Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32008D0936

    2008/936/KE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni ta’ l- 20 ta’ Mejju 2008 li tikkonċerna l-għajnuna mogħtija minn Franza lill-Fond għall-prevenzjoni tar-riskji tas-sajd u lill-impriżi tas-sajd (Għajnuna mill-Istat C 9/06) (notifikata taħt id-dokument numru C(2007) 5636) Test b’relevanza għaż-ŻEE

    ĠU L 334, 12.12.2008, p. 62–87 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document Date of entry into force unknown (pending notification) or not yet in force.

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2008/936(1)/oj

    12.12.2008   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    L 334/62


    DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

    ta’ l-20 ta’ Mejju 2008

    li tikkonċerna l-għajnuna mogħtija minn Franza lill-Fond għall-prevenzjoni tar-riskji tas-sajd u lill-impriżi tas-sajd (Għajnuna mill-Istat C 9/06)

    (notifikata taħt id-dokument numru C(2007) 5636)

    (It-test bil-Franċiż huwa l-uniku awtentiku)

    (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    (2008/936/KE)

    IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u partikolarment l-ewwel sentenza tal-Artikolu 88(2) tiegħu,

    Wara li stiednet lill-partijiet interessati biex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom, skont l-istess Artikolu,

    Billi:

    1.   IL-PROĊEDURA

    (1)

    Il-Kummissjoni saret taf b’informazzjoni differenti rigward l-eżistenza ta’ fond maħsub biex jikkompensa lill-impriżi tas-sajd ta’ Franza għaż-żieda fil-prezz tal-karburant mis-sena 2004. Skont din l-informazzjoni, dan il-fond, imsejjaħ il-Fond għall-prevenzjoni tar-riskji tas-sajd (FPAP), kellu l-għan imħabbar li jtaffi l-varjazzjonijiet fuq żmien qasir tal-prezz tal-karburant għas-sajd, imma fil-prattika kellu l-effett li jippermetti lil dawn l-impriżi li jibbenefikaw minn prezz għall-karburant li kien ferm anqas mill-prezz tas-suq.

    (2)

    Milli jidher, fil-bidu kien previst li dan il-fond kellu jaħdem biss bis-saħħa ta’ kontribuzzjonijiet mill-professjonisti. Il-prinċipju tal-operat kellu jkun sempliċi: il-fond kien responsabbli għall-parti mill-ispiża tal-karburant superjuri għal prezz ta’ referenza determinat għal kull litru, u, min-naħa l-oħra, l-impriżi kellhom jagħtu kontribuzzjonijiet lil FPAP meta l-prezz tal-karburant kien jerġa’ jinżel taħt dan il-prezz ta’ referenza. B’dan il-mod, kien jintlaħaq bilanċ għall-finanzjament tas-sistema mingħajr ma jkun hemm dipendenza fuq fondi pubbliċi.

    (3)

    Madankollu, minħabba li l-prezz tas-suq tal-karburant dejjem baqa’ ferm ogħla mill-prezz ta’ referenza, il-Kummissjoni nnutat li l-iffunzjonar tal-FPAP kien possibbli biss bis-saħħa tal-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Istat u li din il-kontribuzzjoni finanzjarja kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87 tat-Trattat KE.

    (4)

    Fil-25 ta’ Awwissu 2005, il-Kummissjoni talbet lil Franza li tgħarrafha, sal-5 ta’ Settembru 2005, jekk kienux ġew adattati jew maħsuba mill-Istat xi miżuri speċifiċi biex isostnu ż-żieda fl-ispejjeż tal-karburant. Il-Kummissjoni fakkret ukoll li, jekk dawn il-miżuri kienu jinvolvu għajnuna mill-Istat, dawn kellhom jiġu notifikati lilha skond l-Artikolu 88 (3) tat-Trattat.

    (5)

    Fin-nuqqas ta’ risposta, u skont l-Artikolu 10 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta’ Marzu 1999 rigward it-termini tal-applikazzjoni tal-Artikolu 93 (li sar 88) tat-Trattat KE (1), fil-21 ta’ Settembru 2005 il-Kummissjoni talbet lil Franza li tipprovdilha, fi żmien tliet ġimgħat, l-informazzjoni relattiva għal dan il-fond, sabiex din tkun tista’ teżamina jekk fil-fatt kienx hemm preżenza ta’ għanuna mill-Istat u, jekk dan kien il-każ, jekk din l-għajnuna mill-Istat kinitx jew le kompatibbli mas-suq komuni.

    (6)

    Fis-7 ta’ Ottubru 2005 Franza rrispondiet għat-talba tal-Kummissjoni tal-25 ta’ Awwissu 2005 fejn indikat li “l-ebda miżura li taqa’ taħt l-iskema ta’ għajnuna mill-Istat ma ġiet implimentata fi Franza biex tilqa’ d-diffikultajiet minħabba ż-żieda konsiderevoli reċenti fil-prezz tal-karburant.” Franza madankollu indikat li kienet inkoraġġiet “strateġija mibdija mill-professjonisti” li kienet tikkonsisti fil-ħolqien ta’ fond għall-ħarsien tar-riskji tas-sajd. F’din l-ittra qatt ma ssemmew il-ħlasijiet bil-quddiem approvati mill-Istat. Min-naħa l-oħra, mir-risposta tal-awtoritajiet Franċiżi kien jidher ċar li l-finanzjament tal-fond, amministrat mill-professjonisti, kien jiddependi esklussivament fuq kontribuzzjonijiet ġejjin mir-riżorsi finanzjarji tal-imsieħba.

    (7)

    Fil-21 ta’ Ottubru 2005, il-Kummissjoni fakkret lill-awtoritajiet Franċiżi bit-talba formali tagħha għal informazzjoni dwar l-FPAP bid-data tal-21 ta’ Settembru 2005, fejn tathom mill-ġdid dewmien ta’ ġimgħatejn.

    (8)

    Fin-nuqqas ta’ risposta minn Franza fiż-żmien stipulat, il-Kummissjoni ddeċidiet, skont il-paragrafu 3 tal-Artikolu 10 diġà msemmi, li tordna lil Franza biex tipprovdi l-informazzjoni meħtieġa għal dan l-eżami. Din l-inġunzjoni, bid-data tal-5 ta’ Diċembru 2005, ġiet innotifikata fis-6 ta’ Diċembru 2005 bi żmien ta’ tliet ġimgħat biex tingħata risposta.

    (9)

    Franza rrispondiet b’ittra bid-data tal-21 ta’ Diċembru 2005 u li l-Kummissjoni rċeviet fis-27 ta’ Diċembru 2005. Din l-ittra kienet tagħmel referenza għal risposta preċedenti bid-data tas-6 ta’ Diċembru u li ġiet irċevuta fit-8 ta’ Diċembru, risposta li ntbagħtet wara ittra mill-Kummissjoni fil-21 ta’ Settembru 2005 (ara l-premessa 5 ta’ din id-Deċiżjoni). Permezz ta’ dawn iż-żewġ ittri, Franza kkomunikat lill-Kummissjoni l-istatut tal-FPAP u t-tliet ftehimiet relattivi għall-implimentazzjoni ta’ ħlas bil-quddiem li jitħallas lura mill-Istat lil FPAP.

    (10)

    Wara l-eżaminazzjoni ta’ dawn ir-risposti u tad-dokumenti mehmuża magħhom, il-Kummissjoni infurmat lil Franza, fit-8 ta’ Marzu 2006, bid-deċiżjoni tagħha li tibda l-proċedura formali tal-eżami stipulata mill-Artikolu 88(2) tat-Trattat KE u mill-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 659/1999.

    (11)

    Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tibda l-proċedura formali tal-eżami ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tad-19 ta’ April 2006 (2). Il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati li jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar il-miżuri in kwistjoni fi żmien xahar.

    (12)

    Franza għarrfet l-osservazzjonijiet tagħha permezz ta’ ittra fil-21 ta’ April 2006, f’forma ta’ nota mill-awtoritajiet tagħha. Din in-nota kellha magħha argument li deher li oriġinarjament kien intiż għall-użu intern; dan l-argument jispjega l-pożizzjoni li għandha tittieħed fir-rigward tal-argumenti tal-Kummissjoni.

    (13)

    Fis-17 ta’ Mejju 2006, l-uffiċċju Ménard, Quimbert u Soċji, avukati f’Nantes (minn issa ‘l quddiem MQA) indika permezz ta’ faks l-intenzjoni tiegħu li jifformola aktar osservazzjonijiet min-naħa tal-FPAP, u għalhekk talab li jingħata żmien itwal. Il-Kummissjoni aċċettat proroga ta’ ġimgħatejn. MQA wara kkomunikat, permezz ta’ ittra datata s-17 ta’ Mejju, u li l-Kummissjoni rċeviet fit-23 ta’ Mejju, memorandum fuq karta intestata tal-Korporazzjoni Marittima iffirmat mis-Sur de Feuardent, is-Segretarju Ġenerali tal-FPAP u bid-data tat-18 ta’ Mejju. It-tielet ittra ta’ MQA, dejjem bid-data tas-17 ta’ Mejju, u li l-Kummissjoni rċeviet fl-14 ta’ Ġunju, kienet magħmula minn “verżjoni ġdida tal-osservazzjonijiet (tiegħu) wara li saru xi korrezzjonijiet għal xi żbalji tas-segretarju”; fil-verità, dawn kienu dokumenti li kienu għadhom ma ġewx trażmessi lill-Kummissjoni rigward xi osservazzjonijiet komplementari għall-memorandum tas-Sur de Feuardent imsemmi aktar ‘il, flimkien ma’ serje ta’ dokumenti dwar il-ħidma tal-FPAP (statut, metodu ta’ ħidma, noti ta’ informazzjoni, t-trattament fiskali tal-kontribuzzjonijiet, ittra ta’ missjoni konġunta mill-Ispezzjoni Ġenerali tal-Finanzi u tal-Ispezzjoni Ġenerali tal-Agrikoltura u tas-Sajd). Fl-aħħarnett, l-aħħar titra ta’ MQA, bid-data tat-12 ta’ Ġunju 2006 u indirizzata fl-istess jum permezz ta’ faks lill-Kummissjoni, u li tkompli mal-ittra mibgħuta fid-19 ta’ Mejju “li bi żball kienet datata s-17 ta’ Mejju, li tindirizza (lilkom) l-osservazzjonijiet tas-Sur de Feuardent, segretarju ġenerali tal-Confédération de la Coopération, de la Mutualité et du Crédit Maritime, bid-data tat-18 ta’ Mejju 2006” kellha l-istess osservazzjonijiet komplementari bħal dawk trażmessi permezz tat-tielet ittra tas-17 ta’ Mejju, imma mingħajr id-dokumenti annessi.

    (14)

    Fl-14 ta’ Ġunju 2006, il-Kummissjoni kkomunikat lil Franza it-tielet ittra tas-17 ta’ Mejju 2006 ta’ MQA (il-verżjoni mħabbra bħala korreġuta mill-iżbalji tas-segretarju) u l-aħħar ittra ta’ MQA tat-12 ta’ Ġunju 2006, fejn talbet li l-osservazzjonijiet ta’ Franza jintbagħtu lilha fi żmien xahar. Fit-12 ta’ Lulju 2006, Franza talbet li dan iż-żmien jiġi estiż sa’ l-1 ta’ Settembru. Fit-18 ta’ Lulju 2006, il-Kummissjoni approvat żmien supplementari ta’ xahar. Fis-26 ta’ Settembru 2006, Franza rrispondiet li din ma tixtieq tagħti l-ebda osservazzjoni partikolari, imma xtaqet tirrimarka li l-ittra ta’ MQA tas-17/19 ta’ Mejju 2006 ma kinitx tikkorrispondi għall-osservazzjonjiet tas-Sur de Feuardent. Fid-9 ta’ Ottubru 2006, il-Kummissjoni tat lil Franza d-dettall tal-ittri li kienet irċeviet minn MQA, fejn talbet li din tikkonferma fi żmien għaxart ijiem li l-awtoritajiet Franċiżi kienu jafu minn qabel bil-memorandum tas-Sur de Feuardent. Franza rrispondiet fit-23 ta’ Ottubru 2006 li din ma kellhiex dan il-memorandum li fil-fatt ma kienx imsemmi qabel minnha, ħlief minħabba l-fatt li l-ittra (ta’ MQA) bid-data tat-12 ta’ Ġunju kienet issemmih. Minħabba li Franza ddikjarat li ma kinitx irċeviet din l-ittra, il-Kummissjoni kkomunikatielha bi trażmissjoni uffiċjali tas-27 ta’ Ottubru 2006, filwaqt li talbet li l-osservazzjonijiet eventwali tagħha jiġi trażmessi lilha sal-15 ta’ Novembru.

    (15)

    Fis-27 ta’ Novembru 2006, Franza infurmat lill-Kummissjoni li ma kellha l-ebda kumment partikolari fuq dan id-dokument.

    2.   DESKRIZZJONI

    2.1.   Il-preżentazzjoni tal-FPAP u tal-attivitajiet tiegħu

    (16)

    L-FPAP huwa magħmul, skont il-liġi Franċiża tal-21 ta’ Marzu 1884 emendata mil-liġi tat-12 ta’ Marzu 1920, fil-forma ta’ assoċjazzjoni kummerċjali. L-abbozz tal-istatut ġie approvat mill-assemblea ta’ kostituzzjoni li saret fl-10 ta’ Frar 2004 u l-istess statut kellu d-data tad-9 ta’ April 2004.

    (17)

    Skont dan l-istatut (l-Artikolu 4), din l-assoċjazzjoni hija maħluqa għal perjodu ta’ 99 sena. L-uffiċċju prinċipali huwa stabbilit f’Pariġi, 24, rue du Rocher, fl-istess indirizz tal-Confédération de la Coopération, de la Mutualité et du Crédit Maritime (minn issa ‘l quddiem imsejħa il-“Kooperazzjoni Marittima”).

    (18)

    Skont l-Artikolu 7, il-membri fundaturi huma il-Kooperazzjoni Marittima, iċ-ċentru tax-xiri u tal-iżvilupp CECOMER, soċjetà kooperattiva tal-bejjiegħa bl-imnut, li fil-fatt huwa ċ-ċentru tax-xiri tal-kooperattivi marittimi li partikolarment għandhom il-funzjoni li jipprovdu materjal u prodotti tal-iffunzjonar lill-impriżi tas-sajd, iċ-Ċentru tal-Ġestjoni tas-sajd artiġjanali u żewġ persuni mill-qasam tas-sajd. Permezz tal-assemblea ta’ kostituzzjoni tal-10 ta’ Frar 2004, dawn il-ħames membri fundaturi inħatru bħala amministraturi tal-FPAP sal-assemblea ġenerali ordinarja li trid tiġi organizzata fl-2007. B’hekk kien jidher li l-FPAP ħiereġ mis-settur tas-sajd u minn organizzazzjonijiet li huma marbuta miegħu b’mod ekonomiku (kooperattivi marittimi, kumpanija ċentrali tax-xiri, ċentri ta’ ġestjoni ta’ impriżi tas-sajd).

    (19)

    L-imsieħba prospettivi jridu jippruvaw li l-attività tagħhom għandha x’taqsam mas-sajd; madankollu, l-assoċjazzjoni tista’ taċċetta fi ħdanha “kull persuna oħra lesta li tagħti l-appoġġ morali tagħha lill-assoċjazzjoni” sakemm il-persunal ta’ din il-kategorija tal-imsieħba ma jaqbiżx 5 % tan-numru tal-imsieħba fl-assoċjazzjoni. Franza tippreċiża, fl-ittra tagħha tas-6 ta’ Diċemrbu 2005, li l-FPAP kellu 2 013-il membru u 2 385 vapur li jirrappreżentaw 30 % tal-flotta Franċiża.

    (20)

    L-Artikolu 2 tal-istatut jindika li: “L-assoċjazzjoni għandha l-għan li tiżviluppa prodotti maħsuba li jippermettu lill-intraprendituri tas-sajd li jassiguraw lilhom infushom kontra r-riskji li ġejjin: varjazzjoni fil-prezzijiet tal-fjuwil, it-tinġis marittimu jew riskju ta’ sanità relatat mat-tinġis, l-għeluq ta’ kwoti jew tnaqqis importanti tal-possibilitajiet ta’ sajd, riskju relattiv għas-suq. Dan għandu l-isem ta’ Fond ta’ Prevenzjoni tar-riskji tas-sajd.” L-FPAP b’hekk huwa magħruf bħala soċjetà ta’ assigurazzjoni mutwali li tipproponi lill-membri tagħha, b’kumpens għall-kontribuzzjonijiet tagħhom, ċertu numru ta’ servizzi.

    (21)

    Franza ttrażmettiet il-kopji tat-tliet ftehimiet li saru bejn l-Istat u l-FPAP u relatati mal-implimentazzjoni tal-ħlas bil-quddiem li jitħallas lura mill-Istat għal dan il-Fond. Dan il-ħlas bil-quddiem jitħallsu mill-intermedjarju tal-Uffiċċju nazzjonali interprofessjonali tal-prodotti tal-baħar u tal-akwakultura (Office national interprofessionnel des produits de la mer et de l’aquaculture (OFIMER). L-ewwel ftehim, bis-sata tat-12 ta’ Novembru 2004, jittratta ammont ta’ 15-il miljun euro; it-tieni, datat fis-27 ta’ Mejju 2005, fuq ammont ta’ 10 miljun euro; it-tielet, bid-data tal-11 ta’ Ottubru 2005, fuq ammont ta’ 40 miljun euro. Skont dawn it-tliet ftehimiet, l-ammont li tħallas bil-quddiem lil FPAP kien ta’ 65 miljun euro.

    (22)

    Barra minn hekk, huwa possibbli, skont l-argument mehmuż man-nota ta’ Franza tal-21 ta’ April 2006 (ara l-premessa 12 ta’ din id-Deċiżjoni), li ħlas bil-quddiem ieħor, tal-ammont ta’ 12-il miljun euro, kellu jitħallas lil FPAP (ara l-premessa 40 ta’ din id-Deċiżjoni).

    (23)

    Skont l-Artikolu 1 ta’ dawn il-ftehimiet, “l-FPAP jaħdem fuq il-bażi tal-kontribuzzjonijiet imħallsa mill-membri tiegħu b’mod li jkopru l-implimentazzjoni tal-koperturi finanzjarji kontra r-riskji li jirriżultaw mill-varjazzjonijiet fil-prezzijiet taż-żejt u l-ispejjeż tal-ġestjoni li huma bbażati fuqu.” Dawn il-ftehimiet juru li l-FPAP, għalkemm kien maħsub b’mod formali, mill-istatut tiegħu, b’għan wiesa’ biżżejjed f’dak li jikkonċerna l-benefiċċji li jista’ jassigura (ara l-premessa 20 ta’ din id-Deċiżjoni), fil-fatt illimita l-attività tiegħu biex ikopri finanzjarjament lill-impriżi tas-sajd kontra ż-żieda fil-prezz tal-karburant.

    (24)

    Skont l-Artikolu 2 tal-ftehim tat-12 ta’ Novembru 2004, “il-ħlas bil-quddiem għandu l-għan li jimplimenta mekkaniżmu ta’ kopertura kontra l-varjazzjonijiet tas-swieq internazzjonali taż-żejt mill-1 ta’ Novembru 2004; dan il-ħlas bil-quddiem jippermetti x-xiri ta’ opzjoni finanzjarja fis-swieq tal-futures taż-żejt. Il-kumpens imħallas lill-membri tal-fond irid jikkorrispondi għad-differenza tal-prezz innutat bejn il-prezz massimu kopert u l-prezz medju mensili tal-indiċi ta’ referenza għax-xahar ikkunsidrat.” L-Artikolu 2 tal-ftehim tas-27 ta’ Mejju 2005 għandu effett kważi simili: dan jipprevedi, minflok l-“implimentazzjoni” ta’ mekkaniżmu ta’ kopertura, it-“tkomplija” ta’ dan il-mekkaniżmu u jindika l-1 ta’ Marzu 2005 bħala data minn meta l-kopertura tkun tista’ tibda taħdem għall-ħlas bil-quddiem imħallas fil-qafas ta’ dan il-ftehim. Dan huwa l-istess għall-ftehim tal-11 ta’ Ottubru 2005; l-Artikolu 2 jipprevedi li, għall-ħlas bil-quddiem imħallas, il-fond ikompli l-attività ta’ kopertura “… mill-1 ta’ Lulju 2005 u tal-anqas sal-31 ta’ Diċembru 2005 bix-xiri ta’ opzjonijiet finanzjarji fis-swieq tal-futures taż-żejt, sa 17-il euro ċenteżmu/l.” Huwa ppreċiżat li “il-kumpens mogħti lil membru tal-fond irid jikkorrispondi għal mhux aktar mid-differenza fil-prezz innutat bejn il-prezz ta’ 30 euro ċenteżmu/l u l-prezz medju mensili ta’ referenza għax-xahar ikkunsidrat, jekk dan tal-aħħar huwa ta’ aktar minn 30 euro ċenteżmu/l.”

    (25)

    Mill-metodu ta’ ħidma dettaljat tal-FPAP jirriżulta li dan il-mekkaniżmu ta’ kopertura jaħdem permezz ta’ ftehimiet ta’ garanzija li jsiru bejn l-FPAP u l-impriżi membri. Il-membri jħallsu reġistrazzjoni ta’ 150 euro, kif ukoll kontribuzzjoni ta’ garanzija bbażata fuq kwantità stmata ta’ karburant espressa f’litri bl-ammont ta’ 0,035 ċenteżmu għal kull litru ta’ karburant. Min-naħa l-oħra, l-impriżi tas-sajd jirċievu kumpens determinat minn volum użat, fil-limitu tal-volum assigurat, u li t-termini tal-kalkolazzjoni huma dettaljati f’dan il-metodu ta’ ħidma.

    (26)

    L-Artikolu 3 tal-ftehimiet imsemmija fil-premessa 21 jindika li l-ħlas bil-quddiem ma jistax jitħallas minn OFIMER ħlief wara li jiġu pprovduti ċerti dokumenti ta’ sostenn. Fost dawn id-dokumenti, għandhom ikunu inklużi l-minuti tal-bord tal-FPAP li tawtorizza l-ġestjoni tal-ħlas bil-quddiem mogħti mill-Istat u, għall-ewwel żewġ ftehimiet, tispjega fid-dettall kif ser jintuża dan il-ħlas bil-quddiem, kif ukoll baġit proviżorju. Bin-nota tagħha bid-data tas-6 ta’ Diċembru 2005, Franza kkonfermat li l-ammonti indikati, li jirrappreżentaw total ta’ 65 miljun euro, fil-fatt ingħataw lil FPAP. Din in-nota tippreċiża li dan il-ħlas bil-quddiem jingħata “sabiex jassigura l-iffunzjonar tal-FPAP, fl-aqsar żmien possibbli, għall-perjodu ta’ bejn Novembru 2004 sat-tmiem ta’ Diċembru 2005.”

    (27)

    Min-naħa l-oħra, l-FPAP jimpenja ruħu li jżomm kontabbiltà li tippermetti li wieħed ikun jaf, fuq talba, kif intużaw il-ħlasijiet bil-quddiem kif ukoll it-tqassim tar-riżorsi u tal-ispejjeż. Id-dokumenti ta’ kontabbiltà jridu jinżammu għal għaxar snin u jitpoġġew għad-dispożizzjoni tal-entitajiet differenti tal-Istat fuq talba tagħhom.

    (28)

    L-Artikolu 4 jiffissa r-rata tal-interessi li tapplika fuq il-ħlas lura ta’ dan il-ħlas bil-quddiem mill-FPAP lil OFIMER għal 4,45 %. L-ammont ta’ 15-il miljun euro li huma s-suġġett tal-ftehim tat-12 ta’ Novembru 2004 irid jitħallas lura sal-1 ta’ Novembru 2006; dak ta’ 10 miljun euro, s-suġġett tal-ftehim tas-27 ta’ Mejju 2005, sal-1 ta’ Mejju 2007, u dak ta’ 40 miljun euro, suġġett tal-ftehim tal-11 ta’ Ottubru 2005, sal-1 ta’ Lulju 2007.

    (29)

    Fir-rigward tat-tliet (eventwalment erba’) ftehimiet iffirmati bejn l-Istat ta’ Franza u l-fond, l-attività tal-FPAP, fil-qafas tal-ewwel mill-għanijiet definiti fl-Artikolu 2 tal-istatut (li jippermetti lill-impriżi tas-sajd li jassiguraw il-kopertura tar-riskji marbuta mal-varjazzjoni fil-prezz tad-diżil), għalhekk għandha funzjoni doppja:

    (a)

    issostni l-varjazzjonijiet tal-prezz taż-żejt permezz tax-xiri ta’ opzjonijiet fuq is-swieq tal-futures taż-żejt fis-settur tal-prodotti taż-żejt, u

    (b)

    tikkumpensa parzjalment iż-żieda li ġejja mill-prezzijiet għolja taż-żejt għall-vapuri tal-membri ta’ dan il-fond, meta l-prezz tal-karburant jaqbeż ċertu limitu.

    (30)

    F’dak li jikkonċerna l-għajnuna mill-Istat, il-fond irid jitqies taħt dawn iż-żewġ aspetti, min-naħa meta dan jaġixxi bħala operatur ekonomiku fuq is-swieq tal-futures taż-żejt, u min-naħa l-oħra meta dan jikkumpensa lill-impriżi tas-sajd b’parti mill-ispejjeż li jikkorrispondu max-xiri tal-karburant sabiex jitnaqqsu l-ispejjeż tal-produzzjoni tagħhom.

    2.2.   Ir-raġunijiet għall-bidu tal-proċedura formali tal-eżami

    (31)

    Ir-raġunijiet għall-bidu tal-proċedura formali tal-eżami kienu dawn li ġejjin.

    2.2.1.   F’dak li jikkonċerna l-kisba ta’ opzjonijiet fuq is-swieq tal-futures taż-żejt.

    (32)

    Il-ħlas bil-quddiem mogħti lil FPAP jista’ jitqies bħala self għal żmien qasir b’rata ta’ 4,45 %. Madankollu, l-Kummissjoni tinnota li l-fond m’għandu l-ebda proprjetà immobbli u li l-kapital tiegħu huwa tassew baxx minħabba li ġej biss mill-kontribuzzjonijiet tal-membri tiegħu. Huwa għalhekk li l-ebda istituzzjoni bankarja ma kienet tagħti self bħal dan.

    (33)

    Għalhekk dan il-fond jibbenefika minn vantaġġ finanzjarju fil-konfront ta’ impriżi oħra fuq l-istess swieq tal-futures taż-żejt. Dan il-vantaġġ jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat favur il-fond. L-ebda dispożizzjoni tal-Artikolu 87 tat-Trattat KE jew tal-linji gwida li l-Kummissjoni adottat għall-analiżi tal-iskemi ta’ għajnuna mill-Istat ma tippermetti li din titqies bħala kompatibbli mas-suq komuni.

    (34)

    Min-naħa l-oħra, bis-saħħa ta’ din l-attività, l-impriżi tas-sajd li huma msieħba fl-FPAP jistgħu jixtru l-karburant bi prezz imnaqqas. Dan jikkostitwixxi għajnuna li għandha bħala effett li tnaqqas l-ispejjeż tal-produzzjoni tal-impriżi li jibbenefikaw mill-Fond. Madankollu, skont il-paragrafu 3.7 tal-linji gwida għall-eżami tal-għajnuna mill-Istat fis-settur tas-sajd u tal-akwakultura (3), din it-tip ta’ għajnuna għall-iffunzjonar, mogħtija mingħajr obbligu, normalment trid titqies bħala inkompatibbli mas-suq komuni.

    2.2.2.   F’dak li jikkonċerna l-kumpens lill-impriżi tas-sajd ta’ parti mill-ispejjeż imħallsa minħabba x-xiri tal-karburant

    (35)

    Hawn ukoll, din hija għajnuna li għandha l-effett li tnaqqas l-ispejjeż tal-produzzjoni tal-impriżi msieħba fl-FPAP. Bl-istess mod, l-ebda dispożizzjoni tal-Artikolu 87 tat-Trattat KE jew tal-linji gwida li l-Kummissjoni adottat għall-analiżi tal-iskemi ta’ għajnuna mill-Istat ma tippermetti li din titqies bħala kompatibbli mas-suq komuni. Bl-istess mod, skont il-paragrafu 3.7 tal-linji gwida speċifiċi għas-settur tas-sajd, din it-tip ta’ għajnuna għall-iffunzjonar, mogħtija mingħajr obbligu, trid titqies bħala inkompatibbli mas-suq komuni.

    2.2.3.   Il-Konklużjoni

    (36)

    Meta qieset l-informazzjoni kollha fil-pussess tagħha, il-Kummissjoni kkunsidrat li jeżistu dubji serji dwar il-kompatibbiltà ta’ din il-miżura ta’ għajnuna mas-suq komuni, minħabba li din tibbenefika kemm lill-istess FPAP u kemm lill-impriżi tas-sajd li huma msieħba fih.

    3.   IL-KUMMENTI TA’ FRANZA U TAL-PARTIJIET INTERESSATI

    3.1.   Il-kummenti ta’ Franza

    (37)

    Il-kummenti ta’ Franza huma ppreżentati fir-risposta tal-21 ta’ April 2006. Ma ġiet żviluppata l-ebda osservazzjoni komplementari dwar l-argumenti żviluppati mill-FPAP u MQA.

    (38)

    Franza tenfasizza li l-analiżi tal-Kummissjoni għandha tikkonċentra fuq in-natura u l-kundizzjonijiet tal-għotja tal-ħlas bil-quddiem mogħti mill-Istat u mhux fuq l-attivitajiet tal-FPAP.

    (39)

    Għalhekk din tosserva li:

    ir-rati applikabbli huma superjuri għar-rati ta’ referenza stabbiliti mill-Kummissjoni biex tiddetermina l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat f’sussidji fuq l-interessi;

    dan l-intervent ma jistax jiġi kkwalifikat bħala għajnuna mill-Istat minħabba li d-data għall-ħlas lura għadha m’għaddietx. Franza tfakkar, f’dan ir-rigward, li l-iskadenzi ġew iffissati, rispettivament, għall-1 ta’ Novembru 2006, l-1 ta’ Mejju 2007 u l-1 ta’ Lulju 2007;

    l-argument tal-Kummissjoni skont liema l-ebda entità bankarja ma kienet tagħti tali ħlas bil-quddiem lil FPAP m’għandux bażi, minħabba li setgħu jiġu stabbiliti skemi ta’ garanzija. Barra minn dan, Franza enfasizzat li l-FPAP huwa l-unika struttura professjonali Franċiża li tiġbor taħtha impriżi tas-sajd li kellhom l-għan li jaġixxu fuq is-suq tal-futures taż-żejt u li s-sħubija f’dan il-fond hija mingħajr ħlas.

    (40)

    Fl-aħħarnett, il-Kummissjoni tirrimarka li Franza tindika li, fl-argument mehmuż mar-risposta tagħha (ara l-premessa 12 ta’ din id-Deċiżjoni), “ma kienx jidher neċessarju li wieħed jindika li kien ġie deċiż ħlas bil-quddiem ta’ 12-il miljun euro, minħabba li s’issa l-ftehim mhux iffirmat, madankollu, jaqbel li wieħed ma jidħolx f’nuqqas ta’ qbil. Huwa propost li jiġi indikat li għaddej żmien ta’ riflessjoni.”

    3.2.   Il-kummenti tal-FPAP

    (41)

    Il-Kummissjoni rċeviet diversi ittri minn MQA b’kontenuti differenti u mibgħuta b’mod diżorganizzat (ara d-dettalji fil-premessa 13 ta’ din id-Deċiżjoni), li wieħed jista’ jiġbor kif ġej: memorandum fuq karta intestata tal-Korporazzjoni Marittima bid-data tat-18 ta’ Mejju 2006 u ffirmata mis-segretarju ġenerali tal-FPAP, u osservazzjonijiet supplementari ta’ MQA għall-FPAP, flimkien ma’ serje ta’ dokumenti relattivi għall-iffunzjonar tal-FPAP (l-istatut, il-metodu tal-ħidma, in-noti tal-informazzjoni, it-trattamenti fiskali tal-kontribuzzjonjiet, l-ittra tal-missjoni konġunta tal-Ispezzjoni Ġenerali tal-Finanzi u tal-Ispezzjoni Ġenerali tal-Agrikoltura u tas-Sajd).

    (42)

    Mill-analiżi tad-dokumenti li rċeviet mingħand MQA, jirriżulta li l-FPAP jaqbel mal-argument ta’ Franza fejn hu indikat li ħadd ma jista’ jippreġudika “annullament dirett u sempliċi tad-dejn fit-tmiem tiegħu” minħabba li ma ġie nnutat l-ebda nuqqas ta’ ħlas lura. Għall-bqija, kuntrarjament għal Franza, l-FPAP jikkonċentra l-argumenti tiegħu mhux fuq in-natura u l-kundizzjonijiet tal-għotja tal-għajnuna, imma fuq l-istatut u l-attivitajiet tal-Fond.

    (43)

    Il-punti ewlenin sostnuti mill-FPAP biex jikkuntesta n-natura tal-għajnuna mill-Istat, jew l-inkompatibbiltà ta’ din fir-rigward tas-suq komuni, il-ħlasijiet bil-quddiem mill-Istat Franċiż jistgħu jinġabru kif ġej:

    l-FPAP mhuwiex operatur ekonomiku sempliċi, minħabba li dan huwa assoċjazzjoni kummerċjali li taġixxi fl-interess esklussiv tal-membri tiegħu mingħajr ħsieb ta’ profitt u minħabba li huwa magħmul minn “grupp ta’ prevenzjoni”. B’hekk, meta dan jorganizza l-kontribuzzjonijiet tar-riskji b’sistema ta’ kumpens mqabbel ma’ prezz ta’ referenza, dan ma jaġixxix bħala operatur kummerċjali normali, “imma bħala d-difensur tal-konsumaturi tal-prodotti taż-żejt li jfittxu li jipproteġu lilhom infushom mis-suq aktar milli li jintervjenu fih”. Teoretikament, dan fil-bidu kien maħsub biex ikun awtosuffiċjenti minħabba li kien maħsub li eventwalment jingħataw lura l-kontribuzzjonijiet imħallsa u mhux użati. FPAP jinsisti wkoll fuq it-trasparenza totali tal-ġestjoni tiegħu; għal dan, minħabba li dan ma kellu l-ebda attività ekonomika tiegħu stess, dan ma jkunx jista’ jaffetwa lis-suq tal-futures pertinenti. L-FPAP isemmi wkoll l-eżistenza ta’ verifika konġunta tal-Ispezzjoni Ġenerali tal-Finanzi u tal-Ispezzjoni Ġenerali tal-Agrikoltura u tas-Sajd;

    L-FPAP ma jaġixxix fuq suq pertinenti, għax is-suq tal-prodotti tas-sajd huwa espost għal tgħawwiġ differenti ieħor ta’ kompetizzjoni relatati ma’ politiki nazzjonali differenti għall-implimentazzjoni tal-politika komuni tas-sajd. Is-suq għalhekk għandu jiġi analizzat bħala “mużajk ta’ mikro-swieq reġjonali”. Għalhekk, dan l-intervent ma jbiddilx il-kundizzjonijiet tal-iskambji. L-FPAP jindika wkoll li l-analiżi tal-kompetizzjoni trid tkun ippreżentata skont iċ-ċirkostanza għax parti importanti miż-żieda u mit-tgħawwiġ tal-ispejjeż imħallsa mis-sajd tistrieħ fuq il-“pedaġġi” jew il-“penali” li jirriżultaw partikolarment mill-miżuri Komunitarji, li ma tikkorrispondi bl-ebda mod għall-viżjoni ta’ suq wiesgħa miftuħ.

    (44)

    L-intervent tal-FPAP fil-fatt jaħseb biex jiffaċilita l-fatt li s-sajd jinżamm f’qafas reġjonali u biex itellef lill-vapuri tal-baħar milli jirrikorru għal fondi għal aċċess aktar viċini jew lil bastimenti tas-sajd bit-tkarkir milli jaqilbu għal sajd aktar speċifiku u li jaħlu anqas enerġija. L-għan tiegħu għandu jkun li jħares ir-riżorsi, il-bilanċi u d-diversità tas-sistema minn fażi ta’ adattament. B’dan il-mod, l-FPAP kellu jantiċipa l-pjanijiet ta’ salvataġġ u ta’ ristrutturazzjoni u ż-żieda maħsuba mil-limitu tal-għajnuna de minimis. Għal dawn ir-raġunijiet, l-FPAP jikkondividi l-argumenti li ġejjin:

    ma jkunx eżatt li wieħed jgħid li l-ħlasijiet bil-quddiem mogħtija mill-Istat saru mingħajr l-ebda kundizzjoni, għax min-naħa l-oħra dawn kienu “kundizzjonati għal ġestjoni trasparenti immedjata (u) fuq kollox għad-definizzjoni ta’ politika sostenibbli li d-definizzjoni tagħha tkun is-suġġett ta’ spezzjoni ġenerali”;

    ftit aktar minn terz tal-intervent tiegħu (25 miljun euro fuq 65 miljun) kien jikkonċerna direttament il-ħlasijiet bil-quddiem għal dawk li jirċievu salarju u jista’ jiġi analizzat bħala għajnuna soċjali diretta;

    l-għajnuna tingħata bħala riżultat ta’ sitwazzjoni straordinarja meta l-Kummissjoni tammetti hi stess id-diffikultajiet ekonomiċi u soċjali eċċezzjonali tas-settur;

    l-FPAP josserva li huwa ċivilment responsabbli skont il-liġi Franċiża u li r-responsabbiltà tiegħu mhix limitata. Għal din ir-raġuni, fin-nuqqas tal-ħlas lura, il-kriterju miżmum mill-Kummissjoni biex tikkwalifika dan l-intervent ta’ għajnuna mill-Istat mhux suffiċjenti.

    (45)

    Fl-aħħarnett, MQA trażmettiet, fil-qafas tal-osservazzjonijiet tagħha, il-kopji taż-żewġ ittri tal-Ministru responsabbli mill-Baġit lil FPAP, li jindikaw li l-FPAP u l-imsieħba kollha tiegħu jibbenefikaw minn miżuri fiskali. Dawn jikkonsistu, għal FPAP, f’eżenzjoni mit-taxxi fuq is-soċjetajiet kif ukoll, probabilment, mit-taxxa professjonali u, għas-sajjieda li jaħdmu għal rashom, il-possibbiltà li jnaqqsu l-kontribuzzjonijiet imħallsa lill-assoċjazzjoni mid-dħul taxxabbli tagħhom.

    4.   L-APPREZZAMENT TAL-FATTI

    (46)

    Din id-deċiżjoni ma tikkonċernax il-vantaġġi fiskali msemmija fil-premessa 45. Fil-fatt, il-Kummissjoni ma kinitx taf b’dawn meta din iddeċidiet li tibda l-proċedura formali tal-eżami. Dawn il-vantaġġi fiskali huma suġġetti għal analiżi speċifika, taħt il-fajl NN 38/2007, sabiex ikun deċiż jekk dawn jikkorrispondux għal għajnuna mill-Istat, u, jekk dan ikun il-każ, jekk din l-għajnuna hijiex kompatibbli mas-suq komuni.

    (47)

    L-FPAP għandu għan li jrid jiġi kkunsidrat, fir-rigward tal-għajnuna mill-Istat, b’mod doppju:

    l-ewwelnett, dan għandu l-għan li jikseb opzjonijiet finanzjarji fuq is-swieq tal-futures. Anke jekk dan mhuwiex ippreċiżat b’mod espliċitu, dawn is-swieq tal-futures fil-fatt huma dawk taż-żejt jew tal-prodotti derivati minnu. B’hekk jidher li l-FPAP, filwaqt li huwa ffurmat taħt il-forma ta’ assoċjazzjoni, jopera fuq dawn is-swieq tal-futures billi jikseb opzjonijiet, kif tagħmel soċjetà privata ordinarja li tkun attiva fuq dan it-tip ta’ swieq, u li topera skont ir-regoli tal-ekonomija tas-suq. L-għajnuna għall-kisba tal-opzjonijiet fuq is-swieq tal-futures hija analizzata hawn taħt fil-parti 4.1 ta’ din id-Deċiżjoni;

    it-tieninett, l-FPAP għandu l-għan li jħallas lill-impriżi tas-sajd li huma msieħba miegħu d-differenza bejn il-prezz medju mensili ta’ referenza u, skont il-ftehimiet tat-12 ta’ Novembru 2004 u tas-27 ta’ Mejju 2005, il-“prezz massimu kopert” jew, skont il-ftehim tal-11 ta’ Ottubru 2005, il-prezz ta’ 30 euro ċenteżmu għal kull litru jekk il-prezz medju mensili tal-indiċi ta’ referenza jkun superjuri għal dan il-prezz. Il-prezz medju mensili ta’ referenza huwa stabbilit mill-FPAP. Il-kumpens imħallas mill-FPAP lill-impriżi tas-sajd għax-xiri ta’ karburant huwa analizzat hawn taħt fil-parti 4.2 ta’ din id-Deċiżjoni.

    4.1.   Għajnuna favur l-FPAP: għajnuna għall-kisba ta’ opzjonijiet fuq is-swieq tal-futures

    4.1.1.   L-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat

    4.1.1.1.   L-FPAP huwa impriża fis-sens tal-Artikolu 87 tat-Trattat KE

    (48)

    L-ewwelnett jinħtieġ li jiġi determinat jekk l-FPAP jistax jikkwalifika bħala impriża. Jekk dan mhux il-każ, l-Artikolu 87(1) ma japplikax għal FPAP. Dwar din il-kwistjoni, il-Kummissjoni tfakkar li skont ġurisprudenza kostanti, fil-kuntest tal-liġi tal-kompetizzjoni, il-kunċett ta’ “impriża” jinkludi l-entitajiet kollha li jeżerċitaw attività ekonomika indipendentement mill-istatut ġuridiku ta’ dawn l-entitajiet u l-metodi ta’ finanzjament tagħhom (4). Kull attività li toffri oġġetti u servizzi fuq suq magħruf tikkostitwixxi attività ekonomika (5).

    (49)

    Is-soċjetajiet li jintervjenu fuq is-swieq tal-futures tal-prodotti tal-materja prima huma normalment soċjetajiet privati li jaħdmu skont ir-regoli tal-ekonomija tas-suq. L-għan tal-operazzjonijiet li jseħħu fuq dawn is-swieq tal-futures jikkonsisti, għall-operatur, li jiffoka fuq il-fatt li l-prezz tax-xiri tal-prodott, fil-każ fejn ikun mixtri fil-futur bil-prezz normali tas-suq, ikun differenti mill-prezz li bih hija stabbilita l-opzjoni. B’hekk, operatur attiv fuq suq bħal dan jieħu riskju minħabba l-fatt tal-inċertezza fuq l-evoluzzjoni tal-prezzijiet. F’dan il-każ, l-FPAP fil-fatt aġixxa bħala operatur fuq is-swieq tal-futures tal-prodotti taż-żejt. B’hekk, din hija wkoll attur ekonomiku fis-settur tas-sajd minħabba li din xtrat is-soċjetà CECOMER, il-membru fundatur u amministratur tal-FPAP, u l-kumpanija ċentrali għax-xiri tal-kooperattivi marittimi, tal-karburant bi prezz differenti minn dak li din is-soċjetà tixtri bil-prezz normali tas-suq. Jekk l-operazzjoni tax-xiri tal-opzjonijiet, li hija operazzjoni ta’ natura spekulattiva, tkun irnexxiet, il-prezz tal-karburant mogħti lura lill-kooperattivi huwa anqas minn dak tas-suq. B’hekk l-FPAP jieħu riskju bil-ħsieb li t-teħid ta’ dan ir-riskju jkun ta’ profitt finanzjarju għalih. Il-kooperattivi marittimi, min-naħa tagħhom, wara jerġgħu jbiegħu mill-ġdid dan il-karburant lill-impriżi tas-sajd skont il-prezz li bih setgħu jiksbuh mingħand CECOMER. Il-karatteristiċi tal-operazzjonijiet ta’ trasferiment tal-propjetà tal-karburant mixtri minn FPAP lil CECOMER, soċjetà kooperattiva ta’ bejjiegħa bl-imnut, mhumiex magħrufa; madankollu, u minkejja li CECOMER hija membru fundatur tal-FPAP, dawn huma operazzjonijiet magħmula bejn żewġ entitajiet indipendenti. Dawn l-operazzjonijiet ta’ trasferiment tal-propjetà tal-karburant jistgħu jiġu analizzati li għandhom natura kuntrattwali; fil-fatt, għalkemm probabilment jippreżentaw ċerti partikolaritajiet, il-ftehimiet skont liema jsiru l-anqas ma jaqgħu taħt il-ftehimiet ta’ dritt privat u bl-istess mod taħt kuntratti ta’ dritt privat. L-attività ta’ FPAP, li b’hekk tikkonsisti f’intervent fuq is-swieq tal-futures tal-prodotti taż-żejt biex jixtru dawn il-prodotti bil-ħsieb li jingħataw lura lil CECOMER, soċjetà kummerċjali, tidher li hija attività ta’ natura ekonomika. Min-naħa l-oħra, fid-deċiżjoni tal-bidu tal-proċedura, il-Kummissjoni osservat: “L-FPAP għandu l-għan li jippermetti l-kisba ta’ opzjonijiet finanzjarji fuq is-swieq tal-futures. Anke jekk dan ma ġiex ippreċiżat b’mod espliċitu, is-swieq tal-futures imsemmija huma biċ-ċar dawk taż-żejt u tal-prodotti derivati minnu. B’hekk jidher li l-FPAP, filwaqt li kien iffurmat taħt forma ta’ assoċjazzjoni, jaġixxi fuq dawn is-swieq tal-futures billi jixtri u jbiegħ opzjonijiet, kif tagħmel soċjetà privata ordinarja attiva f’dan it-tip ta’ suq u li topera skont ir-regoli tal-ekonomija tas-suq.”. Fir-risposti tagħhom, Franza u l-FPAP ma kkuntestawx il-fatt li l-FPAP kien qed jagħmel dawn l-operazzjonijiet ta’ xiri u ta’ bejgħ ta’ opzjonijiet. Franza ma tagħmel l-ebda kumment dwar dan; fir-rigward tal-FPAP, dan josserva biss li “l-FPAP intervjena fuq is-suq dinji tal-‘commodities’ flimkien mal-aġenti jew l-istabbilimenti finanzjarji speċjalizzati. Huwa diffiċli li wieħed jimmaġina suq akar kompetittiv, aktar mifrux, u aktar volatili. Għalhekk, il-fond ma bbenefika mill-ebda vantaġġ fuq it-tariffi, l-anqas minn kundizzjonijiet partikolari fir-rigward tal-operaturi l-oħra kollha tas-suq … Għalhekk, il-kwistjoni terġa’ ddur fuq l-oriġini tal-fondi mħallsa bil-quddiem …”; għalhekk ma jitfa’ l-ebda dubju fuq id-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni skont liema dan kien jaġixxi bħal operatur ordinarju fuq dawn is-swieq tal-futures. Barra minn dan, jaqbel li wieħed jinnota li l-funzjoni tal-FPAP hija biss dik ta’ amministratur tal-fondi pubbliċi fl-interess pubbliku. Dan ma jistax jitqies bħala l-eżerċizzju tal-prerogattivi ta’ poter pubbliku mill-Istat jew minn entità taħt ir-responsabbiltà tiegħu.

    (50)

    Għalhekk, skont l-evidenza, l-FPAP għandu jitqies bħala impriża fis-sens tad-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni. M’hemmx bżonn li wieħed jindirizza n-natura u l-istatut tiegħu. Partikolarment, il-fatt li eventwalment dan m’għandux għan ta’ qligħ mhuwiex pertinenti. Min-naħa l-oħra, anke jekk wieħed iqis dan, bħala referenza għat-termini propja tal-FPAP, “bħala d-difensur tal-konsumaturi tal-prodotti taż-żejt li jfittxu li jipproteġu lilhom infushom mis-suq aktar milli li jintervjenu fih”, dawn il-“konsumaturi” fil-fatt huma operaturi ekonomiċi (kooperativi marittimi u impriżi tas-sajd) li jfittxu lu jnaqqsu l-ispejjeż tal-produzzjoni tagħhom. Din ir-reazzjoni, perfettament loġika min-naħa tal-operaturi ekonomiċi, madankollu ttellef li dawn lil dawn l-operaturi milli jitqiesu bħala operaturi individwali fis-sens tal-punt (a) tal-Artikolu 87(2), tat-Trattat, li jawtorizza għajnuna ta’ tip soċjali favur dawn il-konsumaturi individwali. Għalhekk, l-argumenti ppreżentati minn Franza jew l-istess FPAP, rigward kemm l-istatut tiegħu, il-mod tal-iffunzjonar, l-għanijiet tiegħu li s-sitwazzjoni speċifika tiegħu fuq is-suq tal-prodotti taż-żejt, ma jistgħux jiġu sostnuti.

    4.1.1.2.   Il-prinċipju ta’ kreditur privat (6)

    (51)

    Il-Kummissjoni tqis li f’din il-kwistjoni, din għandha bażi biex tqis l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat billi tapplika l-prinċipju ta’ kreditur privat.

    (52)

    Il-fondi li ġejjin mit-tliet ħlasijiet bil-quddiem li l-kundizzjonijiet tal-għotja tagħhom huma magħrufa jridu jitħallsu lura bir-rata tal-interess ta’ 4,45 %. Fir-rigward tal-possibbiltà tar-raba’ ħlas bil-quddiem, għal ammont ta’ 12-il miljun euro, wieħed jista’ jqis li l-għotja tiegħu tkun saret f’kundizzjonijiet identiċi jew simili ħafna. Dan il-finanzjament mill-Istat għalhekk jikkorrispondi fil-prattika f’self mogħti b’din ir-rata. Ċertament, din ir-rata hija superjuri għar-rata ta’ referenza użata mill-Kummissjoni biex tiddetermina l-element tal-għajnuna li teżisti f’sussidji fuq l-interessi, b’rata ta’ referenza ffissata għal 4,43 % fl-2004 (7) u għal 4,08 % mill-1 ta’ Jannar 2005 (8). Għalhekk, teoretikament, seta’ ma jkunx hemm għajnuna mill-Istat fil-ħlasijiet bil-quddiem mogħtija jekk dawn kienu saru fil-kundizzjonijiet normali ta’ ekonomija tas-suq.

    (53)

    Il-Kummissjoni tqis madankollu li dawn il-ħlasijiet bil-quddiem ma ngħatawx skont il-kundizzjonijiet normali tas-suq, fid-dawl tal-fatt li l-ebda kreditur privat ma kien jaċċetta li jagħti l-ammonti msemmija, fin-nuqqas ta’ garanzija fuq il-vijabbiltà tal-attività tal-FPAP u l-probabbiltà tal-irkuprar meta din tiskadi.

    (54)

    Il-kapital inizjali tal-FPAP huwa magħmul mill-kontribuzzjonijiet tal-imsieħba (ara l-premessi 23 u 25). La Franza u l-anqas l-FPAP ma pprovdew indikazzjonjiet ta’ ċifri dwar ir-riżorsi li ġejjin minn dawn il-kontrbuzzjonijiet. Skont l-argument mehmuż mar-risposta tal-21 ta’ April 2006, l-awtoritajiet Franċiżi b’hekk iqisu, wara li kienu indikaw li “matul l-elaborazzjoni tar-risposta tas-6 ta’ Diċembru 2005, dawn ir-riżorsi kienu ġew proposti fl-abbozz imma kienu tneħħew matul il-validazzjoni inter ministerjali”, li “ma kienx jidher neċessarju li tingħata risposta issa.”

    (55)

    Madankollu, il-Kummissjoni tinnota li l-ammonti huma relattivament żgħar meta mqabbla mal-kobor probabbli tal-ispejjeż. Fil-fatt, fuq il-bażi tal-indikazzjonijiet li jidhru fil-memorandum iffirmat tas-segretarju ġenerali tal-FPAP, fil-“Metodu tal-ħidma dettaljat tal-FPAP” ta’ Novembru 2004, u fin-“nota ta’ informazzjoni tal-FPAP” ta’ Jannar 2006, tista’ tiġi ppreżentata evalwazzjoni wiesgħa: madwar 2 500 sħab (in-numru ta’ msieħba tal-FPAP skont l-awtoritajiet Franċiżi) iħallsu abbonament għas-sħubija ta’ 150 euro, jiġifieri 375 000 euro, li magħhom jiżdiedu l-kontribizzjonijiet li jkopru l-garanzija tar-riskju (ara l-punt (25)). Jekk wieħed iqis li l-volum kollu tad-diżil użat huwa assigurat, u jekk jibbaża fuq il-konsum indikattiv ta’ bastiment tas-sajd ta’ 24 metru hekk kif irrapportat mill-FPAP (madwar 10 tunellata diżil fil-ġimgħa), l-ipoteżi massima ta’ attività ta’ 48 ġimgħa fis-sena, jiġifieri konsum ta’ 480 tunellata (hħalkemm in-numru ta’ ġimgħat ta’ attività probabbilment ikun eqreb għal bejn 38 u 40 milli għal 48), u l-valur uniku tal-kontribuzzjoni lil FPAP, jiġifieri 0,0035 euro għal kull litru, wieħed jasal, għal 2 500 vapur, għal total ta’ 4 200 000 euro fis-sena. It-tielet sors ta’ kontribuzzjonijiet tiġi mill-possibbiltà, prevista mill-istatut, li l-assoċjazzjoni tilqa’ fi ħdanha, sa livell ta’ mhux aktar minn 5 % tal-imsieħba, “kull persuna li hi lesta li tagħti appoġġ morali lill-assoċjazzjoni”. Probabbilment dan huwa ammont marġinali. Fin-nuqqas ta’ kull indikazzjoni fuq in-numru ta’ dawn l-imsieħba li huma lesti li jagħtu appoġġ morali u fuq l-ammont tal-kontribuzzjoni tagħhom, wieħed iriq joqgħod fuq l-ipoteżi għolja ħafna ta’ rċevuti supplementari fil-livell ta’ 125 000 euro (125 imsieħeb mingħajr attività tas-sajd, li huwa l-massimu awtorizzat mill-istatut tal-FPAP [5 % ta’ 2 500 sħab] × 1 000 euro).

    (56)

    L-ammonti kollha li ġejjin minn diversi kontribuzzjonijiet għalhekk jammontaw għal 4 200 000 + 375 000 + 125 000 jiġifieri 4 700 000 euro fis-sena. Din hija ipoteżi estremament ottimista, ikkalkulata fuq il-bażi tal-konsum indikattiv ta’ bastiment tas-sajd ta’ 24 metru b’tul ta’ attività ta’ 48 ġimgħa fis-sena, u fuq l-ipoteżi li l-konsum kollu huwa assigurat. Il-Kummissjoni tibbaża fuqha biss biex tkun tista’ tagħmel riċerka dwar x’jista’ jkun l-ammont massimu teoretiku tal-ammont li jirċievi l-FPAP. Madankollu, jekk wieħed jikkunsidra li Franza tindika ċifra ta’ vapuri msieħba ta’ 2 385, fosthom proporzjon imdaqqas ta’ bastimenti għal navigazzjoni qrib ix-xtajta ta’ anqas minn 12-il metru, li l-konsum annwali ta’ karburant tagħhom huwa eqreb għal 200 tunellata milli għall-480 li huma l-bażi għall-kalkolu t’hawn fuq, huwa probabbli li l-ammont reali huwa tassew anqas. Fil-fatt, minħabba li l-flotta Franċiża hija ta’ madwar 1 500 vapur ta’ aktar minn 12-il metru u li 95,3 % tal-vapuri ta’ dan id-daqs huma koperti mill-FPAP (9), jiġifieri madwar 1 400 bastiment, wieħed jikkonkludi li madwar 1 000 vapur ta’ anqas minn 12-il metru huma koperti wkoll mill-FPAP. L-ammont totali ta’ rċevuti annwali għalhekk żgur li huwa anqas minn dan l-ammont ta’ 4,7 miljun euro.

    (57)

    Wara li saru dawn il-kalkoli ipotetiċi ta’ rċevuti, il-Kummissjoni tosserva li l-FPAP, min-naħa, apparentament ma jipposjedi l-ebda propjetà immobbli u li, min-naħa l-oħra, il-propjetà mobbli tiegħu, magħmula biss mill-kontribuzzjonijiet tal-imsieħba tiegħu, huma ferm ridotti. Għal din ir-raġuni, il-Kummissjoni tqis li fil-kundizzjonijiet normali ta’ ekonomija tas-suq, bank, bħal pereżempju il-Crédit Maritime, li jippreżenta ruħu, skont it-termini tiegħu, bħala “is-sieħeb naturali tas-settur tas-sajd”, qatt ma kien isellef (jew “ħallas bil-quddiem” biex nirreferu għat-termini tal-ftehimiet li saru bejn l-Istat u l-FPAP) is-somom in kwistjoni (ħlief biss parti minn dawn is-somom) lil FPAP biex jintervjeni fuq suq tal-futures, mingħajr ma qabel ikun kiseb l-assigurazzjoni raġonevoli tas-solvenza probabbli tiegħu meta jkun dovut il-ħlas lura tas-self.

    (58)

    Franza toġġezzjona li din il-koklużjoni hija “allegazzjoni li mhi bbażata fuq l-ebda inkjesta preċiża ma’ organizzazzjonijiet bankarji, u li setgħu jiġu stabbiliti sistemi ta’ garanzija.” Madankollu, inkjesta mwettqa mill-Kamra Nazzjonali tal-Kunsilli u l-Esperti Finanzjarji (10) ma’ ħamsa u tletin bank tipprovdi idea tassew preċiża tan-normi li jintużaw fl-istituzzjonijiet bankarji Franċiżi matul l-għotja ta’ kreditu lill-klijenti tagħhom. L-attenzjoni biex jillimitaw ir-riskju ta’ kreditu tagħhom fir-rigward tal-klijenti tagħhom twassal lill-manaġers tal-istabbilimenti bankarji biex jimponu r-rispett tan-normi bażiċi li huma bbażati fuq serje ta’ proporzjonijiet li jippermettu l-analiżi tas-saħħa finanzjarja u l-kapaċità tal-impriża biex tħallas id-dejn tagħha, skont diversi kriterji bħal fondi proprji, bilanċ, il-livell tad-dejn tagħhom fuq iż-żmien, id-dħul u l-ispejjeż finanzjarji. Minn din l-analiżi jirriżulta partikolarment li proporzjon “dejn totali bankarju fuq il-fondi propji” ta’ aktar minn 2.50 jirriżulta f’indikatur tar-riskju li, għalkemm ma jeskludix definittivament l-għotja ta’ self, imma jwassal lill-istabbiliment biex jieħu garanziji ogħla. Fil-każ tal-FPAP, jekk wieħed jirraporta il-65 miljun ta’ ħlas bil-quddiem mal-istima ottimista tal-fondi propji ppreżentati hawn fuq (4,7 miljun euro, ara l-premessa 56), il-proporzjon jistabbilixxi ruħu għal 13,82, jiġifieri kważi sitt darbiet aktar mil-limitu superjuri tar-riskju. Naturalment, jekk l-ammont reali tal-ħlas bil-quddiem kien ogħla (77 miljun, meta jitqies il-ħlas bil-quddiem kumplementari possibbli ta’ 12-il miljun imsemmi fil-premessa 22), jew jekk l-ammont reali tal-fondi propji kien tassew aktar dgħajjef, dan il-proporzjon ipotetiku jkompli jiżdied. B’tali livell ta’ riskju, l-ebda organizzazzjoni bankarja ma qatt kienet tikkunsidra l-possibbiltà eventwali ta’ self, anke jekk l-utilizzazzjoni ta’ titoli ta’ sigurtà reali (bħalma hu r-rahan tal-opzjonijiet tax-xiri jew bil-garanzija ta’ stokks tal-karburant miksub mill-FPAP) jew personali (ipoteki meħuda fuq il-propjetà personali tal-imsieħba u ipoteka fuq il-bastimenti tagħhom) fil-fatt huwa parti mit-tekniki bankarji li jippermettu li jiġi minimizzat ir-riskju tal-falliment. Madankollu, wieħed għandu jisserva li, fil-każ ta’ rikors għal titoli ta’ sigurtà personali fuql-imsieħba, l-impriżi tas-sajd kienu tassew juru altar reżistenza biex jissieħbu fl-FPAP. Jeżistu wkoll tekniki oħra ta’ trasferiment jew ta’ qsim tar-riskju-klijent, bħalma huma l-kofinanzjament tas-self minn diversi stabbilimenti bankarji, ir-rikors għal soċjetajiet ta’ garanzija u l-assoċjazzjoni ma’ sħab għal fondi ta’ garanzija reġjonali u dipartimentali (dawn ġeneralment ikunu wkoll garantiti minn soċjetajiet ta’ garanzija) imma, fil-każijiet kollha, il-garanzija ġeneralment tingħata biss lill-impriżi li huma fondamentalment b’saħħithom u li jistgħu jagħtu profitt, u għal ammont li qatt ma jaqbez il-50 % tad-dejn (fil-każ tal-FPAP, għal ammont ta’ ftit aktar minn 30 miljun euro, li jġalli l-eżistenza ta’ riskju residwu ta’ kważi tliet darbiet il-limitu superjuri tar-riskju).

    (59)

    Meta Franza tirrimarka, fir-rigward ta’ dawn it-tekniki, li sistemi ta’ garanzija “setgħu” jiġi stabbiliti, din tammetti b’mod impliċitu li dan ma kienux ġew stabbiliti f’dan il-każ u li l-ħlas bil-quddiem tal-Istat ingħata mingħajr ma ġew riċerkati garanziji li jistgħu jitqabblu ma’ dawk li jintużaw fi stabbilimenti bankarji. F’dawn il-kundizzjonijiet, il-Kummissjoni tikkonkludi li Franza ma aġixxietx bħala kreditur privat u li din ma kellha l-ebda garanzija li l-FPAP seta’ jħallas lura l-fondi li kellu għad-dispożizzjoni.

    (60)

    Min-naħa l-oħra, l-FPAP, permezz tal-Kunsill tiegħu, jagħmel l-osservazzjoni li huwa ċivilment responsabbli skont il-liġi Franċiża u li din ir-responsabbiltà hija mingħajr limitu, filwaqt li nnota li l-azzjoni tal-assoċjazzjoni tista’ toħloq responsabbiltà għal somom importanti. Ċertament, il-Kummissjoni tirrimarka li jistgħu ikunu involuti somom kbar ta’ flus, b’entità bħall-FPAP fejn l-operazzjonijiet imwettqa fuq is-swieq tal-futures huma operazzjonijiet li jippreżentaw riskji ċerti u jistgħu jwasslu għal telf kbir. Apparti dan, m’hemm xejn li jgħid li r-responsabbiltà tal-FPAP, f’każ ta’ telf importanti, jkun kopert mill-membri. L-ebda wieħed mid-dokumenti pprovduti, (l-istatut, il-metodu tal-ħidma, in-nota ta’ informazzjoni) ma jippreżenta xi mekkaniżmu bħal dan. L-unika kunsiderazzjoni ta’ natura finanzjarja li tidher f’dawn id-dokumenti tikkonċerna l-kontribuzzjoni li għaliha huwa indikat li din tibqa’ miksuba għall-profitt tal-assoċjazzjoni meta jirtira xi membru (l-Artikolu 10). Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni tosserva li l-liġi tal-21 ta’ Marzu 1884, il-liġi li biha nħoloq l-FPAP, hija l-liġi li ppermettiet il-ħolqien ta’ assoċjazzjonijiet kummerċjali fi Franza. Ċertament mhuwiex fl-ispirtu ta’ tali liġi li tagħti responsabbiltà ta’ natura ekonomika, u għalhekk finanzjarja, lill-membri tal-assoċjazzjoni konċernata. Għalhekk, fil-każ ta’ telf finanzjarju importanti, il-Kummissjoni ma tarax kif dan it-telf jista’ jiġi kkumpensat mill-imsieħba tiegħu.

    (61)

    Meta tqis dawn l-elementi kollha, il-Kummissjoni hi tal-fehma li l-prinċipju tal-kreditur privat ma ġiex irrispettat.

    4.1.1.3.   L-eżistenza ta’ vantaġġ finanzjarju mogħti permezz tar-riżorsi tal-Istat

    (62)

    Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-ammont stmat tal-ammonti rċevuti li ġejjin minn diversi kontribuzzjonijiet tal-imsieħba, anke skont l-ipoteżi għolja, qatt ma kienet tippermetti lil FPAP jintervjeni fuq suq tal-futures mingħajr appoġġ fuq fondi esterni. Dawn il-fondi esterni ġew ipprovduti mill-Istat, permezz tal-OFIMER, taħt il-forma tal-anqas ta’ tliet ħlasijiet bil-quddiem imqassma bejn Novembru 2004 u Ottubru 2005, għal ammont totali li tela’, skont l-informazzjoni kkomunikata minn Franza, għal 65 miljun euro. Ir-raba’ ħlas bil-quddiem ta’ 12-il miljun euro probabbilment tħallas ukoll; fil-fatt, it-termini tal-argument imsemmi fil-premessa 22 jagħtu x’wieħed jifhem li l-iffirmar tal-ftehim kien qed isir f’din id-data.

    (63)

    Franza ma ppreżentat l-ebda element li seta’ jikkontradiċi din l-analiżi. F’dan l-argument, wieħed jista’ jaqra: “L-FPAP huwa meqjus (mill-Kummissjoni) li ma jistax jintervjeni fir-rigward tal-mezzi tiegħu mingħajr il-ħlas bil-quddiem li jitħallas lura lill-Istat. Ma jista’ jiġi ppreżentat l-ebda argument kontra din l-evidenza.” Ukoll, għall-Kummissjoni, dawn il-ħlasijiet bil-quddiem ingħataw skont kundizzjonijiet li mhumiex il-kundizzjonijiet normali tas-suq (ara l-premessi 51 sa 61 ta’ din id-Deċiżjoni)

    (64)

    Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni tosserva li la Franza u l-anqas l-FPAP ma taw indikazzjoni lill-Kummissjoni dwar l-ammont tal-fondi użati mill-FPAP fuq dawn is-swieq tal-futures, jew dwar ir-riżultat tat-tranżazzjonijiet li twettqu fuqu. Skont l-istess argument, l-awtoritajiet Franċiżi għażlu minn jeddhom li ma jikkomunikawx din l-informazzjoni; fil-fatt huwa indikat li “… dawn l-elementi jistgħu jiġu pprovduti lill-Kummissjoni; madankollu issa jaqbel li jitqies l-interess li jiġu pprovduti tali elementi.” Madankollu, il-Kummissjoni tinnota li dawn l-elementi ma ngħatawx lilha, la permezz tal-posta u l-anqas b’mezzi oħra.

    (65)

    Fl-aħħarnett, Franza kif ukoll l-FPAP u l-Kunsill tiegħu, jqisu li l-Kummissjoni ma tistax tippreġudika l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat sakemm ma ġie kkunsidrat l-ebda nuqqas ta’ ħlas lura (Franza: “il-ħlas bil-quddiem li jitħallas lura ma jistax jiġi kkwalifikat bħala għajnuna mill-Istat minħabba li għadu ma skadiex iż-żmien tal-ħlas lura”. FPAP: “Din is-somma ma tistax titħallas lura? Din hija l-mistoqsja prinċipali li tistaqsi l-Kummissjoni”; MQA: “L-ebda wieħed mis-self mogħti minn Franza lil FPAP ma wasal fit-tmiem tiegħu. F’dan l-istadju m’hemm l-ebda nuqqas ta’ ħlas lura u l-anqas m’hemm ebda evidenza mill-Istat Franċiż li tagħti x’jifhem li id-dejn ser jiġi annullat fit-tmiem tiegħu”). Il-Kummissjoni tfakkar f’dan ir-rigward li l-kwalifikazzjoni għall-għajnuna mill-Istat favur l-FPAP hija l-ewwelnett marbuta mad-deċiżjoni ta’ Franza li tagħti lill-FPAP self li dan ma kienx jiksbu b’xi mod ieħor, u dan anke jekk iż-żmien tal-iskadenza tal-ħlas lura kien jiġi rrispettat. Huwa għalhekk, meta l-Kummissjoni tistaqsi lilha nnifisha dwar is-solvenza tal-FPAP meta jiskadi s-self, hija l-ewwelnett minħabba li din il-kwistjoni ta’ solvenza tal-FPAP hija fil-qalba tal-apprezzament tas-sitwazzjoni tiegħu fir-rigward tal-kundizzjonijiet normali tal-għotja ta’ self minn stabbiliment bankarju privat, u mhux minħabba li din tissuspetta li s-self jinbidel f’sempliċi għajnuna finanzjarja.

    (66)

    Minn dan il-lat, jekk kien jidher li l-ħlasijiet bil-quddiem ma tħallsux fiż-żmien, anke jekk mhux imħallsa lura għal kollox, dan kien jikkonferma li l-FPAP ma kienx f’pożizzjoni li jilħaq l-għanijiet previsti mill-istatut tiegħu mingħajr self estern ta’ kreditu, u li dan is-self qatt ma kien jingħatalu minn organizzazzjoni bankarja f’kundizzjonijiet normali tas-suq. Madankollu, dwar dan, il-Kummissjoni tosserva li Franza ma nfurmathiex bi ħlas lura eventwali tal-ħlasijiet bil-quddiem li bbenefika minnhom l-FPAP. Dawn kellhom jitħallsu lura, rispettivament fl-1 ta’ Novembru 2006 għall-ħlas bil-quddiem ta’ 15-il miljun euro li kienu s-suġġett tal-ftehim tat-12 ta’ Novembru 2004, fl-1 ta’ Mejju 2007 għall-ħlas bil-quddiem ta’ 10 miljun euro li kienu s-suġġett tal-ftehim tas-27 ta’ Mejju 2005 u fl-1 ta’ Lulju 2007 għall-ħlas bil-quddiem ta’ 40 miljun euro li huma s-suġġett tal-ftehim tal-11 ta’ Ottubru 2005 (ara l-premessa 21). Fir-rigward tar-raba’ ħlas bil-quddiem li seta’ jibbenefika minnu l-FPAP (ara l-premessa 22), la d-data tal-ftehim u l-anqas id-data tal-iskadenza tal-ħlas lura m’huma magħrufa.

    (67)

    It-tliet dati tal-iskadenza magħrufa għaddew. L-ewwel data kienet diġà għaddiet meta Franza bagħtet l-aħħar ittra tagħha lill-Kummissjoni, fis-27 ta’ Novembru 2006, wara d-deċiżjoni tal-bidu tal-proċedura formali tal-eżami. Il-Kummissjoni tqis li, jekk dan il-ħlas bil-quddiem fil-fatt kien tħallas lura, Franza jew l-FPAP stess kienu jinfurmaw lill-Kummissjoni b’dan mingħajr dewmien minħabba li wieħed mill-argumenti mressqa kontra l-analiżi tal-Kummissjoni kien li dawn il-ħlasijiet bil-quddiem ma setgħux jikkwalifikaw bħala għajnuna mill-Istat minħabba li l-iskadenza għall-ħlas lura kienet għadha m’għaddietx. M’hemm l-ebda dubju li kieku kien sar il-ħlas lura tal-ewwel ħlas bil-quddiem, Franza kienet tgħarraf lill-Kummissjoni b’dan fl-ittra tagħha tas-27 ta’ Novembru 2006 u wara kienet tagħmel l-istess għat-tieni u t-tielet ħlasijiet bil-quddiem li kellhom jitħallsu lura sal-1 ta’ Mejju u sal-1 ta’ Lulju 2007, kif ukoll għar-raba’ ħlas bil-quddiem eventwali. Barra minn hekk, l-artikli li dehru fil-midja professjonali jissuġġerixxu li s’issa għadu ma sar l-ebda ħlas lura. B’hekk, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-għajnuna mogħtija inizjalment taħt il-forma ta’ ħlas bil-quddiem inbidlet f’għajnuna taħt forma ta’ sussidju dirett.

    (68)

    Għalhekk, għal dawn ir-raġunijiet kollha spjegati hawn fuq, il-Kummissjoni tqis li l-ħlasijiet bil-quddiem tal-Istat jirrappreżentaw vantaġġ finanzjarju mogħti permezz tar-riżorsi tal-Istat.

    4.1.1.4.   L-eżistenza ta’ vantaġġ finanzjarju li hija responsabbiltà tal-Istat

    (69)

    Il-Kummissjoni tinnota li t-tliet ftehimiet li saru bejn l-Istat u l-FPAP jipprevedu b’mod ċar li l-fondi pubbliċi mħallsa għandhom l-għan li jistabbilixxu mekkaniżmu ta’ kopertura kontra l-varjazzjonijiet tal-prezzijiet internazzjonali taż-żejt u li dan il-mekkaniżmu jippermetti l-kisba fuq is-swieq tal-futures ta’ opzjonijiet finanzjarji. Madankollu, huwa ovvju li l-finanzi inizjali tal-FPAP, li kienu sostnuti biss mill-kontribuzzjonijiet tal-imsieħba tiegħu, ma kienux jippermettu li jwettaq tali operazzjonijiet, u anqas u anqas fil-livell li dawn saru. Fil-fatt, l-ewwel ftehim, bid-data tat-12 ta’ Novembru 2004, jindika li l-ħlas bil-quddiem ta’ 15-il miljun euro għandu l-għan “li jippermetti l-iżvilupp tal-arranġament”. Huwa għalhekk bis-saħħa ta’ dawn il-ħlasijiet bil-quddiem li l-FPAP kien f’pożizzjoni li jwettaq l-operazzjonijiet ta’ akkwist fuq is-swieq tal-futures fi proporzjonijiet sinifikanti.

    (70)

    F’termini oħra, jidher li l-Istat sostna b’mod konkret il-ħolqien tal-FPAP, kostitwit f’forma ta’ assoċjazzjoni, u l-impenn tiegħu fuq is-swieq tal-futures tal-prodotti taż-żejt, filwaqt li din l-attività ma tikkorrispondix mal-attività ordinarja ta’ assoċjazzjoni, u dan, f’kudizzjonijiet ta’ kompetizzjoni ma’ operaturi privati li mhumiex kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni normali. Franza tagħraf ukoll, mis-7 ta’ Ottubru 2005, li “il-gvern inkoraġġixxa strateġija mibdija mill-professjonisti, li hija l-ħolqien ta’ fond ta’ prevenzjoni tar-riskji tas-sajd. Dan il-fond amministrat minn professjonisti jippermetti lis-sajjieda (…) li jgħaqqdu l-kapaċità finanzjarja tagħhom biex jixtru opzjonijiet finanzjarji fuq is-suq tal-futures biex ikopru lilhom infushom mir-riskju ta’ varjazzjonijiet fil-prezz tal-karburant”, filwaqt li tinsa tippreċiża li din il-“kapaċità finanzjarja” tas-sajjieda teżisti bis-saħħa tar-riżorsi tal-Istat - żewġ ħlasijiet bil-quddiem li kienu diġà tħallsu f’din id-data. M’hemm l-ebda dubju madankollu li l-FPAP kellu jikkunsidra l-bżonnijiet tal-poteri pubbliċi fid-deċiżjoni ta’ kif juża l-fondi għad-dispożizzjoni tiegħu. Minn dan il-lat, il-ħolqien ta’ missjoni interministerjali ta’ spezzjoni responsabbli “mill-verifika tal-mekkaniżmu tal-FPAP fil-funzjoni reali tiegħu, u li jivverifika li l-kundizzjonijiet tan-nefqa huma sodisfaċenti fir-rigward tal-liġi u tar-regoli tan-nefqa pubblika, filwaqt li jkunu konformi mal-impenji meħuda mill-amministraturi ta’ dawn il-fondi” juri li l-Istat ried jassigura li l-fondi tal-FPAP ġew utilizzati sew f’konformità mal-għan previst ta’ dawn il-ftehimiet.

    (71)

    Għalhekk, il-Kummissjoni tqis, skont dawn l-inċidenzi kollha, li l-vantaġġ finanzjarju li jirrappreżentaw il-ħlasijiet bil-quddiem mogħtija lill-FPAP għall-kisba ta’ opzjonijiet finanzjarji fuq is-swieq tal-futures taż-żejt hija r-responsabbiltà tal-Istat (11).

    4.1.1.5.   L-eżistenza ta’ vantaġġ finanzjarju li jgħawweġ jew li jhedded li jgħawweġ il-kompetizzjoni

    (72)

    L-FPAP jibbenefika minn vantaġġ finanzjarju meta mqabbel ma’ soċjetajiet oħra li jintervjenu fuq is-swieq tal-futures, kemm jekk huma soċjetajiet normalment attivi fuq dawn is-swieq, u kemm jekk huma soċjetajiet li kienu jew li setgħu jiġu kostitwiti bl-istess mod bħall-FPAP taħt forma ta’ assoċjazzjoni kummerċjali fl-Istati Membri l-oħra, anke fi Franza stess.

    (73)

    Franza ssostni li “l-FPAP ma jistax jiġi kkunsidrat bħala vantaġġjat meta mqabbel ma’ strutturi oħra privati li setgħu jkollhom l-istess rwol, għax huwa l-unika struttura professjonali Franċiża li għandha l-għan li tgħaqqad lill-impriżi tas-sajd biex jixtru opzjonijiet fuq is-suq tal-futures.” B’risposta għal dan, il-Kummissjoni tosserva li s-sitwazzjoni tal-FPAP fir-rigward tar-regoli tal-kompetizzjoni ma tridx tiġi apprezzata biss fir-rigward ta’ strutturi oħra Franċiżi li jgħaqqdu impriżi tas-sajd u li għandhom l-istess rwol bħalu, imma fir-rigward tal-operaturi kollha Franċiżi u Ewropej li jistgħu jintervjenu fuq is-suq tal-futures tal-prodotti taż-żejt.

    (74)

    L-FPAP jikkuntesta wkoll il-fatt li kien jibbenefika minn kundizzjonijiet privileġġjati biex iwettaq l-attività tiegħu ta’ investitur fuq is-suq tal-futures: skont il-kliem tiegħu stess, “Il-fond intervjena fuq is-suq dinji tal-‘commodities’ meta mqabbel mal-aġenti jew l-istabbilimenti finanzjarji speċjalizzati (…) (Huwa) ma bbenefika mill-ebda vantaġġ fuq tariffi, u l-anqas minn kundizzjonijiet partikolari meta mqabbel mal-operaturi l-oħra kollha tas-suq.” Il-Kummissjoni ma ssostnix li l-vantaġġ finanzjarju tal-FPAP kien jiġi minn trattament privileġġjat tal-FPAP mill-atturi l-oħra fuq is-suq, imma li l-fond seta’ jintervjeni biss fuq dan is-suq minħabba li dan kellu marġini ta’ intervent finanzjarju mogħti mill-Istat, li jmur lil hinn mill-istess kapaċitajiet finanzjarji tal-FPAP, minħabba li l-Istat ma tahx f’kundizzjonijiet simili lil impriżi oħra li seta’ jkollhom l-istess interess bħal FPAP li jintervjenu fuq dan is-suq (impriżi minn setturi oħra ta’ attività affetwati miż-żieda tal-prezz taż-żejt, pereżempju) jew li jintervjenu fuq dan is-suq għal raġunijiet marbuta mal-istrateġiji ekonomiċi u kummerċjali tagħhom (impriżi taż-żejt, pereżempju).

    (75)

    L-FPAP jagħraf għalhekk l-eżistenza ta’ dan il-vantaġġ. F’dokument tal-Konfederazzjoni tal-Kooperazzjoni Marittima, mhux ikkomunikat lill-Kummissjoni imma ppubnlikat fuq is-sit ta’ “Il-Konferenza tas-sajd u tal-akwakultura tar-Reġjun tal-Brettanja” (12), is-Sur de Feuardent, biex jiġbor il-punti prinċipali diskussi matul laqgħa mar-reġjun tal-Brettanja fl-24 ta’ Mejju 2006, jindika li: “L-Istat approva finanzjament ta’ 65 miljun euro f’din id-data. L-FPAP irreġistra wkoll fuq is-suq tal-‘commodities’ diversi miljuni ta’ euro ta’ benefiċċji ta’ opzjonijiet, li jikkonsistu f’valur miżjud li ma jistax jiġi kkuntestat.” Il-Kummissjoni tikkonkludi li l-FPAP ma setax iwettaq operazzjonijiet għax-xiri ta’ opzjonijiet finanzjarji fuq is-suq tal-prodotti taż-żejt ħlief bl-għajnuna tal-fondi pubbliċi li kellu, u li ma kellhomx l-istrutturi u l-impriżi l-oħra, u li dan ħa profitt dirett. Għalhekk, il-vantaġġ li bbenefika minnu għawweġ jew hedded li jgħawweġ il-kompetizzjoni.

    4.1.1.6.   L-eżistenza ta’ vantaġġ finanzjarju li jaffetwa l-iskambji bejn l-Istati Membri

    (76)

    Kif indikat mis-Suq de Feuardent, billi intervjena fuq is-suq tal-“commodities”, l-FPAP intervjena fuq is-suq dinji taż-żejt.

    (77)

    L-attività tiegħu għalhekk qabżet il-qafas strettament Franċiż, b’tali mod li jista’ jitqies li l-ħlasijiet bil-quddiem mogħtija jaffetwaw l-iskambji bejn l-Istati Membri.

    4.1.1.7.   Il-konklużjoni

    (78)

    B’hekk, l-erba’ kundizzjonijiet meħtieġa biex wieħed jinnota l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat huma preżenti: il-ħlasijiet bil-quddiem mogħtija lill-FPAP ġejjin mir-riżorsi tal-Istat, huma r-responsabbiltà tal-Istat, dawn jgħawwġu jew jheddu li jgħawwġu l-kompetizzjoni, u dawn jaffetwaw l-iskambji bejn l-Istati Membri. L-għajnuna li jibbenefika minnha l-FPAP għalhekk tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87 tat-Trattat KE għal dak li jikkonċerna l-parti tal-finanzi li ġejjin mir-riżorsi tal-Istat u ntużat għall-kisba ta’ opzjonijiet fuq is-suq tal-futures tal-prodotti taż-żejt.

    4.1.2.   Il-kompatibbiltà mas-suq komuni

    (79)

    Kif jindikaw il-ftehimiet li saru bejn l-Istat u l-FPAP, din l-għajnuna mill-Istat taħt forma ta’ ħlasijiet bil-quddiem kellha l-għan li tippermetti l-bidu tal-interventi tal-FPAP fuq is-swieq tal-futures taż-żejt u tal-prodotti derivati minnu kif ukoll it-tkomplija tagħhom. Għalhekk, din hija għajnuna għall-iffunzjonar tal-FPAP. Franza tagħraf għalhekk, bl-ittra tagħha tas-6 ta’ Diċembru 2005, li l-ammonti indikati tħallsu bil-quddiem “sabiex jassiguraw l-iffunzjonar tal-FPAP”.

    (80)

    Skont l-Artikolu 87(2) u (3), tat-Trattat, ċerti kategoriji ta’ għajnuna huma jew jistgħu jitqiesu bħala kompatibbli mas-suq komuni. Jaqbel li wieħed jeżamina jekk din l-għajnuna għall-iffunzjonar tal-FPAP tistax tidħol f’waħda minn dawn il-kategoriji.

    (81)

    Il-Kummissjoni tosserva li din l-għajnuna ma tikkorrispondix għall-każijiet previsti mill-Artikolu 87(2).

    (82)

    Fil-fatt, din mhix maħsuba biex tirmedja għall-ħsara kkawżata minn diżastri naturali jew minn avvenimenti straordinarji oħra. Il-Kummissjoni tfakkar għalhekk li l-varjazzjonijiet fil-prezzijiet taż-żejt huma dovuti għall-attività ekonomika. Dawn il-varjazzjonijiet jaffetwaw ukoll lil setturi oħra ta’ attività li huma konsumaturi tal-prodotti taż-żejt fl-Istati Membri kollha tal-Unjoni Ewropea u ma jistgħux jitqiesu bħala diżastru naturali jew avveniment straordinarju fis-sens tal-Artikolu 87 tat-Trattat. Għalhekk din l-għajnuna mhix kompatibbli mas-suq komuni skont il-punt (b) tal-Artikolu 87(2) tat-Trattat.

    (83)

    Din l-għajnuna l-anqas ma tista’ titqies bħala kompatibbli mas-suq komuni fuq il-bażi ta’ applikazzjoni diretta tal-Artikolu 87(3) tat-Trattat, bil-każijiet differenti ta’ eżempju li huma previsti.

    (a)

    Din mhix għajnuna maħsuba biex tiffavorixxi l-iżvilupp ekonomiku tar-reġjuni li fihom il-livell tal-ħajja huwa huwa ħafna aktar baxx minn dak normali, jew fejn jeżisti livell gravi ta’ qgħad (il-każ previst fil-punt (a) tal-Artikolu 87(3). Fil-fatt, din l-għajnuna għandha l-għan li tippermetti lill-FPAP li jintervjeni fuq is-swieq tal-futures pertinenti. Għalhekk, din ma tirrelatax mal-għajnuna stipulata fil-punt (a).

    (b)

    L-FPAP ma jistax jitqies bħala proġett importanti ta’ interess Ewropew jew bħala għajnuna maħsuba biex tirmedja għal tfixkil fl-ekonomija ta’ Stat Membru (każijiet previsti fil-punt (b) tal-Artikolu 87(3). Fil-fatt, l-FPAP huwa speċifikament Franċiż u l-Istati Membri l-oħra ma ddikjarawx l-intenzjoni li jwaqqfu fondi tal-istess tip; id-dimensjoni Ewropea ta’ dan il-fond hija nieqsa. Meta wieħed jikkunsidra li din hija għajnuna maħsuba biex tirmedja għal tfixkil fl-ekonomija ta’ Stat Membru, il-Kummissjoni tinnota li m’hemm l-ebda element li jippermetti li wieħed jgħid li l-għotja ta’ flus f’fond ta’ dan it-tip jippermetti li jingħata rimedju bħal dan. F’dak li jikkonċerna l-għajnuna favur l-FPAP stess, l-għajnuna tibbenefika biss lil entità ekonomika waħda u, anke jekk din hija marbuta mal-għajnuna mogħtija lill-impriżi tas-sajd, ma tibbenefikax lill-ekonomija ta’ Stat Membru kollu kemm hu. Għalhekk, il-Kummissjoni tfakkar li hi dejjem ikkunsidrat li mhumiex l-awtoritajiet pubbliċi li għandhom jintervjenu b’mod finanzjarju kontra ż-żieda fiż-żejt; min-naħa l-oħra, ir-rwol tagħhom jikkonsisti partikolarment billi jwaqqfu politika li tinkoraġġixxi lill-impriżi sabiex dawn jadattaw ruħhom għall-kundizzjonijiet il-ġodda ekonomiċi maħluqa minn din iż-żieda. Huwa għalhekk li għajnuna li għandha l-għan li tippermetti lil entità ekonomika li tintervjeni fuq is-swieq tal-futures pertinenti ma tikkorrispondix għall-għan mixtieq.

    (c)

    L-eżistenza tal-FPAP ma tistax, fiha nnifisha, tirrispondi għall-kundizzjoni tal-punt (c) tal-Artikolu 87(3), li jipprevedi li jistgħu jkunu kompatibbli mas-suq komuni l-għajnuna maħsuba biex tiffaċilita l-iżvilupp ta’ ċerti attivitajiet jew ta’ ċerti reġjuni ekonomiċi meta dawn ma jbiddlux il-kundizzjonijiet tal-iskambji f’miżura kuntrarja għall-interess komuni. Fil-fatt, l-ebda element ma jindika li l-iżvilupp jew it-tkabbir ta’ attività ta’ intervent fuq is-swieq tal-futures taż-żejt m’hu mixtieq. Barra minn dan, din l-attività mhix marbuta ma’ reġjun ekonomiku. Huwa għalhekk li din l-għajnuna ma tistax titqies bħala kompatibbli mas-suq komuni skont l-imsemmi punt (c).

    (d)

    Fl-aħħarnett, din it-tip ta’ għajnuna ma tidhirx fost il-kategoriji ta’ għajnuna li ma kienux jitqiesu bħala kompatibbli mas-suq komuni permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill adottata f’konformità mal-punt (c) tal-Artikolu 87(3).

    (84)

    Il-Kummissjoni tinnota għalhekk li l-ebda waħda mil-linji gwida li hi adottat għall-analiżi tal-għajnuna mill-Istat ma tapplika għal din l-għajnuna għall-iffunzjonar tal-FPAP.

    (85)

    Għalhekk minn dan jirriżulta, bħala konklużjoni, li l-għajnuna lill-FPAP għall-kisba ta’ opzjonijiet fuq is-swieq tal-futures ma tistax titqies bħala kompatibbli mas-suq komuni fir-rigward tal-ebda waħda mid-derogi awtorizzati mit-Trattat.

    4.2.   Għajnuna favur l-impriżi tas-sajd: tħaffif tal-ispejjeż tal-karburant

    (86)

    Qabel ma tipproċedi għall-analiżi tal-għajnuna li wasslet għall-bidu formali tal-proċedura tal-eżami, il-Kummissjoni trid tieħu pożizzjoni dwar l-argument tal-FPAP li jqis li l-għajnuna mogħtija lilu stess u lill-impriżi tas-sajd trid tiġi kkunsidrata fid-dawl ta’ żieda fil-limitu de minimis fis-settur tas-sajd. Skont l-FPAP, l-ammonti in kwistjoni (madwar 16 000 euro għal kull impriża bħala medja, bl-esklużjoni tal-għajnuna li titqies bħala għajnuna soċjali diretta lis-sajjieda) kienu nettament inferjuri għal dawk li kienu ser jiġu adottati fil-mument tal-ħlas tal-kumpens mill-FPAP (30 000 euro għal kull impriża) (13). L-awtoritajiet Franċiżi, fir-risposta tagħhom, jirrefeu wkoll għaż-żieda fil-limitu de minimis imma mingħajr ma ssostni l-applikazzjoni għal din l-għajnuna.

    (87)

    L-ewwelnett, il-Kummissjoni tfakkar li, skont l-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1860/2004 tal-Kummissjoni tas-6 ta’ Ottubru 2004 rigward l-applikazzjoni tal-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat KE għall-għajnuna de minimis fis-setturi tal-agrikoltura u tas-sajd (14), id-dispożizzjoni fis-seħħ fiż-żmien meta ngħatat din l-għajnuna lill-impriżi tas-sajd, l-ammont massimu tal-għajnuna de minimis kien ta’ 3 000 euro għal kull impriża fuq tliet snin; l-għajnuna kkunsidrata f’din id-Deċiżjoni teċċedi sew dawn l-ammonti u Franza ma tatx rendikont, fl-osservazzjonijiet tagħha, ta’ appikazzjoni eventwali ta’ dan il-limitu għall-impriżi li setgħu jibbenefikaw minnu. Min-naħa l-oħra, anke jekk l-ammont ta’ 30 000 euro, li jidher fir-Regolament (KE) Nru 875/2007 li ġie adottat dan l-aħħar mill-Kummissjoni (15), huwa superjuri għas-16 000 euro mitluba mill-FPAP, dan l-ammont huwa biss ammont medju. Barra minn dan, Franza żbaljat meta waslet għal dan l-ammont ta’ 16 000 euro bl-esklużjoni tal-parti tal-għajnuna li din tikkwalifika bħala għajnuna soċjali, u li trid tiġi kkunsidrata fl-analiżi (ara l-premessi 122 u 123). B’hekk, minħabba d-diversità tad-daqs tal-impriżi tas-sajd li huma msieħba fl-FPAP, wieħed jista’ jkun żgurat li l-ammont tal-għajnuna mogħtija lil ċerti impriżi hija superjuri għal 30 000 euro. Pereżempju, għall-bastimenti tas-sajd bit-tkarkir ta’ bejn 20 u 25 metru, l-ammont annwali tal-kumpens huwa stabbilit għal madwar 35 000 euro, jiġifieri 70 000 għas-sentejn 2005 u 2006 (16). Fi kwalunkwe każ, kif indikat hawn fuq, Franza ma talbitx l-applikazzjoni tal-limitu l-ġdid de minimis u ma ġabel l-ebda element ta’ prova li jindika li din kienet tagħmel dan. Għalhekk, meta jitqiesu dawn l-elementi kollha, fil-qafas tal-eżami permanenti tal-iskemi tal-għajnuna mill-Istat, il-Kummissjoni għandha l-obbligu li tivverifika l-konformità ta’ din l-għajnuna fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 87 tat-Trattat.

    4.2.1.   L-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat

    (88)

    Franza tqis li l-Kummissjoni mhix imwaqqfa biex tagħti l-analiżi tagħha ta’ eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat fuq dan l-aspett tal-attivitajiet tal-fondi. Skont Franza, “il-kwalifikazzjoni tal-għajnuna mill-Istat ma tridx tistrieħ fuq analiżi ad hoc tal-ħlas bil-quddiem li jitħallas lura lill-Istat, u mhux billi tibbaża fuq l-analiżi tal-attivitajiet tal-FPAP. B’hekk, l-awtoritajiet Franċiżi jixtiequ li tiġi żviluppata biss l-ewwel parti 3.1. tal-istima. Il-parti 3.2. tikkundanna l-attivitajiet tal-FPAP li hija assoċjazzjoni kummerċjali li tipprattika l-attività tax-xiri tal-opzjonijiet tagħha biex tkopri lill-imsieħba tagħha kontra l-varjazzjonijiet tal-prezz tad-diżil” (17).

    (89)

    B’risposta għal dan, il-Kummissjoni tfakkar li f’konformità ma’ ġurisprudenza kostanti, l-għajnuna mhix karatterizzata mill-kawżi jew mill-għanijiet tagħha, imma din hija definita skont l-effetti tagħha (18). Minbarra l-kisba ta’ opzjonijiet finanzjarji fuq is-swieq tal-futures, l-FPAP għandu l-għan, skont il-ftehimiet li saru mal-Istat, li jħallas lill-impriżi tas-sajd kumpens li jikkorrispondi għad-differenza fil-prezz bejn il-prezz massimu kopert u l-prezz medju mensili tal-indiċi tar-referenza għax-xahar in konsiderazzjoni. Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li l-impriżi tas-sajd ibbenefikaw minn vantaġġi speċifiċi permezz tas-sistema implimentata mill-FPAP, u li setgħu jiġu analizzati l-effetti tal-ħlasijiet bil-quddiem mogħtija mill-Istat mhux biss bħala vantaġġ mogħti lill-FPAP, imma wkoll bħala vantaġġi mogħtija lill-impriżi tas-sajd.

    4.2.1.1.   L-eżistenza ta’ vantaġġ finanzjarju mogħti permezz tar-riżorsi tal-Istat

    (90)

    Il-vantaġġ meħud mill-impriżi tas-sajd tal-attivitajiet tal-FPAP huwa doppju: dan jikkonsisti min-naħa fil-possibbiltà li jinkiseb il-karburant bi prezz vantaġġuż, u min-naħa l-oħra fl-irċevuta ta’ kumpens li parzjalment jikkompensa l-ispejjeż tagħhom għall-karburant.

    (91)

    F’dak li jikkonċerna l-ewwel aspett, il-kisba ta’ opzjonijiet fuq is-swieq tal-futures mill-FPAP, li wara kienet tagħti l-karburant mixtri lis-soċjetà CECOMER, il-kumpanija ċentrali tax-xiri tal-kooperattivi marittimi, ippermettiet lill-impriżi msieħba fl-FPAP li jixtru l-karburant miksub minn dawn il-kooperattivi bi prezz inferjuri minn dak tas-suq ordinarju. Għalhekk, kif indikat hawn fuq (ara l-premessa 75 ta’ din id-Deċiżjoni), dan kien possibbli biss minħabba li “L-Istat ippermetta finanzjament ta’ 65 miljun euro sa din id-data. L-FPAP barra minn dan irreġistra fuq is-suq tal-‘commodities’ diversi miljuni ta’ euro ta’ benefiċċji f’opzjonijiet, li jikkostitwixxi valur miżjud li ma jistax jiġi kuntestat.” Il-Kummissjoni tinnota għalhekk li l-provvista ta’ karburant lill-impriżi tas-sajd bi prezz anqas minn dak tas-suq ordinarju kienet possibbli bis-saħħa tal-ħlasijiet bil-quddiem mogħtija mill-Istat u għar-riżorsi tal-istess FPAP, jiġifieri l-prodott tal-kontribuzzjonijiet tal-imsieħba tiegħu u l-benefiċċji miksuba mill-operazzjonijiet spekulattivi fuq is-suq tal-futures tal-prodotti taż-żejt.

    (92)

    Wieħed isib ukoll din l-oriġini doppja fil-fondi (ir-riżorsi tal-Istat u riżorsi meħuda mill-attività privata tal-FPAP) li servew biex jiffinanzjaw il-kumpens imħallas lill-impriżi tas-sajd.

    (93)

    Kif deskritt fil-premessa 24 ta’ din id-Deċiżjoni, l-FPAP iġorr ir-responsabbiltà tad-differenza tal-prezz eżistenti, skont il-ftehimiet tat-12 ta’ Novembru 2004 u tas-27 ta’ Mejju 2005, bejn il-“prezz massimu kopert” u l-prezz medju mensili tal-indiċi ta’ referenza u, skont il-ftehim tal-11 ta’ Ottubru 2005, bejn 30 euro ċenteżmi għal kull litru u l-prezz medju mensili ta’ referenza jekk dan tal-aħħar huwa superjuri għal 30 euro ċenteżmi.

    (94)

    Il-mekkaniżmu ta’ “tħaddim tajjeb” maħsub fil-bidu kien jistrieħ fuq l-ipoteżi li l-ispejjeż żejda mqabbla mal-prezz ta’ referenza f’perjodu ta’ prezzijiet għolja jistgħu jiġu kkumpensati bis-saħħa tal-kontribuzzjonijiet imħallsa mill-imsieħba fil-perjodu tal-prezz l-aktar moderat. Is-sistema b’hekk qisha tiffinanzja lilha nnifisha. Jekk wieħed jirreferi għad-dokument tas-Sur de Feuardent diġà msemmi fil-premessa 75 ta’ din id-Deċiżjoni, “l-FPAP kien teknikament f’qagħda li jikseb l-ewwel opzjonijiet f’April 2004; f’dan iż-żmien, il-bżonnijiet CECOMER (madwar 200 miljun litru) għall-2005 setgħu jkunu koperti bi 0,28 cts /litru għal madwar 4 miljun euro”. B’hekk, l-FPAP seta’ jilqa’ fil-bidu tal-2004, għall-bżonnijiet relattivament modesti tal-“assigurazzjoni tad-diżil” bis-saħħa tar-riżorsi tiegħu stess. Għalhekk jidher li, fil-ħsieb oriġinali tiegħu, il-fond seta’ kien awto-suffiċjenti.

    (95)

    Madankollu, minħabba li l-prezzijiet taż-żejt inżammu f’livell għoli ħafna u s-sħubija fl-FPAP kienet tassew ġenerali, in-numru ta’ msieħba fl-FPAP kiber b’rata mgħaġġla u b’mod konsiderevoli. Minn dan irriżulta li l-prezz tal-“assigurazzjoni tad-diżil” sploda u seta’ jiġi sostnut biss bis-saħħa tal-użu tal-ħlasijiet bil-quddiem mogħtija mill-Istat lill-FPAP.

    (96)

    Jekk wieħed jipprova jagħti stima tal-kreditu meħtieġ lill-FPAP biex jaffaċċja l-ispejjeż tal-“assigurazzjoni tad-diżil” għall-2005, wieħed jista’ jitlaq mill-ipoteżi li l-livell tal-konsum tal-karburant li għalih intalab kumpens mill-intraġriżi tas-sajd probabilment tela’ minn 200 miljun litru (ara l-premessa 94) għal volum li wieħed jista’ jqis li huwa ta’ kważi 900 miljun litru. Fil-fatt, jekk wieħed iqis il-medji ta’ konsum annwali li servew ta’ bażi għall-kalkoli li jidhru fil-premessi 55 u 56, il-konsum ta’1 000 vapur ta’ anqas minn 12-il metru jkun ta’1 000 vapur × 200-il tunnellata /vapur, jiġifieri 200 000 tunellata, u dak tal-vapuri ta’ aktar minn 12-il metru jkun ta’ 1 400 vapur × 480 tunellata/vapur, jiġifieri 672 000 tunellata, li huwa total ta’ 872 000 tunellata (jew 872 miljun litru). Fil-verità, kif indikat fil-premessa 55, jekk wieħed jikkunsidra li l-vapuri jistagħdu għal 38 ġimgħa fis-sena pjuttost milli 48, il-konsum huwa probabbilment eqreb għal 700 000 tunellata (1 000 vapur ta’ anqas minn 12-il metru × 158 tunellata jiġifieri 158 000 tunellata u 1 400 vapur ta’ aktar minn 12-il metru × 380 tunellata jiġifieri 532 000 tunellata). Fl-ipoteżi ta’ limitu għall-kumpens ta’ 12-il ċenteżmu għal kull litru, limitu applikat għat-tielet ħlas bil-quddiem (19), il-bżonnijiet finanzjarji tal-FPAP b’hekk jilħqu ammont annwali ta’ 85 miljun euro. Kieku kellu jitqies il-fatt li l-impriżi tas-sajd forsi assiguraw biss parti mill-konsum tal-karburant tagħhom, il-bżonn ta’ krediti probabilment kien anqas importanti, imma d-daqs tal-bżonnijiet jibqa’ ta’ diversi tużżani ta’ miljuni ta’ euro fis-sena, li trid titqabbel mal-istima inizjali ta’ 4 miljun euro fis-sena għall-2005. Għalhekk isir evidenti li l-FPAP ma setax jissodisfa l-kopertura garantita lill-imsieħba tiegħu, b’kumpens għall-kontribuzzjonijiet tagħhom, mingħajr ma jibbenefika minn self minn fondi esterni, f’dan il-każ il-ħlasijiet mogħtija mill-Istat.

    (97)

    F’dan il-kuntest, l-FPAP ibbenefika mill-fondi pubbliċi sabiex jirrispondi għall-bżonnijiet ta’ din l-“assigurazzjoni tad-diżil”, li huwa responsabbli li jamministra bl-aħjar mod dawn il-fondi. Il-finanzi tal-FPAP b’hekk huma magħmula minn fondi li ġejjin mill-kontribuzzjonijiet tal-imsieħba, mill-ħlasijiet bil-quddiem tal-Istat, u mill-benefiċċji eventwali tal-attivitajiet tiegħu fuq is-swieq tal-futures taż-żejt. Il-parti ta’ dawn il-fondi li ġejja mill-ħlasijiet bil-quddiem tal-Istat tikkorrispondi mingħajr dubju għal-riżorsi tal-Istat. Fir-rigward tal-benefiċċji miksuba fuq is-swieq tal-futures u li ppermettew lill-impriżi tas-sajd li jiksbu karburant aktar irħis, dawn setgħu jitwettqu biss bis-saħħa tal-eżistenza tar-riżorsi tal-Istat, li taw il-mezzi lill-FPAP biex iwettaq l-operazzjonijiet finanzjarji fuq is-swieq tal-futures. Barra minn dan, għalkemm il-karatteristiċi eżatti tal-ftehimiet li saru bejn l-FPAP u CECOMER m’humiex magħrufa u ma jistgħu jiġu nnutati mill-ebda wieħed mid-dokumenti kkomunikati minn Franza, il-Kummissjoni tqis li l-kumpens imħallas lill-impriżi msieħba, li jikkorrispondi għad-differenza fil-prezz, kien aktar baxx milli kieku CECOMER u l-kooperattivi marittimi kienu taw lis-sajjieda karburant li kien inxtara fuq is-suq ordinarju, jiġifieri mingħajr l-intervent mill-FPAP fuq is-swieq tal-futures. B’hekk, il-benefiċċju tal-operazzjonijiet tal-FPAP fuq is-swieq tal-futures ġie trasferit lil CECOMER, il-kooperattiva tal-provvista tal-kooperattivi marittimi, u fl-aħħarnett lill-impriżi tas-sajd li jipprovdu l-karburant lilhom infushom. L-effett prattiku ċertament kien li l-FPAP setgħet tkompli tagħti l-kumpens matul perjodu itwal milli kieku dan kien organizzazzjoni intermedjarja responsabbli biss milli tqassam il-65 (jew 77) miljun euro pprovduti mill-Istat taħt il-mekkaniżmu tal-“assigurazzjoni tad-diżil”

    (98)

    Il-Kummissjoni għalhekk tikkunsidra li huwa permezz tar-riżorsi tal-Istat, kemm jekk sostnew direttament il-finanzi tal-FPAP jew kemm jekk intużaw biex jingħataw benefiċċji bil-ħsieb li jiżdiedu dawn il-finanzi, li l-impriżi tas-sajd setgħu jibbenefikaw minn vantaġġ finanzjarju, min-naħa bil-possibbiltà li jipprovdu l-karburant lilhom infushom bi prezz vantaġġuż, u min-naħa l-oħra billi jirċievu kumpens ikkalkulat mal-prezz ta’ referenza.

    4.2.1.2.   L-eżistenza ta’ vantaġġ finanzjarju li huwa responsabbiltà tal-Istat

    (99)

    It-tliet, u eventwalment erba’, ftehimiet li saru bejn l-Istat u l-FPAP jipprevedu li l-fondi pubbliċi mħallsa f’forma ta’ ħlasijiet bil-quddiem għandhom l-għan aħħari li jikkumpensa parzjalment l-ispejjeż tal-karburant tal-impriżi tas-sajd. Il-kumpens imħallas lis-sajjieda jikkorrispondi għad-differenza bejn il-prezz ta’ referenza u prezz mill-pompa jingħaqad ma’ tnaqqis fil-pezz tad-diżil mill-pompa tal-fornitur li ħafna drabi hija l-kooperattiva marittima.

    (100)

    Il-finanzi tal-FPAP, li fil-bidu kienu magħmula mill-kontribuzzjonijiet tal-imsieħba, u li wara kien miżjud bl-ewwel ħlas bil-quddiem tal-Istat, ippermettew li dan jaġixxi fuq is-swieq tal-futures u li jieħu benefiċċji minnhom, imma li dawn il-benefiċċji mhumiex biżżejjed biex jippermettulu jieħu, fl-istess ħin, il-ħlas tal-kumpens bħala garanzija lill-impriżi tas-sajd b’kumpens għall-kontribuzzjonijiet tagħhom. Żewġ, u eventwalment tliet, ħlasijiet bil-quddiem supplementari madankollu ppermettew li dan ikompli l-attivitajiet tiegħu qabel ma kellu progressivament jikxef il-pożizzjonijiet tiegħu biex jiddisponi mill-fondi neċessarji għall-ħlas tal-kumpens. Il-Kummissjoni tosserva li d-deċiżjonijiet relattivi għall-operazzjonijiet fuq is-swieq tal-futures ittieħdu mill-President tal-FPAP. L-implimentazzjoni konkreta tagħhom seħħet billi ntużaw is-sensara u l-istabbilimenti finanzjarji speċjalizzati (ara l-premessa 74), li r-remunerazzjoni tagħhom ġiet assigurata mill-FPAP fi proporzjonijiet li mhumiex magħrufa għall-Kummissjoni. Madankollu, jekk l-istatut tal-FPAP jipprevedi li huwa l-President li bilfors irid jikkonsulta mal-kunsill tal-amministrazzjoni “biex jiddeċiedi dwar il-proġetti tal-kopertura li jridu jiġu implimentati”, l-Istat mhux rappreżentat f’dan il-kunsill tal-amministrazzjoni. B’hekk, anke jekk l-FPAP kellu l-obbligu, b’mod ġenerali, li “jżomm kontabbiltà li tippermetti li wieħed ikun jaf, fuq talba, l-użu tal-ħlas bil-quddiem kif ukoll it-tqassim tar-riżorsi u l-ispejjeż tal-Fond”, l-Istat la kien jiddeċiedi l-istrateġija li jrid isegwi l-FPAP għall-kisba ta’ dawn l-opzjonijiet finanzjarji, u l-anqas il-livell tal-kumpens finanzjarju qabel ma din titħallas lill-impriżi. Għalhekk, jekk, kif intwera fil-paragrafu 4.1.1.4, m’hemm l-ebda dubju li l-għajnuna magħmula mill-għotja ta’ tliet, eventwalment erba’, ħlasijiet bil-quddiem hija responsabbiltà tal-Istat, dan ma japplikax għall-vantaġġi supplementari li setgħu bbenefikaw minnhom l-impriżi tas-sajd, min-naħa bis-saħħa tal-kontribuzzjonijiet tagħhom u min-naħa minħabba ġestjoni tajba tal-finanzi kollha tal-FPAP. Fil-fatt, jekk bis-saħħa tal-operazzjonijiet imwetttqa fuq is-swieq tal-futures, l-għajnuna li tħallset finalment lis-sajjieda kienet aktar mill-fondi pubbliċi li l-FPAP irċieva inizjalment, il-parti tal-għajnuna li tmur lil hinn minn dan l-ammont tal-fondi pubbliċi mħallsa bil-quddiem ma tirriżultax minn deċiżjoni tal-Istat. B’hekk, għall-Kummissjoni, anke jekk, min-naħa tal-kontabbiltà, mhux possibbli li wieħed iwarrab bil-preċiż dak li ġej mir-riżorsi tal-Istat minn dak li ġej mir-riżorsi propji, minħabba li huwa t-total tal-finanzi li ntużaw biex jipparteċipa fuq is-swieq tal-futures taż-żejt u biex jitħallas il-kumpens, il-vantaġġ li jikkorrispondi għad-differenza bejn l-ammont totali tal-għajnuna li bbenefikaw minnha l-impriżi tas-sajd u l-ammont totali tal-ħlasijiet bil-quddiem tal-Istat trasferit lill-impriżi tas-sajd mhuwiex responsabbiltà tal-Istat.

    4.2.1.3.   L-eżistenza ta’ vantaġġ finanzjarju li jgħawweġ jew jhedded li jgħawweġ il-kompetizzjoni

    (101)

    Il-Kummissjoni tqis li l-vantaġġ li bbenefikaw minnu l-impriżi tas-sajd li huma msieħba mal-FPAP għall-ispejjeż tal-karburant tagħhom jiffavorixxi lil dawn l-impriżi, minħabba li dawn biss jistgħu jibbenefikaw minn dan il-vantaġġ. Il-pożizzjoni tagħhom ġiet msaħħa meta mqabbla mal-impriżi l-oħra li huma f’kompetizzjoni magħhom fuq is-suq Komunitarju, kemm jekk huma impriżi oħra tas-sajd u kemm jekk huma impriżi ta’ setturi oħra ta’ attività ekonomika bl-interess li jnaqqsu l-ispejjeż tagħhom ta’ produzzjoni marbuta mal-ispejjeż tal-karburant. Barra minn dan, minħabba li dan il-mekkaniżmu ta’ kopertura huwa indirizzat biss għall-impriżi tas-sajd, il-vantaġġ mogħti b’dan il-mod lil dawn l-impriżi jista’ jiġi analizzat bħala vantaġġ settorjali mhux aċċessibbli għas-setturi l-oħra. Madankollu, kull forma ta’ għajnuna, meta tagħti privileġġ lil settur partikolari, tgħawweġ jew thedded li tgħawweġ il-kompetizzjoni (ara d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/269/KE tat-8 ta’ Frar 2006 dwar it-tnaqqis fiskali għas-sajjieda professjonali (l-Iżvezja) (20), il-premessi 31 u 35).

    (102)

    Franza ma taqbilx li din l-għajnuna tat vantaġġ lill-impriżi msieħba mal-FPAP, peress li “l-adeżjoni fl-FPAP hija mingħajr ħlas u miftuħa għall-impriżi kollha tas-sajd sakemm dawn jagħtu kontribuzzjoni”. MQA żiedu li din l-adeżjoni hija miftuħa “mingħajr ma titqies l-istruttura jew għan-nazzjonalità tal-benefiċjarju”. L-FPAP fl-aħħarnett jippreċiża li “il-kapital tal-impriżi msieħba mal-FPAP hu miżmum minn Franċiżi kif ukoll minn Spanjoli u Olandiżi”.

    (103)

    Il-Kummissjoni tosserva fir-risposta tagħha li l-impriżi tas-sajd li jistgħu jissieħbu fl-FPAP huma biss dawk li għandhom vapuri rreġistrati fit-territorju metropolitan ta’ Franza jew fid-dipartimenti tagħha barra l-pajjiż. Impriżi b’kapitali Olandiżi jew Spanjoli u li għandhom vapuri Franċiżi għalhekk fil-fatt jistgħu jissieħbu fl-FPAP; ċertament li Franza u l-FPAP jalluda għall-każ ta’ dawn il-vapuri fir-risposti tagħhom. Imma l-vapuri Komunitarji l-oħra ma jistgħux jissieħbu.

    (104)

    L-impriżi kollha li jibbenefikaw mill-kumpens imħallas mill-FPAP huma kompetituri fuq is-suq Komunitarju mal-impriżi li l-vapuri tagħhom ibaħħru bi bnadar ta’ Stat Membri oħra u li wkoll għandhom interess li jnaqqsu l-ispejjeż tal-produzzjoni tagħhom marbuta mal-ispejjeż tal-karburant, imma li m’għandhom għad-dispożizzjoni tagħhom sistema ta’ kumpens bħal dik stabbilita mill-FPAP. Għal din ir-raġuni, il-vantaġġ li jibbenefikaw minnu l-impriżi tas-sajd imsieħba jew dawk li għandhom ma ssieħbux imma li jistgħu jagħmlu dan, jiġifieri l-impriżi kollha li għandhom bastimenti tas-sajd li jbaħħru taħt bandiera Franċiża, jirrappreżenta b’mod ċar tgħawwiġ tal-kompetizzjoni.

    (105)

    L-FPAP iqis ukoll li l-fatturi ta’ tgħawwiġ tal-kompetizzjoni jridu jiġu riċerkati aktar. B’referenza għall-eżistenza ta’ spejjeż żejda importanti li, skontu, mingħajr bażi ekonomika, bħal dawk li ġejjin mill-ġestjoni tal-pjanijiet ta’ orjentament pluriannwali tal-flotta tas-sajd, jiġifieri l-ġestjoni tal-kapaċità globali ta’ din il-flotta, jew dawk marbuta mal-ġestjoni tad-“drittijiet għall-produzzjoni”, l-FPAP jindika partikolarment li “Id-‘drittijiet’ marbuta mal-‘politiki’ nazzjonali jirrappreżentaw (…) il-veru fattur ta’ tgħawwiġ tal-kompetizzjoni Ewropea [u] fil-parti l-kbira dawn huma esterni għall-qasam ekonomiku.”

    (106)

    Il-Kummissjoni tosserva rigward dawn l-ispejjeż, kemm jekk fi Franza huma anqas jew aktar minn dawk li jeżistu fl-Istati Membri l-oħra, jirriżultaw mir-restrizzjonijiet dovuti għall-qafas regolamentari li fih illum isseħħ l-attività tas-sajd. Permezz tal-komunikazzjoni tagħha (21) tas-26 ta’ Frar 2007 dwar l-istrumenti tal-ġestjoni bbażati fuq il-liġijiet tas-sajd, il-Kummissjoni tfakkar li s-settur Komunitarju tas-sajd huwa kkaratterizzat minn diversi strumenti u mekkaniżmi ta’ ġestjoni u li sitwazzjonijiet simili kultant jiġu trattati b’mod tassew differenti skont l-Istati Membri. Minn dan jirriżulta partikolarment li l-bejgħ u x-xiri tad-drittijiet tas-sajd hija prattika kurrenti f’ċerti Stati Membri, kemm fil-qafas tas-swieq stabbiliti u kemm b’mod indirett. L-ispejjeż imsemmija mill-FPAP huma spejjeż li jaffaċjaw il-flotot tal-Istati Membri differenti, u jikkorrispondu għall-bidla ekonomika tas-settur tas-sajd. Dawn jirriżultaw mill-implimentazzjoni fil-livell nazzjonali tal-miżuri ta’ ġestjoni li l-politika komuni tas-sajd timponi jew tagħmel neċessarji. Din l-implimentazzjoni ma tagħti l-ebda ġustifikazzjoni għat-twaqqif ta’ għajnuna speċifika fi Stat Membru partikolari. Għal din ir-raġuni, kuntrarju għal dak li jsostni l-FPAP, it-tgħawwiġ tal-kompetizzjoni ma jridx jitqies fil-limitu ta’ “suq pertinenti”, pereżempju “mikro-suq reġjonali”, idea li dan jagħmel referenza għaliha, imma, kif previst fil-qafas tat-Trattat, madwar is-suq komuni kollu. B’hekk, jekk l-għajnuna tal-FPAP għandha l-effett li tiffaċilita ż-żamma tas-sajd f’qafas reġjonali u li tħares ir-riżorsi filwaqt li ttellef lill-vapuri tal-baħar milli jiddependu fuq fondi ta’ aċċess eqreb jew il-bastimenti għas-sajd bit-tkarkir milli jduru għal sajd aktar speċifiku, kif ippreżentat mill-FPAP, din tikkorrispondi perfettament għal għajnuna li tgħawweġ jew thedded li tgħawweġ il-kompetizzjoni, u għalhekk, għal għajnuna mill-Istat.

    (107)

    Barra minn dan, għar-raġunijiet kollha murija hawn fuq, il-Kummissjoni tqis li l-fondi mħallsa bil-quddiem mill-Istat u li minnhom ibbenefikaw l-impriżi tas-sajd, permezz tal-FPAP, jgħawwġu jew jheddu li jgħawwġu l-kompetizzjoni.

    4.2.1.4.   L-eżistenza ta’ vantaġġ finanzjarju li jaffetwa l-iskambji bejn l-Istati Membri

    (108)

    L-FPAP jikkuntesta li l-għajnuna mogħtija lill-impriżi tas-sajd imsieħba fl-assoċjazzjoni taffetwa l-iskambji bejn l-Istati Membri. Fil-fatt, skont l-FPAP, dawn l-impriżi jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom fuq “suq li bl-ebda mod m’huwa uniku, imma li pjuttost jistrieħ fuq ‘możajk’ ta’ mikro-swieq reġjonali”.

    (109)

    Il-Kummissjoni tinnota fir-risposta tagħha li l-valur globali tal-esportazzjonijiet tal-prodotti tas-sajd u tal-akwakultura ta’ Franza lejn il-bqija tad-dinja laħqu l-1 290 miljun fl-2005, li 80 % minnhom huma destinati f’pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea. Bl-istess mod, il-valur globali tal-importazzjonijiet ta’ din il-kategorija tal-prodotti fi Franza fl-2005 kien jitla’ għal 3 693 miljun euro, li bejn 40 u 60 %, minnhom, skont is-sorsi, huma ġejjin minn pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea (22). B’paragun, il-valur totali tal-produzzjoni Franċiża kien stabbilixxa ruħu għal 1 868 miljun euro. Għalhekk, mingħajr ma jkun hemm bżonn ta’ analiżi ekonomika b’ċifri estremament dettaljati (23), huwa ovvju li, ikunu xi jkunu l-varjazzjonijiet tal-prezz għal kull speċi nnutati kull ġurnata fil-portijiet Franċiżi jew Ewropej, il-volum tal-iskambji bejn Franza u l-bqija tal-Ewropa għandu piż konsiderevoli fil-bilanċ tal-provvista fi prodotti tas-sajd u u tal-kawakultura. Miżuri bil-ħsieb li jiffavorixxu numru importanti ta’ impriżi tas-sajd Franċiżi (aktar minn 30 % tal-flotta) bi tnaqqis fl-ispejjeż ta’ produzzjoni tagħhom bilfors ikollhom impatt fuq l-iskambji bejn l-Istati Membri fil-qasam tas-sajd.

    (110)

    Għalhekk huwa evidenti li l-vantaġġ li bbenefikaw minnu l-impriżi tas-sajd bil-ħlas ta’ parti mill-ispejjeż tagħhom ta’ produzzjoni taffetwa l-iskambji bejn l-Istati Membri.

    4.2.1.5.   Il-konklużjoni

    (111)

    L-erba’ kundizzjonijiet meħtieġa biex tiġi nnutata l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat huma biss parzjalment preżenti. Il-vantaġġ li bbenefikaw minnu l-impriżi tas-sajd jirriżulta fl-impjieg tar-riżorsi tal-Istat, jgħawweġ jew jhedded li jgħawweġ il-kompetizzjoni, u jaffetwa l-iskambji bejn l-Istati Membri. Min-naħa l-oħra, mhijiex ir-responsabbiltà tal-Istat li fil-limitu tal-ammont tal-ħlasijiet bil-quddiem, safejn dawn il-ħlasijiet bil-quddiem jikkostitwixxu biss parti mill-finanzi tal-FPAP, u fejn l-Istat ma interveniex fl-għażliet magħmula mill-FPAP biex jieħu frott mill-fondi għad-dispożizzjoni tiegħu. B’hekk, il-Kummissjoni ma tistax tikkonkludi dwar l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87 tat-Trattat KE ħlief fil-limitu tal-għotja ta’ fondi pubbliċi, jiġifieri 65, jew 77 miljun euro.

    (112)

    Il-Kummissjoni tosserva fl-aħħarnett li l-awtoritajiet Franċiżi, minkejja r-risposti tagħhom tas-7 ta’ Ottubru 2005 u tal-21 ta’ April 2006, ma jikkuntestawx il-konklużjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat. Fil-fatt, matul l-eżami tal-abbozz tal-liġi tal-finanzi għall-2007 mill-Assemblea nazzjonali, il-Ministru tal-Agrikoltura u s-Sajd, mistoqsi dwar il-futur tal-FPAP, jirrispondi: “l-FPAP ilu jaħdem mill-1 ta’ Novembru 2004, imma l-Kummissjoni Ewropea tissorveljah mill-qrib, għaliex din hija għajnuna mill-Istat” (24).

    4.2.2.   Il-kompatibbiltà mas-suq komuni

    (113)

    Skont l-Artikolu 87(2) u (3) tat-Trattat, ċerti kategoriji ta’ għajnuna huma jew jistgħu jitqiesu bħala kompatibbli mas-suq komuni.

    (114)

    Il-Kummissjoni tosserva li din l-għajnuna ma tikkorrispondix mal-każ ipotetiku previst fl-Artikolu 87(2) tat-Trattat.

    (a)

    Meta ddikjara li l-FPAP aġixxa bħala “organizzazzjoni ta’ difiża għall-konsumaturi”, jew bħala “difensur tal-konsumaturi tal-prodotti taż-żejt”, jidher li MQA jissuġġerixxi li l-għajnuna favur l-impriżi tas-sajd tista’ tixxebbaħ ma’ “għajnuna ta’ tip soċjali mogħtija lil konsumaturi individwali” prevista fl-Artikolu 87(1). Għalhekk, il-Kummissjoni tosserva biss li dan il-paragrafu huwa mmirat espressament għal “konsumaturi individwali” u mhux għal impriżi, u li, għalhekk, ma jistax jiġi applikat f’dan il-każ (ara wkoll il-premessa 50 ta’ din id-Deċiżjoni). Għalhekk din l-għajnuna mhix kompatibbli mas-suq komuni skont il-punt a) tal-Artikolu 87(2) tat-Trattat

    (b)

    Din l-għajnuna mhix għajnuna maħsuba biex tirmedja għal ħsarat ikkawżati minn diżastri naturali jew minn avvenimenti straordinarji oħra. Fil-fatt, il-varjazzjonijiet fil-prezzijiet taż-żejt huma parti mill-attività ekonomika. Dawn jaffetwaw ukoll setturi oħra ta’ attività ta’ konsumaturi tal-prodotti taż-żejt fl-Istati Membri kollha tal-Unjoni Ewropea, u għalhekk ma jistgħux jitqiesu bħala diżastru naturali jew avveniment straordinarju fis-sens tal-punt b) tal-Artikolu 87(2). Madankollu, għal din l-analiżi, MQA jirribatti li l-għajnuna ngħatat konsegwenza ta’ sitwazzjoni straordinarja “minħabba li l-Kummissjoni stess tammetti d-diffikultajiet ekonomiċi u soċjali eċċezzjonali tas-settur”. Ċertament huwa veru li s-settur tas-sajd irid jaffaċċja diffikultajiet partikolari li l-Kummissjoni analizzat fid-dettall fil-komunikazzjoni tagħha (25) tad-9 ta’ Marzu 2006 bit-titolu “It-titjib tas-sitwazzjoni ekonomika tas-sajd”. F’din il-komunikazzjoni, il-Kummissjoni wriet li s-sorsi tad-diffikultajiet ekonomiċi u soċjali tas-settur jinstabu fin-nuqqas ta’ adattament strutturali tiegħu għar-restrizzjonijiet li jtaqqlu l-attività tiegħu. Din ippreżentat ukoll, f’din il-komunikazzjoni, diversi proposti biex jingħelbu d-diffikultajiet ekonomiċi tas-settur tas-sajd. Meta eżaminat il-kompatibbiltà ta’ ċerta għajnuna għall-iffunzjonar, din tindika b’mod ċar: “Id-diffikultajiet li qed jaffaċċja bħalissa s-settur tas-sajd komplew marru għall-agħar biż-żieda reċenti fil-prezz tal-karburant. Din is-sitwazzjoni wasslet lill-industrija tas-sajd biex titlob intervent pubbliku sabiex jingħata kumpens għal din iż-żieda f’daqqa ta’ dawn il-prezzijiet. Din it-tip ta’ assistenza tirrappreżenta għajnuna għall-iffunzjonar li hija inkompatibbli mat-Trattat. Il-Kummissjoni ma tista’ tapprova l-ebda għajnuna notifikata għal dan il-għan.” Filwaqt li tirreferi għal mekkaniżmu ta’ garanzija li jista’ jitqabbel ma’ dak maħsub fil-bidu matul it-twaqqif tal-FPAP, żiedet tgħid: “Il-Kummissjoni ma tistax tapprova tali programm ħlief jekk dan jipprevedi garanziji ta’ ħlas lura, fil-kundizzjonijiet kummerċjali, tal-għajnuna pubblika kollha, li, fiċ-ċirkostanzi ekonomiċi attwali, jidher li huwa tassew probabbli.” Il-varjazzjonijiet fil-prezz tal-inputs, fosthom dak tal-karburant, huma parti mill-attività ekonomika u ma jistgħux jikkostitwixxu avveniment straordinarju.

    Meqjus dak li ntqal hawn fuq, il-Kummissjoni tqis li l-għajnuna mill-Istat in kwistjoni li bbenefikaw minnha l-impriżi tas-sajd mhijiex kompatibbli mas-suq komuni skont il-punt (b) tal-Artikolu 87(2) tat-Trattat.

    (115)

    Din l-għajnuna l-anqas ma tista’ titqies bħala kompatibbli mas-suq komuni fuq il-bażi tal-applikazzjoni tal-Artikolu 87(2) tat-Trattat, bil-każijiet ipotetiċi differenti li huma previsti.

    (a)

    Din mhix għajnuna maħsuba biex tiffavorixxi l-iżvilupp ekonomiku tar-reġjuni li fihom il-livell tal-ħajja huwa baxx aktar min-normal jew fejn jeżisti livell għoli ta’ qgħad (il-każ previst fil-punt (a) tal-Artikolu 87(3) tat-Trattat). Din l-għajnuna għandha l-għan li tnaqqas l-ispejjeż tal-iffunzjonar tal-impriżi tas-sajd. Ċertament l-FPAP jindika li din l-għajnuna għandha l-għan li tiffaċilita ż-żamma tas-sajd f’qafas reġjonali. Madankollu, il-Kummissjoni tinnota li l-għajnuna tingħata lill-impriżi tas-sajd ikun xi jkun il-post fejn jinstab l-uffiċċju prinċipali ta’ dawn l-impriżi jew il-port fejn jitrakkaw il-vapuri li dawn jużaw. Għalhekk, dawn m’għandhom l-ebda rapport mal-għajnuna stipulata fil-punt (a) msemmi.

    (b)

    Din l-għajnuna l-anqas ma tista’ tiġi kkunsidrata bħala għajnuna maħsuba biex tippromwovi t-twettiq ta’ proġett importanti ta’ interess Ewropew komuni jew biex jirmedja għal taħwid fl-ekonomija ta’ Stat Membru. Din m’għandha l-ebda rabta ma’ proġett importanti ta’ interess Komunitarju komuni. L-anqas ma tista’ tikkwalifika bħala għajnuna maħsuba biex tirmedja taħwid fl-ekonomija ta’ Stat Membru. Fil-fatt, l-għajnuna mogħtija lill-impriżi tas-sajd għandha l-għan li tirmedja d-diffikultajiet tal-impriżi ta’ settur ekonomiku partikolari, u mhux għal dawk tal-ekonomija Franċiża kollha. In-natura settorjali ta’ din l-għajnuna mhix kontestata minħabba li ż-żieda fl-ispejjeż taż-żejt m’affetwatx biss lill-impriżi tas-settur tas-sajd imma lill-impriżi kollha, is-setturi tal-attività kollha f’daqqa. U, għalhekk, il-Kummissjoni dejjem qieset li m’għandhomx ikunu l-awtoritajiet pubbliċi li jintervjenu fuq livell finanzjarju biex jikkumpensaw din iż-żieda, imma min-naħa l-oħra li jinkoraġġixxu lill-impriżi biex jadattaw għall-kundizzjonijiet ekonomiċi l-ġodda li jirriżultaw minn dan. B’hekk, meta tikkunsidra dawn l-elementi kollha, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-għajnuna tal-FPAP favur l-impriżi tas-sajd ma tistax tiġi kkunsidrata bħala kompatibbli skont il-punt (b) tal-Artikolu 87(3).

    (c)

    Għal dak li jikkonċerna il-punt (c) tal-Artikolu 87(3), it-tħaffif tal-ispejjeż tal-karburant ma jistax, fih innifsu, jirrispondi għall-kundizzjoni tal-imsemmi punt (c), skont liema tista’ tkun kompatibbli mas-suq komuni l-għajnuna maħsuba biex tiffaċilita l-iżvilupp ta’ ċerti attivitajiet jew ta’ ċerti reġjuni ekonomiċi meta dawn ma jbiddlux il-kundizzjonijiet tal-iskambji f’miżura kuntrarja għall-interess komuni. Fil-fatt, l-għajnuna in kwistjoni ma taħsibx biex tiffavorixxi l-iżvilupp tal-attivitajiet tas-sajd fis-sens ta’ sajd sostenibbli, f’konformità mal-għanijiet tal-politika komuni tas-sajd, imma min-naħa l-oħra trawwem il-livell tal-isforz tas-sajd mingħajr ma tħajjar lill-impriżi tas-sajd biex inaqqsu l-ispejjeż tagħhom fil-karburant. Għalhekk, dawn għandhom l-effett li jikkalmaw l-adattament neċessarju tal-impriżi tas-settur tas-sajd għal-limiti li jirriżultaw miż-żieda fil-prezz taż-żejt. Barra minn dan, din l-attività mhix marbuta ma’ reġjun ekonomiku. Huwa għalhekk li din l-għajnuna ma tistax titqies bħala kompatibbli mas-suq komuni skont il-punt (c) tal-Artikolu 87(3).

    (d)

    Fl-aħħarnett, dawn il-kategoriji ta’ għajnuna ma jammontawx għal għajnuna maħsuba biex tippromwovi l-kultura u l-ħarsien tal-patrimonju, u l-anqas għal għajnuna meqjusa kompatibbli mas-suq komuni permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill adottata taħt l-inċiż (e) tal-Artikolu 87(3).

    (116)

    Minn dawn l-elementi kollha jirriżulta li l-għajnuna mill-Istat mogħtija lill-impriżi tas-sajd biex tħaffef l-ispejjeż tal-karburant ma taqax taħt xi waħda mid-derogi previsti mill-Artikolu 87 tat-Trattat.

    (117)

    Peress li l-każ jittratta l-għajnuna lill-impriżi tas-sajd, din trid ukoll tiġi analizzata fid-dawl tal-linji gwida għall-eżami tal-għajnuna mill-Istat maħsuba għas-setturi tas-sajd u tal-akwakultura (minn issa ‘l quddiem imsejħa l-“linji gwida”).

    (118)

    Din l-għajnuna għandha l-effett li tnaqqas l-ispejjeż tal-produzzjoni tal-impriżi tas-sajd. Dawn jippreżentaw il-karattru tal-għajnuna għall-iffunzjonar.

    (119)

    Il-Kummissjoni tfakkar mill-ewwel li fit-termini tal-punt 3.5 ta’ dawn il-linji gwida, “l-għajnuna mill-Istat m’għandux ikollha karattru ta’ konservazzjoni, imma din trid tiffavorixxi l-ippjanar u l-effikaċja tal-produzzjoni u tal-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti tas-sajd. L-għajnuna trid twassal għal titjib sostenibbli, b’tali mod li s-settur tas-sajd jista’ jevolvi bis-saħħa biss tad-dħul mis-suq.”

    (120)

    Madankollu, kif intwera fil-premessa 115 (c) ta’ din id-Deċiżjoni, it-tħaffif tal-ispejjeż tal-karburant ma jaħsibx għall-iżvilupp tal-attivitajiet tas-sajd fis-sens ta’ sajd sostenibbli, f’konformità mal-objettivi tal-politika komuni tas-sajd, imma li l-impriżi tas-sajd jinżammu fl-istess attività. Huwa għalhekk li l-Kummissjoni tqis li din l-għajnuna għandha tassew karattru ta’ konservazzjoni imsemmi fil-punt 3.5 tal-linji gwida u għalhekk ma tistax titqies bħala kompatibbli ma’ dan il-prinċipju propost mil-linji gwida.

    (121)

    Franza ċertament indikat, fir-risposti tagħha fil-bidu tal-proċedura formali tal-eżami, li “l-azzjonijiet tal-FPAP antiċipaw miżuri utli li l-pjani tas-salvataġġ u ta’ ristrutturazzjoni, ladarba formalizzati, sejrin biss juru u jikkonfermaw”. Madankollu, huwa biss ħafna aktar tard, f’Jannar 2008, li Franza informat lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-miżuri ppreżentati bħala miżuri ta’ għajnuna għas-salvataġġ u għar-ristrutturazzjoni favur l-impriżi tas-sajd, miżuri rreġistrati mill-Kummissjoni taħt in-numru NN 09/2008 u li bħalissa qed jiġu analizzati. Għalhekk, anke jekk wieħed jaċċetta l-argument ta’ Franza li l-azzjonijiet tal-FPAP kienu jantiċipaw b’ċerti mod dawn il-miżuri ta’ għajnuna għas-salvataġġ u għar-ristrutturazzjoni, dan m’għandu l-ebda inċidenza fuq il-kompatibbiltà tagħhom mas-suq komuni minħabba differenzi fundamentali li jeżistu bejn il-miżuri implimentati mill-FPAP u l-kundizzjonijiet li jridu jirrispondu għalihom l-iskemi ta’ għajnuna għas-salvataġġ u għar-ristrutturazzjoni tal-impriżi f’diffikultà (26). Fil-fatt, kontra dak li hu meħtieġ f’dawn il-linji gwida, l-għajnuna li tirriżulta mill-azzjonijiet tal-FPAP ingħatat b’mod distint lill-impriżi kollha tas-sajd u mhux biss lill-impriżi f’diffikultà. Min-naħa l-oħra, l-għajnuna għas-salvataġġ ma tistax teċċedi sitt xhur u jrid ikollha l-forma ta’ ħlas li jitħallas lura jew ta’ garanzija; fir-rigward tal-għajnuna għar-ristrutturazzjoni, din trid tingħata f’kundizzjonijiet preċiżi għal żmien limitat. Madankollu, l-għajnuna mogħtija minn Franza permezz tal-FPAP ma tissodisfa l-ebda waħda mill-kundizzjonijiet meħtieġa: l-impriżi tas-sajd jibbenefikaw minn din l-għajnuna sa mill-2004, din mhix mogħtija taħt forma ta’ self jew ta’ garanzija, u l-ħlas lura tagħha fil-kuntest ta’ pjan ta’ ristrutturazzjoni mhux maħsub.

    (122)

    L-FPAP jikkunsidra li l-għajnuna mogħtija hija ġġustifikata mill-fatt li fil-fatt din hija għajnuna għad-dħul tal-impjegati. Dwar dan l-FPAP stqarr li: “L-FPAP huwa magħmul minn ‘grupp ta’ prevenzjoni’ bil-ħsieb biex għall-2 500 impriża msieħba tikkostitwixxi perimetru ġuridiku ta’ salvagwardja fis-sens tal-Liġi Franċiża …. Għalhekk, l-għajnuna għad-dħul tal-impejgati rreġistrata fil-perimetru tar-ristrutturazzjoni hija awtorizzata. Din ma taffetwa bl-ebda mod ir-regoli tal-kompetizzjoni. Min-naħa l-oħra din tirriżulta mill-prinċipji Komunitarji li jiggarantixxu lill-impjegati dħul minimu deċenti.” L-FPAP jkompli billi jindika li s-sistema ta’ ħlas tal-baħħara apparti mill-ekwipaġġ jkollu bħala effett, fi Franza, li tiċħad lill-impjegati tal-impriżi tas-sajd mis-salarju, jiġifieri li jitpoġġew fid-dejn fir-rigward tal-propjetarju. Dan jippreċiża fl-aħħarnett li 25 mill-65 miljun tal-ħlas bil-quddiem mogħti mill-Istat “jikkonċernaw direttament il-ħlasijiet bil-quddiem lill-impjegati u jiġu analizzati bħala azzjoni soċjali diretta”. MQA iżid li: “Jekk is-self jitqies bħala għajnuna għall-profitt, mhux lill-FPAP trasparenti, imma lill-impriżi tas-sajd imsieħba, dan ikun tassew għajnuna speċjali. Il-fondi li jirriżultaw fil-fatt ikunu direttament marbuta mar-remunerazzjoni tal-baħħara.”

    (123)

    Dawn id-dikjarazzjonijiet iqanqlu diversi kummenti min-naħa tal-Kummissjoni:

    (1)

    L-ewwelnett, din tiskanta meta taqra li kważi 40 % (25 miljun minn 65) tal-ħlasijiet bil-quddiem mogħtija mill-Istat sabiex, skont it-tliet ftehimiet deskritti hawn fuq (ara l-premessa 21 ta’ din id-Deċiżjoni), biex jippermettu l-kisba tal-opzjonijiet finanzjarji fuq is-swieq tal-futures tal-prodotti taż-żejt, “li jikkonċernaw direttament il-ħlasijiet bil-quddiem lill-persuni li jirċievu salarju u li jiġu analizzati bħala għajnuna soċjali diretta”.

    (2)

    Il-Kummissjoni taħseb li, min-naħa tal-FPAP, dan huwa sommarju retoriku bil-ħsieb li juri li l-azzjonijiet implimentati mill-FPAP, billi jnaqqsu l-ispejjeż tal-produzzjoni tal-impriżi tas-sajd u minħabba s-sistema tas-salarju bil-ġurnata, jibbenefikaw in fine lill-persuni li jirċievu salarju minġħand dawn l-impriżi. Huwa f’dan is-sens li dawn l-azzjonijiet jistgħi jiġu analizzati “bħala għajnuna soċjali diretta”. Fil-fatt, l-ebda element mill-fajl ma jħalli li wieħed jaħseb li kien ikun hemm għajnuna soċjali diretta, jiġifieri għajnuna mħallsa mill-FPAP direttament lill-persuni li jirċievu salarju apparti minn dawn l-impriżi; dan l-anqas m’hu previst mill-istatut tal-FPAP (ara l-premessa 20 ta’ din id-Deċiżjoni).

    (3)

    Ikun xi jkun il-każ, jiġifieri li l-għajnuna eventwalment tħallset direttament lill-persuni li jirċievu salarju jew inkella li l-azzjonijiet tal-FPAP ibbenefikaw minnhom dawn il-persuni li jirċievu salarju billi jippermettulhom li jħallu d-dħul tagħhom minħabba s-sistema tas-salarju mhux fiss, il-Kummissjoni tfakkar li, f’konformità ma’ ġurisprudenza stabbilita (27), l-idea ta’ għajnuna tinkludi l-vantaġġi mogħtija mill-awtoritajiet pubbliċi li, taħt forom diversi, jħaffu l-ispejjeż li normalment itaqqlu l-baġit ta’ impriża. F’dan is-sens, is-salarji huma mingħajr dubju parti minn dawn l-ispejjeż u impriża ma tistax isserraħ fuq finanzjament pubbliku biex taffaċjahom. Għalhekk, il-fatt li l-vantaġġi li l-impriżi tas-sajd jieħdu mill-possibbiltà li jixtru l-karburant bi prezz preferenzjali u minn kumpens parzjali għall-ispejjeż tagħhom ta’ karburant fil-verità setgħu, skont l-FPAP u MQA, jibbenefikaw lill-persuni li jirċievu salarju minn dawn l-impriżi, mhux pertinenti sabiex wieħed japprezza l-kompatibbiltà ta’ din l-għajnuna fir-rigward tas-suq komuni. Huwa biżżejjed li wieħed jinnota li l-vantaġġi mogħtija lill-impriżi tas-sajd bis-saħħa tal-fondi pubbliċi kellhom l-effett li jħaffu l-ispejjeż li normalment itaqqlu l-baġit ta’ dawn l-impriżi.

    (4)

    Bl-istess mod, il-Kummissjoni ma tistax taċċetta affermazzjoni li tgħid li l-għajnuna għad-dħul tal-persuni li jirċievu salarju tista tkun awtorizzata, min-naħa minħabba li ssostni l-prinċipji Komunitarji li jiggarantixxu dħul minimu diċenti lill-persuni li jirċievu salarju, u min-naħa l-oħra, minħabba li s-sistema tal-ħlas mhux fiss ikun partikolarment sfavorevoli għall-baħħara Franċiżi. Fil-fatt, fl-applikazzjoni tal-prinċipju tas-sussidjarjetà, ir-regolamentazzjoni rigward l-eżistenza ta’ salarju minimu tiddependi biss mill-kompetenza tal-Istati Membri. Fi Franza, għal dak li jikkonċerna s-salarju tal-baħħara, dan l-obbligu huwa ppreżentat mill-Artikoli L.742-2, D.742-1 et D.742-2 tal-Kodiċi tax-Xogħol. Kif tfakkar sentenza tal-Qorti tal-Appell ta’ Rennes tas-16 ta’ Ġunju 1998 (28), dawn id-dispożizzjonjiet, b’applikazzjoni ġenerali, japplikaw għall-persuni li jirċievu salarju li jaqgħu taħt il-Kodiċi tax-Xogħol tal-Baħħara, hu x’inhu l-metodu tar-remunerazzjoni adottat. Il-fatt li l-propjetarju u l-impjegati tiegħu ftiehmu mill-bidu li l-baħħara mhux ser ikollhom salarju fiss (jiġifieri li jitħallsu skont il-profitt eventwali) ma jeżonerax lill-propjetarju li jiggarantixxi lill-baħħara, matul il-perjodu tal-imbark, remunerazzjoni tal-anqas ugwali għas-salarju minimu. Fi kliem ieħor, is-salarju mħallas bħala parti mill-qligħ tas-sajd irid tal-anqas ikun ekwivalenti għar-remunerazzjoni kkalkolata fl-applikazzjoni tas-salarju minimu ta’ tkabbir. L-Artikolu 34 tal-Kodiċi tax-Xogħol Marittimu (29) jirreferi f’dan ir-rigward għal “ftehim nazzjonali professjonali jew ftehimiet mifruxa għall-industrija kollha [biex jiffissa], b’mod indipendenti mit-tul taż-żmien tax-xogħol effettiv, il-perjodu jew il-perjodi meqjusa għall-kalkolazzjoni tas-salarju minimu ta’ tkabbir tal-baħħara mħallsa b’salarju mhux fiss”. Il-ftehim għall-industrija kollha jiggarantixxi, permezz tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 9 tiegħu, remunerazzjoni annwali grossa minima għall-baħħara mħallsa salarju mhux fiss, li ġie ffirmat fit-28 ta’ Marzu 2001 (30). Din id-dispożizzjoni saret obbligatorja, għal kull min jimpjega u l-impjegati kollha koperti minn dan il-ftehim, permezz ta’ deċiżjoni interministerjali tat-3 ta’ Lulju 2003 (31). L-ispiża għas-salarji li tiġi minn dan l-obbligu legali b’hekk tikkostitwixxi spiża ta’ produzzjoni tal-impriżi tas-sajd, l-istess bħall-ispejjeż għall-karburant. F’dawn il-kundizzjonijiet, il-Kummissjoni għalhekk ma tistax taċċetta l-argument skont liema l-Istat Franċiż ikollu raġun li jintervjeni finanzjarjament minħabba li l-propjetarji jonqsu mill-obbligu legali li jiżguraw salarju minimu għall-impjegati tagħhom, anke meta dawn huma mħallsa salarju mhux fiss.

    (124)

    Skont MQA, dawn jistgħu jkunu wkoll miżuri soċjo-ekonomiċi: “il-linji gwida (…) jikkunsidraw li jistgħu jiġu dikjarati kompatibbli mal-miżuri soċjo-ekonomiċi. Dan ifisser li l-FPAP huwa totalment trasparenti u l-miżuri kwalifikati bħala għajnuna mill-Kummissjoni għandhom karattru li jidher soċjo-ekonomiku.”

    (125)

    Il-Kummissjoni tinnota li MQA ma ppreżentat l-ebda element li jippermetti l-eżaminazzjoni tal-għajnuna in kwistjoni fir-rigward tal-punt 4.5. tal-linji gwida li jipprevedu li, għal kull każ, jistgħu jiġu kkunsidrati bħala kompatibbli mas-suq komuni, l-għajnuna diretta lill-ħaddiema tikkorrispondi għal miżuri soċjo-ekonomiċi. Fil-fatt, dan il-paragrafu jippreċiża li dawn ma jistgħux jitqiesu bħala kompatibbli ħlief “bil-kundizzjoni li jiffurmaw parti minn pakkett ta miżuri tal-appoġġ ta’ tip soċjo-ekonomiku li jimmiraw biex jikkumpensaw it-telf tad-dħul marbut ma’ adattament tal-kapaċitajiet deċiż skont l-Artikolu 11 (1) tar-Regolament (KE) Nru 2371/2002” (ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 tal-20 ta’ Diċembru 2002 rigward il-ħarsien u l-użu sostenibbli tar-riżorsi tal-baħar fil-qafas tal-politika komuni tas-sajd (32)). Madankollu, il-ħolqien tal-FPAP mhuwiex parti mill-pjan ewlieni deċiż f’konformità mar-Regolament Nru 2371/2002 bil-ħsieb tal-adattament tal-kapaċitajiet tas-sajd. L-argument imressaq minn MQA għalhekk ma jistax jiġġustifika l-għotja ta’ din l-għajnuna għall-iffunzjonar.

    (126)

    MQA tindika wkoll li mhux eżatt li wieħed jgħid li l-għajnuna ngħatat mingħajr kundizzjoni. Skont il-MQA, “biex jagħti dan is-self, l-Istat talab li l-FPAP jipproduċi diversi dokumenti ta’ ġustifikazzjoni, dokumenti ta’ ġustifikazzjoni maħsuba biex jistabbilixxu l-ġestjoni rigoruża tal-fondi u wkoll id-determinazzjoni tal-fond u l-membri tiegħu biex jimplimentaw soluzzjonijiet sostenibbli għall-kundizzjonijiet il-ġodda ta’ produzzjoni tas-settur tas-sajd.” MQA jinsisti li dan il-bżonn ta’ kontabbiltà trasparenti u dwar id-deċiżjoni tal-Istat li jitlob li titwettaq missjoni interministerjali ta’ spezzjoni.

    (127)

    Il-Kummissjoni tinnota dan il-bżonn ta’ trasparenza u ta’ kontroll, filwaqt li tinnota li dan jidher elementari, minħabba li dan huwa intervent iffinanzjat minn fondi pubbliċi. Madankollu, hi jiddispjaċiha li, f’tali kuntest ta’ trasparenza, l-awtoritajiet Franċiżi ma kienux trażmettewlha l-informazzjoni kollha b’ċifri dettaljati fuq l-attivitajiet tal-fond, minkejja t-talbiet magħmula matul il-proċedura. Fl-aħħarnett, tinnota li hi qatt ma ġiet informata bil-missjoni ta’ spezzjoni msemmija minn MQA, lanqas a fortiori tal-konklużjonijiet tagħha, mitluba mill-awtoritajiet Franċiżi għal madwar nofs Novembru 2005.

    (128)

    Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li l-ħlasijiet bil-quddiem mogħtija mill-Istat jidħlu sew fil-kategorija tal-għajnuna għall-iffunzjonar stipulata fil-punt 3.7. tal-linji gwida, skont liema: “l-għajnuna mill-Istat li tingħata mingħajr l-ebda obbligu għall-benefiċjarji li jirrispondu għall-għanijiet tal-politika komuni tas-sajd, u li hija maħsuba biex ittejjeb is-sitwazzjoni tal-impriżi u li żżid il-finanzi tagħhom (…) hija, bħala għajnuna għall-iffunzjonar, inkompatibbli mas-suq komuni”. Dawn il-ħlasijiet bil-quddiem għalhekk huma inkompatibbli mas-suq komuni.

    5.   IL-KONKLUŻJONI

    (129)

    Il-Kummissjoni tinnota li Franza wettqet illegalment, bi vjolazzjoni tal-Artikolu 88(3), tat-Trattat, id-diversi miżuri tal-għajnuna li huma s-suġġett ta’ din id-Deċiżjoni.

    (130)

    Fuq il-bażi tal-analiżi żviluppata fil-parti 4.1 ta’ din id-Deċiżjoni, il-Kummissjoni tqis li ż-żieda tal-finanzi tal-FPAP bl-għotja ta’ tliet, u eventwalment, erba’ ħlasijiet bil-quddiem, għal ammont totali ta’ 65, u eventwalment 77 miljun euro, jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat li hija inkompatibbli mas-suq komuni skont l-Artikolu 87(2) u (3) tat-Trattat. Fil-fatt, minħabba li l-ebda organizzazzjoni bankarja ma kienet tagħti l-ħlasijiet bil-quddiem bħal dawk li ngħataw lill-FPAP u li, skont l-informazzjoni disponibbli, dawn il-ħlasijiet bil-quddiem ma tħallsux lura, dawn il-ħlasijiet bil-quddiem inbidlu f’sussidju dirett (ara l-premessa 67), u għalhekk f’għajnuna mill-Istat għall-ammont in kwistjoni.

    (131)

    Fuq il-bażi tal-analiżi żviluppata fil-aprti 4.2 ta’ din id-Deċiżjoni, il-Kummissjoni tqis li l-għajnuna mogħtija taħt il-forma ta’ ħlasijiet bil-quddiem lill-FPAP u li ppermettiet lill-impriżi tas-sajd li jixtru l-karburant bi prezz vantaġġuż u li jibbenefikaw minn kumpens fil-qafas tal-assigurazzjoni tad-diżil, tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat li hija inkompatibbli mas-suq komuni skont l-Artikolu 87(2) u (3) tat-Trattat.

    6.   L-IRKUPRAR

    (132)

    L-ammont tal-għajnuna mill-Istat stabbilita minn Franza huwa ta’ 65 miljun euro, jew ta’ 77 miljun jekk ikun hemm ir-raba’ ftehim. F’konformità mal-Artikolu 14(1) tar-Regolament (KE) Nru 659/1999, f’każ ta’ deċiżjoni negattiva li tikkonċerna għajnuna illegali, il-Kummissjoni tiddeċiedi li l-Istat Membru jrid jieħu l-miżuri kollha neċessarji biex jirkupra l-għajnuna mingħand il-benefiċjarji. L-għan jintlaħaq meta l-għajnuna in kwistjoni, miżjuda bl-interessi tad-dewmien jekk ikun il-każ, tkun ingħatat lura mill-benefiċjarji jew, f’termini oħra, mill-impriżi li jkunu gawdew minnha (33). L-għan tal-irkuprar għalhekk jintlaħaq meta dan l-ammont ta’ 65 jew ta’ 77 miljun euro jkun ingħata lura.

    (133)

    Sabiex jiġi deċiż dak li jrid jiġi rkuprat min-naħa mill-FPAP u min-naħa l-oħra mill-impriżi tas-sajd, jaqbel li wieħed jikkunsidra l-fatt li l-FPAP, filwaqt li aġixxa bħala operatur ekonomiku fuq is-swieq tal-futures, għandu l-għan li jagħti kumpens lill-impriżi tas-sajd fil-qafas tas-sistema tal-assigurazzjoni tad-diżil li dan stabbilixxa, u li jipprovdilhom il-karburant bi prezz vantaġġuż. L-analiżi li qed issir f’din id-Deċiżjoni dwar l-ekonomija ġenerali ta’ din is-sistema partikolari turi li l-FPAP wettaq il-missjoni tiegħu bi trasferiment progressiv tal-għajnuna mogħtija mill-Istat. Għal din ir-raġuni, l-għajnuna li trid tiġi rkuprata mill-FPAP hija l-parti tal-65 jew 77 miljun euro li ma ġietx trasferita lill-impriżi tas-sajd, u dik li trid tiġi rkuprata mill-impriżi tas-sajd għalhekk hija l-parti li ġiet trasferita lilhom.

    (134)

    Il-Kummissjoni ma tafx x’inhu l-ammont li fil-fatt ġie trasferit mill-FPAP lill-impriżi tas-sajd. Il-Kummissjoni tosserva għal dan li, minkejja ordni indirizzata lil Franza li tipprovdi l-informazzjoni kollha meħtieġa dwar l-iffunzjonar tal-FPAP, din la kkomunikat il-mod tal-użu tal-finanzi ta’ dawn il-fondi u l-anqas il-kontabbiltà tiegħu. Fin-nuqqas ta’ din l-informazzjoni u fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti (34), il-Kummissjoni tqis li huwa utli li tipprovdi ċerti direzzjonijiet dwar il-metodoloġija li għandha tintuża biex jiġi determinat l-ammont tal-għajnuna li trid tiġi rkuprata.

    (135)

    Fid-definizzjoni ta’ dawn id-direzzjonijiet, il-Kummissjoni kkunsidrat il-fatt li, fid-dawl tal-ftehimiet, l-FPAP għandu l-obbligu li jżomm kontabbiltà li tippermetti l-għarfien tal-użu tal-ħlas bil-quddiem kif ukoll it-tqassim tar-riżorsi u tal-ispejjeż, u li dan impenja ruħu li jżomm id-dokumenti tal-kontabbiltà għal perjodu minimu ta’ 10 snin u li jpoġġihom għad-dispożizzjoni tad-diversi korpi tal-Istat meta dawn jitolbuhom (ara l-premessa 27). Minn dawn l-elementi, l-awtoritajiet jew l-organizzazzjonijiet responsabbli li japplikaw id-deċiżjoni tal-irkuprar jkollhom il-possibbiltà li jgħarfu ċ-ċaqliq tal-finanzi tal-FPAP kif ukoll is-sitwazzjoni ta’ dawn il-finanzi fil-mument li din id-deċiżjoni trid tiġi implimentata. Barra minn dan, il-kontabbiltà tal-impriżi tas-sajd li ġeneralment tinżamm minn gruppi ta’ ġestjoni li huma parti miċ-Ċentru tal-Ġestjoni tas-sajd artiġjanali, li huwa rrappreżentat fuq il-kunsill tal-amministrazzjoni tal-FPAP, ikun possibbli wkoll li fil-kontabbiltà tal-impriżi jiġi identifikat il-kumpens li tħallas mill-FPAP.

    6.1.   L-irkuprar mill-FPAP

    (136)

    L-ammont tal-għajnuna inkompatibbli li trid tiġi rkuprata mill-FPAP tikkorrispondi għall-parti mill-għajnuna mill-Istat li finalment ma ġietx trasferita lill-impriżi tas-sajd, jiġifieri l-ammont tal-ħlas bil-quddiem li ffinanzja l-ispejjez għall-iffunzjonar tal- FPAP kif ukoll l-ammont ta’ dawn il-ħlasijiet bil-quddiem li din żammet fil-finanzi tagħha. L-ammont totali tal-ispejjeż tal-iffunzjonar jista’ jingħaraf mill-awtorità responsabbli mill-implimentazzjoni tal-irkuprar mill-kontabbiltà tal-FPAP. Minħabba n-natura funġibbli tal-flus u l-impossibbiltà li wieħed jiddistingwi minn fejn ġejjin skont l-użu tagħhom, il-Kummissjoni tqis li l-parti tal-ħlasijiet bil-quddiem tal-Istat li ffinanzjat dawn l-ispejjeż għall-iffunzjonar tikkorrispondi għall-ammont totali ta’ dawn l-ispejjeż imqabbel mal-proporżjon ta’ dawn il-ħlasijiet bil-quddiem, fir-rigward tas-somma ta’ dawn il-ħlasijiet bil-quddiem u l-istess fondi tal-FPAP (il-kontribuzzjonijiet tal-imsieħba). Bl-istess mod, l-ammont tal-ħlasijiet bil-quddiem miżmum fil-finanzi jista’ jiġi determinat li jaffetwa l-finanzi li baqa’ bl-istess proporzjon.

    6.2.   L-irkuprar mingħand l-impriżi tas-sajd

    (137)

    Kif indikat hawn fuq, l-għajnuna li trid tiġi rkuprata mingħand l-impriżi kollha tas-sajd jikkorrispondi għall-65 jew għas-77 miljun tal-ħlasijiet bil-quddiem, imnaqqsa mis-somma li trid tiġi rkuprata mill-FPAP skont l-indikazzjonijiet mogħtija fil-premessa 136. F’dak li jikkonċerna l-għajnuna mill-Istat li trid tiġi rkuprata minn kull waħda minn dawn l-impriżi, wieħed irid jikkunsidra l-fatt li mhux possibbli, min-naħa tal-kontabbiltà, li ssir distinzjoni bejn l-għajnuna li hija kwalifikata bħala għajnuna mill-Istat u dik li mhix responsabbiltà tal-Istat (ara l-paragrafu 4.2.1.2 ta’ din id-Deċiżjoni).

    (138)

    Il-Kummissjoni tqis li l-għajnuna mill-Istat li trid tiġi rkuprata minn kull impriża tista’ tiġi kkalkulata fuq il-bażi tal-kumpens li kull impriża irċeviet taħt l-assigurazzjoni tad-diżil.

    (139)

    Billi tieħu dan il-kumpens bħala l-bażi tal-kalkolu, il-Kummissjoni twarrab l-ekwivalenti-sussidju tal-ekonomija mwettqa minn kull impriża tas-sajd minħabba li l-karburant jinxtara bi prezz anqas minn dak tas-suq. Il-Kummissjoni tqis li huwa dan ġustifikat minħabba li l-impriżi li bbenefikaw mill-prezzijiet preferenzjali għall-karburant huma l-istess bħal dawk li bbenefikaw minn kumpens taħt l-assigurazzjon itad-diżil, u dan fi proporzjoni rispettivi li jistgħu jiġu mqabbla minħabba li aktar ma impriża xtrat karburant bi prezz preferenzjali aktar ma din kisbet kumpens ogħla u kontra. Bl-għażla ta’ din il-bażi, għalhekk ma jkunx hemm tgħawwiġ bejn l-impriżi konċernati meta mqabbla mal-obbligi ta’ ħlas lura li jridu jaffaċjaw. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni tinnota li, jekk wieħed ried jikkunsidra dawn l-ammonti ekwivalenti għal sussidji fil-bażi tal-kalkolu, jkun neċessarju għalhekk li jiġi kkalkulat, għal kull darba li l-vapur jerġa’ jingħata l-karburant matul il-perjodu tal-attività tal-FPAP fuq is-swieq tal-futures taż-żejt, id-differenza bejn l-ispiża li kienet tirriżulta mix-xiri bil-prezz tal-ġurnata u l-ispiża fil-fatt minfuqa mill-kooperattiva wara li tkun qieset liema kien il-prezz tal-ġurnata applikabbli għat-tip ta’ karburant mixtri u fil-post tal-provvista. Kien ikun aktar diffiċli li jiġi implimentat dan il-metodu. Din hija r-raġuni għalfejn il-Kummissjoni tqis li jkun preferibbli li tirrakkomanda bażi tal-kalkolazzjoni li tiffaċilita x-xogħol tal-awtoritajiet u l-entitajiet responsabbli għall-implimentazzjoni id-deċiżjoni tal-irkuprar.

    (140)

    Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li l-għajnuna mill-Istat li trid tiġi rkuprata minn kull impriża tista’ tiġi kkalkulata fuq il-bażi tal-kumpens li tirċievi kull kumpanija taħt l-assigurazzjoni tad-diżil. L-għajnuna mill-Istat li trid tiġi rkuprata għandha tiġi kkalkulata billi dan il-kumpens jiżdied b’persentaġġ li jikkorrispondi għall-proporzjon tal-ammont globali tal-għajnuna mill-Istat li trid tiġi rkuprata mill-impriżi tas-sajd fuq l-ammont globali tal-kumpens imħallas lill-impriżi tas-sajd mill-FPAP taħt l-assigurazzjoni tad-diżil.

    (141)

    L-ammont li jrid jiġi rkuprat minn kull impriża tas-sajd għalhekk irid jiġi kkalkulat skont il-formoli li ġejjin:

    Formula

    Fejn

    R*Ent

    =

    l-ammont li jrid jiġi rkuprat mill-impriża tas-sajd

    I

    =

    l-ammont tal-kumpens li tirċievi l-impriża tas-sajd taħt l-assigurazzjoni tad-diżil

    Ħlasijiet bil-quddiem

    =

    65 jew 77 miljun euro

    R*FPAP

    =

    l-ammont li jrid jiġi rkuprat mill-FPAP skont l-indikazzjonijiet li jidhru fil-premessa 136

    Total I

    =

    l-ammont totali tal-kumpens imħallas mill-FPAP lill-impriżi tas-sajd taħt l-assigurazzjoni tad-diżil

    (142)

    Din il-formola tikkunsidra l-premessa li l-FPAP ta benefiċċji fuq is-swieq tal-futures, benefiċċji li wara ingħataw lura kompletament lill-impriżi tas-sajd. Kif inhu deskritt f’din id-Deċiżjoni, dan huwa l-aktar każ plawżibbli. Madankollu, jaqbel ukoll li wieħed jipprevedi l-possibbiltà teoretika li l-FPAP kien ikollu telf fuq is-swieq tal-futures u fejn allura kien jirriżulta li l-impriżi tas-sajd kienu jibbenefikaw minn ammont globali ta’ kumpens inferjuri għall-ammont ta’ ħlas bil-quddiem li minnu huwa mnaqqas l-ammont li jrid jiġi rkuprat mill-FPAP. F’tali każ, il-kwozjent (Ħlas bil-quddiem – R*FPAP)/Total I ikun ġeneralment ta’ aktar minn 1, partikolarment jekk l-ammont “R*FPAP” huwa dgħajjef; l-applikazzjoni tal-formola t’hawn fuq allura jkollha l-effett li s-somma globali li trid tiġi rkuprata mingħand l-impriżi tas-sajd tkun superjuri għal dik li jkunu bbenefikaw minnha. Għalhekk, f’dan il-każ partikolari, jaqbel li jkun previst li l-ammont li jrid jiġi rkuprat mingħand kull impriża jikkorrispondi għall-ammont tal-kumpens li tkun irċeviet din l-impriża taħt l-“assigurazzjoni tad-diżil”. F’dan il-każ ipotetiku, il-bilanċ bejn il-ħlas bil-quddiem tal-Istat u l-kumpens imħallas lill-impriżi tas-sajd jrid jiġi rkuprat mill-FPAP, li fil-fatt kien jikkonsma din id-differenza.

    (143)

    L-għajnuna mill-Istat li jibbenefikaw minnhom l-impriżi tas-sajd jistgħu ma jkunux suġġetti għall-irkuprar jekk, fid-data li jingħataw fiha, dawn jissodisfaw il-kundizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1860/2004 jew dawk tar-Regolament (KE) Nru 875/2007 li jikkonċernaw l-għajnuna de minimis,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    L-għajnuna mogħtija lil Fond ta’ Prevenzjoni tar-riskji tas-sajd (FPAP) għall-kisba ta’ opzjonijiet finanzjarji fuq is-swieq tal-futures taż-żejt u implimentata b’mod illegali minn Franza, fi vjolazzjoni tal-Artikolu 88(3) tat-Trattat, hija inkompatibbli mas-suq komuni.

    Artikolu 2

    L-għajnuna mogħtija lill-impriżi tas-sajd taħt forma ta’ tħaffif tal-ispejjeż tagħhom għall-karburant u implimentata b’mod illegali minn Franza fi vjolazzjoni tal-Artikolu 88(3) tat-Trattat, hija inkompatibbli mas-suq komuni.

    Artikolu 3

    Għajnuna individwali mogħtija lil impriża tas-sajd skont l-Artikolu 2(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 994/98 (35) mhix suġġetta għall-irkuprar jekk, fil-mument tal-għotja tagħha, din kienet tissodisfa l-kundizzjonijiet iffissati mir-Regolament adottat skont l-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 994/98, applikabbli fil-mument tal-għotja tal-għajnuna.

    Artikolu 4

    1.   Franza għandha titlob il-ħlas lura mingħand il-benefiċjarji tal-għajnuna inkompabibbli stipulata fl-Artikoli 1 u 2.

    2.   Is-somom li għandhom jiġu rkuprati jipproduċu l-interessi mid-data li fiha dawn ikunu tpoġġew għad-dispożizzjoni tal-benefiċjarji, sakemm jiġu rkuprati effettivament.

    3.   L-interessi huma kkalkulati fuq il-bażi magħmula skont il-Kapitolu V tar-Regolament (KE) Nru 794/2004 tal-Kummissjoni (36).

    4.   Franza għandha tannulla l-ħlasijiet kollha ta’ għajnuna pendenti stipulati fl-Artikoli 1 u 2 b’effett mid-data tal-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 5

    1.   L-irkuprar tal-għajnuna stipulata fl-Artikoli 1 u 2 huwa immedjat u effettiv.

    2.   Franza għandha tiżġura li din id-Deċiżjoni tiġi implimentata fi żmien erba’ xhur wara d-data tan-notifika tagħha.

    Artikolu 6

    1.   Fi żmien xahrejn min-notifika ta’ din id-Deċiżjoni, Franza għandha tikkomunika lill-Kummissjoni l-informazzjoni li ġejja:

    (a)

    l-ammont totali (is-somma u l-interessi) li għandhom jiġu rkuprati mill- FPAP;

    (b)

    deskrizzjoni dettaljata tal-miżuri li diġà ttieħdu u previsti biex ikun hemm konformità ma’ din id-Deċiżjoni;

    (c)

    id-dokumenti li juru li l-FPAP jkun ġie notifikat formalment biex iħallas lura l-għajnuna.

    2.   Franza għandha żżomm lill-Kummissjoni infurmata dwar il-progress tal-miżuri nazzjonali li jittieħdu għall-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni sakemm tiġi rkuprata kompletament l-għajnuna stipulata fl-Artikolu 1. Din għandha titrażmetti immedjatament, fuq talba tal-Kummissjoni, kull informazzjoni dwar il-miżuri li jkunu diġà ttieħdu u li jkunu previsti biex ikun hemm konformità ma’ din id-Deċiżjoni. Din għandha tipprovdi wkoll informazzjoni dettaljata dwar l-ammonti tal-għajnuna u l-interessi diġà rkuprati mingħand FPAP.

    Artikolu 7

    1.   Fi żmien xahrejn min-notifika ta’ din id-Deċiżjoni, Franza għandha tikkomunika lill-Kummissjoni l-informazzjoni li ġejja:

    (a)

    il-lista tal-impriżi tas-sajd li rċevew għajnuna stipulata fl-Artikolu 2 u l-ammont totali li rċeviet kull waħda minnhom;

    (b)

    l-ammont totali (is-somma u l-interessi) li jridu jiġu rkuprati mingħand kull benefiċjarju;

    (c)

    deskrizzjoni dettaljata tal-miżuri li diġà ttieħdu u li huma previsti biex ikun hemm konformità ma’ din id-Deċiżjoni;

    (d)

    d-dokumenti li juru li l-benefiċjarji jkunu ġew notifikati formalment biex iħallsu lura l-għajnuna.

    2.   Franza għandha żżomm lill-Kummissjoni infurmata dwar il-progress tal-miżuri nazzjonali li jittieħdu għall-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni sakemm tiġi rkuprata kompletament l-għajnuna stipulata fl-Artikolu 2. Din għandha titrażmetti immedjatament, fuq talba tal-Kummissjoni, kull informazzjoni dwar il-miżuri li jkunu diġà ttieħdu u li jkunu previsti biex ikun hemm konformità ma’ din id-Deċiżjoni. Din għandha tipprovdi wkoll informazzjoni dettaljata dwar l-ammonti tal-għajnuna u l-interessi diġà rkuprati mingħand il-benefiċjarji.

    Artikolu 8

    Din id-Deċiżjoni hija inidirizzata lir-Repubblika Franċiża.

    Magħmul fi Brussell, 20 ta’ Mejju 2008.

    Għall-Kummissjoni

    Joe BORG

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 83, 27.3.1999, p. 1.

    (2)  ĠU C 91, 19.4.2006, p. 30.

    (3)  ĠU C 229, 14.9.2004, p. 5.

    (4)  Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Frar 1993, il-kwistjonijiet konġunti C-159/91 u C-160/91, AGF-Cancava, Rec. 1993, p. I-637.

    (5)  Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Jannar 2006, C-222/04, Cassa di Risparmio, Rec. 2006, p. I-289.

    (6)  Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ April 1999, C-342/96, Spanja c/ il-Kummissjoni, Rec. 1999, p. I-2459; is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Ġunju 1999, C-256/97, DMTransports, Rec. 1999, p. I-3913; is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-11 ta’ Lulju 2002, T-152/99, Andrès Molina, Rec. 2002, p. II-3049.

    (7)  ĠU C 307, 17.12.2003, p. 11.

    (8)  ĠU C 220, 8.9.2005, p. 2.

    (9)  Kontra għal dak li jidher fid-Deċiżjoni tal-proċedura formali tal-eżami, il-vapuri ta’ din il-kategorija (aktar minn 12-il metru) ma jirrappreżentawx 95,3 % tal-bastimenti msieħba fl-FPAP. Fil-fatt, huma 95,3 % tal-bastimenti ta’ din il-kategorija li huma koperti mill-FPAP.

    (10)  N. COULON Il-proporzjonijiet bankarji l-ġodda ta’ dejn tal-impriżi BANQUE Nru 511 Diċembru 1990, imsemmi minn Alain Galesnes fi “Id-djanjożi bankarja tal-impriża” f’Editions du Centre d’Etudes et de Recherches Financières appliquées (CEREFIA) Rennes, 1994/2004.

    (11)  Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Mejju 2002 C-482/99, Franza c/ Il-Kummissjoni, Rec. 2002, p. I-4397, partikolarment il-punti 53 sa 56.

    (12)  http://pecheaquaculture.region-bretagne.fr

    (13)  Dan il-limitu huwa dak li fl-aħħarnett inżamm fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 875/2007 (ara n-nota 14).

    (14)  ĠU L 325, 28.10.2004, p. 4.

    (15)  Ara n-nota 14.

    (16)  Sors: L-Osservatorju ekonomiku reġjonali tas-sajd tal-Brettanja. “Ir-Riżultati tal-flotot artiġjanali 2005/2006” Nota ta’ sinteżi.

    (17)  Ir-referenzi għall-partijiet 3.1 u 3.2 jirreferu għad-deċiżjoni tal-bidu tal-proċedura formali tal-eżami msemmija fil-premessa 11. Il-parti 3.1 kienet titratta l-għajnuna għall-kisba ta’ opzjonijiet fuq is-swieq tal-futures u l-vantaġġi finanzjarji li jirriżultaw minnha għall-FPAP u l-impriżi tas-sajd; il-parti 3.2 kienet titratta l-kumpens għax-xiri tal-karburant għal dawn l-istess impriżi.

    (18)  Partikolarment: is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ Lulju 1974, l-Italja c/ Il-Kummissjoni, 173/73, Rec. 1974, p. 709; tas-26 ta’ Settembru 1996, Franza c/ Il-Kummissjoni, imsejħa “Kimberly Clark”, C-241/94, Rec. 1996 p. I-4551; tat-12 ta’ Ottubru 2000, Spanja c/ Il-Kummissjoni, C-480/98, Rec. 2000, p. I-8717; u tat-12 ta’ Diċembru 2002, il-Belġju c/ Il-Kummissjoni, C-5/01, Rec. 2002, p. I-11991.

    (19)  Ara l-paragrafu II tad-diskors tas-Sur D. Bussereau, il-Ministru tal-Agrikoltura u tas-Sajd, atul il-laqgħa ġenerali tal-Kumitat Nazzjonali tas-Sajd Marittimu u tal-Farms Marittimi tat-30 ta’ Ġunju 2005; dokument li jidher fl-indirizz tal-Internet li ġej: http://agriculture.gouv.fr/IMG/pdf/discours_300605_ag-cnpm.pdf

    (20)  ĠU L 99, 7.4.2006, p. 21.

    (21)  COM(2007) 73 finali.

    (22)  Sorsi: OFIMER Iċ-ċifri ewlenin tal-qasam tas-sajd u tal-akwakultura fi Franza, l-edizzjoni 2006. Ukoll, Eurostat u Global Trade Information Service.

    (23)  Is-sentenza tat-Tribunal tal-Prim’Istanza tat-30 ta’ April 1998, T-241/95, Het Vlaamse Gewest c/il-Kummissjoni, Rec. 1998, p. II-717, il-punt 67.

    (24)  L-Assemblea Nazzjonali – Rendikont tal-laqgħa tal-25 ta’ Ottubru 2006, diskors tas-Sur Dominique Bussereau, il-Ministru tal-Agrikoltura u s-Sajd.

    (25)  COM(2006) 103 finali.

    (26)  ĠU C 244, 1.10.2004, p. 2.

    (27)  Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta’ Ottubru 1999, C-251/97, Ir-Repubblika Franċiża c/ il-Kummissjoni, Rec. 1999, p. I-6639, il-punt 35.

    (28)  Is-sentenza tal-Qorti tal-Appell ta’ Rennes tas-16 ta’ Ġunju 1998, Marziou c/ Louzaouen, fi Le Droit Maritime Français, Nru 588, Diċembru 1998, p. 1201 u s. (Editions Lamy).

    (29)  Disponibbli fuq www.legifrance.gouv.fr/

    (30)  Il-bulettin uffiċjali tal-Ministeru tat-Tagħmir Nru 13 tal-25 ta’ Lulju 2003, disponibbli fuq www2.equipement.gouv.fr/bulletinofficiel/fiches/BO200313/Une.htm

    (31)  Ippublikat fil-Ġurnal Uffiċjali tar-Repubblika Franċiża 203 tat-3 ta’ Settembru 2003, p. 15051.

    (32)  ĠU L 358, 31.12.2002, p. 59.

    (33)  Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29.4.2004, il-Kwistjoni C-277/00, il-Ġermanja c. Il-Kummissjoni, Rec. 2004, p. I-3925, il-punt 75.

    (34)  Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12.10.2000 il-Kwistjoni C-480/98, Spanja c. Il-Kummissjoni, Rec. 2000, p. I-8715, il-punt 25.

    (35)  ĠU L 142, 14.5.1998, p. 1.

    (36)  ĠU L 140, 30.4.2004, p. 1.


    Top