Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32010D0269

    2010/269/: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tad- 9 ta’ Marzu 2010 dwar l-għajnuna mogħtija lill-kumpanija Farm Dairy (C 45/08) (notifikata bid-dokument numru C(2010) 1240)

    ĠU L 118, 12.5.2010, p. 45–55 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2010/269/oj

    12.5.2010   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 118/45


    DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

    tad-9 ta’ Marzu 2010

    dwar l-għajnuna mogħtija lill-kumpanija “Farm Dairy” (C 45/08)

    (notifikata bid-dokument numru C(2010) 1240)

    (It-test bl-Olandiż biss huwa awtentiku)

    (2010/269/UE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (“it-TFUE”) (1), u b’mod partikulari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 108(2) tiegħu,

    Wara li talbet lill-partijiet interessati jressqu l-kummenti tagħhom skont dak l-Artikolu u wara li qieset dawk il-kummenti,

    Billi:

    I.   Proċedura

    (1)

    Hija u teżamina skeda informattiva mibgħuta b’rabta ma’ talba għal eżenzjoni bbażata fuq ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 68/2001 tat-12 ta’ Jannar 2001 dwar it-tħaddim tal-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat tal-UE dwar l-għajnuna għat-taħriġ (2), il-Kummissjoni kellha xi tagħrif dwar għajnuna li kienet ingħatat jew li kienet se tingħata lill-kumpanija “Farm Dairy Flevoland”. B’ittra ddatata d-29 ta’ Ġunju 2004 (ref. AGR/16887), il-Kummissjoni talbet lill-Olanda tibagħtilha tagħrif dwar din il-miżura.

    (2)

    L-awtoritajiet Olandiżi wieġbu b’ittra tat-28 ta’ Novembru 2005, irreġistrata fid-29 ta’ Novembru 2005.

    (3)

    B’ittra tat-22 ta’ Mejju 2007, il-Kummissjoni talbet għal iktar tagħrif, u l-Olanda wieġbet għal din it-talba b’ittra tat-22 ta’ Ġunju 2007, irreġistrata fil-25 ta’ Ġunju 2007.

    (4)

    Il-miżura ddaħħlet fir-reġistru tal-għajnuniet mhux innotifikati bin-numru NN 97/2005.

    (5)

    Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tibda l-proċedura ttieħdet fis-26 ta’ Novembru 2008 u ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea  (3). Il-Kummissjoni stiednet lill-Istati Membri l-oħra u l-partijiet terzi interessati biex jibagħtu l-kummenti tagħhom dwar l-għajnuniet inkwistjoni.

    (6)

    L-Olanda bagħtet il-kummenti tagħha b’ittra tad-19 ta’ Jannar 2009 irreġistrata fl-istess jum.

    (7)

    B’ittra tat-18 ta’ Mejju 2009, il-Kummissjoni rċeviet il-kummenti tal-kumpanija Farm Dairy, bħala parti terza interessata. Wara talba għal estensjoni taż-żmien ta’ skadenza u wara li tqiesu ċ-ċirkustanzi partikulari espressi mill-kumpanija Farm Dairy, xi annessi addizzjonali għall-ittra tat-18 ta’ Mejju 2009 ntbagħtu lill-Kummissjoni b’ittra tal-15 ta’ Ġunju 2009, irreġistrata fit-18 ta’ Ġunju 2009. Dawn il-kummenti ntbagħtu lill-awtoritajiet Olandiżi b’ittra tal-24 ta’ Ġunju 2009. L-awtoritajiet Olandiżi mbagħad wieġbu b’ittra tas-17 ta’ Lulju 2009, irreġistrata fl-istess jum.

    (8)

    B’ittra tat-18 ta’ Settembru 2009, il-Kummissjoni għamlet mistoqsijiet addizzjonali lill-Olanda. B’ittra tas-16 ta’ Ottubru 2009, din tal-aħħar talbet li ż-żmien ta’ skadenza għat-tweġiba jittawwal sat-18 ta’ Novembru 2009. Dan iż-żmien ingħatalha b’ittra tal-10 ta’ Novembru 2009. B’ittra tat-23 ta’ Novembru, irreġistrata fl-istess jum, l-Olanda tat iktar tagħrif.

    II.   Deskrizzjoni

    II.1.   Il-kuntest tal-miżura

    (9)

    Il-kumpanija Farm Dairy hija impriża li timmanifattura l-prodotti tal-ħalib. Hija marret fil-post attwali tagħha f’Lelystad, Flevoland, li huwa reġjun ikklassifikat bħala tal-għan Nru 1. Fl-24 ta’ Awwissu 1998, il-kumpanija Farm Dairy għamlet talba għall-għajnuna għall-investiment skont il-punt 3.3 tad-dokument waħdieni tal-ipprogrammar (l-“Enig Programmeringsdocument”) tal-Provinċja ta’ Flevoland. L-impriża kien beħsiebha toħloq impjiegi diretti u indiretti fir-reġjun.

    (10)

    Fit-23 ta’ Settembru 1998, il-Provinċja tat opinjoni favorevoli għal din it-talba għall-għajnuna. F’din id-deċiżjoni, il-Provinċja bbażat fost l-oħrajn fuq il-perspettivi favorevoli f’termini tal-ħolqien tal-impjiegi, tal-ambjent, tat-tnaqqis tal-ispejjeż għat-trasport tal-ħalib (sa dak iż-żmien, il-ħalib prodott fi Flevoland kien ipproċessat barra minn Flevoland u saħansitra fil-Belġju), u tal-perspettivi ta’ profittabbiltà tal-impriża. Fil-fatt, il-kumpanija Farm Dairy kienet qed tipprevedi li kien se jkollha kuntratti mal-produtturi tal-ħalib ta’ Flevoland, kif ukoll ftehimiet ma’ katina ta’ supermarkits magħrufa, li kien se jiżgura l-bejgħ tal-prodotti tal-ħalib. Il-kumpanija Farm Dairy kienet qed tipprevedi li se tipproċessa 48 miljun kilo ħalib kull sena.

    (11)

    Il-Provinċja talbet lill-Ministeru Olandiż tal-Agrikoltura (il-“Ministerie voor Landbouw, Natuur and Voedselkwaliteit – LNV”) għall-kofinanzjament, u talbet li ssir ukoll valutazzjoni tal-proġett. Jidher li kien hemm nuqqas ta’ qbil bejn il-Provinċja u d-“Directie Noordwest” tal-Ministeru tal-Agrikoltura dwar it-talba għall-kofinanzjament, b’mod partikulari f’dak li kellu x’jaqsam mal-aspett innovattiv tal-proġett. Għal din ir-raġuni, l-IKC ta opinjoni oħra. Din it-tieni opinjoni, mibgħuta fis-17 ta’ Diċembru 1998, irrappurtat il-kwalitajiet tal-proġett f’dak li kellu x’jaqsam mal-impjiegi, l-opportunitajiet, u l-profittabbiltà. Madanakollu, l-IKC kkonkluda li l-aspett innovattiv tal-proġett kien wieħed dgħajjef. Fil-fatt, il-proċess ta’ produzzjoni nnifsu ma kienx innovattiv minkejja li kien juża l-aktar tekniki moderni, iżda l-proġett kien innovattiv mill-aspett tas-suq. Din it-tieni opinjoni qieset bosta kriterji, fosthom l-iżvilupp tar-reġjun u l-perspettivi finanzjarji tal-proġett. Minħabba l-fatt li l-proġett kien se jkun ta’ benefiċċju l-aktar għall-provinċja (u inqas fuq livell nazzjonali), l-iskala normali tat-tqassim tal-kofinanzjament tas-sussidji tbaxxiet, fis-sens li l-kwota tal-provinċja żdiedet.

    (12)

    Wara li l-Ministeru Olandiż tal-Agrikoltura ħa din il-pożizzjoni, il-Provinċja ħarġet deċiżjoni li tagħti sussidju lill-kumpanija Farm Dairy ta’ ammont totali ta’ NLG 1 575 000, jiġifieri ta’ EUR 715 909, u fit-3 ta’ Marzu 1999 għarrfet lill-kumpanija Farm Dairy li kien beħsiebha tagħtiha dan is-sussidju. Dan is-sussidju kellu jkun iffinanzjat mill-kontribuzzjonijiet tal-Fond Agrikolu Ewropew dwar Gwida u Garanzija (l-FAEGG), tal-Istat ċentrali u tal-Provinċja.

    (13)

    Minħabba xi dubji dwar il-possibbiltajiet li tinkiseb l-awtorizzazzjoni għal din l-għajnuna mill-Kummissjoni Ewropea, il-Ministeru Olandiż tal-Agrikoltura ddeċieda li ma jagħtix il-finanzjament pubbliku, u għarraf lill-Provinċja b’dan permezz ta’ ittra tal-14 ta’ Settembru 1999.

    (14)

    Wara kontroll li sar mid-DĠ għall-Agrikoltura, dan iddeċieda li l-proġett ma setax jiġi ffinanzjat permezz tad-dokument waħdieni tal-ipprogrammar, u li, għalhekk, il-parti tal-finanzjament li kellha tiġi mill-FAEGG ma kinetx se tingħata. Huwa għarraf lill-Provinċja b’din id-deċiżjoni permezz ta’ ittra tal-25 ta’ Ġunju 1999.

    (15)

    Il-Provinċja xorta waħda ddeċidiet li tiffinanzja l-proġett abbażi tal-fondi tal-Provinċja biss. Il-kumpanija Farm Dairy tgħarrfet dwar l-għoti definittiv ta’ dan is-sussidju u tal-ħlas ta’ dan is-sussidju permezz ta’ ittra tal-20 ta’ Novembru 2000.

    (16)

    Fit-23 ta’ Frar 2001, saret laqgħa informali bejn l-uffiċjali tad-DĠ tal-Agrikoltura u r-rappreżentanti tal-Provinċja ta’ Flevoland, fuq talba ta’ dawn tal-aħħar. F’din il-laqgħa, l-uffiċjali indikaw li l-għajnuna lill-kumpanija Farm Dairy ma kinitx kompatibbli mas-suq komuni u kellha tiġi rkuprata jew tintuża fil-qafas ta’ proġett ieħor.

    (17)

    Il-Provinċja għażlet li tagħti l-għajnuna fil-forma ta’ kumpens lill-kumpanija Farm Dairy għad-danni li ġarrbet minħabba li ġiet irtirata d-deċiżjoni li tingħata l-għajnuna. Dan il-kumpens kien daqs l-ammont li kienet sejra tirċievi l-kumpanija Farm Dairy li kieku l-allokazzjoni tal-għajnuna kienet ġiet awtorizzata. Fil-fatt, il-Provinċja kienet tal-fehma li peress li d-deċiżjoni tal-allokazzjoni ma kinitx tipprevedi l-possibbiltà li l-għajnuna tiġi rtirata, hija kienet marbuta b’din id-deċiżjoni u kienet obbligata tagħti l-għajnuna, inkella kienet se tirriskja li l-kumpanija Farm Dairy tieħu azzjoni legali kontriha. Il-Provinċja għarrfet lill-kumpanija Farm Dairy bil-proposta tagħha permezz ta’ ittra tal-10 ta’ Mejju 2001. Il-kumpanija Farm Dairy aċċettat din il-proposta b’ittra tal-21 ta’ Mejju 2001.

    II.2.   Il-bażi legali

    (18)

    Fil-bidu, l-għajnuna kienet ingħatat fil-qafas tad-dokument waħdieni tal-ipprogrammar tal-Provinċja ta’ Flevoland bħala għajnuna għall-investiment skont il-punt 3.3 tad-dokument waħdieni tal-ipprogrammar. Wara, u għar-raġunijiet spjegati hawn fuq, l-għajnuna ngħatat bħala kumpens għat-telf imġarrab minħabba d-deċiżjoni li jiġi rtirat l-għoti tal-għajnuna.

    II.3.   L-ammont tal-għajnuna

    (19)

    L-għajnuna hija ta’ NLG 1 575 000, jiġifieri ta’ EUR 715 909. Dan l-ammont jikkorrispondi għal 8,5 % tal-ammont tal-investimenti totali li huma ta’ NLG 18 597 000, jiġifieri ta’ EUR 8 438 951.

    II.4.   Il-benefiċjarju

    (20)

    Il-benefiċjarju huwa l-kumpanija Farm Dairy Holding B.V. li tinsab f’Lelystad. Din hija kumpanija li tipproduċi l-prodotti tal-ħalib (fost l-oħrajn il-jogurts u deżerti oħra magħmulin mill-ħalib).

    II.5.   It-tul ta’ żmien tal-miżura

    (21)

    L-għajnuna ingħatat għall-perjodu mill-1 ta’ Ottubru 1998 sal-1 ta’ Mejju 2000, li jikkorrispondu għad-dati tal-bidu u t-tmiem tal-proġett tal-kumpanija Farm Dairy. Id-deċiżjoni tal-għoti tal-għajnuna bħala tali ttieħdet fit-3 ta’ Marzu 1999.

    III.   L-argumenti li qajmet il-Kummissjoni fl-ambitu tal-ftuħ tal-proċedura tal-investigazzjoni

    (22)

    Il-Kummissjoni bdiet il-proċedura tal-investigazzjoni prevista fl-Artikolu 108(2) tat-TFUE għaliex kellha dubji serji dwar kemm dawn l-għajnuniet kienu kompatibbli mas-suq intern.

    (23)

    B’mod partikulari, il-Kummissjoni, b’mod preliminari, investigat kemm il-miżuri inkwistjoni huma kompatibbli f’termini tal-għajnuna għall-investiment u tal-għajnuna bħala kumpens għad-danni.

    (24)

    Fil-każ tal-għajnuna għall-investiment, il-Kummissjoni applikat ir-regoli li kienu japplikaw meta ngħatat l-għajnuna, jiġifieri l-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat b’rabta mal-investimenti fl-ipproċessar u fil-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti agrikoli (4) (minn hawn ‘il quddiem imsejħin “il-Linji Gwida”), billi dan kien jirrigwarda investiment. Dawn il-Linji Gwida jeskludu, b’mod ġenerali, l-għajnuna għall-investiment fis-settur tal-ħalib tal-baqar u tal-prodotti ta’ dan il-ħalib, ħlief fil-każ ta’ waħda mill-eċċezzjonijiet imsemmija fil-punt 2.3 tal-Anness għad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 94/173/KE tat-22 ta’ Marzu 1994 dwar l-istabbiliment tal-kriterji tal-għażla li għandhom jiġu adotatti għall-investimenti maħsubin għat-titjib tal-kundizzjonijiet tal-ipproċessar u tal-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti agrikoli u tal-forestrija (5) [titlu mhux uffiċjali]. Dawn l-eċċezzjonijiet għandhom x’jaqsmu, fost l-oħrajn, mal-investimenti li fihom element kbir ta’ innovazzjoni. F’dan ir-rigward, fid-deċiżjoni li tibda l-proċedura tal-investigazzjoni, il-Kummissjoni kkonkludiet li ma kellhiex biżżejjed provi li jippermettulha tikkonkludi li l-għajnuna inkwistjoni kienet tissodisfa l-kundizzjonijiet biex tkun tista’ tibbenefika minn waħda mill-eċċezzjonijiet previsti. Il-punt 3 d) tal-Linji Gwida min-naħa tiegħu jipprevedi l-possibbiltà li ċerta għajnuna tiġi ddikjarata bħala kompatibbli jekk tkun eliġibbli għall-kofinanzjament. Fid-deċiżjoni tagħha li tibda l-proċedura, il-Kummissjoni kkonkludiet li din il-possibbiltà ma tistax tiġi applikata fil-każ inkwistjoni, minħabba li l-ittra tal-Kummissjoni lill-Olanda tal-25 ta’ Ġunju 1999 kienet tirrifjuta kwalunkwe finanzjament ibbażat fuq id-dokument waħdieni tal-ipprogrammar.

    (25)

    Il-Kummissjoni investigat ukoll l-argument tal-awtoritajiet Olandiżi li l-għajnuna kienet ingħatat bħala kumpens għad-danni mġarrba minħabba żball tal-awtoritajiet, li l-ewwel taw l-għajnuna li mbagħad wara nstabet li kienet illegali u li forsi ma kinitx kompatibbli mas-suq komuni. Il-Kummissjoni kkonkludiet li l-kumpanija li rċeviet l-għajnuna madanakollu ma setax ikollha fiduċja leġittima fir-regolarità tal-għajnuna jekk din ma kinitx ingħatat skont il-proċedura prevista. Għalhekk hija esprimiet dubji dwar il-fatt li l-kumpens kien ġustifikazzjoni adegwata li jippermetti ‘l wieħed jikkonkludi li l-miżura inkwistjoni ma kinitx tikkostitwixxi għajnuna.

    (26)

    Peress li l-awtoritajiet Olandiżi ma taw l-ebda bażi legali oħra, il-Kummissjoni kkonkludiet li kien għad hemm dubji dwar kemm il-miżuri inkwistjoni kienu kompatibbli u kienet tal-fehma li wieħed ma setax jeskludi l-fatt li dawn il-miżuri kienu jikkostitwixxu għajnuna għall-operat.

    IV.   Kummenti magħmulin minn terzi persuni

    (27)

    L-ewwel nett, il-kumpanija Farm Dairy indikat li kienet sorpriża meta ġiet ippubblikata d-deċiżjoni li tinbeda l-proċedura formali tal-investigazzjoni. Fil-fatt, il-kumpanija Farm Dairy kienet konvinta li l-każ kien ilu magħluq. Il-kumpanija Farm Dairy imbagħad ilmentat li ma setgħet teżerċita l-ebda influwenza fuq il-korrispondenza bejn il-Provinċja ta’ Flevoland u l-Kummissjoni, peress li ġiet mgħarrfa bl-investigazzjoni tal-Kummissjoni biss wara li kienet inbdiet il-proċedura formali tal-investigazzjoni.

    (28)

    Il-kummenti ta’ Farm Dairy huma mqassmin f’erba’ partijiet: l-ewwel nett, il-kuntest ġenerali tal-miżura u l-fiduċja leġittima tal-benefiċjarju, it-tieni nett, l-applikazzjoni tal-miżuri tad-dokument waħdieni tal-ipprogrammar ta’ Flevoland, it-tielet nett, il-valutazzjoni fir-rigward tad-Deċiżjoni 94/173/KE, u r-raba’ nett, il-kontestazzjoni tal-applikazzjoni ta’ rata tal-imgħax komposta f’każ ta’ deċiżjoni negattiva b’irkupru.

    IV.1.   Il-kuntest ġenerali tal-miżura

    (29)

    F’Awwissu tal-1998, il-kumpanija Farm Dairy talbet lill-Provinċja ta’ Flevoland għas-sussidji fil-qafas tad-dokument waħdieni tal-ipprogrammar għall-perjodu mill-1994 sal-1999. Dan id-dokument waħdieni tal-ipprogrammar kien jenfasizza b’mod partikulari l-ħtieġa li jiġu estiżi l-possibbiltajiet tal-ipproċessar u l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti agrikoli fil-Provinċja ta’ Flevoland. F’dan il-kuntest, il-proġett tal-kumpanija Farm Dairy kien jidher partikolarment adattat, għaliex il-kumpanija kien beħsiebha tibni fabbrika indipendenti tal-ipproċessar tal-ħalib f’Lelystad.

    (30)

    Il-kumpanija Farm Dairy irrappurtat, wara, ir-riżultati pożittivi li ġew mill-bini tal-fabbrika f’Lelystad: il-kompetizzjoni li ħarġet fis-suq Olandiż tal-prodotti tal-ħalib, li kienu ddominati dak iż-żmien mill-kumpanija Friesland Coberco u Campina Melkunie; il-qrubija tal-fornituri tal-ħalib; l-innovazzjonijiet (sistema ta’ produzzjoni skont l-ordni (“make-to-order”); l-introduzzjoni ta’ kontenituri ta’ żewġ litri fis-suq Olandiż; żieda fl-impjiegi f’reġjun tal-“għan Nru 1”; it-tħeġġiġ tat-tkabbir ekonomiku fir-reġjun. Dak iż-żmien, il-kumpanija Farm Dairy kien beħsiebha tiżviluppa linja ta’ prodotti speċjali u innovattivi fis-suq Olandiż.

    (31)

    Il-kumpanija Farm Dairy qalet li t-talba għas-sussidju kienet ġiet evalwata b’mod pożittiv mill-Provinċja u mill-Ministeru Olandiż tal-Agrikoltura (LNV) fuq il-bażi ta’ opinjoni indipendenti tal-IKC, li kkonkluda li l-proġett kien parzjalment innovattiv. B’hekk kien ġie ffirmat Ftehim fl-24 ta’ Frar 1999 bejn il-Provinċja ta’ Flevoland u l-kumpanija Farm Dairy, li kien jagħti sussidju lill-kumpanija fil-qafas tal-miżura 3.3 tad-dokument waħdieni tal-ipprogrammar ta’ Flevoland. Il-kumpanija Farm Dairy tenfasizza li kien biss fl-2001 li l-Provinċja ta’ Flevoland għarrfitha li l-għajnuna ma kinitx awtorizzata skont ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat. Biex tevita proċedura legali, il-Provinċja pproponiet li tħallas kumpens. Il-kumpanija Farm Dairy qalet li d-deċiżjoni li tinbeda l-proċedura tal-investigazzjoni ssemmi li n-nuqqas ta’ kompatibbiltà tal-għajnuna ssemma biss waqt taħdita bejn il-Provinċja u l-Kummissjoni. Madanakollu, il-Provinċja kienet qalet lill-kumpanija Farm Dairy li uffiċjal tal-Kummissjoni kien issuġġerixxa li seta’ jitħallas kumpens. Minħabba dawn l-elementi, il-kumpanija Farm Dairy qalet li setgħet ikollha fiduċja leġittima fil-fatt li l-każ kien ingħalaq.

    (32)

    F’dak li għandu x’jaqsam mal-intensità tal-għajnuna, il-kumpanija Farm Dairy qalet li l-intensità aħħarija tal-għajnuna kienet ta’ […] (*) % tal-ispejjeż reali tal-investiment, għall-kuntrarju taċ-ċifra ta’ 8,5 % tal-ispejjeż tal-investiment li kienu ġew stmati. Dan il-perċentwal huwa ħafna aktar baxx mill-perċentwali awtorizzati (pereżempju favur l-impriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju).

    IV.2.   Il-kummenti tal-kumpanija Farm Dairy dwar valutazzjoni fir-rigward tad-dokument waħdieni tal-ipprogrammar ta’ Flevoland

    (33)

    Il-Provinċja ta’ Flevoland ivvalutat il-miżura skont il-miżura 3.3 tad-dokument waħdieni tal-ipprogrammar ta’ Flevoland, li għandha l-għan li tħeġġeġ attivitajiet agrikoli ġodda, billi għandha l-għan li toħloq l-impjiegi u billi għandha għanijiet ambjentali. Il-kumpanija Farm Dairy qalet li kienet sorpriża bil-fatt li l-Kummissjoni kienet qed tikkwalifika l-miżura bħala waħda li għandha tiġi vvalutata skont il-punt 3.2 tad-dokument waħdieni tal-ipprogrammar ta’ Flevoland dwar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 866/90 tad-29 ta’ Marzu 1990 dwar it-titjib tal-kundizzjonijiet tal-ipproċessar u tal-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti agrikoli (6) [titlu mhux uffiċjali]. Valutazzjoni b’dan il-mod twassal għall-obbligu li jitħarsu l-kriterji għall-investimenti msemmijin fil-punt 2.3 tal-Anness għad-Deċiżjoni 94/173/KE.

    (34)

    Il-kumpanija Farm Dairy qalet li, fil-fehma tagħha, il-kundizzjonijiet previsti fil-punt 3.3 tad-dokument waħdieni tal-ipprogrammar ta’ Flevoland kienu ssodisfati: b’mod partikulari, fl-2000 il-kumpanija Farm Dairy kienet ħolqot 61 impjieg (minflok il-35 previsti fil-bidu) u kienet investiet total ta’ NLG […] miljun minflok it-18.5 miljun previsti fil-bidu. Barra minn hekk, l-investiment kien pożittiv f’termini ambjentali: kien hemm tnaqqis fir-rata tal-emissjonijiet tas-CO2 u fl-użu tal-fjuwils minħabba l-qrubija tal-produtturi tal-ħalib. Il-kunċett innovattiv tas-sistema ta’ produzzjoni skont l-ordni (“make-to-order”) naqqas il-ħtieġa għall-kapaċitajiet ta’ tkessiħ, li jużaw ħafna enerġija.

    (35)

    Il-kumpanija Farm Dairy tikkonkludi dan il-punt billi tgħid li l-Kummissjoni kellha tapprova s-sussidju skont il-miżura 3.3 u mhux skont il-miżura 3.2 tad-dokument waħdieni tal-ipprogrammar ta’ Flevoland.

    IV.3.   Il-kummenti tal-kumpanija Farm Dairy dwar valutazzjoni fir-rigward tad-Deċiżjoni 94/173/KE

    (36)

    L-ewwel nett, il-kumpanija Farm Dairy taħseb li l-għajnuna hija kompatibbli mal-kriterji msemmijin fil-punt 1.1 tad-Deċiżjoni 94/173/KE. Fil-fatt, kif ingħad aktar ‘il fuq, l-investiment kien ta’ benefiċċju għall-ambjent, u ppreżenta innovazzjonijiet teknoloġiċi. Barra minn hekk, il-qrubija tal-fornituri tal-ħalib ippermettiet li jitnaqqsu l-ispejjeż intermedji tal-ġbir tal-ħalib u l-kunċett taċ-ċentralizzazzjoni tal-katina tal-produzzjoni f’kumpanija waħda ppermetta t-tqassim dirett.

    (37)

    It-tieni nett, il-kumpanija Farm Dairy tqis li l-għajnuna inkwistjoni tissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti mill-kriterji msemmijin fil-punt 2.3 tal-Anness għad-Deċiżjoni 94/173/KE msemmija qabel.

    (38)

    B’mod partikulari, il-kumpanija Farm Dairy sostniet li l-investiment fih element kbir ta’ innovazzjoni, għal żewġ raġunijiet: l-ewwel nett, il-proċess intern tal-kumpanija huwa bbażat fuq sistema ta’ produzzjoni skont l-ordni. Dan ifisser li l-materja prima, il-ħalib, huwa pproċessat fil-kumpanija fi prodott lest, li jiġi ppakkjat fuq il-post u jitgħabba mill-ewwel fit-trakkijiet ta’ tkessiħ. Għalhekk, dan jelimina l-ħtieġa li jintuża ċentru loġistiku tat-tqassim. Din is-sistema tippermetti wkoll li l-provvista tal-bidu tal-ħalib tkun tikkorrispondi eżattament mal-kwantità ta’ ordnijiet li jkunu saru. Għalhekk, dan inaqqas sew l-ispejjeż ta’ tkessiħ marbutin mat-trasport tal-ħalib mill-fabbrika. Il-kumpanija Farm Dairy enfasizzat li hija investiet f’faċilitajiet moderni ta’ pasturizzazzjoni li għandhom prestazzjoni għolja meta mqabbla mal-ħtiġijiet tal-enerġija. Dan il-proċess ta’ produzzjoni ta kontribut għall-kwalità għolja tal-prodotti tal-kumpanija Farm Dairy.

    (39)

    It-tieni nett, il-kumpanija Farm Dairy qalet li hija kienet ukoll innovattiva fil-produzzjoni, billi introduċiet il-kontenituri ta’ żewġ litri tal-politin (“polyethylene”) fis-suq Olandiż. Fl-1999, il-kumpanija Farm Dairy kienet l-ewwel kumpanija tal-prodotti tal-ħalib li poġġiet kontenitur bħal dan fis-suq. Dak iż-żmien, kienu disponibbli biss kontenituri iżgħar tal-kartun. Għal dan il-għan, il-kumpanija Farm Dairy kienet impurtat magna speċifika mill-Istati Uniti biex timmanifattura dawn il-kontenituri. Fl-1999, id-domanda għal kontenituri bħal dawn kienet għadha mhijiex għolja ħafna. Kien biss fl-2004 li d-domanda għal dawn il-kontenituri żdiedet sewwa. Mill-2004 ‘l hawn, il-kumpanija Farm Dairy imliet aktar minn […] miljun litru ħalib f’dawn il-kontenituri ta’ żewġ litri, li jikkostitwixxu […] % tal-produzzjoni totali tagħha tal-ħalib. Mal-kummenti tagħha, il-kumpanija Farm Dairy hemżet artiklu tal-istampa li jsemmi din l-innovazzjoni, kif ukoll statistika tal-kumpanija li turi l-proporzjon dejjem jikber ta’ ħalib mibjugħ f’kontenituri ta’ żewġ litri matul il-perjodu mill-1999 sal-2008.

    (40)

    Flimkien mal-kummenti tagħha, il-kumpanija Farm Dairy hemżet ukoll rapport bit-titlu “Innovazzjonijiet minn Farm Dairy fil-perjodu tat-talba tad-dokument waħdieni tal-ipprogrammar fl-1998”, miktub minn […], li dak iż-żmien kien […] mal-kompetitur […]. Il-kumpanija Farm Dairy enfasizzat li dan ir-rapport indipendenti juri li l-introduzzjoni tal-kontenituri tal-politin ta’ żewġ litri fis-suq Olandiż kienet ħaġa rivoluzzjonarja minħabba li ż-żewġ partijiet dominanti (Friesland-Coberco u Campina Melkunie) ippruvaw iwaqqfu l-introduzzjoni ta’ dan l-ippakkjar. Dan il-kontenitur kellu bosta vantaġġi meta mqabbel mal-kontenituri tal-kartun li kienu disponibbli dak iż-żmien. Il-kumpanija Farm Dairy kienet tassew l-ewwel waħda li introduċiet dan il-kontenitur fl-Olanda. Barra minn hekk, il-kunċett loġistiku tal-kumpanija (katina ta’ produzzjoni f’kumpanija waħda) jippermetti ‘l dak li jkun iżomm il-ħalib għal iktar żmien minħabba n-nuqqas ta’ ċentri loġistiċi ċentrali tat-tqassim u n-nuqqas tal-ħtieġa ta’ linji estiżi tal-provvista.

    (41)

    Il-kumpanija Farm Dairy bagħtet ukoll tabella li fiha l-ispejjeż speċifiċi għall-investiment marbutin mal-produzzjoni tal-kontenituri ta’ żewġ litri kienu sseparati mill-bqija tal-ispejjeż tal-investiment. Waqt il-bini ta’ Farm Dairy, inbnew erba’ linji ta’ bbottiljar, li minnhom waħda kienet iddedikata b’mod speċjalment għall-ibbottiljar tal-kontenituri ta’ żewġ litri. Dawn l-ispejjeż ukoll kienu sseparati mill-ispejjeż l-oħra tal-investiment.

    (42)

    Il-kumpanija Farm Dairy qalet ukoll li fiż-żmien tat-talba għall-investiment, hija kien beħsiebha tibda linja ta’ prodotti speċjali: il-krema f’tazzi, il-jogurts tal-frott u deżerti oħra li jsiru abbażi tal-krema u tal-frott.

    (43)

    Bħala tweġiba għall-kriterju msemmi fil-punt 2.3 tal-Anness għad-Deċiżjoni 94/173/KE dwar l-iżilupp tad-domanda, il-kumpanija Farm Dairy qalet li d-domanda kienet ġejja essenzjalment mis-supermarkits, u li dawn kienu entużjasti ħafna bl-idea li kien se jkun hemm attur ġdid fis-suq. Sa mill-bidu nett, il-kumpanija Farm Dairy kellha kuntratti ta’ kunsinna mas-supermarkits ewlenin fl-Olanda.

    (44)

    F’dak li għandu x’jaqsam mal-eċċezzjoni relatata man-nuqqas ta’ kapaċitajiet kif ukoll mal-eżistenza ta’ opportunitajiet reali u effettivi, mir-reazzjoni tas-supermarkits imsemmija fil-premessa 43 jirriżulta li l-eżistenza ta’ opportunitajiet reali u effettivi kienet intweriet b’mod ċar. Skont il-kumpanija Farm Dairy, in-nuqqas ta’ kapaċitajiet jidher biċ-ċar mid-deċiżjoni tal-awtoritajiet tal-kompetituri Olandiżi (NMa) tat-23 ta’ Diċembru 1998 meħuda fil-qafas tax-xiri tal-kumpanija tal-prodotti tal-ħalib De Kievit mill-kumpanija Friesland Coberco Dairy Foods. L-Olanda timporta aktar ħalib għall-ipproċessar milli tesporta. Il-bilanċ tal-importazzjoni u l-esportazzjoni juri li 2,5 % biss tal-ħalib ipproċessat fl-Olanda kien impurtat. Minn dan it-tagħrif kollu, il-kumpanija Farm Dairy tasal għall-konklużjoni li s-suq tal-ħalib frisk fl-Olanda ma kellux kapaċità żejda.

    (45)

    B’mod sekondarju, l-kumpanija Farm Dairy semmiet li l-fornituri tal-ħalib ta’ Flevoland kienu għażlu li ma jqassmux aktar ħalib lill-kumpanija Campina Melkunie, il-klijent tagħhom, biex iqassmu l-ħalib tagħhom lill-kumpanija Comelco fil-Belġju. Madanakollu, ix-xiri tal-kumpanija Comelco mill-kumpanija Campina Melkunie fl-1991 u l-implimentazzjoni finali tiegħu fl-1996 kienu ġiegħlu lill-fornituri tal-ħalib ifittxu alternattiva oħra. Din l-alternattiva l-oħra kienet il-wasla tal-kumpanija Farm Dairy fl-1999.

    (46)

    Il-kumpanija Farm Dairy kkonkludiet dan il-punt billi indikat id-diffikultajiet biex wieħed isib tagħrif aktar preċiż għaxar snin wara li seħħew il-fatti, u tpoġġi f’dubju t-tul ta’ żmien tal-proċedura bejn il-Kummissjoni u l-Olanda.

    IV.4.   Il-ħlas ta’ rata tal-imgħax komposta

    (47)

    Il-kumpanija Farm Dairy invokat it-tul ta’ żmien tal-proċedura u l-fiduċja leġittima tagħha fil-fatt li l-każ donnu kien ingħalaq biex tikkontesta l-impożizzjoni ta’ rata tal-imgħax komposta minn mindu ngħatat l-għajnuna. Il-kumpanija Farm Dairy ma tistax titqies li hija responsabbli għall-fatt li l-każ kien baqa’ inattiv għal perjodu twil, ħaġa li wasslet għall-akkumulazzjoni tar-rati tal-imgħax. Huwa minħabba f’hekk li l-kumpanija Farm Dairy talbet li tiġi applikata rata tal-imgħax sempliċi, minħabba li, li kieku kienet taf li l-għajnuna kienet illegali, u li kieku kellha l-għażla, kienet tagħżel li tħallas lura l-ammont qabel.

    (48)

    Il-kumpanija Farm Dairy bbażat it-talba tagħha fuq il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta’ Mejju 2003, li kienet tindika li sa dak il-mument, ma kienx ċar liema tip ta’ rata tal-imgħax kellha tiġi applikata. Abbażi tal-prinċipju tal-ugwaljanza, il-kumpanija Farm Dairy talbet lill-Kummissjoni tiddeċiedi li r-rata tal-imgħax komposta ma għandhiex tapplika għall-perjodu ta’ qabel it-8 ta’ Mejju 2003.

    V.   Il-kummenti li għamlet l-Olanda

    (49)

    B’ittra tad-19 ta’ Jannar 2009, l-Olanda bagħtet il-kummenti tagħha dwar id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tibda l-proċedura prevista fl-Artikolu 108(2) tat-TFUE dwar l-għajnuna mhux innotifikata. Ir-reazzjoni tal-Olanda tillimita ruħha għall-indikar li m’għandhiex iktar tagħrif x’tagħti, għaliex kienet diġà bagħtet it-tagħrif kollu fil-qafas tal-proċedura ta’ investigazzjoni preliminari.

    (50)

    Wara l-kummenti tal-kumpanija Farm Dairy, il-Kummissjoni madanakollu xorta waħda xtaqet tikseb kjarifiki addizzjonali. Għal dan il-għan, hija talbet lill-Olanda biex tindikalha jekk l-introduzzjoni tal-kontenituri ta’ żewġ litri kinitx innovazzjoni, bħalma kienet qed issostni l-kumpanija Farm Dairy, u jekk dan l-aspett kienx tqies mill-awtoritajiet Olandiżi meta dawn kienu qed jivvalutaw il-proġett. F’dak li għandu x’jaqsam mal-proċess tal-produzzjoni skont l-ordni, il-Kummissjoni talbet lill-Olanda tikkummenta dwar it-tagħrif li pprovdiet il-kumpanija Farm Dairy li qalet li dan il-proċess kien jikkostitwixxi innovazzjoni fiż-żmien meta saret it-talba għall-investiment. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni talbet lill-Olanda tikkummenta dwar l-eżistenza ta’ opportunitajiet reali u dwar in-nuqqas ta’ kapaċitajiet fil-mument meta ngħatat l-għajnuna, billi tipprovdilha kwalunkwe studju jew dokument dwar dan li jista’ jkun utli.

    (51)

    F’dak li għandu x’jaqsam mal-introduzzjoni tal-kontenituri ta’ żewġ litri, l-Olanda qalet li din tassew kienet innovazzjoni fl-1999. F’dan ir-rigward hija bbażat ruħha fuq studji li twettqu mit-TNO (7), in-“Nederlandse Zuivel Organisatie” (NZO) u mill-[x], li hija katina ta’ supermarkits. L-Olanda pprovdiet ir-rapport tat-TNO, kif ukoll l-ittri pprovduti min-NZO u mill-[x]. Minn dan it-tagħrif jirriżulta li l-kumpanija Farm Dairy kienet tassew l-ewwel waħda li daħħlet il-kontenituri ta’ żewġ litri fis-suq Olandiż, u li dawn il-kontenituri kienu innovazzjoni fl-1999, minħabba li qabel dik id-data l-ħalib kien jinbiegħ f’kontenituri tal-kartun ta’ litru jew ta’ litru u nofs biss.

    (52)

    Dan l-aspett ma tqiesx fil-valutazzjoni magħmula mill-IKC u l-Provinċja ma kinitx taf bih. L-Olanda qalet li dan l-aspett mingħajr dubju kien jibdel l-opinjoni mogħtija mill-IKC dak iż-żmien, billi jbiddel l-opinjoni mogħtija dwar in-natura innovattiva tal-proġett. Peress li l-IKC m’għadux jeżisti, m’għadux possibbli li wieħed jistaqsih opinjoni oħra.

    (53)

    Fuq talba tal-Kummissjoni, l-Olanda bagħtet id-dettalji tal-ispejjeż li huma relatati biss mal-investiment speċifiku għall-introduzzjoni ta’ kontenituri ta’ żewġ litri. Skont dawn iċ-ċifri, kien hemm ammont ta’ FL 1 840 000 (jiġifieri EUR 834 956) li kien allokat għall-investiment speċifiku għall-kontenituri ta’ żewġ litri. Ma’ dan l-ammont, l-awtoritajiet Olandiżi żiedu l-ispejjeż ta’ kwart tal-linji tal-ibbottiljar, peress li, mill-erba’ linji ta’ bbottiljar, waħda minnhom kienet iddedikata totalment għall-mili tal-fliexken ta’ żewġ litri. Dan l-ammont huwa ta’ FL 2 936 250 (jiġifieri EUR 1 332 412). L-ammont totali għalhekk huwa ta’ FL 4 776 250 (jiġifieri EUR 2 167 367).

    (54)

    F’dak li għandu x’jaqsam mal-kunċett tal-produzzjoni skont l-ordni, il-Kummissjoni talbet lill-Olanda tikkummenta dwar l-aspett innovattiv tiegħu u tindika jekk il-kummenti li għamlet il-kumpanija Farm Dairy setgħux ibiddlu l-valutazzjoni li kienet saret qabel, li kienet waslet għall-konklużjoni li l-aspett innovattiv tal-proġett kien pjuttost dgħajjef. L-Olanda wieġbet li l-opinjoni tal-IKC kienet tikkunsidra li l-proġett kien parzjalment innovattiv, għaliex l-aspett innovattiv tiegħu ma kienx jikkonsisti f’innovazzjoni tal-prodotti, iżda f’innovazzjoni tas-suq. Il-valutazzjoni twettqet fil-kuntest ta’ talba għall-kofinanzjament mill-Ministeru tal-Agrikoltura. Madanakollu, l-Olanda semmiet argumenti oħra biex tiġġustifika l-aspett innovattiv tal-proġett: is-sistema tal-produzzjoni skont l-ordni żiedet l-effikaċja tal-kunsinna tal-ħalib, billi ppermettiet ‘il dak li jkun iżomm il-ħalib għal iktar żmien, u dan f’pajjiż fejn in-nies jikkunsmaw l-aktar il-ħalib ippasturizzat (u mhux il-ħalib sterilizzat li jżomm iktar). L-Olanda semmiet ukoll l-istudju mwettaq mit-TNO dwar l-aspett innovattiv tas-sistema tal-produzzjoni skont l-ordni. Dan l-istudju juri li s-sistema ewlenija dak iż-żmien kienet is-sistema tal-produzzjoni skont l-ordni, li fiha ċertu ammont ta’ stokk jinżamm fir-riżerva biex jinbiegħ wara. B’hekk jitnaqqas il-ħin tal-kunsinna, iżda titnaqqas ukoll il-flessibbiltà fir-rigward tal-ħtiġijiet tal-klijenti “bħalma huma s-supermarkits”. Is-sistema tal-produzzjoni skont l-ordni, min-naħa tagħha, tippermetti li wieħed jissodisfa aħjar din il-ħtieġa għall-flessibbiltà. Għalhekk, l-Olanda kkonkludiet li dan il-kunċett kellu aspett innovattiv.

    (55)

    F’dak li għandu x’jaqsam mal-eżistenza ta’ opportunitajiet u n-nuqqas ta’ kapaċitajiet żejda, l-Olanda semmiet rapport tar-Rabobank International ta’ April tal-1999, li juri li 2.5 % tal-ħalib kollu tar-rziezet ipproċessat huwa impurtat. Meta wieħed iqis il-ħalib tal-fabbriki (jiġifieri l-ħalib li ġie ppasturizzat sabiex ikun jista’ jiġi ttrasportat iktar fit-tul), 10.5 % tal-ħalib kollu pproċesssat huwa impurtat. Dan juri li, skont l-Olanda, ma kienx hemm kapaċità żejda fl-Olanda. F’dak li għandu x’jaqsam mal-eżistenza tal-opportunitajiet, l-Olanda kkonfermat l-analiżi li wettqet il-kumpanija Farm Dairy (ara l-premessi 0 u 0). Barra minn hekk, l-istatistika tal-kumpanija Farm Dairy turi li hemm il-possibbiltà ta’ opportunitajiet. Mill-ittra ta’ [x] jidher ukoll li l-bejgħ tal-fliexken ta’ żewġ litri prodotti mill-kumpanija Farm Dairy żiedlu l-fatturat tiegħu.

    VI.   Il-valutazzjoni

    (56)

    Il-Kummissjoni tinnota li meta ngħatat l-għajnuna kienu japplikaw l-Artikoli 92, 93 u 94 tat-Trattat tal-KE (li issa saru l-Artikoli 107, 108 u 109 tat-TFUE) għall-produzzjoni ta’ prodotti tal-ħalib u ta’ deżerti oħra magħmulin mill-ħalib, skont l-Artikolu 23 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 804/68 tas-27 ta’ Ġunju 1968 (8) dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib.

    VI.1.   L-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE

    (57)

    L-Artikolu 107(1) tat-TFUE jgħid li kull għajnuna ta’ kwalunkwe forma li tingħata minn Stat Membru jew permezz tar-riżorsi tal-Istat li tfixkel jew thedded li tfixkel il-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew il-produzzjoni ta’ ċerti oġġetti għandha, safejn din tkun taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri, titqies bħala għajnuna li mhijiex kompatibbli mas-suq intern.

    (58)

    Miżura mogħtija mill-Istat: Din il-kundizzjoni kienet issodisfata, peress li l-miżura ngħatat mill-Provinċja ta’ Flevoland.

    (59)

    Miżura li taffettwa l-kummerċ u li tfixkel jew thedded li tfixkel il-kompetizzjoni: Is-settur tal-prodotti tal-ħalib huwa miftuħ għall-kompetizzjoni fuq livell Komunitarju (9), u għalhekk huwa sensittiv għal kwalunkwe miżura li tiffavorixxi l-produzzjoni fi Stat Membru partikulari. Barra minn hekk, fil-każ inkwistjoni, l-għan kien li l-ħalib jiġi pproċessat fil-provinċja ta’ Flevoland, filwaqt li qabel il-ħalib kien jiġi pproċessat b’mod parzjali fil-Belġju. Għalhekk, din il-miżura thedded li tfixkel il-kompetizzjoni fis-suq tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib.

    (60)

    Miżura li tiffavorixxi ċerti impriżi jew il-produzzjoni ta’ ċerti oġġetti: L-għajnuna ngħatat lil kumpanija waħda biss, jiġifieri lill-kumpanija Farm Dairy.

    (61)

    Għal dawn ir-raġunijiet, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-miżura inkwistjoni taqa’ taħt l-Artikolu 107(1) tat-TFUE u tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat. Il-kummenti li waslu wara li nbdiet il-proċedura ma bidlux din il-konklużjoni.

    VI.2.   Klassifikazzjoni tal-miżura bħala għajnuna illegali

    (62)

    Minħabba li l-għajnuna ngħatat u tħallset mingħajr ma ġiet innotifikata minn qabel lill-Kummissjoni, din hija għajnuna illegali skont it-tifsira tal-Artikolu 1(f) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta’ Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (10).

    VI.3   Valutazzjoni tal-kompatibbiltà tal-għajnuna

    (63)

    Id-deċiżjoni tal-ftuħ imsemmija qabel kienet tirreferi għal żewġ ġustifikazzjonijiet possibbli għall-għajnuna mogħtija mill-awtoritajiet Olandiżi. Għall-bidu, jiġifieri meta ngħatat l-għajnuna, huma indikaw li din kienet għajnuna għall-investiment, li kellha tidħol fl-ambitu tad-dokument waħdieni tal-ipprogrammar ta’ Flevoland (ara l-premessa 0 iktar ‘il fuq). Imbagħad l-awtoritajiet tal-Provinċja ta’ Flevoland bidlu din l-għajnuna għall-investiment f’kumpens għat-telf imġarrab meta l-għajnuna ġiet irtirata. It-tagħrif mogħti mill-kumpanija Farm Dairy dwar il-ftuħ tal-proċedura se jiġi eżaminat fit-taqsima dwar il-kompatibbiltà tal-għajnuna bħala għajnuna għall-investiment. L-istħarriġ dwar il-kompatibbiltà tal-miżura tal-għajnuna se jitqassam f’żewġ partijiet: eżami tal-kompatibbiltà tal-għajnuna bħala għajnuna għall-investiment (VI.3.1.) u bħala kumpens (VI.3.2.).

    (64)

    Fil-bidu, il-Kummissjoni xtaqet madanakollu teżamina l-argument tal-kumpanija Farm Dairy, li qed tikkontesta l-kwalifika tal-miżura min-naħa tal-Kummissjoni bħala miżura li taqa’ taħt il-punt 3.2 tad-dokument waħdieni tal-ipprogrammar ta’ Flevoland minkejja li l-Provinċja kienet ippreżentathielha bħala waħda li taqa’ taħt il-punt 3.3 ta’ dan id-dokument (ara l-premessa (33) t’hawn fuq u dawk ta’ warajha).

    (65)

    Għall-bidu l-Kummissjoni kienet tal-fehma li dan id-dibattitu kellu x’jaqsam mal-għoti ta’ fondi Komunitarji, li mhuwiex is-suġġett ta’ din id-Deċiżjoni, li tinvestiga l-miżura mogħtija abbażi tal-fondi tal-Provinċja biss, wara li l-Ministeru Olandiż tal-Agrikoltura ħa nota tar-rifjut tal-Kummissjoni li tagħti fondi Komunitarji. Din id-Deċiżjoni ma tispjegax ir-raġunijiet għala l-Kummissjoni rrifjutat li tagħti dawn il-fondi Komunitarji, li kellha tiġi kkontestata f’waqtha skont il-proċeduri li japplikaw għall-għoti ta’ fondi Komunitarji. Billi l-Kummissjoni għarrfet lill-Olanda bir-rifjut tal-għoti ta’ fondi Komunitarji permezz ta’ ittra tal-25 ta’ Ġunju 1999, u billi l-Olanda ħadet nota ta’ dan mingħajr ma ppruvat tikkontesta l-miżura (11), dik id-deċiżjoni m’għandhiex titqies mill-ġdid fil-kuntest ta’ din id-Deċiżjoni.

    (66)

    Madanakollu, il-Kummissjoni tirrimarka li l-kriterji użati biex jiġu vvalutati l-miżuri fir-rigward tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għall-investiment jirreferu għall-istess kriterji użati għall-valutazzjoni fir-rigward tal-punt 2.3 tad-dokument waħdieni tal-ipprogrammar. Fil-fatt, ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat li kienu japplikaw meta ngħatat l-għajnuna jinsabu fil-Linji Gwida, u l-punt 3) b) tagħhom jirreferi għall-punti 1.2 u 2 tad-Deċiżjoni 94/173/KE. Din id-Deċiżjoni kienet tittratta b’mod ġenerali l-kriterji Komunitarji tal-għażla għall-għażla tal-investimenti li jistgħu jibbenefikaw mill-finanzjament Komunitarju skont ir-Regolament (KEE) Nru 866/90 u r-Regolament tal-Kunsill tal-Kunsill (KEE) Nru 867/90 tad-29 ta’ Marzu 1990 dwar it-titjib tal-kundizzjonijiet tal-ipproċessar u tal-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti tal-forestrija (12) [titlu mhux uffiċjali]. Dan kien maħsub biex jarmonizza l-finanzjamenti Komunitarji u dawk nazzjonali. Madanakollu l-Kummissjoni tenfasizza li hija mhix qed tapplika d-Deċiżjoni 94/173/KE bħala tali, iżda qed tapplikaha biss safejn il-Linji Gwida jirreferu għaliha.

    VI.3.1.   L-għajnuna għall-investiment

    (67)

    Il-Kummissjoni investigat il-miżuri fid-dawl tal-Linji Gwida li kienu japplikaw meta ngħatat il-miżura, jiġifieri fit-3 ta’ Marzu 1999.

    (68)

    Skont il-punt 3(b) tal-Linji Gwida, l-għajnuna għall-investiment favur l-investimenti msemmija fit-tieni u t-tielet inċiżi tal-punt 1.2 tal-Anness għad-Deċiżjoni 94/173/KE ma tistax titqies li hija kompatibbli mas-suq intern. Bl-istess mod, l-investimenti li huma esklużi skont il-punt 2 ta’ dan l-istess Anness, huma meqjusa li mhumiex kompatibbli mas-suq komuni jekk il-kundizzjonijiet partikulari previsti fih ma jkunux issodisfati.

    (69)

    Il-punt 2.3 tal-Anness għad-Deċiżjoni 94/173/KE jipprevedi li “Fis-settur tal-ħalib tal-baqar u tal-prodotti ta’ dan it-tip ta’ ħalib, l-investimenti li ġejjin għandhom jiġu esklużi:

    […]

    investimenti relatati mal-prodotti li ġejjin: butir, trab tax-xorrox, ħalib tat-trab, żejt tal-butir, lattosju, kaseina u l-kaseinat,

    investimenti fil-produzzjoni ta’ prodotti friski jew ġobnijiet, ħlief jekk il-produzzjoni tkun tinkludi element kbir ta’ innovazzjoni skont l-iżvilupp tad-domanda, u ħlief għall-prodotti li għalihom intwera li m’hemmx biżżejjed kapaċitajiet u li għalihom intwera li jeżistu opportunitajiet reali u effettivi, u ħlief ukoll għall-produzzjoni ta’ prodotti skont il-metodi tradizzjonali jew bijoloġiċi kif inhuma ddefiniti fir-regolamenti Komunitarji.

    L-investimenti li ġejjin mhumiex affettwati mill-projbizzjonijiet imsemmijin fl-inċiżi preċedenti, sakemm ma jwasslux għal żieda fil-kapaċità:

    investimenti sabiex l-istabbilimenti jinġiebu f’konformità mal-istandards tas-saħħa Komunitarji,

    investimenti li għandhom l-għan li jitħares l-ambjent.”

    (70)

    Minn dan jirriżulta li fil-prinċipju, għajnuna għall-investiment għall-produzzjoni ta’ prodotti friski bħal dik investigata fil-każ inkwistjoni mhijiex kompatibbli mas-suq intern, ħlief jekk dan l-investiment jaqa’ taħt waħda mill-eċezzjonijiet imsemmija fil-punt 2.3 tal-Anness għad-Deċiżjoni 94/173/KE.

    (71)

    Il-kwistjoni dwar jekk tapplikax waħda mill-eċċezzjonijiet imsemmija fil-punt 2.3 tal-Anness għad-Deċiżjoni 94/173/KE kienet waħda mill-mistoqsijiet ewlenin li tqajmu fid-deċiżjoni tal-ftuħ. Għaldaqstant it-tliet eċċezzjonijiet se jiġu investigati f’din id-Deċiżjoni: l-element kbir ta’ innovazzjoni fil-produzzjoni skont l-iżvilupp tad-domanda, in-nuqqas ta’ kapaċitajiet u l-eżistenza ta’ opportunitajiet reali u effettivi, u l-produzzjoni ta’ prodotti skont il-metodi tradizzjonali jew bijoloġiċi kif inhuma ddefiniti fir-regolamenti Komunitarji.

    (a)   Kriterji li għandhom x’jaqsmu mal-element kbir ta’ innovazzjoni skont id-domanda

    (72)

    Mid-dokumenti mibgħuta fl-2005 mill-Olanda lill-Kummissjoni jirriżulta li l-proċess ta’ produzzjoni ma kienx innovattiv skont it-tagħrif mogħti dak iż-żmien. Kif indikat fid-deċiżjoni tal-ftuħ, l-IKC ħaseb li l-proġett ma kienx totalment innovattiv. B’mod partikulari, il-proġett ma tqiesx bħala wieħed li jippreżenta prodotti innovattivi iżda innovazzjonijiet tas-suq, u l-proċess ta’ produzzjoni ma kienx innovattiv, iżda kien juża t-tekniki l-aktar moderni. Madanakollu, fir-rigward tal-fatt li l-kriterji l-oħra evalwati mill-IKC kienu ssodisfati, l-IKC kien ikkonkluda li l-proġett kien jissodisfa l-kriterji biex jibbenefika minn sussidju iżda kien naqqas il-proporzjon tiegħu (ara l-premessa (11) t’hawn fuq).

    (73)

    Il-kwistjoni hi jekk l-elementi ppreżentati mill-kumpanija Farm Dairy u mill-Olanda fil-kuntest tal-ftuħ tal-proċedura jistgħux jitfgħu dubju fuq l-analiżi li kienet twettqet dak iż-żmien fil-kuntest tal-investigazzjoni tal-kriterji tal-evalwazzjoni għas-sussidji tad-dokument waħdieni tal-ipprogrammar. Dawn l-elementi (ara l-premessi (36) sa (46)) urew li l-parti tal-investiment li kellha x’taqsam mal-kontenitur il-ġdid ta’ żewġ litri tal-politin kienet totalment innovattiva u li l-kumpanija Farm Dairy kienet l-ewwel kumpanija li mmanifatturat dan il-prodott u li poġġietu fis-suq Olandiż. Ir-rapport ipprovdut għal dan il-għan mill-kumpanija Farm Dairy isemmi l-aspett innovattiv tal-prodott, u jidher li huwa rapport kredibbli minħabba li nkiteb minn espert tas-settur, li dak iż-żmien kien jaħdem għal kompetitur tal-kumpanija Farm Dairy. Ir-rapport inkwistjoni ma jitfax dubju fuq l-analiżi li kienet twettqet mill-IKC u mill-Ministeru Olandiż tal-Agrikoltura dak iż-żmien, iżda fih tagħrif li ma kienx intbagħat lill-Kummissjoni qabel id-deċiżjoni tal-ftuħ tal-proċedura, u li ma kienx issemma fid-dokumenti mibgħuta qabel lill-Kummissjoni. Il-kontenitur ta’ żewġ litri msemmi diġà kellu suċċess kbir fis-swieq Britanniċi u Amerikani. Il-kumpanija Farm Dairy kienet l-ewwel waħda li poġġiet dan it-tip ta’ kontenitur fis-suq. B’hekk, il-kumpanija Farm Dairy kienet pijuniera, peress li l-kontenitur ta’ żewġ litri sar komuni fl-Olanda.

    (74)

    Abbażi tal-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, l-Kummissjoni għandha l-obbligu li tqis it-tagħrif differenti li jintbagħatilha u li teżamina l-aspetti kollha meħtieġa, b’mod partikulari billi titlob tagħrif mill-benefiċjarji, sabiex tieħu deċiżjoni bl-għarfien totali tal-fatti kollha rilevanti fid-data tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni tagħha (13).

    (75)

    F’dan il-każ, il-Kummissjoni talbet lill-Olanda tikkonferma t-tagħrif mibgħut mill-kumpanija Farm Dairy. Din ikkonfermat it-tagħrif mibgħut mill-kumpanija Farm Dairy, u pprovdiet tliet dokumenti indipendenti (ara l-premessi (51) sa (53)) t’hawn fuq) li jagħtu prova tal-aspett innovattiv tal-investiment relatat mal-kontenituri ta’ żewġ litri. Minn dan it-tagħrif jirriżulta, minn naħa, li l-Olanda ma qisetx l-element tal-investiment għall-parti li kellha x’taqsam mal-kontenituri ta’ żewġ litri hija u tevalwa l-aspett innovattiv, mingħajr dubju minħabba l-fatt li l-investigazzjoni saret abbażi tal-kriterji tad-dokument waħdieni tal-ipprogrammar u mhux speċifikament abbażi tal-Linji Gwida msemmijin. Min-naħa l-oħra, l-Olanda użat is-servizz ta’ esperti indipendenti, li kienu jafu s-suq u l-mod kif il-prodotti tal-ħalib jitpoġġew fis-suq. L-istudji mwettqa minn dawn l-esperti urew li, fil-fatt, il-kumpanija Farm Dairy kienet l-ewwel waħda li poġġiet dan it-tip ta’ kontenitur fis-suq Olandiż.

    (76)

    Abbażi ta’ dan it-tagħrif ġdid ippreżentat mill-awtoritajiet u mill-kumpanija Farm Dairy wara l-ftuħ tal-proċedura, il-Kummissjoni tqis li l-introduzzjoni u l-manifattura tal-kontenituri ta’ żewġ litri huma ta’ natura innovattiva.

    (77)

    F’dak li għandu x’jaqsam mal-kunċett tal-produzzjoni skont l-ordni, il-mistoqsija hija simili: il-kjarifiki mogħtija mill-kumpanija Farm Dairy u mill-Olanda jistgħu jbiddlu l-valutazzjoni magħmula mill-Kummissjoni fi żmien il-ftuħ tal-proċedura?

    (78)

    Għall-kuntrarju ta’ dak li kien il-każ għall-kontenituri ta’ żewġ litri, il-kunċett tal-produzzjoni skont l-ordni kien tqies mill-Olanda waqt l-evalwazzjoni li wettqet meta ntalbu s-sussidji fl-1998. Dak iż-żmien kien ġie konkluż li l-proċess ta’ produzzjoni ma kienx innovattiv fih innifsu, iżda li kien juża t-tekniki l-aktar moderni, u kien effikaċi f’termini tat-tnaqqis tal-konsum tal-enerġija u kien aħjar għall-ambjent. L-Olanda u l-kumpanija Farm Dairy kienu diġà użaw dawn l-argumenti fl-ittri preċedenti. L-ebda innovazzjoni oħra ma ntweriet għall-kunċett tal-produzzjoni skont l-ordni.

    (79)

    Huwa importanti wkoll li wieħed jivverifika jekk il-produzzjoni hijiex adattata għall-iżvilupp tad-domanda, kif inhu meħtieġ mill-ewwel eċċezzjoni msemmija fid-Deċiżjoni 94/173/KE. Mit-tagħrif mibgħut lill-Kummissjoni (ara l-premessa (43)) jirriżulta li d-domanda għal dawn il-prodotti kienet ġejja b’mod ewlieni mis-supermarkits, u li kienu ġew konklużi kuntratti ma’ mill-inqas ħames supermarkits. Il-Kummissjoni tqis li dan huwa indikazzjoni serja tal-fatt li l-innovazzjoni kienet adattata għall-iżvilupp tad-domanda. Dan huwa kkonfermat mill-fatt li l-fatturat ta’ [x], imsemmi mill-Olanda (ara l-premessa (55)), żdied ħafna bis-saħħa tal-ħalib mibjugħ mill-kumpanija Farm Dairy.

    (80)

    Bħala konklużjoni, il-Kummissjoni tqis li l-kundizzjonijiet tal-ewwel eċċezzjoni huma ssodisfati f’dan il-każ għall-parti tal-investiment li għandha x’taqsam mal-kontenituri ta’ żewġ litri, peress li l-investiment huwa ta’ natura innovattiva adattata għall-iżvilupp tad-domanda. Abbażi tat-tagħrif li ngħatalha wara l-ftuħ tal-proċedura formali tal-investigazzjoni, il-Kummissjoni ma tistax tikkonkludi li l-kundizzjonijiet ta’ din l-ewwel eċċezzjoni mhumiex issodisfati. Fil-fatt, il-Kummissjoni m’għandhiex bilfors teżamina liema tagħrif seta’ jintbagħtilha, iżda minn naħa, għandha teżamina l-aspetti kollha meħtieġa, u min-naħa l-oħra, għandha tibbaża fuq it-tagħrif li jkollha meta tadotta d-Deċiżjoni (14). F’dan il-każ, il-Kummissjoni minn naħa fetħet il-proċedura u, permezz ta’ ittra tat-18 ta’ Settembru 2009, talbet lill-Olanda tikkonferma ċertu tagħrif li l-kumpanija Farm Dairy semmiet fil-kummenti tagħha. B’dan il-mod, il-Kummissjoni għalhekk użat il-mezzi kollha li kellha biex tikseb it-tagħrif mingħand persuni terzi jew mill-Istat Membru. Min-naħa l-oħra, f’din id-Deċiżjoni, il-Kummissjoni qed tibbaża ruħha fuq it-tagħrif kollu li rċeviet wara li fetħet il-proċedura. Madanakollu, ma ntbagħat l-ebda tagħrif li juri li l-investiment għall-parti li għandha x’taqsam mal-kontenituri ta’ żewġ litri la kien innovattiv u lanqas ma kien adattat għall-iżvilupp tad-domanda.

    (81)

    Minħabba l-fatt li l-kriterji msemmijin fil-Linji Gwida b’rabta mad-Deċiżjoni 94/173/KE tħarsu f’dak li għandu x’jaqsam mal-aspett innovattiv tal-investiment relatat mal-fliexken ta’ żewġ litri, iżda ma tħarsux għall-bqija tal-investiment, huwa importanti li wieħed jissepara l-ispejjeż relatati ma’ dan l-investiment mill-ispejjeż l-oħra, sabiex l-intensità massima tal-għajnuna tkun tista’ titnaqqas minnhom.

    (82)

    L-awtoritajiet Olandiżi qalu li kien hemm ammont ta’ FL 1 840 000 (jiġifieri EUR 834 956) li kien allokat għall-investiment speċifiku għall-kontenituri ta’ żewġ litri. Ma’ dan l-ammont, l-awtoritajiet Olandiżi żiedu l-ispejjeż ta’ kwart tal-linji tal-ibbottiljar, peress li, mill-erba’ linji ta’ bbottiljar, waħda biss kienet iddedikata totalment għall-mili tal-fliexken ta’ żewġ litri. Dan l-ammont huwa ta’ FL 2 936 250 (jiġifieri EUR 1 332 412). L-ammont totali għalhekk huwa ta’ FL 4 776 250 (jiġifieri EUR 2 167 367) (ara l-premessa (53)). L-ebda spiża ġenerali (bħalma hija dik tal-bini jew tal-artijiet) ma ddaħħlet f’dan l-ammont totali.

    (83)

    Għalhekk, l-intensità massima tal-għajnuna għandha tiġi evalwata għal dawn l-ispejjeż eliġibbli. Minħabba li Flevoland kien reġjun tal-għan Nru 1 fiż-żmien meta ntalab l- investiment, setgħet tingħata għajnuna li ma taqbiżx il-75 % tal-ispejjeż eliġibbli. Is-sussidju li ngħata, li huwa ta’ EUR 715 909, jirrappreżenta inqas minn 75 % tal-ispejjeż eliġibbli. Għalhekk, l-investiment propost huwa kompatibbli mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat.

    (b)   L-eżistenza ta’ opportunitajiet u n-nuqqas ta’ kapaċitajiet

    (84)

    Minħabba li l-kundizzjonijiet tal-ewwel eċċezzjoni msemmija fil-punt 2.3 tal-Anness għad-Deċiżjoni 94/173/KE tħarsu, u minħabba li dan jippermetti lill-għajnuna mogħtija tiġi approvata kollha kemm hi, m’hemmx għalfejn jiġi eżaminat jekk tħarsux il-kundizzjonijiet tal-eċċezzjonijiet l-oħrajn.

    (c)   Il-produzzjoni ta’ prodotti skont il-metodi tradizzjonali jew bijoloġiċi kif inhuma ddefiniti fir-regolamenti Komunitarji.

    (85)

    Bħalma ntqal hawn fuq dwar il-punt (b), m’hemmx bżonn tiġi analizzata din it-tielet eċċezzjoni, minħabba li l-analiżi tal-ewwel eċċezzjoni ppermettiet li wieħed jikkonkludi dwar il-kompatibbiltà tal-għajnuna inkwistjoni. Barra minn hekk, dan il-punt ma jidhirx li huwa rilevanti għall-proġett ta’ investiment inkwistjoni, li m’għandu x’jaqsam bl-ebda mod mal-produzzjoni ta’ prodotti skont il-metodi tradizzjonali jew bijoloġiċi.

    (86)

    Madanakollu, il-Kummissjoni eżaminat l-għajnuna inkwistjoni fid-dawl tal-Artikolu 3 d) tal-Linji Gwida msemmijin qabel, li jgħid li “il-Kummissjoni għandha teżamina, għal kull każ, kwalunkwe miżura tal-għajnuna li tista’ tiġi eskluża jekk wieħed japplika dawn il-Linji Gwida u dawn il-miżuri utli, iżda li, fil-prinċipju, hija eliġibbli għal kofinanzjament Komunitarju skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2328/91 (15)”. L-ittra li l-Kummissjoni bagħtet lill-Olanda fil-25 ta’ Ġunju 1999 turi li l-proġett ma setax jiġi ffinanzjat permezz tad-dokument waħdieni tal-ipprogrammar. Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li l-miżura inkwistjoni ma tistax tibbenefika mid-derogi previsti fil-punt 3 d) tal-Linji Gwida msemmijin qabel.

    VI.3.2.   Argumenti oħrajn li ġew eżaminati meta nfetħet il-proċedura dwar il-kompatibbiltà tal-għajnuna kollha

    (87)

    Meta nfetħet il-proċedura, il-Kummissjoni kienet eżaminat il-kumpens għad-danni li saru minħabba li ma ngħatatx l-għajnuna bħala l-bażi biex fuqha tapprova l-investiment kollu. Matul il-fażi preliminari, l-awtoritajiet Olandiżi kienu indikaw li l-għajnuna kienet ingħatat bħala kumpens għad-danni mġarrba minħabba żball tal-awtoritajiet, li l-ewwel taw l-għajnuna li mbagħad wara nstabet li kienet illegali u li forsi ma kinitx kompatibbli mas-suq komuni.

    (88)

    Il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li l-ħlas għad-danni u l-interessi ma kienx jikkostitwixxi għajnuna (16). Għal dan il-Qorti bbażat fuq il-fatt li l-għajnuna mill-Istat hija ta’ natura legali fundamentalment differenti mid-danni u l-interessi li l-awtoritajiet nazzjonali sejrin ikunu, possibbilment, obbligati li jħallsu lill-individwi bħala kumpens għall-ħsara li kkawżawlhom. Huwa għalhekk li, fil-prinċipju, il-ħlas tad-danni u l-interessi mhuwiex ta’ vantaġġ għall-benefiċjarju, għaliex huwa sempliċement kumpens għal dritt li huwa intitolat għalih.

    (89)

    F’dan il-każ, huwa diffiċli li wieħed igħid li l-benefiċjarju għandu dritt għall-kumpens, minħabba li dan id-dritt allegat huwa bbażat, mill-bidu nett, fuq aġir illegali tal-Istat Membru. Madanakollu, il-każistika stabbiliet b’mod kostanti l-fatt li, minħabba n-natura obbligatorja tal-kontroll tal-għajnuna mill-Istat imwettaq mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 108 tat-TFUE, il-kumpaniji li jkunu ngħataw l-għajnuna ma jistax ikollhom, fil-prinċipju, fiduċja leġittima fir-regolarità tal-għajnuna sakemm din ma tkunx ingħatat skont il-proċedura prevista fl-Artikolu msemmi. Fil-fatt, operatur ekonomiku diliġenti normalment għandu jkun jista’ jiżgura li din il-proċedura tħarset (17).

    (90)

    F’dan il-każ, ta’ min jinnota wkoll li jekk wieħed jagħti kumpens, wieħed jitqies li jkun qed jaħrab mill-obbligu li jagħti l-għajnuna bl-approvazzjoni tal-Kummissjoni biss. Fil-fatt dan huwa kkonfermat mill-fatt li, meta l-Provinċja ta’ Flevoland qalet li l-għajnuna inkwistjoni ngħatat bħala kumpens għall-iżball magħmul mill-awtoritajiet, hija kienet taf tajjeb li l-għajnuna kellha tiġi nnotifikata lill-Kummissjoni qabel ma tingħata, sabiex din tapprovaha minn qabel.

    (91)

    Għalhekk, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-investiment kollu ma jistax jitqies bħala wieħed kompatibbli minħabba li, mill-bqija, l-għajnuna inkwistjoni se tikkostitwixxi kumpens għall-ħsara mġarrba mill-benefiċjarju.

    VI.3.3   Argumenti oħrajn li għamlet il-kumpanija Farm Dairy fl-ambitu tal-ftuħ tal-proċedura tal-investigazzjoni

    (92)

    Il-kumpanija Farm Dairy kienet ikkontestat l-applikazzjoni ta’ rati tal-imgħax komposti fil-każ ta’ deċiżjoni min-naħa tal-Kummissjoni li tkun waħda negattiva b’irkupru (ara l-premessa (47) iktar ‘il fuq). Minħabba li fid-deċiżjoni inkwistjoni ġie konkluż li l-għajnuna hija kompatibbli, mhuwiex previst l-irkupru tal-għajnuna illegali. Għalhekk, il-kummenti tal-kumpanija Farm Dairy m’għadhomx rilevanti.

    VII.   Konklużjoni

    (93)

    Mill-għajnuna mill-Istat li l-Olanda tat lill-kumpanija Farm Dairy, hija kompatibbli biss l-għajnuna mogħtija għall-parti tal-investiment li għandha x’taqsam mal-kontenituri l-ġodda ta’ żewġ litri. Għalhekk, l-ammont inizjali tal-għajnuna ġie kkalkulat mill-ġdid għal din il-parti tal-investiment kollu, u minn dan il-kalkolu jirriżulta li l-għajnuna mogħtija hija kompatibbli mar-rekwiżiti tal-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat mogħtija b’rabta mal-investimenti fl-ipproċessar u fil-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti agrikoli.

    (94)

    Madanakollu, il-Kummissjoni jiddispjaċiha li l-Olanda implimentat l-għajnuna msemmija hawn fuq bi ksur tal-Artikolu 108(3) tat-TFUE,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    L-għajnuna mill-Istat ta’ EUR 715 909 li l-Olanda tat lill-kumpanija Farm Dairy hija kompatibbli mas-suq intern.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju tal-Olanda.

    Magħmul fi Brussell, id-9 ta’ Marzu 2010.

    Għall-Kummissjoni

    Dacian CIOLOŞ

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  Sa mill-1 ta’ Diċembru 2009, l-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat tal-KE saru l-Artikoli 107 u 108, rispettivament, tat-TFUE. Essenzjalment, iż-żewġ settijiet ta’ dispożizzjonijiet huma l-istess. Għall-għanijiet ta’ din id-Deċiżjoni, kwalunkwe referenza għall-Artikoli 107 u 108 tat-TFUE għandha tiftiehem bħala referenza għall-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat tal-KE, rispettivament, fejn dan ikun xieraq.

    (2)  ĠU L 10, 13.1.2001, p. 20.

    (3)  ĠU C 87, 16.4.2009, p. 5.

    (4)  ĠU C 29, 2.2.1996, p. 4.

    (5)  ĠU L 79, 23.3.1994, p. 29.

    (*)  Tagħrif kopert mis-sigriet professjonali.

    (6)  ĠU L 91, 6.4.1990, p. 1.

    (7)  It-TNO huwa organizzazzjoni indipendenti tar-riċerka, li għandu l-għan li jagħmel ir-riċerka xjentifika applikabbli biex jiżdied il-potenzjal innovattiv tal-kumpaniji u tal-awtoritajiet pubbliċi (www.tno.nl).

    (8)  ĠU L 148, 28.6.1968, p. 13.

    (9)  Skont il-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-qagħda ta’ impriża fis-suq tissaħħaħ meta mqabbla ma’ dik tal-kompetituri tagħha minħabba għajnuna finanzjarja mogħtija minn Stat Membru, dan ifisser li kien hemm tfixkil tal-kompetizzjoni mal-kompetituri tagħha li ma jkunux ingħataw għajnuna simili (il-paragrafi 11 u 12 tal-Każ C-730/79 [1980], il-Ġabra 2671). F’dak li għandu x’jaqsam mal-eżistenza tal-kummerċ intrakomunitarju fis-suq tal-ħalib, ara l-premessi (44), (45) u (55) t’hawn fuq, li l-Kummissjoni tqis li huma fondati.

    (10)  ĠU L 83, 27.3.1999, p. 1.

    (11)  Fil-fatt, fl-ittra tiegħu tal-15 ta’ Lulju 1999 indirizzata lill-Pronvinċja ta’ Flevoland, il-Ministeru Olandiż tal-Agrikoltura nnota li l-proġett ma kienx ġie approvat mill-Kummissjoni, u b’hekk irrifjuta li jagħti kwalunkwe finanzjament huwa stess.

    (12)  ĠU L 91, 6.4.1990, p. 7.

    (13)  Il-paragrafu 195 tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-9 ta’ Settembru 2009 fil-Każ T-369/06, Holland Malt vs. il-Kummissjoni (li għadha mhix ippubblikata).

    (14)  Il-paragrafi 195 sa 198, Każ T-369/06, diġà imsemmi.

    (15)  ĠU L 218, 6.8.1991, p. 1.

    (16)  Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej fil-Każijiet konġunti 106/87-120/87, Asteris u oħrajn vs. Il-Greċja u l-Komunità Ekonomika Ewropea, il-Ġabra 1988, I-5515.

    (17)  Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej, Każ C-169/95, Spanja vs. il-Kummissjoni [1997] il-Ġabra I-135.


    Top