This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32009R0664
Council Regulation (EC) No 664/2009 of 7 July 2009 establishing a procedure for the negotiation and conclusion of agreements between Member States and third countries concerning jurisdiction, recognition and enforcement of judgments and decisions in matrimonial matters, matters of parental responsibility and matters relating to maintenance obligations, and the law applicable to matters relating to maintenance obligations
Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 664/2009 tas- 7 ta’ Lulju 2009 li jistabbilixxi proċedura għan-negozjar u l-konklużjoni ta’ ftehimiet bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi dwar il-ġurisdizzjoni, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi u deċiżjonijiet f’materji matrimonjali, materji ta’ responsabbiltà tal-ġenituri u materji marbuta mal-obbligi ta’ manteniment, u l-liġi applikabbli f’materji marbuta mal-obbligi ta’ manteniment
Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 664/2009 tas- 7 ta’ Lulju 2009 li jistabbilixxi proċedura għan-negozjar u l-konklużjoni ta’ ftehimiet bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi dwar il-ġurisdizzjoni, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi u deċiżjonijiet f’materji matrimonjali, materji ta’ responsabbiltà tal-ġenituri u materji marbuta mal-obbligi ta’ manteniment, u l-liġi applikabbli f’materji marbuta mal-obbligi ta’ manteniment
ĠU L 200, 31.7.2009, p. 46–51
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV) Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali
(HR)
In force: This act has been changed. Current consolidated version: 20/08/2009
31.7.2009 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 200/46 |
REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 664/2009
tas-7 ta’ Lulju 2009
li jistabbilixxi proċedura għan-negozjar u l-konklużjoni ta’ ftehimiet bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi dwar il-ġurisdizzjoni, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi u deċiżjonijiet f’materji matrimonjali, materji ta’ responsabbiltà tal-ġenituri u materji marbuta mal-obbligi ta’ manteniment, u l-liġi applikabbli f’materji marbuta mal-obbligi ta’ manteniment
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 61(c), 65, 67(2) u 67(5) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,
Wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),
Billi:
(1) |
It-Titolu IV tat-Tielet Parti tat-Trattat jipprevedi l-bażi legali għall-adozzjoni ta’ leġislazzjoni Komunitarja fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili. |
(2) |
Il-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi kienet tradizzjonalment irregolata minn ftehimiet bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi. Dawn il-ftehimiet, li minnhom hemm numru kbir, spiss jirriflettu rabtiet speċjali bejn Stat Membru u pajjiż terz u huma intenzjonati biex jipprovdu qafas legali adegwat biex jiġu sodisfatti l-ħtiġijiet speċifiċi tal-partijiet ikkonċernati. |
(3) |
L-Artikolu 307 tat-Trattat jeħtieġ li l-Istati Membri jieħdu l-passi kollha xierqa biex tiġi eliminata kwalunkwe inkompatibbiltà bejn l-acquis tal-Komunità u l-ftehimiet internazzjonali konklużi bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi. Dan jista’ jinvolvi l-ħtieġa għan-negozjar mill-ġdid ta’ dawn il-ftehimiet. |
(4) |
Sabiex ikun ipprovdut qafas legali adegwat biex jiġu sodisfatti l-ħtiġijiet speċifiċi ta’ Stat Membru partikolari fir-relazzjonijiet tiegħu ma’ pajjiż terz, jista’ jkun hemm ukoll ħtieġa ċara għall-konklużjoni ta’ ftehimiet ġodda ma’ pajjiżi terzi relatati mal-oqsma tal-ġustizzja ċivili li jaqgħu fl-ambitu tat-Titolu IV tat-Tielet Parti tat-Trattat. |
(5) |
Fl-Opinjoni 1/03 tagħha tas-7 ta’ Frar 2006 dwar il-konklużjoni tal-Konvenzjoni l-ġdida ta’ Lugano, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej ikkonfermat li l-Komunità akkwistat kompetenza esklussiva biex tikkonkludi ftehim internazzjonali bħall-Konvenzjoni ta’ Lugano ma’ pajjiżi terzi dwar materji li jaffettwaw ir-regoli stabbiliti fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat-22 ta’ Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (2) (“Brussell I”). |
(6) |
Hija l-Komunità li għandha tikkonkludi, skont l-Artikolu 300 tat-Trattat, ftehimiet bejn il-Komunità u pajjiż terz dwar materji li jaqgħu fil-kompetenza esklussiva tal-Komunità. |
(7) |
L-Artikolu 10 tat-Trattat jobbliga lill-Istati Membri biex jiffaċilitaw il-ksib tal-kompiti tal-Komunità u biex jastjenu minn kwalunkwe miżura li tista’ tipperikola r-realizzazzjoni tal-għanijiet tat-Trattat. Dan id-dmir ta’ kooperazzjoni leali huwa ta’ applikazzjoni ġenerali u ma jiddependix fuq jekk il-kompetenza tal-Komunità hijiex esklussiva jew le. |
(8) |
Fir-rigward tal-ftehimiet ma’ pajjiżi terzi dwar kwistjonijiet speċifiċi ta’ ġustizzja ċivili li jaqgħu taħt il-kompetenza esklussiva tal-Komunità, għandha tiġi stabbilita proċedura koerenti u trasparenti li tawtorizza Stat Membru li jemenda ftehim eżistenti jew li jinnegozja u jikkonkludi ftehim ġdid, b’mod partikolari meta l-Komunità nnifisha ma tkunx indikat l-intenzjoni tagħha li teżerċita l-kompetenza esterna tagħha biex tikkonkludi ftehim permezz ta’ mandat għan-negozjar diġà eżistenti jew mandat għan-negozjar previst. Din il-proċedura għandha tkun mingħajr preġudizzju għall-kompetenza esklussiva tal-Komunità u għad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 300 u 307 tat-Trattat. Din għandha titqies bħala miżura eċċezzjonali u għandha tkun limitata fil-kamp ta’ applikazzjoni u fiż-żmien. |
(9) |
Dan ir-Regolament m’għandux japplika jekk il-Komunità tkun diġà kkonkludiet ftehim mal-pajjiż terz ikkonċernat dwar l-istess suġġett. Żewġ ftehimiet għandhom jitqiesu li jikkonċernaw l-istess suġġett biss jekk, u sakemm, ikunu jirregolaw fis-sustanza l-istess kwistjonijiet legali speċifiċi. Dispożizzjonijiet li jiddikjaraw sempliċiment intenzjoni ġenerali li ssir kooperazzjoni f’kwistjonijiet bħal dawn m’għandhomx jitqiesu li jikkonċernaw l-istess suġġett. |
(10) |
Ċerti ftehimiet reġjonali msemmija fl-atti legali Komunitarji eżistenti għandhom ikunu koperti wkoll minn dan ir-Regolament. |
(11) |
Sabiex jiġi żgurat li ftehim previst minn Stat Membru ma jirrendix il-liġi Komunitarja ineffettiva, ma jikkompromettix il-funzjonament tajjeb tas-sistema stabbilita minn dik il-liġi jew ma jikkompromettix il-politika Komunitarja dwar ir-relazzjonijiet esterni kif deċiża mill-Komunità, l-Istat Membru kkonċernat għandu jkun meħtieġ jinnotifika lill-Kummissjoni bl-intenzjonijiet tiegħu bil-ħsieb li tinkiseb awtorizzazzjoni biex jinfetħu jew jitkomplew in-negozjati formali dwar ftehim kif ukoll biex jiġi konkluż ftehim. Tali notifika għandha tingħata b’ittra jew b’mezzi elettroniċi. Din għandu jkun fiha l-informazzjoni u d-dokumentazzjoni kollha rilevanti li tippermetti lill-Kummissjoni tivvaluta l-impatt mistenni fuq il-liġi Komunitarja tal-eżitu tan-negozjati. |
(12) |
Għandu jkun evalwat jekk hemmx biżżejjed interess Komunitarju fil-konklużjoni ta’ ftehim bilaterali bejn il-Komunità u l-pajjiż terz ikkonċernat jew, fejn ikun xieraq, fis-sostituzzjoni ta’ ftehim bilaterali eżistenti bejn Stat Membru u pajjiż terz bi ftehim Komunitarju. Għal dak il-għan l-Istati Membri kollha għandhom ikunu infurmati bi kwalunkwe notifika riċevuta mill-Kummissjoni dwar ftehim previst minn Stat Membru sabiex huma jkunu jistgħu juru l-interess tagħhom li jissieħbu fl-inizjattiva tal-Istat Membru li jkun bagħat in-notifika. Jekk, minn dan l-iskambju ta’ informazzjoni, jirriżulta li jkun hemm interess Komunitarju suffiċjenti, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra li tipproponi mandat għan-negozjar bil-ħsieb tal-konklużjoni ta’ ftehim bejn il-Komunità u l-pajjiż terz ikkonċernat. |
(13) |
Jekk il-Kummissjoni titlob informazzjoni addizzjonali minn Stat Membru b’rabta mal-valutazzjoni tiegħu dwar jekk dak l-Istat Membru għandux jiġi awtorizzat li jiftaħ negozjati ma’ pajjiż terz, tali talba m’għandhiex taffettwa l-limiti ta’ żmien li fihom il-Kummissjoni għandha tagħti deċiżjoni motivata dwar l-applikazzjoni ta’ dak l-Istat Membru. |
(14) |
Meta tkun qed tagħti l-awtorizazzjoni għall-ftuħ ta’ negozjati formali, il-Kummissjoni għandha tkun tista’, jekk ikun meħtieġ, tipproponi linji gwida għan-negozjar jew titlob li jiddaħħlu klawsoli partikolari fil-ftehim previst. Il-Kummissjoni għandha tinżamm infurmata bis-sħiħ matul l-istadji differenti tan-negozjati safejn għandhom x’jaqsmu l-materji li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament u għandha titħalla tipparteċipa bħala osservatriċi fin-negozjati fir-rigward ta’ dawk il-materji. |
(15) |
Meta jkunu qed jinnotifikaw lill-Kummissjoni bl-intenzjoni tagħhom li jibdew negozjati ma’ pajjiż terz, l-Istati Membri għandhom ikunu meħtieġa biss li jinfurmaw lill-Kummissjoni bl-elementi li huma ta’ rilevanza għall-valutazzjoni li trid issir mill-Kummissjoni. L-awtorizzazzjoni mill-Kummissjoni u kwalunkwe linja gwida għan-negozjar possibbli jew, skont il-każ, iċ-ċaħda mill-Kummissjoni għandha tikkonċerna biss materji li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. |
(16) |
L-Istati Membri kollha għandhom jiġu infurmati bi kwalunkwe notifika lill-Kummissjoni dwar ftehimiet previsti jew innegozjati u dwar kwalunkwe deċiżjoni motivata mill-Kummissjoni taħt dan ir-Regolament. Informazzjoni bħal din, madankollu, għandha tkun konformi bis-sħiħ mar-rekwiżiti ta’ kunfidenzjalità li jista’ jkun hemm. |
(17) |
Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom jiżguraw li kwalunkwe informazzjoni identifikata bħala kunfidenzjali tiġi trattata skont ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (3). |
(18) |
Fejn il-Kummissjoni, abbażi tal-valutazzjoni tagħha, ikollha l-intenzjoni li ma tawtorizzax il-ftuħ ta’ negozjati formali jew il-konklużjoni ta’ ftehim innegozjat, hija għandha, qabel ma tagħti d-deċiżjoni motivata tagħha, tagħti opinjoni lill-Istat Membru kkonċernat. Fil-każ ta’ ċaħda ta’ awtorizzazzjoni għall-konklużjoni ta’ ftehim innegozjat l-opinjoni għandha tiġi ppreżentata wkoll lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. |
(19) |
Sabiex jiġi żgurat li l-ftehim innegozjat ma jkunx jikkostitwixxi ostakolu għall-implimentazzjoni tal-politika esterna tal-Komunità dwar il-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili u kummerċjali, il-ftehim għandu jipprevedi jew għad-denunzja totali jew parzjali tiegħu, fil-każ tal-konklużjoni ta’ ftehim sussegwenti bejn il-Komunità jew il-Komunità u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda u l-istess pajjiż terz, min-naħa l-oħra, dwar l-istess suġġett, jew sostituzzjoni diretta tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-ftehim bid-dispożizzjonijiet ta’ tali ftehim sussegwenti. |
(20) |
Għandhom jiġu previsti miżuri transitorji li jkopru sitwazzjonijiet fejn, fil-mument tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, Stat Membru jkun diġà beda l-proċess li jinnegozja ftehim ma’ pajjiż terz, jew ikun lesta n-negozjati iżda ma jkunx għadu esprima l-kunsens tiegħu li jintrabat bil-ftehim. |
(21) |
Sabiex jiġi żgurat li nkisbet esperjenza biżżejjed dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport dwar din l-applikazzjoni mhux qabel tmien snin wara l-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament. F’dak ir-rapport, il-Kumissjoni, fl-eżerċizzju tal-prerogattivi tagħha, għandha tikkonferma n-natura temporanja ta’ dan ir-Regolament jew teżamina jekk dan ir-Regolament għandux jiġi sostitwit b’Regolament ġdid li jkopri l-istess suġġett jew li jinkludi wkoll materji oħra li jaqgħu taħt il-kompetenza esklussiva tal-Komunità u rregolati minn strumenti Komunitarji oħrajn. |
(22) |
Jekk ir-rapport ippreżentat mill-Kummissjoni jikkonferma n-natura temporanja ta’ dan ir-Regolament, l-Istati Membri għandhom xorta jkunu jistgħu, wara l-preżentazzjoni tar-rapport, jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar negozjati li għaddejjin jew li diġà tħabbru bil-ħsieb li tinkiseb awtorizzazzjoni biex jinfetħu negozjati formali. |
(23) |
Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jinkiseb dak l-għan. |
(24) |
Skont l-Artikolu 3 tal-Protokoll dwar il-Pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda, anness għat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u għat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, ir-Renju Unit u l-Irlanda taw in-notifika tax-xewqa tagħhom li jipparteċipaw fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. |
(25) |
Skont l-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness għat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u għat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, id-Danimarka mhijiex qed tipparteċipa fl-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament u mhijiex marbuta bih jew soġġetta għall-applikazzjoni tiegħu, |
ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni
1. Dan ir-Regolament jistabbilixxi proċedura li tawtorizza lil Stat Membru jemenda ftehim eżistenti, jew jinnegozja u jikkonkludi ftehim ġdid ma’ pajjiż terz soġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan ir-Regolament.
Din il-proċedura hija mingħajr preġudizzju għall-kompetenzi rispettivi tal-Komunità u tal-Istati Membri.
2. Dan ir-Regolament għandu japplika għall-ftehimiet li jikkonċernaw materji li jaqgħu, kompletament jew parzjalment, fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003 tas-27 ta’ Novembru 2003 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbilità tal-ġenituri (4) u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 4/2009 tat-18 ta’ Diċembru 2008 dwar il-ġurisdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet u l-kooperazzjoni f’materji relatati ma’ obbligi ta’ manteniment (5) safejn dawk il-materji jaqgħu fil-kompetenza esklussiva tal-Komunità.
3. Dan ir-Regolament m’għandux japplika jekk il-Komunità tkun diġà kkonkludiet ftehim mal-pajjiż terz ikkonċernat dwar l-istess suġġett.
Artikolu 2
Definizzjonijiet
1. Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, it-terminu “ftehim” għandu jfisser:
(a) |
ftehim bilaterali bejn Stat Membru u pajjiż terz; |
(b) |
il-ftehimiet reġjonali msemmijin fil-punt (a) tal-Artikolu 59(2) tar-Regolament (KE) Nru 2201/2003, mingħajr preġudizzju għall-punt (c) tal-Artikolu 59(2) u għall-Artikolu 59(3) ta’ dak ir-Regolament, u fl-Artikolu 69(3) tar-Regolament (KE) Nru 4/2009. |
2. Fil-kuntest ta’ ftehimiet reġjonali kif imsemmija fil-punt (b) tal-paragrafu 1, kwalunkwe referenza f’dan ir-Regolament għal Stat Membru jew pajjiż terz għandha tinqara bħala referenza għall-Istati Membri jew pajjiżi terzi kkonċernati, rispettivament.
Artikolu 3
Notifika lill-Kummissjoni
1. Meta Stat Membru jkollu l-intenzjoni li jidħol f’negozjati sabiex jemenda ftehim eżistenti jew biex jikkonkludi ftehim ġdid li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, huwa għandu jinnotifika lill-Kummissjoni bil-miktub bl-intenzjoni tiegħu mill-aktar fis possibbli qabel il-ftuħ previst tan-negozjati formali.
2. In-notifika għandha tinkludi, kif ikun xieraq, kopja tal-ftehim eżistenti, l-abbozz tal-ftehim jew l-abbozz tal-proposta, u kwalunkwe dokumentazzjoni rilevanti oħra. L-Istat Membru għandu jiddeskrivi s-suġġett tan-negozjati u jispeċifika l-kwistjonijiet li għandhom jiġu indirizzati fil-ftehim previst, jew id-dispożizzjonijiet tal-ftehim eżistenti li għandhom jiġu emendati. L-Istat Membru jista’ jipprovdi kwalunkwe informazzjoni addizzjonali oħra.
Artikolu 4
Valutazzjoni mill-Kummissjoni
1. Mal-wasla tan-notifika msemmija fl-Artikolu 3, il-Kummissjoni għandha tivvaluta jekk l-Istat Membru jistax jiftaħ negozjati formali.
2. Meta tagħmel dik il-valutazzjoni, il-Kummissjoni għandha l-ewwel tivverifika jekk huwiex speċifikament previst xi mandat għan-negozjar rilevanti bil-ħsieb tal-konklużjoni ta’ ftehim Komunitarju mal-pajjiż terz ikkonċernat fl-24 xahar li jsegwu. Jekk dan ma jkunx il-każ, il-Kummissjoni għandha tivvaluta jekk ikunux ġew sodisfatti l-kondizzjonijiet kollha li ġejjin:
(a) |
l-Istat Membru kkonċernat ikun ipprovda l-informazzjoni li turi li għandu interess speċifiku fil-konklużjoni tal-ftehim minħabba rabtiet ekonomiċi, ġeografiċi, kulturali, storiċi, soċjali jew politiċi bejn l-Istat Membru u l-pajjiż terz ikkonċernat; |
(b) |
abbażi tal-informazzjoni provduta mill-Istat Membru, il-ftehim previst ma jidhirx li jirrendi ineffettiva l-liġi Komunitarja u li jimmina l-funzjonament tajjeb tas-sistema stabbilita b’dik il-liġi; u |
(c) |
il-ftehim previst m’għandux jimmina s-suġġett u l-fini tal-politika Komunitarja dwar ir-relazzjonijiet esterni kif deċiż mill-Komunità. |
3. Jekk l-informazzjoni provduta mill-Istat Membru ma tkunx biżżejjed għall-valutazzjoni, il-Kummissjoni tista’ titlob informazzjoni addizzjonali.
Artikolu 5
Awtorizzazzjoni għall-ftuħ tan-negozjati formali
1. Jekk il-ftehim previst jissodisfa l-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4(2), il-Kummissjoni għandha, fi żmien 90 jum minn meta tirċievi n-notifika msemmija fl-Artikolu 3, tagħti deċiżjoni motivata dwar l-applikazzjoni tal-Istat Membru li tawtorizzah jiftaħ negozjati formali dwar dak il-ftehim.
Fejn ikun meħtieġ, il-Kummissjoni tista’ tipproponi linji gwida għan-negozjar u tista’ titlob li jiġu inklużi klawsoli partikolari fil-ftehim previst.
2. Il-ftehim previst jinkludi klawsola li tipprevedi jew:
(a) |
denunzja sħiħa jew parzjali tal-ftehim fil-każ tal-konklużjoni ta’ ftehim sussegwenti bejn il-Komunità jew il-Komunità u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-istess pajjiż terz, min-naħa l-oħra dwar l-istess suġġett; jew |
(b) |
sostituzzjoni diretta tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-ftehim bid-dispożizzjonijiet ta’ ftehim sussegwenti bejn il-Komunità jew il-Komunità u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-istess pajjiż terz, min-naħa l-oħra, dwar l-istess suġġett. |
Il-klawsola msemmija fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu għandha tiġi formulata fuq il-mudell li ġej: “(l-isem/ismijiet tal-Istat(i) Membru/i) għandu jiddenunzja dan il-Ftehim, parzjalment jew bis-sħiħ, jekk u meta l-Komunità Ewropea jew il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha jikkonkludu Ftehim ma’ (l-isem/ismijiet tal-pajjiż(i) terz(i)) dwar l-istess materji ta’ ġustizzja ċivili bħal dawk irregolati minn dan il-Ftehim”.
Il-klawsola msemmija fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu għandha tiġi formulata fuq il-mudell li ġej: “Dan il-ftehim jew ċerti dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim m’għandhomx jibqgħu applikabbli fil-jum li fih ikun daħal fis-seħħ Ftehim bejn il-Komunità Ewropea jew il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u (l-isem/ismijiet tal-pajjiż(i) terz(i)), min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-materji rregolati mill-ftehim tal-aħħar”.
Artikolu 6
Ċaħda tal-awtorizzazzjoni għall-ftuħ ta’ negozjati formali
1. Jekk, abbażi tal-valutazzjoni tagħha skont l-Artikolu 4, il-Kummissjoni jkollha l-intenzjoni li ma tawtorizzax il-ftuħ ta’ negozjati formali dwar il-ftehim previst, hija għandha tagħti opinjoni lill-Istat Membru kkonċernat fi żmien 90 jum mill-wasla tan-notifika msemmija fl-Artikolu 3.
2. Fi żmien 30 jum mill-wasla tal-opinjoni tal-Kummissjoni, l-Istat Membru kkonċernat jista’ jitlob lill-Kummissjoni biex tibda diskussjonijiet miegħu bil-ħsieb li tinstab soluzzjoni.
3. Jekk l-Istat Membru kkonċernat ma jitlobx lill-Kummissjoni biex tibda diskussjonijiet miegħu fil-limitu ta’ żmien previst fil-paragrafu 2, il-Kummissjoni għandha tagħti deċiżjoni motivata dwar l-applikazzjoni tal-Istat Membru fi żmien 130 jum mill-wasla tan-notifika msemmija fl-Artikolu 3.
4. Fil-każ tad-diskussjonijiet imsemmija fil-paragrafu 2, il-Kummissjoni għandha tagħti deċiżjoni motivata dwar l-applikazzjoni tal-Istat Membru fi żmien 30 jum mill-għeluq tad-diskussjonijiet.
Artikolu 7
Parteċipazzjoni tal-Kummissjoni fin-negozjati
Il-Kummissjoni tista’ tipparteċipa bħala osservatriċi fin-negozjati bejn l-Istat Membru u l-pajjiż terz fir-rigward ta’ materji li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Jekk il-Kummissjoni ma tipparteċipax bħala osservatriċi, hija għandha tinżamm infurmata dwar il-progress u r-riżultati matul l-istadji differenti tan-negozjati.
Artikolu 8
Awtorizzazzjoni għall-konklużjoni tal-ftehim
1. Qabel l-iffirmar ta’ ftehim innegozjat, l-Istat Membru kkonċernat għandu jinnotifika l-eżitu tan-negozjati lill-Kummissjoni u għandu jitrasmettilha t-test tal-ftehim.
2. Mal-wasla ta’ din in-notifika l-Kummissjoni għandha tivvaluta jekk il-ftehim innegozjat:
(a) |
jirrispettax il-kondizzjoni stabbilita fil-punt (b) tal-Artikolu 4(2); |
(b) |
jirrispettax il-kondizzjoni stabbilita fil-punt (c) tal-Artikolu 4(2), sakemm ikun hemm ċirkostanzi ġodda u eċċezzjonali fir-rigward ta’ dik il-kondizzjoni; u |
(c) |
jissodisfax ir-rekwiżit taħt l-Artikolu 5(2). |
3. Jekk il-ftehim innegozjat jirrispetta l-kondizzjonijiet u r-rekwiżiti msemmija fil-paragrafu 2, il-Kummissjoni għandha, fi żmien 90 jum minn meta tirċievi n-notifika msemmija fil-paragrafu 1, tagħti deċiżjoni motivata dwar l-applikazzjoni tal-Istat Membru li tawtorizzah jikkonkludi dak il-ftehim.
Artikolu 9
Ċaħda tal-awtorizzazzjoni għall-konklużjoni tal-ftehim
1. Jekk, abbażi tal-valutazzjoni tagħha skont l-Artikolu 8(2), il-Kummissjoni jkollha l-intenzjoni li ma tawtorizzax il-konklużjoni tal-ftehim innegozjat, hija għandha tagħti opinjoni lill-Istat Membru kkonċernat, kif ukoll lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, fi żmien 90 jum mill-wasla tan-notifika msemmija fl-Artikolu 8(1).
2. Fi żmien 30 jum mill-wasla tal-opinjoni tal-Kummissjoni, l-Istat Membru kkonċernat jista’ jitlob lill-Kummissjoni biex tibda diskussjonijiet miegħu bil-ħsieb li tinstab soluzzjoni.
3. Jekk l-Istat Membru kkonċernat ma jitlobx lill-Kummissjoni biex tibda diskussjonijiet miegħu fil-limitu ta’ żmien previst fil-paragrafu 2, il-Kummissjoni għandha tagħti deċiżjoni motivata dwar l-applikazzjoni tal-Istat Membru fi żmien 130 jum mill-wasla tan-notifika msemmija fl-Artikolu 8(1).
4. Fil-każ tad-diskussjonijiet imsemmija fil-paragrafu 2, il-Kummissjoni għandha tagħti deċiżjoni motivata dwar l-applikazzjoni tal-Istat Membru fi żmien 30 jum mill-għeluq tad-diskussjonijiet.
5. Il-Kummissjoni għandha tinnotifika lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew bid-deċiżjoni tagħha fi żmien 30 jum mid-deċiżjoni.
Artikolu 10
Kunfidenzjalità
Meta jipprovdi informazzjoni lill-Kummissjoni skont l-Artikoli 3, 4(3) u 8, l-Istat Membru jista’ jindika jekk xi informazzjoni għandhiex titqies bħala kunfidenzjali u jekk l-informazzjoni provduta tistax tinqasam ma’ Stati Membri oħra.
Artikolu 11
Għoti ta’ informazzjoni lill-Istati Membri
Il-Kummissjoni għandha tibgħat lill-Istati Membri n-notifiki kollha li jkunu waslu skont l-Artikoli 3 u 8 u, jekk ikun meħtieġ, id-dokumenti supplimentari, kif ukoll id-deċiżjonijiet motivati kollha tagħha taħt l-Artikoli 5, 6, 8 u 9, soġġett għar-rekwiżiti tal-kunfidenzjalità.
Artikolu 12
Dispożizzjonijiet transitorji
1. Fejn, fiż-żmien tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, Stat Membru jkun diġà beda l-proċess li jinnegozja ftehim ma’ pajjiż terz, għandhom japplikaw l-Artikolu 3 sa 11.
Fejn l-istadju tan-negozjati jippermetti dan, il-Kummissjoni tista’ tipproponi linji gwida għan-negozjati jew titlob l-inklużjoni ta’ klawsoli partikolari, kif imsemmi fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(1) u l-Artikolu 5(2) rispettivament.
2. Fejn, fiż-żmien tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, Stat Membru jkun diġà kkonkluda n-negozjati iżda ma jkunx għadu kkonkluda l-ftehim, għandhom japplikaw l-Artikolu 3, l-Artikolu 8(2) sa (4) u l-Artikolu 9.
Artikolu 13
Reviżjoni
1. Mhux qabel is-7 ta’ Lulju 2017 il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew rapport dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.
2. Dak ir-rapport għandu jew:
(a) |
jikkonferma li jkun xieraq li dan ir-Regolament jiskadi fid-data stabbilita skont l-Artikolu 14(1); jew |
(b) |
jirrakkomanda li dan ir-Regolament jiġi sostitwit minn dik id-data b’Regolament ġdid. |
3. Jekk ir-rapport jirrakkomanda li dan ir-Regolament jiġi sostitwit kif imsemmi fil-punt (b) tal-paragrafu 2, miegħu għandu jkun hemm proposta leġislattiva adatta.
Artikolu 14
Skadenza
1. Dan ir-Regolament għandu jiskadi tliet snin wara l-preżentazzjoni mill-Kummissjoni tar-rapport imsemmi fl-Artikolu 13.
Il-perijodu ta’ tliet snin imsemmi fl-ewwel subparagrafu għandu jibda jiddekorri mill-ewwel jum tax-xahar li jiġi wara l-aħħar preżentazzjoni tar-rapport jew lill-Parlament Ewropew jew lill-Kunsill, skont liema jiġi wara.
2. Minkejja l-iskadenza ta’ dan ir-Regolament fid-data stabbilita skont il-Paragrafu 1, in-negozjati kollha li jkunu għaddejjin f’dik id-data li Stat Membru jkun daħal fihom skont dan ir-Regolament għandhom jitħallew jissuktaw u jiġu kkompletati skont dan ir-Regolament.
Artikolu 15
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u jkun direttament applikabbli fl-Istati Membri skont it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea.
Magħmul fi Brussell, is-7 ta’ Lulju 2009.
Għall-Kunsill
Il-President
A. BORG
(1) L-Opinjoni tas-7 ta’ Mejju 2009 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).
(3) ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43.
(4) ĠU L 338, 23.12.2003, p. 1.