Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32008R1023

    Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1023/2008 tas- 17 ta’ Ottubru 2008 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2076/2005 fir-rigward tal-estensjoni tal-perjodu transitorju mogħti lill-operaturi tan-negozju tal-ikel li jimportaw żejt tal-ħut għall-konsum mill-bniedem Test b’relevanza għaż-ŻEE

    ĠU L 277, 18.10.2008, p. 21–22 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2009; Impliċitament imħassar minn 32009R1162

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2008/1023/oj

    18.10.2008   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    L 277/21


    REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 1023/2008

    tas-17 ta’ Ottubru 2008

    li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2076/2005 fir-rigward tal-estensjoni tal-perjodu transitorju mogħti lill-operaturi tan-negozju tal-ikel li jimportaw żejt tal-ħut għall-konsum mill-bniedem

    (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 853/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 t’ April 2004 li jistabbilixxi ċerti regoli speċifiċi ta' iġjene għall-ikel li joriġina mill-annimali (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 9 tiegħu,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 854/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 li jippreskrivi regoli speċifiċi għall-organizzazzjoni ta' kontrolli uffiċjali fuq prodotti li joriġiniw mill-annimali maħsuba għall-konsum uman (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 16 tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament (KE) Nru 853/2004 jistipula regoli speċifiċi dwar l-iġjene tal-ikel li joriġina mill-annimali għall-operaturi tan-negozju tal-ikel. Dak ir-Regolament jistipula li l-operaturi tan-negozju tal-ikel li jipproduċu żejt tal-ħut maħsub għall-konsum mill-bniedem għandhom jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Anness III tiegħu.

    (2)

    Ir-Regolament (KE) Nru 854/2004 jistipula regoli speċifiċi għall-organizzazzjoni ta' kontrolli uffiċjali fuq il-prodotti li joriġinaw mill-annimali. Dan japplika fir-rigward tal-attivitajiet u l-persuni li r-Regolament (KE) Nru 853/2004 japplika għalihom.

    (3)

    L-Artikolu 7(3) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2076/2005 tal-5 ta’ Diċembru 2005 li jistipula l-arranġamenti transitorji għall-implimentazzjoni tar-Regolamenti (KE) Nru 853/2004, (KE) 854/2004 u (KE) 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u jemenda r-Regolament (KE) Nru 854/2004 (3) jistipula deroga mir-rekwiżiti għaż-żejt tal-ħut għall-konsum mill-bniedem stipulati fis-Sezzjoni VIII tal-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 853/2004 għall-operaturi tan-negozju tal-ikel biex ikunu jistgħu jkomplu, sal-31 ta’ Ottubru 2008, jimportaw żejt tal-ħut minn stabbilimenti f'pajjiżi terzi li kienu approvati għal dik il-fini qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1664/2006 (4).

    (4)

    Barra minn hekk, l-Artikolu 7(4) tar-Regolament (KE) Nru 2076/2005 jistipula deroga mill-Anness VI tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2074/2005 tal-5 ta' Diċembru 2005 li jistipula l-miżuri implimentattivi għal ċerti prodotti skond ir-Regolament (KE) Nru 853/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u għall-organizzazzjoni ta' kontrolli uffiċjali skond ir-Regolament (KE) 854/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, li jidderoga mir-Regolament (KE) Nru 852/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 853/2004 u (KE) Nru 854/2004 (5), għaż-żejt tal-ħut li nħariġlu ċertifikat skond ir-regoli nazzjonali applikabbli qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament (KE) Nru 2074/2005, mimli u ffirmat kif suppost qabel il-31 ta’ Ottubru 2008, li jista' jkun importat fil-Komunità sal-31 t’ Diċembru 2008.

    (5)

    Ir-rekwiżiti għall-produzzjoni taż-żejt tal-ħut għall-konsum mill-bniedem fir-Regolament (KE) Nru 853/2004 kienu emendati mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1020/2008 (6) sabiex jindirizzaw diffikultajiet prattiċi mġarrba minn pajjiżi terzi sabiex jaġġustaw il-kundizzjonijiet ta' pproċessar fi stabbilimenti li jipproduċu ż-żejt tal-ħut.

    (6)

    Sabiex jiġi evitat xkiel bla bżonn għan-negozju minħabba proċeduri amministrattivi għall-approvazzjoni u għall-elenkar ta' stabbilimenti li jaqgħu taħt ir-regoli emendati, huwa f'loku illi d-deroga tal-Artikolu 7(3) tar-Regolament (KE) Nru 2076/2005 tiġi estiża sat-30 ta’ April 2009.

    (7)

    Id-deroga stipulata fl-Artikolu 7(4)(b) tar-Regolament (KE) Nru 2076/2005 għall-importazzjonijiet fil-Komunità ta' żejt tal-ħut li għalih inħareġ ċertifikat skond ir-regoli nazzjonali għandha tiġi estiża wkoll sat-30 ta’ Ġunju 2009. Barra minn hekk, ċertifikati bħal dawn għandhom jimtlew u jiġu ffirmati kif suppost qabel it-30 ta’ April 2009.

    (8)

    Ir-Regolament (KE) Nru 2076/2005 għandu għalhekk ikun emendat skond dan.

    (9)

    Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    L-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 2076/2005 huwa emendat kif ġej:

    1.

    Il-paragrafu 3 qed jitbiddel b’dan li ġej:

    “3.   Permezz tad-deroga mill-Anness III, Sezzjoni VIII, Kapitolu IV, Parti B tar-Regolament (KE) Nru 853/2004, l-operaturi fil-kummerċ tal-ikel jistgħu jkomplu sat-30 ta’ April 2009 jimportaw żejt tal-ħut minn stabbilimenti f’pajjiżi terzi li kienu ġew approvati għal dak il-għan qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1020/2008 (*)

    (*)  ĠU L 277, 18.10.2008, p. 8.”"

    2.

    Fil-paragrafu 4, il-punt (b) huwa emendat kif ġej:

    (i)

    id-data “31 t’ Ottubru 2008” tinbidel bid-data “30 t’ April 2009”;

    (ii)

    id-data “31 ta’ Diċembru 2008” tinbidel bid-data “30 ta’ Ġunju 2009”.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għaxar ġurnata wara dik tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, 17 ta’ Ottubru 2008.

    Għall-Kummissjoni

    Androulla VASSILIOU

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 139, 30.4.2004, p. 55.

    (2)  ĠU L 139, 30.4.2004, p. 206.

    (3)  ĠU L 338, 22.12.2005, p. 83.

    (4)  ĠU L 320, 18.11.2006, p. 13.

    (5)  ĠU L 338, 22.12.2005, p. 27.

    (6)  Ara paġna 8 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.


    Top