Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009R0198

    Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 198/2009 tal- 10 ta' Marzu 2009 dwar il-klassifikazzjoni ta' ċerta merkanzija fin-Nomenklatura Magħquda

    ĠU L 70, 14.3.2009, p. 6–8 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2009/198/oj

    14.3.2009   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 70/6


    REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 198/2009

    tal-10 ta' Marzu 2009

    dwar il-klassifikazzjoni ta' ċerta merkanzija fin-Nomenklatura Magħquda

    IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ

    Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta' Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 9(1)(a) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tan-Nomenklatura Magħquda annessa għar-Regolament (KEE) Nru 2658/87, jeħtieġ li jiġu adottati miżuri li jikkonċernaw il-klassifikazzjoni tal-merkanzija msemmija fl-Anness għal dan ir-Regolament.

    (2)

    Ir-Regolament (KEE) Nru 2658/87 stabbilixxa r-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda. Dawk ir-regoli japplikaw ukoll għal kwalunkwe nomenklatura oħra li hija totalment jew parzjalment ibbażata fuqha jew li żżidilha kwalunkwe subdiviżjoni addizzjonali u li hija stabbilita minn dispożizzjonijiet Komunitarji speċifiċi, bil-ħsieb tal-applikazzjoni ta' miżuri tariffarji u ta’ miżuri oħrajn li għandhom x'jaqsmu mal-kummerċ ta’ oġġetti.

    (3)

    Skont dawk ir-regoli ġenerali, il-merkanizja deskritta fil-kolonna 1 tat-tabella mfassla fl-Anness għandha tkun ikklassifikata taħt il-kodiċi NM indikat fil-kolonna 2, għar-raġunijiet imsemmija fil-kolonna 3 ta' dik it-tabella.

    (4)

    Huwa xieraq li jkun stiplulat li informazzjoni tariffarja li torbot li nħarġet mill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri rigward il-klassifikazzjoni ta' oġġetti fin-Nomenklatura Magħquda, iżda li mhix skont dan ir-Regolament, tista', għal perjodu ta' tliet xhur, tibqa’ tkun invokata mid-detentur, skont l-Artikolu 12(6) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta' Ottubru 1992 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Komunità. (2)

    (5)

    Il-miżuri provduti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT

    Artikolu 1

    Il-merkanzija deskritta fil-kolonna 1 tat-tabella li tidher fl-Anness għandha tkun ikklassifikata fin-Nomenklatura Magħquda taħt il-kodiċi tan-NM indikat fil-kolonna 2 ta' dik it-tabella.

    Artikolu 2

    Informazzjoni tariffarja li torbot, maħruġa mill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri, li mhijiex skont dan ir-Regolament, tista' tibqa’ tkun invokata għal perjodu ta' tliet xhur skont l-Artikolu 12(6) tar-Regolament (KEE) Nru 2913/92.

    Artikolu 3

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, 10 ta’ Marzu 2009.

    Għall-Kummissjoni

    László KOVÁCS

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1.

    (2)  ĠU L 302, 19.10.1992, p 1.


    ANNESS

    Deskrizzjoni tal-oġġetti

    Klassifikazzjoni

    (Kodiċi tan-NM)

    Raġunijiet

    (1)

    (2)

    (3)

    Oġġett ta' daqs ta' 4m bi 30m, magħmul minn ħjut ta' materjal tal-pjanti (ħaxix tal-baħar) minsuġ.

    It-tagħma tikkonsisti f'żewġ ħajtiet milwijin u mibrumin fuq xulxin ta' materjal tal-pjanti (ħaxix tal-baħar) tat-tip li jintuża l-iktar biex bih jimtlew il-kuxins.

    Il-medd jikkonsisti f'ħajta singla mibruma ta' fibra tessili naturali minsuġa minn materjal tal-pjanti (fibra tal-ħaxix tal-baħar) (il-ħajta tkun itwal minn 20 000  decitex).

    L-oġġett għandu n-naħa ta' wara magħmul minn gomma ċellulari.

    (kisi tal-art magħmul minn ħaxix tal-baħar)

    (Ara r-ritratti Nri 648A u 648B) Ir-ritratti juru biċċa maqtugħa mill-oġġett. (*)

    4601 94 10

    Il-klassifikazzjoni hija ddeterminata mir-Regoli Ġenerali 1, 3(b) u 6 għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda, in-Nota 1 tal-Kapitolu 46, in-Nota 1 tal-Kapitolu 57, in-Nota 3 (A) (e) għat-Taqsima XI u l-kliem tal-kodiċijiet tan-NM 4601 , 4601 94 u 4601 94 10 .

    L-oġġett jikkonsisti fi tliet tipi ta' materjali differenti:

    (1)

    Iż-żewġ ħajtiet mibrumin fuq xulxin u milwijin ta' materjal tal-pjanti (it-tagħma) ikunu magħmulin minn materjal veġetali tal-intestatura 1404 ta' tip li jintuża l-iktar biex bih jimtlew il-kuxins (ara n-noti ta’ Spjegazzjoni tas-Sistema Armonizzata (Harmonised System Explanatory notes, HS-EN) għall-intestatura 1404 , (D), l-ewwel u t-tielet paragrafu, (4) li jirreferi għall-ħaxixet is-sallura li huwa tip ta' ħaxix tal-baħar.

    Il-materjali veġetali jkunu pproċessati f'xorta ta' korda magħmula minn materjali veġetali li mhumiex mgħaffġin, miġburin flimkien billi sempliċiment jinbarmu fuq xulxin u, għalhekk huma prodotti li jixbħu lit-trizza tal-intestatura 4601 (ara HS-EN għall-intestatura 4601 , (A) (2) (b) u “fi stat adattat għat-trizza” li jagħmilhom “materjali għat-trizza” fit-tifsira tan-Nota 1 tal-Kapitolu 46.

    (2)

    Il-ħajta singla mibruma ta' fibri tessili naturali minsuġin minn materjal tal-pjanti (it-tagħma) tkun magħmula minn fibri ta' materjali veġetali. Il-fibri jżommu flimkien billi jinbarmu (l-insiġ) (ara l-HS-EN għat-Taqsima XI, Ġenerali, (I) (B) (1) (a)) Dawn “il-ħjut minsuġa” għandhom ikunu ttrattati bħala “spag” tal-intestatura 5607 fit-tifsira tan-Nota 3 (A) (e) tat-Taqsima XI għaliex il-ħajta singla mibruma hija itwal minn 20 000  decitex (ara wkoll id-distinzjoni bejn ħajt u spag fit-tabella I (tip – ta' fibri veġetali) fl-HS-EN għat-Taqsima XI, Ġenerali, (I) (B) (2) kif ukoll l-HS-EN għall-intestatura 5308 (A), it-tieni paragrafu, u l-HS-EN għall-intestatura 5607 (1), l-ewwel paragrafu.

    (3)

    Il-gomma ċellulari tan-naħa ta' wara tal-Kapitolu 40 ma tagħtix il-karattru essenzjali tal-oġġett fit-tifsira tar-GIR 3(b) (regola Ġenerali Interpretattiva) għaliex din tkun fuq in-naħa ta' taħt u ma tidhirx meta l-oġġett ikun mal-art. Hija sservi biex issaħħaħ u hekk l-oġġett jżomm iktar wieqaf u tagħtih proprjetajiet kontra iż-żlieq.

    L-oġġett għandu jkun ikklassifikat bħala prodott ta' materjal tat-trizza jixbah lit-trezza għaliex il-ħjut milwijin u mibrumin ta' materjal tal-pjanti (il-medd) – li huma materjali tat-trizza tal-intestatura 4601 – jagħtu lill-oġġett il-karattru essenzjali fit-tifsira tal-GIR 3(b). Il-ħjut mibruma u milwija huma ta' kwantità ħafna iktar mill-ħjut singli tessili (il-medd) u jagħtu lill-prodott id-dehra partikolari tiegħu.

    B'riżultat ta' dan, l-oġġett ma jistax jiġi kklassifikat bħala kisi tessili tal-art tal-Kapitolu 57 fit-tifsira tan-Nota 1 tal-Kapitolu 57 għaliex il-parti tal-wiċċ li tkun esposta mhijiex ta' materjal tessili imma ta' prodotti li jixbhu lit-trizza tal-intestatura 4601 .


    Image

    Image


    (*)  Ir-ritratti huma għal għanijiet informattivi biss.


    Top