Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32011R0209

    Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 209/2011 tat- 2 ta’ Marzu 2011 li jtemm il-proċedimenti antidumping u kontra s-sussidji li jikkonċernaw l-importazzjonijiet ta’ modems bla wajer ta’ netwerk ta’ żona wiesgħa (WWAN) li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u li jtemm ir-reġistrazzjoni ta’ tali importazzjonijiet imposta mir-Regolamenti (UE) Nru 570/2010 u (UE) Nru 811/2010

    ĠU L 58, 3.3.2011, p. 36–38 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2011/209/oj

    3.3.2011   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 58/36


    REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 209/2011

    tat-2 ta’ Marzu 2011

    li jtemm il-proċedimenti antidumping u kontra s-sussidji li jikkonċernaw l-importazzjonijiet ta’ modems bla wajer ta’ netwerk ta’ żona wiesgħa (WWAN) li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u li jtemm ir-reġistrazzjoni ta’ tali importazzjonijiet imposta mir-Regolamenti (UE) Nru 570/2010 u (UE) Nru 811/2010

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (‘Regolament bażiku’) (1), u b’mod partikolari l-Artikoli 9 u 14 tiegħu,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 597/2009 tal-11 ta’ Ġunju 2009 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Komunità Ewropea (2), u b’mod partikolari l-Artikoli 14 u 24 tiegħu,

    Wara li kkonsultat lill-Kumitat Konsultattiv,

    Billi:

    A.   PROĊEDURA

    1.   Il-proċediment antidumping u r-reġistrazzjoni tal-importazzjonijiet

    (1)

    Fit-3 ta’ Ġunju 2010, il-Kummissjoni rċeviet ilment dwar l-allegazzjoni ta’ dumping li jikkawża ħsara fl-Unjoni b’importazzjonijiet ta’ modems bla wajer ta’ netwerk ta’ żona wiesgħa (WWAN) li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (“l-RPĊ”). L-ilment imsemmi kien fih ukoll talba għar-reġistrazzjoni ta’ importazzjonijiet skont l-Artikolu 14(5) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009.

    (2)

    L-ilment tressaq minn Option NV (“il-kwerelant”), l-uniku produttur magħruf tal-modems tat-tip WWAN fl-Unjoni, li jirrappreżenta 100 % tal-produzzjoni totali tal-Unjoni.

    (3)

    L-ilment kien fih evidenza prima facie ta’ dumping u ta’ ħsara materjali li rriżultat minnu, li tqieset biżżejjed biex ikun iġġustifikat il-bidu ta’ proċediment antidumping.

    (4)

    Il-Kummissjoni, wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv, b’avviż ippubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea  (3), tat bidu kif xieraq għal proċediment antidumping fir-rigward tal-importazzjonijiet ta’ modems tat-tip WWAN fl-Unjoni li joriġinaw mir-RPĊ u li attwalment għandhom il-kodiċijiet NM ex 8471 80 00 u ex 8517 62 00.

    (5)

    Fl-1 ta’ Lulju 2010, il-Kummissjoni għamlet importazzjoni tal-istess prodott li joriġina mir-RPĊ soġġetti għal reġistrazzjoni skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 570/2010 (4).

    (6)

    Il-Kummissjoni avżat uffiċjalment lill-kwerelant, lill-produtturi esportaturi fir-RPĊ, lill-importaturi u lill-utenti magħrufa li huma kkonċernati, lill-assoċjazzjonijiet tal-importaturi jew tal-utenti magħrufa li huma kkonċernati, lill-fornituri ta’ materja prima u dawk li jipprovdu servizzi, u lir-rappreżentanti tar-RPĊ dwar il-bidu tal-proċediment. Il-partijiet interessati ngħataw opportunità li jagħtu l-fehmiet tagħhom bil-miktub u li jitolbu seduta ta’ smigħ fiż-żmien stabbilit fl-avviż tal-bidu.

    (7)

    Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 16 tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni wettqet ftit miż-żjarat ta’ verifika li normalment huma rikjesti. Fir-rigward tad-dumping u b’mod partikolari għall-iskopijiet tal-Artikolu 2(7) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni iffokat fuq il-kwistjonijiet imsemmija fl-Artikolu 2(7)(c) u b’mod partikolari fuq id-distorsjonijiet relatati mat-teħid ta’ deċiżjonijiet, mal-governanza korporattiva, mas-self, mal-finazjament tal-kumpaniji u mal-krediti għall-esportazzjoni. Għalkemm ġew żvelati l-ewwel ftit indikazzjonijiet li jagħtu xi indizji ta’ distorsjoni, it-tmiem ta’ dan il-proċediment antidumping fisser li din il-kwistjoni ma komplietx tiġi analizzata.

    2.   Il-proċediment kontra s-sussidji u r-reġistrazzjoni tal-importazzjonijiet

    (8)

    Fit-2 ta’ Awwissu 2010, il-Kummissjoni rċeviet ilment rigward l-allegazzjoni ta’ sussidju li jikkawża ħsara fl-Unjoni ta’ importazzjonijiet ta’ modems tat-tip WWAN li joriġinaw mir-RPĊ. L-ilment imsemmi kien fih ukoll talba għar-reġistrazzjoni ta’ importazzjonijiet skont l-Artikolu 24(5) tar-Regolament (KE) Nru 597/2009.

    (9)

    L-ilment tressaq minn Option NV (“il-kwerelant”), l-uniku produttur magħruf tal-modems tat-tip WWAN fl-Unjoni, li jirrappreżenta 100 % tal-produzzjoni totali tal-Unjoni.

    (10)

    L-ilment kien fih evidenza prima facie tal-eżistenza ta’ sussidji u ta’ ħsara materjali li rriżultat minnhom, li tqieset biżżejjed biex ikun iġġustifikat il-bidu ta’ proċediment kontra s-sussidji.

    (11)

    Il-Kummissjoni, wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv, b’avviż ippubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea  (5), tat bidu kif xieraq għal proċediment kontra s-sussidji fir-rigward tal-importazzjonijiet ta’ modems tat-tip WWAN fl-Unjoni li joriġinaw mir-RPĊ u li attwalment għandhom il-kodiċijiet NM ex 8471 80 00 u ex 8517 62 00.

    (12)

    Fis-17 ta’ Settembru 2010, il-Kummissjoni ssuġġettat l-importazzjonijiet tal-istess prodott li joriġina mir-RPĊ għal reġistrazzjoni skont ir-Regolament (UE) Nru 811/2010 (6).

    (13)

    Il-Kummissjoni avżat uffiċjalment lill-kwerelant, lill-produtturi esportaturi fir-RPĊ, lill-importaturi u lill-utenti magħrufa li huma kkonċernati, lill-assoċjazzjonijiet tal-importaturi jew tal-utenti magħrufa li huma kkonċernati, lill-fornituri ta’ materja prima u dawk li jipprovdu servizzi, u lir-rappreżentanti tar-RPĊ dwar il-bidu tal-proċediment. Il-partijiet interessati ngħataw opportunità li jagħtu l-fehmiet tagħhom bil-miktub u li jitolbu seduta ta’ smigħ fiż-żmien stabbilit fl-avviż tal-bidu.

    B.   L-IRTIRAR TAL-ILMENTI U T-TMIEM TAL-PROĊEDIMENTI

    (14)

    Permezz ta’ żewġ ittri tas-26 ta’ Ottubru 2010 lill-Kummissjoni, Option NV irtira l-ilmenti tiegħu ta’ antidumping u kontra s-sussidji fir-rigward tal-importazzjonijiet ta’ modems tat-tip WWAN li joriġinaw fir-RPĊ. Ir-raġuni għall-irtirar tal-ilmenti kienet li Option NV kien daħal fi ftehim ta’ kooperazzjoni ma’ produttur esportatur fir-RPĊ.

    (15)

    Skont l-Artikolu 9(1) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009 u l-Artikolu 14(1) tar-Regolament (KE) Nru 597/2009, meta l-kwerelant jirtira l-ilment tiegħu, il-proċediment jista’ jintemm sakemm tali tmiem ma jkunx fl-interess tal-Unjoni.

    (16)

    Il-Kummissjoni qieset li l-proċedimenti attwali għandhom jintemmu peress li l-investigazzjonijiet rispettivi tal-antidumping u kontra s-sussidji ma sabu l-ebda fatt li juri li tali tmiem ma jkunx fl-interess tal-Unjoni. Il-partijiet interessati ġew mgħarrfa b’dan u ngħataw opportunità li jikkummentaw.

    (17)

    Wara l-irtirar tal-ilmenti, kumpanija waħda kkuntattjat lill-Kummissjoni filwaqt li ddikjarat li hija produttur tal-Unjoni ta’ modems tat-tip WWAN. Wara dan, il-kumpanija argumentat li l-proċedimenti għandhom jitkomplew minkejja l-irtirar tal-ilmenti. Għandu jiġi nnotat li l-kumpanija ppreżentat ruħha għall-ewwel darba wara ż-żminijiet ta’ skadenza proċedurali fiż-żewġ proċedimenti li ġew ipprovduti lill-partijiet interessati biex jippreżentaw irwieħhom u biex jagħtu l-fehmiet tagħhom bħala produtturi tal-Unjoni u, bħala konsegwenza, ma sostnietx l-ilmenti mressqa minn Option qabel dawn ma ġew irtirati.

    (18)

    Għandu jiġi nnotat ukoll li l-allegazzjonijiet u l-informazzjoni mressqa minn din il-kumpanija ma kinux tali li jwasslu lill-Kummissjoni biex tikkonkludi li jkun fl-interess tal-Unjoni li jitkomplew il-proċedimenti attwali li nbdew wara l-ilmenti ta’ Option, wara l-irtirar ta’ dawn tal-aħħar. F’dan il-kuntest, kieku jiġu imposti xi miżuri, għandha titqies - fir-rigward tal-operazzjonijiet iddikjarati tal-kumpanija b’rabta mal-modems tat-tip WWAN fl-Unjoni - l-abbiltà tal-kumpanija fil-prattika li i) jkollha rwol fis-suq tal-Unjoni għal modems tat-tip WWAN u wkoll ii) tipprovdi għal nuqqas possibbli fil-provvista. Fuq il-bażi tal-informazzjoni pprovduta f’dan ir-rigward fi ħdan il-kuntest ta’ dawn il-proċedimenti, ġie konkluż li jkun disproporzjonat li kieku l-investigazzjoni titkompla u jiġu imposti miżuri wara l-irtirar tal-ilmenti.

    (19)

    Ma tressaq l-ebda kumment ieħor li jindika li t-tmiem ta’ dawn il-proċedimenti ma jkunx fl-interess tal-Unjoni.

    (20)

    Fiċ-ċirkostanzi, il-Kummissjoni għalhekk tikkonkludi li l-proċedimenti antidumping u kontra s-sussidji fir-rigward tal-importazzjonijiet fl-Unjoni ta’ modems tat-tip WWAN li joriġinaw mir-RPĊ għandhom jintemmu mingħajr l-impożizzjoni ta’ miżuri.

    (21)

    Ir-reġistrazzjoni ta’ importazzjonijiet ta’ modems tat-tip WWAN li joriġinaw mir-RPĊ u ddikjarati taħt il-kodiċijiet NM ex 8471 80 00 u ex 8517 62 00 b’applikazzjoni tar-Regolamenti (UE) Nru 570/2010 u (UE) Nru 811/2010 għalhekk għandha titwaqqaf u r-Regolamenti msemmija għandhom jiġu rrevokati,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Il-proċediment antidumping u kontra s-sussidji fir-rigward tal-importazzjonijiet fl-Unjoni ta’ modems bla wajer ta’ netwerk ta’ żona wiesgħa (WWAN) li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u li attwalment għandhom il-kodiċijiet NM ex 8471 80 00 u ex 8517 62 00 b’dan għandhom jintemmu.

    Artikolu 2

    L-awtoritajiet doganali huma b’dan mitluba biex iwaqqfu r-reġistrazzjoni tal-importazzjonijiet stabbilita b’applikazzjoni tal-Artikolu 1 tar-Regolamenti (UE) Nru 570/2010 u (UE) Nru 811/2010.

    Artikolu 3

    Ir-Regolamenti (UE) Nru 570/2010 u (UE) Nru 811/2010 b’dan għandhom jiġu rrevokati.

    Artikolu 4

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, it-2 ta’ Marzu 2011.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    José Manuel BARROSO


    (1)  ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51.

    (2)  ĠU L 188, 18.7.2009, p. 93.

    (3)  ĠU C 171, 30.6.2010, p. 9.

    (4)  ĠU L 163, 30.6.2010, p. 34.

    (5)  ĠU C 249, 16.9.2010, p. 7.

    (6)  ĠU L 243, 16.9.2010, p. 37.


    Top