Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32010R1256

    Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1256/2010 tas- 17 ta' Diċembru 2010 li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd għal ċerti stokkijiet tal-ħut applikabbli fil-Baħar l-Iswed għall-2011

    ĠU L 343, 29.12.2010, p. 2–4 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2010/1256/oj

    29.12.2010   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 343/2


    REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) Nru 1256/2010

    tas-17 ta' Diċembru 2010

    li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd għal ċerti stokkijiet tal-ħut applikabbli fil-Baħar l-Iswed għall-2011

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikulari l-Artikolu 43(3) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)

    Skont l-Artikolu 43(3) tat-Trattat, il-Kunsill, fuq proposta mill-Kummissjoni, għandu jadotta miżuri dwar l-istabbiliment u l-allokazzjoni ta' opportunitajiet tas-sajd.

    (2)

    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 tal-20 ta' Diċembru 2002 dwar il-konservazzjoni u l-isfruttar sostenibbli ta' riżorsi tas-sajd skont il-Politika Komuni dwar is-Sajd (1) jitlob li l-miżuri li jirregolaw l-aċċess għall-ilmijiet u r-riżorsi u l-insegwiment sostenibbli tal-attivitajiet tas-sajd ikunu stabbiliti b'kunsiderazzjoni tal-parir xjentifiku disponibbli u, b'mod partikolari, ir-rapport magħmul mill-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd.

    (3)

    Il-Kunsill għandu l-obbligu li jadotta l-miżuri dwar l-istabbiliment u l-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd permezz tat-tip ta' sajda jew grupp ta' sajd, inklużi ċerti kundizzjonijiet li huma funzjonalment marbuta magħhom, kif xieraq. L-opportunitajiet tas-sajd għandhom jiġu distribwiti fost l-Istati Membri b'tali mod li f'kull Stat Membru tiġi żgurata stabbiltà relattiva ta' attivitajiet tas-sajd għal kull stokk jew sajd u b'kunsiderazzjoni tal-għanijiet tal-Politika Komuni tas-Sajd stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 2371/2002.

    (4)

    Il-qabda totali permessibbli (iTAC) għanda tiġi stabbilita abbażi tal-parir xjentifiku disponibbli u b'kunsiderazzjoni tal-aspetti bijoloġiċi u soċjo-ekonomiċi filwaqt li tiżguraw trattament ġust bejn is-setturi tas-sajd, kif ukoll fid-dawl tal-opinjonijiet espressi matul il-konsultazzjoni mal-partijiet interessati.

    (5)

    L-użu tal-opportunitajiet tas-sajd stabbiliti f'dan ir-Regolament huwa soġġett għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 tal-20 ta' Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta' kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd (2) u b'mod partikolari għall-Artikoli 33 u 34 ta' dak ir-Regolament rigward ir-rappurtar tal-qabdiet u tal-isforz tas-sajd u n-notifika tad-dejta dwar l-eżawriment tal-opportunitajiet tas-sajd. Għalhekk, huwa meħtieġ li jiġu speċifikati il-kodiċijiet li għandhom jintużaw mill-Istati Membri meta tintbagħat id-dejta lill-Kummissjoni relatata ma' ħatt l-art tal-istokkijiet soġġetti għal dan ir-Regolament.

    (6)

    Skont l-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 847/96 tas-6 ta' Mejju 1996 li jintroduċi kundizzjonijiet addizzjonali għal tmexxija minn sena għal sena tal-TAC u l-kwoti (3), huwa meħtieġ li jiġu identifikati l-istokkijiet li huma soġġetti għad-diversi miżuri msemmija fih.

    (7)

    Sabiex tiġi evitata l-interruzzjoni tal-attivitajiet tas-sajd, sabiex jiġi żgurat l-għajxien tas-sajjieda, huwa importanti li dawn iż-żoni tas-sajd jinfetħu fl-1 ta' Jannar 2011. Għal raġunijiet ta' urġenza, dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ immedjatament wara l-pubblikazzjoni tiegħu,

    ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

    KAPITOLU I

    AMBITU U DEFINIZZJONIJIET

    Artikolu 1

    Is-suġġett

    Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd għall-2011 għal ċerti stokkijiet tal-ħut applikabbli fil-Baħar l-Iswed.

    Artikolu 2

    L-ambitu

    Dan ir-Regolament għandu japplika għall-bastimenti tal-UE li joperaw fil-Baħar l-Iswed.

    Artikolu 3

    Id-definizzjonijiet

    Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

    (a)

    “GFCM” tfisser il-Kummissjoni Ġenerali tas-Sajd fil-Mediterran;

    (b)

    “Il-Baħar l-Iswed” tfisser is-subżona ġeografika tal-GFCM kif definita fir-riżoluzzjoni GFCM/33/2009/2;

    (c)

    “Bastiment tal-UE” tfisser bastiment tas-sajd li jtajjar bandiera ta' Stat Membru u li jkun irreġistrat fl-Unjoni;

    (d)

    “qabda totali permissibli (TAC)” tfisser il-kwantità li tista' tittieħed minn kull stokk kull sena;

    (e)

    “kwota” tfisser proporzjon mit-TAC allokat lill-Unjoni, lil Stat Membru jew lil pajjiż terz.

    KAPITOLU II

    OPPORTUNITAJIET TAS-SAJD

    Artikolu 4

    TACs u allokazzjonijiet

    It-TACs, l-allokazzjonijiet ta' dawn it-TACs fost l-Istati Membri, u l-kundizzjonijiet funzjonalment marbuta magħhom, fejn xieraq, huma stabbiliti fl-Anness.

    Artikolu 5

    Dispożizzjonijiet speċjali dwar l-allokazzjonijiet

    L-allokazzjoni ta' opportunitajiet tas-sajd fost l-Istati Membri kif stabbiliti f'dan ir-Regolament għandha tkun bla preġudizzju għal:

    (a)

    skambji magħmula f'konformità mal-Artikolu 20(5) tar-Regolament (KE) Nru 2371/2002;

    (b)

    riallokazzjonjiet magħmula f'konformità mal-Artikolu 37 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009;

    (c)

    ħatt l-art addizzjonali permess skont l-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 847/96;

    (d)

    kwantitajiet miżmuma f'konformità mal-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 847/96;

    (e)

    tnaqqis magħmul skont l-Artikoli 37, 105 u 107 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009.

    Artikolu 6

    Il-kundizzjonijiet għall-ħatt l-art tal-qabdiet u tal-qabdiet inċidentali

    Ħut minn stokkijiet li għalihom l-opportunitajiet tas-sajd huma ffissati minn dan ir-Regolament għandhom jinżammu abbord jew jinħattu l-art biss jekk:

    (a)

    il-qabdiet ikunu saru minn bastimenti ta' Stat Membru li għandu kwota u dik il-kwota ma ġietx eżawrita; jew

    (b)

    il-qabdiet jikkonsistu f'parti minn sehem ta' kwota tal-Unjoni li ma kinitx ġiet allokata permezz ta' kwota bejn l-Istati Membri, u dik il-kwota tal-Unjoni ma ġietx eżawrita.

    KAPITOLU III

    DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

    Artikolu 7

    It-trasmissjoni tad-dejta

    Meta, skont l-Artikoli 33 u 34 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009, l-Istati Membri jibagħtu dejta lill-Kummissjoni relatata ma' ħatt l-art ta' kwantitajiet ta' stokkijiet maqbuda, huma għandhom jużaw il-kodiċijiet tal-istokkijiet stabbiliti fl-Anness għal dan ir-Regolament.

    Artikolu 8

    Id-dħul fis-seħħ

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2011.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, is-17 ta’ Diċembru 2010.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    S. VANACKERE


    (1)  ĠU L 358, 31.12.2002, p. 59.

    (2)  ĠU L 343, 22.12.2009, p. 1.

    (3)  ĠU L 115, 9.5.1996, p. 3.


    ANNESS

    TACs APPLIKABBLI GĦALL-BASTIMENTI TAL-UE F'ŻONI FEJN JEŻISTU T-TACs SKONT L-ISPEĊI U Ż-ŻONA

    It-tabelli li ġejjin jistabbilixxu t-TACs u l-kwoti (f'tunnellati ta' piż ħaj) bl-istokk u l-kundizzjonijiet funzjonalment marbuta magħhom, fejn xieraq.

    Ir-referenza għall-istokkijiet tal-ħut issir skont l-ordni alfabetika tal-ismijiet Latini tal-ispeċi. It-tabella li ġejja ta' korrelazzjoni bejn ismijiet Latini u ismijiet komuni qed tingħata għall-finijiet ta' dan ir-Regolament:

    Isem xjentifiku

    Kodiċi Alpha-3

    Isem komuni

    Psetta maxima

    TUR

    Barbun imperjali

    Sprattus sprattus

    SPR

    Laċċa kaħla


    Speċi

    :

    Barbun imperjali

    Psetta maxima

    Żona

    :

    Il-Baħar l-Iswed

    TUR/F3742C.

    Il-Bulgarija

    43,2  (1)

     

    Ir-Rumanija

    43,2  (1)

     

    L-UE

    86,4  (1)

     

    TAC

    Mhux rilevanti

    TAC Analitika

    L-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 847/96 ma japplikax.

    L-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 847/96 ma japplikax.


    Speċi

    :

    Laċċa kaħla

    Sprattus sprattus

    Żona

    :

    Il-Baħar l-Iswed

    SPR/F3742C

    Il-Bulgarija

    8 032,5

     

    Ir-Rumanija

    3 442,5

     

    L-UE

    11 475

     

    TAC

    Mhux rilevanti

    TAC Analitika

    L-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 847/96 ma japplikax.

    L-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 847/96 ma japplikax.


    (1)  L-ebda attività tas-sajd m'għandha tkun permessa bejn il-15 ta' April u l-15 ta' Ġunju 2011.


    Top