EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32010D0411

2010/411/: Deċiżjoni tal-Kunsill tat- 28 ta’ Ġunju 2010 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerika dwar l-ipproċessar u t-trasferiment ta’ Data dwar Messaġġi Finanzjarji mill-Unjoni Ewropea għall-Istati Uniti għall-finijiet tal-Programm dwar ir-Rintraċċar tal-Finanzjament tat-Terroriżmu

ĠU L 195, 27.7.2010, p. 1–2 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2010/411/oj

27.7.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 195/1


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tat-28 ta’ Ġunju 2010

dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerika dwar l-ipproċessar u t-trasferiment ta’ Data dwar Messaġġi Finanzjarji mill-Unjoni Ewropea għall-Istati Uniti għall-finijiet tal-Programm dwar ir-Rintraċċar tal-Finanzjament tat-Terroriżmu

(2010/411/UE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 87(2)(a) u 88(2), flimkien mal-Artikolu 218(5) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

B’deċiżjoni tal-11 ta’ Mejju 2010, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni sabiex tiftaħ negozjati f’isem l-Unjoni Ewropea bejn l-Unjoni u l-Istati Uniti biex titqiegħed għad-dispożizzjoni tad-Dipartiment tat-Teżor tal-Istati Uniti d-data dwar messaġġi finanzjarji għall-prevenzjoni u għall-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-finanzjament tat-terroriżmu. In-negozjati ġew konklużi b’suċċess billi ġie inizjalat il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerika dwar l-ipproċessar u t-trasferiment ta’ Data dwar Messaġġi Finanzjarji mill-Unjoni Ewropea għall-Istati Uniti għall-finijiet tal-Programm dwar ir-Rintraċċar tal-Finanzjament tat-Terroriżmu (“il-Ftehim”).

(2)

Il-Ftehim għandu jiġi ffirmat, soġġett għall-konklużjoni tiegħu fi stadju aktar tard.

(3)

Il-Ftehim jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, speċjalment id-dritt għal ħajja privata u tal-familja, rikonoxxut fl-Artikolu 7 tal-Karta, id-dritt għall-protezzjoni tad-data personali, rikonoxxut fl-Artikolu 8 tal-Karta, u d-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess imparzjali, rikonoxxut fl-Artikolu 47 tal-Karta. Il-Ftehim għandu jiġi applikat skont dawk id-drittijiet u prinċipji.

(4)

Skont l-Artikolu 3 tal-Protokoll Nru 21 dwar il-Pożizzjoni tar-Renju Unit u tal-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja anness għat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u għat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, ir-Renju Unit innotifika x-xewqa tiegħu li jieħu sehem fl-adozzjoni u fl-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

(5)

F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 21 dwar il-Pożizzjoni tar-Renju Unit u tal-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja anness għat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u għat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, l-Irlanda mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u mhijiex marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha, mingħajr ħsara għad-drittijiet tagħha taħt il-Protokoll fir-rigward tad-Deċiżjoni dwar il-konklużjoni tal-Ftehim.

(6)

B’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhijiex qiegħda tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni, u mhijiex marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-iffirmar tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerika dwar l-ipproċessar u t-trasferiment ta’ Data dwar Messaġġi Finanzjarji mill-Unjoni Ewropea għall-Istati Uniti għall-finijiet tal-Programm dwar ir-Rintraċċar tal-Finanzjament tat-Terroriżmu (1) (“il-Ftehim”) huwa b’dan approvat f’isem l-Unjoni, soġġett għall-konklużjoni tal-imsemmi Ftehim.

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill huwa b’dan awtorizzat sabiex jinnomina l-persuna(i) awtorizzata(i) sabiex tiffirma/jiffirmaw il-Ftehim f’isem l-Unjoni soġġett għall-konklużjoni tiegħu.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, it-28 ta’ Ġunju 2010.

Għall-Kunsill

Il-President

M. Á. MORATINOS


(1)  Ara paġna 5 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.


Top