Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32010R0388

    Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 388/2010 tas- 6 ta’ Mejju 2010 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 998/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tan-numru massimu ta’ annimali domestiċi ta’ ċerti speċji li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ moviment mhux kummerċjali (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    ĠU L 114, 7.5.2010, p. 3–4 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 28/12/2014; Imħassar b' 32014R0031

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2010/388/oj

    7.5.2010   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 114/3


    REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 388/2010

    tas-6 ta’ Mejju 2010

    li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 998/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tan-numru massimu ta’ annimali domestiċi ta’ ċerti speċji li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ moviment mhux kummerċjali

    (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 998/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Mejju 2003 dwar ir-rekwiżiti tas-saħħa tal-annimali li japplikaw għall-moviment mhux kummerċjali tal-annimali domestiċi u li jemenda d-Direttiva tal-Kunsill 92/65/KEE (1), u b’ mod partikolari l-Artikolu 19 tagħha,

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament (KE) Nru 998/2003 jistabbilixxi r-rekwiżiti tas-saħħa tal-annimali li japplikaw għall-moviment mhux kummerċjali tal-annimali domestiċi u r-regoli li japplikaw għall-kontrolli ta’ movimenti ta’ dan it-tip. Japplika għall-movimenti bejn l-Istati Membri jew minn pajjiżi terzi ta’ annimali domestiċi tal-ispeċji elenkati fl-Anness I tiegħu. Il-klieb, il-qtates u l-inmsa huma elenkati fil-Partijiet A u B ta’ dan l-Anness.

    (2)

    Ir-rekwiżiti stipulati fir-Regolament (KE) Nru 998/2003 ivarjaw skont jekk l-annimali domestiċi jiġux imċaqalqa minn Stat Membru għal ieħor jew minn pajjiżi terzi lejn l-Istati Membri. Barra minn hekk, ikomplu d-differenzi fir-rekwiżiti għall-movimenti minn pajjiżi terzi, bejn il-pajjiżi terzi elenkati fit-Taqsima 2 tal-Parti B tal-Anness II ta’ dan ir-Regolament u dawk il-pajjiżi terzi li huma elenkati fil-Parti C ta’ dan l-Anness.

    (3)

    Il-pajjiżi terzi li japplikaw għar-regoli ta’ moviment mhux kummerċjali ta’ annimali domestiċi li jkunu tal-inqas ekwivalenti għar-regoli stipulati fir-Regolament (KE) Nru 998/2003 huma elenkati fit-Taqsima 2 tal-Parti B tal-Anness II ta’ dan ir-Regolament.

    (4)

    Id-Direttiva tal-Kunsill 92/65/KEE tat-13 ta’ Lulju 1992 li tippreskrivi l-kondizzjonijiet dwar is-saħħa tal-annimali li jirregolaw il-kummerċ u l-importazzjoni fil-Komunità ta’ annimali, semen, ova u embrijuni, li mhumiex soġġetti għall-kondizzjonijiet dwar is-saħħa tal-annimali preskritti f’regoli speċifiċi tal-Komunità msemmija fl-Anness A(I) tad-Direttiva 90/425/KEE (2) ġeneralment tapplika għall-kummerċ.

    (5)

    Biex ikun evitat li movimenti kummerċjali jintwerew bil-qerq bħala movimenti mhux kummerċjali ta’ annimali domestiċi fi ħdan it-tifsira tar-Regolament (KE) Nru 998/2003, l-Artikolu 12 ta’ dan ir-Regolament jistipula li l-kondizzjonijiet u l-kontrolli stipulati fid-Direttiva 92/65/KEE għandhom japplikaw għall-moviment ta’ iktar minn ħames annimali domestiċi meta l-annimali jiddaħħlu fil-Komunità minn pajjiż terż li mhuwiex elenkat fit-Taqsima 2 tal-Parti B tal-Anness II ta’ dan ir-Regolament.

    (6)

    L-esperjenza fl-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 998/2003 wriet li hemm riskju għoli ta’ movimenti kummerċjali ta’ klieb, qtates, u inmsa li qegħdin jintwerew bil-qerq bħala movimenti mhux kummerċjali, meta dawn l-annimali jiddaħħlu fi Stat Membru minn Stat Membru ieħor jew minn pajjiż terż elenkat fit-Taqsima 2 tal-Parti B tal-Anness II ta’ dan ir-Regolament.

    (7)

    Biex jiġu evitati dawn il-modi ta’ aġir u biex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tar-Regolament (KE) Nru 998/2003, tinħtieġ stipulazzjoni li twaqqaf l-istess regoli għal meta l-klieb, il-qtates u l-inmsa jinġarru minn Stat Membru għal ieħor, jew minn pajjiż terz elenkat fit-Taqsima 2 tal-Parti B tal-Anness II ta’ dan ir-Regolament.

    (8)

    Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Il-kondizzjonijiet u l-kontrolli msemmija fil-punt (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 998/2003 għandhom japplikaw għall-moviment tal-annimali domestiċi tal-ispeċji elenkati fil-Partijiet A u B tal-Anness I ta’ dan ir-Regolament fejn in-numru totali tal-annimali li qed jiddaħħlu fi Stat Membru minn Stat Membru ieħor jew minn pajjiż terz elenkat fit-Taqsima 2 tal-Parti B tal-Anness II ta’ dan ir-Regolament, jaqbeż il-ħamsa.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, is-6 ta’ Mejju 2010.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    José Manuel BARROSO


    (1)  ĠU L 146, 13.6.2003, p. 1.

    (2)  ĠU L 268, 14.9.1992, p. 54.


    Top