex tiġi evitata diverġenza kbira fir-regoli li jiggvernaw id-depożitu tal-materjal diġitali, u għalhekk għandha titħeġġeġ ukoll. Il-“web-harvesting” (“il-ħsad mill-internet”) huwa teknika ġdida għall-ġbir tal-materjal mill-Internet, għall-finijiet ta’ konservazzjoni. Jinvolvi l-ġbir attiv tal-materjal min-naħa tal-istituzzjonijiet maħturin, minflok ma jistennew li jiġi ddepożitat, u b’hekk jimminimizza l-piż amministrattiv fuq il-produtturi tal-materjal diġitali. Għaldaqstant, il-leġiżlazzjoni nazzjonali għandha toħloq dispożizzjonijiet għalih. |
(18) |
F’dak li jirrigwarda x-xogħlijiet ċinematografiċi, minn għadd ta’ aspetti, din ir-Rakkomandazzjoni tissupplimenta r-Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2005 dwar il-patrimonju ċinematografiku u l-kompetittività ta’ attivitajiet industrijali relatati (1), |
B’DAN TIRRAKKOMANDA LILL-ISTATI MEMBRI:
Id-diġitizzazzjoni: organizzazzjoni u finanzjament
1. |
li jkomplu jiżviluppaw l-ippjanar u l-monitoraġġ tad-diġitizzazzjoni tal-kotba, rivisti, gazzetti, ritratti, oġġetti tal-mużewijiet, dokumenti ta’ arkivji, materjal awdjo u awdjoviżiv, monumenti u siti arkeoloġiċi (minn hawn ’il quddiem “materjal kulturali”), billi:
|
2. |
iħeġġu s-sħubijiet bejn l-istituzzjonijiet kulturali u s-settur privat, bil-għan li jinħolqu mezzi ġodda ta’ finanzjament tad-diġitizzazzjoni tal-materjal kulturali, kif ukoll li jiġu xprunati l-użu innovattivi tal-materjal, filwaqt li jiġi żgurat li s-sħubijiet pubbliċi privati għad-diġitizzazzjoni jkunu ekwi u bbilanċjati, u skont il-kundizzjonijiet stipulati fl-Anness; |
3. |
jużaw fejn possibbli l-Fondi Strutturali tal-UE għall-kofinanzjament tal-attivitajiet tad-diġitizzazzjoni, fil-qafas ta’ strateġiji reġjonali tal-innovazzjoni għall-“ispeċjalizzazzjoni intelliġenti”; |
4. |
jikkunsidraw mezzi biex isir l-aqwa użu tal-kapaċità tad-diġitizzazzjoni u biex jinkisbu ekonomiji ta’ skala, li jistgħu jimplikaw li l-istituzzjonijiet kulturali jaqsmu l-isforzi ta’ diġitizzazzjoni tagħhom f’kollaborazzjoni transkonfinali, huma u jibnu fuq ċentri Ewropej li għandhom kompetenzi ta’ diġitizzazzjoni; |
Id-diġitizzazzjoni u l-aċċessibbiltà fuq l-Internet tal-materjal fid-dominju pubbliku
5. |
itejbu l-aċċess u l-użu tal-materjal kulturali diġitizzat li jinsab fid-dominju pubbliku, billi:
|
Id-diġitizzazzjoni u l-aċċessibbiltà fuq l-Internet tal-materjal imħares bid-drittijiet tal-awtur
6. |
itejbu l-kundizzjonijiet għad-diġitizzazzjoni u l-aċċessibbiltà fuq l-Internet tal-materjal kopert mid-drittijiet tal-awtur, permezz ta’:
|
L-Europeana
7. |
jikkontribwixxu għall-iżvilupp kontinwu tal-Europeana, billi:
|
Il-konservazzjoni diġitali
8. |
isaħħu l-istrateġiji nazzjonali għall-konservazzjoni fit-tul tal-materjal diġitali, jaġġornaw il-pjanijiet ta’ azzjoni li jimplimentaw dawk l-istrateġiji, u jiskambjaw tagħrif ma’ xulxin dwar l-istrateġiji u l-pjanijiet ta’ azzjoni; |
9. |
jipprovdu fil-leġiżlazzjonijiet tagħhom dispożizzjoni ċara u espliċita li tippermetti l-ikkupjar multiplu u l-migrazzjoni tal-materjal kulturali diġitali min-naħa tal-istituzzjonijiet pubbliċi għall-finijiet ta’ konservazzjoni, fir-rispett sħiħ tal-leġiżlazzjoni tal-UE u internazzjonali dwar id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali; |
10. |
iħejju l-arranġamenti meħtieġa għad-depożitu tal-materjal maħluq f’format diġitali sabiex tiġi ggarantita l-konservazzjoni tiegħu fit-tul, u sabiex titjieb l-effikaċja tal-arranġamenti eżistenti għad-depożitu tal-materjal maħluq f’format diġitali, billi:
|
11. |
iqisu l-iżviluppi fi Stati Membri oħra meta jiġu biex jistabbilixxu jew jaġġornaw il-politiki u l-proċeduri għad-depożitu tal-materjal maħluq f’format diġitali mill-oriġni, sabiex jipprevjenu diverġenza wiesgħa fl-arranġamenti għad-depożitu; |
Is-segwitu għal din ir-Rakkomandazzjoni
12. |
jgħarrfu lill-Kummissjoni bl-azzjoni meħuda b’reazzjoni għal din ir-Rakkomandazzjoni, 24 xahar mill-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, u mbagħad kull sentejn. |
Magħmul fi Brussell, is-27 ta’ Ottubru 2011.
Għall-Kummissjoni
Neelie KROES
Viċi-President
(1) ĠU L 323, 9.12.2005, p. 57.
ANNESS I
IS-SĦUBIJIET PUBBLIĊI-PRIVATI GĦAD-DIĠITIZZAZZJONI
Sabiex isir progress rapidu fid-diġitizzazzjoni tal-wirt kulturali tagħna, jeħtieġ li l-finanzjament pubbliku għad-diġitizzazzjoni jiġi ssupplimentat bl-investiment privat. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tħeġġeġ il-ħolqien ta’ sħubijiet pubbliċi-privati għad-diġitizzazzjoni tal-materjal kulturali.
Il-Kummissjoni titlob lill-Istati Membri jixprunaw tali sħubijiet, u li dawn isegwu l-prinċipji ewlenin li ġejjin:
1. Rispett tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali
Is-sħubijiet pubbliċi-privati għad-diġitizzazzjoni tal-kollezzjonijiet fl-istituzzjonijiet kulturali għandhom jirrispettaw bis-sħiħ il-leġiżlazzjoni tal-UE u internazzjonali dwar id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali.
2. Il-prinċipju tan-nonesklussività
Il-ftehimiet għad-diġitizzazzjoni tal-materjal fid-dominju pubbliku għandhom ikunu ta’ natura non-esklussiva, fis-sens illi kwalunkwe imsieħeb privat irid ikollu l-possibbiltà li jiddiġitizza l-istess materjal b’kundizzjonijiet simili.
Jista’ jkun meħtieġ perjodu ta’ użu preferenzjali jew ta’ sfruttament kummerċjali, bil-għan li lill-imsieħeb privat tingħatalu l-possibbiltà li jagħmel tajjeb għall-investiment tiegħu. Dan il-perjodu għandu jkun ta’ żmien limitat, u qasir kemm jista’ jkun, sabiex jirrispetta l-prinċipju li l-materjal fid-dominju pubbliku jibqa’ fid-dominju pubbliku ladarba jkun ġie diġitizzat. Il-perjodu tal-użu preferenzjali ma għandux ikun itwal minn seba’ snin.
Tali ftehimiet għandhom ikunu għalkollox konformi mar-regoli tal-UE dwar il-kompetittività.
3. It-trasparenza tal-proċess
Il-ftehimiet għad-diġitizzazzjoni tal-kollezzjonijiet miżmuma mill-istituzzjonijiet kulturali għandhom jingħataw wara kompetizzjoni miftuħa fost l-imsieħba privati potenzjali.
4. It-trasparenza tal-ftehimiet
Il-kontenut tal-ftehimiet bejn l-istituzzjonijiet kulturali u l-imsieħba privati għad-diġitizzazzjoni tal-kollezzjonijiet kulturali għandu jsir pubbliku.
5. L-aċċessibbiltà mill-Europeana
Il-konklużjoni ta’ sħubija pubblika-privata għandha tiddependi, bħala kundizzjoni ewlenija, mill-aċċessibbiltà tal-materjal diġitizzat mill-Europeana.
6. Kriterji ewlenin
Il-kriterji ewlenin għall-valutazzjoni tal-proposti għal sħubija pubblika-privata huma kif ġej:
— |
L-investiment totali li għandu jsir mill-imsieħeb privat, b’qies tal-isforz mitlub mill-imsieħeb pubbliku, |
— |
L-aċċessibbiltà tal-materjal diġitizzat għall-pubbliku ġenerali, inkluż permezz tal-Europeana. Għandhom jitħeġġew mudelli ta’ sħubijiet li fihom l-utent aħħari jkollu aċċess ħieles għall-materjal diġitizzat, minflok mudelli li fihom l-utent aħħari jkollu jħallas biex ikollu aċċess għall-materjal, |
— |
L-aċċess transkonfinali: il-ftehimiet ta’ sħubija għandhom iwasslu għall-aċċess transkonfinali għal kulħadd, |
— |
It-tul tal-perjodu tal-użu kummerċjali preferenzjali tal-materjal diġitizzat mill-imsieħeb privat: dan il-perjodu għandu jinżamm qasir kemm jista’ jkun, |
— |
Il-kwalità maħsuba tad-diġitizzazzjoni, u l-kwalità tal-fajls li se jingħaddu lill-istituzzjonijiet kulturali: L-imsieħeb privat għandu jipprovdi lill-istituzzjonijiet kulturali b’fajls diġitizzati tal-istess kwalità bħal dawk li juża huwa stess, |
— |
L-użu li jistgħu jagħmlu l-istituzzjonijiet kulturali mill-materjal diġitizzat f’kuntesti mhux kummerċjali: Dan l-użu għandu jkun l-iktar wiesa’ possibbli, mingħajr limiti tekniċi jew kontrattwali, |
— |
L-iskeda taż-żmien tal-proġett tad-diġitizzazzjoni. |
ANNESS II
MIRI INDIKATTIVI GĦALL-KONTRIBUT MINIMU TA’ KONTENUT LILL-EUROPEANA, GĦAL KULL STAT MEMBRU
|
Għadd ta’ oġġetti fl-Europeana għal kull SM (*) |
Mira Indikattiva 2015 (**) |
Il-BELĠJU |
338 098 |
759 000 |
Il-BULGARIJA |
38 263 |
267 000 |
IR-REPUBBLIKA ĊEKA |
35 490 |
492 000 |
ID-DANIMARKA |
67 235 |
453 000 |
IL-ĠERMANJA |
3 160 416 |
5 496 000 |
L-ESTONJA |
68 943 |
90 000 |
L-IRLANDA |
950 554 |
1 236 000 |
IL-GREĊJA |
211 532 |
618 000 |
SPANJA |
1 647 539 |
2 676 000 |
FRANZA |
2 745 833 |
4 308 000 |
L-ITALJA |
1 946 040 |
3 705 000 |
ĊIPRU |
53 |
45 000 |
IL-LATVJA |
30 576 |
90 000 |
IL-LITWANJA |
8 824 |
129 000 |
IL-LUSSEMBURGU |
47 965 |
66 000 |
L-UNGERIJA |
115 621 |
417 000 |
MALTA |
56 233 |
73 000 |
IL-PAJJIŻI L-BAXXI |
1 208 713 |
1 571 000 |
L-AWSTRIJA |
282 039 |
600 000 |
IL-POLONJA |
639 099 |
1 575 000 |
IL-PORTUGALL |
28 808 |
528 000 |
IR-RUMANIJA |
35 852 |
789 000 |
IS-SLOVENJA |
244 652 |
318 000 |
IS-SLOVAKKJA |
84 858 |
243 000 |
IL-FINLANDJA |
795 810 |
1 035 000 |
L-ISVEZJA |
1 489 488 |
1 936 000 |
IR-RENJU UNIT |
944 234 |
3 939 000 |
(*) Ottubru tal-2011. Oġġetti oħra jiġu kkontribwiti minn għadd ta’ pajjiżi barra mill-UE (partikularment in-Norveġja u l-Isvizzera), jew jaslu minn proġetti mifruxin mal-UE kollha, u għaldaqstant ma jiġux attribwiti ma’ Stat Membru partikulari.
(**) Il-miri indikattivi għal kull Stat Membru jiġu kkalkulati abbażi ta’: a) id-daqs tal-popolazzjoni; u (b) il-PDG, skont il-mira globali li sal-2015 jsiru disponibbli 30 miljun oġġett diġitizzat permezz tal-Europeana. Għall-Istati Membri li jkunu diġà laħqu jew appik li jilħqu l-mira indikattiva issa, il-kalkolu huwa bbażat fuq l-għadd attwali ta’ oġġetti li jikkontribwixxu għall-Europeana, b’żieda ta’ 30 %. L-Istati Membri kollha huma mistiedna jħarsu lejn l-aspetti kwalitattivi, u jqisu l-bżonn li l-kapulavuri kollha fid-dominju pubbliku jsiru disponibbli mill-Europeana qabel l-2015.