Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32007D0829

2007/829/KE: Deċiżjoni tal-Kunsill tal- 5 ta’ Diċembru 2007 dwar ir-regoli applikabbi għall-esperti nazzjonali u għall-persunal militari nazzjonali sekondati mas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill u li tħassar id-Deċiżjoni 2003/479/KE

ĠU L 327, 13.12.2007, p. 10–20 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 29/06/2015; Imħassar b' 32015D1027

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2007/829/oj

13.12.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 327/10


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tal-5 ta’ Diċembru 2007

dwar ir-regoli applikabbi għall-esperti nazzjonali u għall-persunal militari nazzjonali sekondati mas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill u li tħassar id-Deċiżjoni 2003/479/KE

(2007/829/KE)

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 28(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 207(2) tiegħu,

Billi:

(1)

L-espert(i) nazzjonali sekondat(i) (minn hawn 'il quddiem “ENS”) u l-persunal militari nazzjonali sekondat (minn hawn 'il quddiem “persunal militari sekondat”) għandhom jippermettu lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill (minn hawn 'il quddiem “SĠK”) li jibbenefika mill-konoxxenza u l-esperjenza professjonali ta’ livell għoli tagħhom, partikolarment fl-oqsma fejn m'hemmx disponibbiltà immedjata ta’ tali kompetenza.

(2)

Din id-Deċiżjoni għandha tinkoraġġixxi l-iskambju ta’ esperjenza u konoxxenza professjonali fil-qasam tal-politika Ewropea, billi tassenja temporanjament esperti ta’ l-amministrazzjonijiet pubbliċi ta’ l-Istati Membri jew ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali mas-servizzi tas-SĠK.

(3)

L-ENS għandhom jiġu mill-amministrazzjonijiet pubbliċi ta’ l-Istati Membri jew ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali.

(4)

Id-drittijiet u l-obbligi ta’ l-ENS u tal-persunal militari sekondat, stabbiliti b'din id-Deċiżjoni, għandhom jiggarantixxu li dawn iwettqu d-dmirijiet tagħhom fl-interess biss tas-SĠK.

(5)

Fid-dawl tan-natura temporanja ta’ ħidmiethom u minħabba l-istatus partikolari tagħhom, l-ENS u l-persunal militari sekondat m'għandhom jieħdu l-ebda responsabbiltà li tappartjeni lis-SĠK għall-eżerċizzju tal-prerogattivi tiegħu tad-dritt pubbliku, ħlief fir-rigward tad-derogi previsti minn din id-Deċiżjoni.

(6)

Din id-Deċiżjoni għandha tiddefinixxi l-kondizzjonijiet kollha ta’ l-impjieg ta’ l-ENS u tal-persunal militari sekondat u għandha tapplika irrispettivament mill-oriġini ta’ l-approprjazzjonijiet baġitarji użati sabiex ikopru l-ispejjeż.

(7)

Barra minn hekk għandu jsir provvediment partikolari għall-persunal militari sekondati mas-SĠK sabiex jiġi ffurmat il-Persunal Militari ta’ l-Unjoni Ewropea.

(8)

Ladarba dawn ir-regoli jissostitwixxu dawk stabbiliti fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/479/KE (1), hu meħtieġ li din titħassar, mingħajr preġudizzju għall-kontinwazzjoni ta’ l-applikazzjoni tagħha għall-issekondar kollu li jkun għadu effettiv fil-mument tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni,

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Kamp ta’ applikazzjoni

1.   Dawn ir-regoli għandhom japplikaw għall-Esperti Nazzjonali Sekondati (ENS) mas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill (SĠK) mill-amministrazzjonijiet pubbliċi ta’ l-Istati Membri. Huma għandhom japplikaw ukoll għall-persunal militari sekondat minn organizzazzjoni internazzjonali.

2.   Il-persuni koperti minn dawn ir-regoli għandhom jibqgħu fis-servizz ta’ min iħaddimhom tul il-perijodu ta’ ssekondar u għandhom jibqgħu jiġu rimunerati minnu.

3.   Is-SĠK għandu jiddeċiedi, skond il-ħtiġijiet u l-possibbiltajiet baġitarji, dwar ir-reklutaġġ ta’ ENS. Id-Deputat Segretarju Ġenerali għandu jistabbilixxi l-modalitajiet ta’ dan ir-reklutaġġ.

4.   Ħlief jekk id-Deputat Segretarju Ġenerali jikkonċedi deroga li ma tkunx applikabbli fil-kamp tal-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni (PESK)/Politika Ewropea ta’ Sigurtà u Difiża (PESD), l-ENS għandhom ikunu ċittadini ta’ Stat Membru. Ir-reklutaġġ ta’ ENS għandha ssir fuq bażi ġeografika kemm jista' jkun wiesgħa minn fost iċ-ċittadini ta’ l-Istati Membri. L-Istati Membri u s-SĠK għandhom jikkoperaw sabiex jiżguraw, kemm jista' jkun, bilanċ bejn irġiel u nisa u r-rispett tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs.

5.   L-issekondar għandu jiġi implimentat permezz ta’ skambju ta’ ittri bejn id-Direttorat Ġenerali tal-Persunal u l-Amministrazzjoni tas-SĠK u r-Rappreżentanza Permanenti ta’ l-Istat Membru konċernat, jew, jekk ikun il-każ, l-organizzazzjoni internazzjonali. Il-post ta’ l-issekondar għandu jkun imsemmi fl-iskambju ta’ ittri. Kopja tar-regoli applikabbli għall-ENS mas-SĠK għandha tkun mehmuża ma’ l-iskambju ta’ ittri.

Artikolu 2

Il-perijodu ta’ l-issekondar

1.   Il-perijodu ta’ l-issekondar ma jistax ikun inqas minn sitt xhur u lanqas iktar minn sentejn u jista' jiġġedded għal perijodi suċċessivi għal żmien totali li ma jaqbiżx erba' snin.

2.   B'deroga mill-paragrafu 1, il-perijodu ta’ l-issekondar ta’ ENS għall-parteċipazzjoni fit-tħejjija ta’ operazzjonijiet militari jew ċivili jew għall-istudju tat-tnedija tagħhom jista' jkun inqas minn 6 xhur.

3.   Il-perijodu ta’ l-issekondar previst għandu jiġi stabbilit fil-bidu, fl-iskambju ta’ ittri previst fl-Artikolu 1(5). L-istess proċedura għandha tapplika fil-każ ta’ tiġdid tal-perijodu ta’ l-issekondar.

4.   L-ENS li diġà kienu ġew sekondati mas-SĠK jistgħu jerġgħu jiġu sekondati, f'konformità mar-regolamenti interni stabbiliti rigward il-perijodu massimu tal-preżenza ta’ dan il-persunal fis-servizzi tas-SĠK, u dejjem bil-kondizzjonijiet li ġejjin:

a)

l-ENS għandhom jibqgħu jissodisfaw il-kondizzjonijiet ta’ eliġibilità għall-issekondar;

b)

iridu jkunu għaddew mill-inqas sitt snin bejn it-tmiem tal-perijodu ta’ l-issekondar preċedenti u ssekondar ġdid; jekk, fi tmiem l-ewwel issekondar, l-ENS ibbenefika minn kuntratt supplimentari differenti, il-perijodu ta’ sitt snin għandu jibda jgħodd mit-tmiem ta’ dan il-kuntratt. Din id-dispożizzjoni m'għandhiex twaqqaf lis-SĠK milli jaċċetta l-issekondar ta’ ENS li l-ewwel issekondar tiegħu dam inqas minn erba' snin, iżda f'dan il-każ, l-issekondar il-ġdid m'għandux jaqbeż il-parti li jkun fadal tal-perijodu ta’ erba' snin;

c)

il-perijodu indikat fil-punt (b) għandu jitnaqqas għal tliet snin fil-każ li l-perijodu ta’ l-ewwel issekondar ikun inqas minn sitt xhur.

Artikolu 3

Post ta’ l-issekondar

L-ENS għandhom ikunu sekondati fi Brussell, f'uffiċċju ta’ kollegament tas-SĠK jew fi kwalunkwe post ieħor fejn l-Unjoni Ewropea taġixxi fl-ambitu ta’ deċiżjoni meħuda mill-Kunsill. Il-post ta’ l-issekondar jista' jinbidel matul l-issekondar permezz ta’ skambju ġdid ta’ ittri skond l-Artikolu 1(5), jekk il-possibbiltà ta’ bidla ta’ dan il-post ma kenitx prevista fl-ewwel skambju ta’ ittri. L-amministrazzjoni li tissekonda l-ENS għandha tiġi mgħarrfa bil-bidliet eventwali tal-post ta’ l-issekondar.

Artikolu 4

Dmirijiet

1.   L-ENS għandu jassisti lill-uffiċjali tas-SĠK jew lill-aġenti temporanji u jwettaq il-kompiti li jiġu fdati lilu.

Il-funzjonijiet imwettqin għandhom jiġu definiti bi qbil komuni bejn is-SĠK u l-amministrazzjoni li tissekonda l-espert nazzjonali fl-interess tas-servizzi u b'kont meħud tal-kwalifiki tal-kandidat.

2.   L-ENS m'għandux jipparteċipa f'missjonijiet u laqgħat ħlief:

a)

jekk jakkumpanja uffiċjal tas-SĠK jew aġent temporanju, jew

b)

jekk ikun waħdu, bħala osservatur jew għal finijiet biss ta’ informazzjoni.

Sakemm ma jkunx inħareġ mandat speċjali, taħt l-awtorità tas-Segretarju Ġenerali/Rappreżentant Għoli, mid-Direttur Ġenerali tas-servizz konċernat, l-ENS ma jistax jorbot lis-SĠK esternament.

3.   Is-SĠK għandu jibqa' unikament responsabbli mill-approvazzjoni tar-riżultati tal-kompiti mwettqin mill-ENS.

4.   Is-servizzi tas-SĠK konċernati, min iħaddem lill-ENS u l-ENS għandhom jagħmlu kull sforz possibbli sabiex jevitaw kull konflitt ta’ interess u kull apparenza ta’ tali konflitt rigward il-kompiti ta’ l-ENS matul l-issekondar. Għal dan l-għan, is-SĠK għandu jgħarraf fi żmien debitu lill-ENS u lil min iħaddmu bil-kompiti previsti u jitlobhom it-tnejn sabiex jikkonfermaw bil-miktub li huma ma jaraw l-ebda raġuni għaliex l-ENS m'għandux jiġi assenjat għal dawn il-kompiti. L-ENS għandu jiġi mistieden partikolarment sabiex jiddikjara kull konflitt potenzjali bejn ċerti aspetti tas-sitwazzjoni familjari tiegħu (partikolarment xi attivitajiet professjonali ta’ membri fil-qrib tal-familja tiegħu jew ta’ xi wħud mill-interessi finanzjarji ewlenin tiegħu jew ta’ dawn il-membri) u l-kompiti proposti matul l-issekondar.

Min iħaddem lill-ENS u l-ENS għandhom jintrabtu li jgħarrfu lis-SĠK b'kull bidla fiċ-ċirkostanzi li, matul l-issekondar, tista' tirriżulta f'tali konflitt.

5.   Meta s-SĠK iqis li n-natura tal-kompiti fdati lill-ENS teżiġi prekawzjonijiet partikolari fir-rigward tas-sigurtà, għandha tinkiseb awtorizzazzjoni ta’ sigurtà qabel l-issekondar ta’ l-ENS.

6.   Fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità mal-paragrafi 2, 3, 4 u 7, is-SĠK jista' jittermina l-issekondar ta’ l-ENS skond l-Artikolu 8(2)(c).

7.   B'deroga mill-ewwel subparagrafu tal-paragafu 1, u mill-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 2, id-Deputat Segretarju Ġenerali jista', fuq proposta tad-Direttur Ġenerali tas-servizz li miegħu jiġi assenjat l-ENS, jafda kompiti speċifiċi lill-ENS u jagħtih mandat sabiex iwettaq missjoni speċifika waħda jew aktar wara li jivverifika li ma jeżisti l-ebda konflitt ta’ interess.

Artikolu 5

Drittijiet u obbligi

1.   Matul il-perijodu ta’ ssekondar:

a)

l-ENS għandu jwettaq il-kompiti tiegħu u jġib ruħu b'mod li jfittex biss l-interessi tal-Kunsill;

b)

l-ENS għandu jastjeni minn kull azzjoni, partikolarment minn kull espressjoni pubblika ta’ opinjoni, li tista' tnaqqas id-dinjità tal-funzjoni tiegħu;

c)

kull ENS li, fit-twettiq tal-funzjonijiet tiegħu, jintalab jiddeċiedi fuq kwistjoni li fiha jkollu interess personali, dwar it-trattament jew ir-riżoluzzjoni tagħha, li jista' jkun ta’ ħsara għall-indipendenza tiegħu, għandu jgħarraf b'dan lill-kap tas-servizz fejn ikun assenjat;

d)

l-ENS, waħdu jew ma’ persuni oħrajn, m'għandu jippubblika jew iqabbad li jiġi ppubblikat l-ebda test li s-suġġett tiegħu ikun marbut ma’ l-attività ta’ l-Unjoni Ewropea bla ma jkun kiseb l-awtorizzazzjoni għal dan skond il-kondizzjonijiet u r-regoli fis-seħħ fis-SĠK. Din l-awtorizzazzjoni tiġi miċħuda biss jekk in-natura tal-pubblikazzjoni maħsuba tista' tippreġudika l-interessi ta’ l-Unjoni Ewropea;

e)

id-drittijiet kollha fuq xogħlijiet magħmulin mill-ENS fl-eżerċizzju tal-kompiti tiegħu għandhom ikunu proprjetà tas-SĠK;

f)

l-ENS għandu jirrisjedi fil-post ta’ l-issekondar tiegħu jew f'distanza tali minnu li ma tfixklux milli jwettaq l-attivitajiet tiegħu;

g)

l-ENS għandu jassisti jew jagħti pariri lis-superjuri li ġie assenjat magħhom u għandu jkun responsabbli lejn dawn is-superjuri għat-twettiq tal-kompiti li jiġu fdati lilu;

h)

l-ENS m'għandu jaċċetta l-ebda istruzzjoni minn min iħaddmu jew mill-gvern nazzjonali tiegħu waqt it-twettiq tad-dmirijiet tiegħu. Huwa m'għandu jwettaq l-ebda attività għal min iħaddmu jew għal xi gvern, u lanqas għal kwalunkwe persuna oħra, kumpannija privata jew amministrazzjoni pubblika.

2.   Matul u wara l-issekondar, l-ENS għandu josserva l-akbar diskrezzjoni dwar il-fatti u l-informazzjoni li jsir jaf bihom tul it-twettiq jew minħabba t-twettiq ta’ dmirijietu. Huwa m'għandu jikkomunika, taħt l-ebda forma, lill-ebda persuna li ma tkunx awtorizzata sabiex tkun taf bihom, l-ebda dokument u l-ebda informazzjoni li ma tkunx saret pubblika legalment u m'għandux juża dawn id-dokumenti jew informazzjoni għall-benefiċċju personali tiegħu.

3.   Fit-tmiem ta’ l-issekondar, l-ENS għandu jibqa' marbut bl-obbligu li jaġixxi b'integrità u diskrezzjoni fit-twettiq ta’ kompiti ġodda li jingħatawlu u fl-aċċettazzjoni ta’ ċerti postijiet jew vantaġġi.

Għal dan l-għan, fit-tliet snin li jsegwu l-perijodu ta’ l-issekondar, l-ENS għandu jgħarraf minnufih lis-SĠK bid-dmirijiet jew kompiti li jrid iwettaq għal min iħaddmu, u li x'aktarx jagħtu lok għal konflitt ta’ interess marbut mal-kompiti li kien wettaq tul l-issekondar.

4.   L-ENS għandu jkun suġġett għar-regoli ta’ sigurtà fis-seħħ fis-SĠK.

5.   Fil-każ tan-nuqqas ta’ konformità mad-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 1, 2 u 4 ta’ dan l-Artikolu matul l-issekondar is-SĠK ikollu d-dritt jittermina l-issekondar ta’ l-ENS, skond l-Artikolu 8(2)(c).

Artikolu 6

Livell, esperjenza professjonali u konoxxenza tal-lingwi

1.   Sabiex jikkwalifika għall-issekondar mas-SĠK, l-ENS għandu jkollu esperjenza professjonali ta’ mill-inqas tliet snin f'impjieg full time bi dmirijiet amministrattivi, xjentifiċi, tekniċi, ta’ konsulenza jew ta’ superviżjoni, ekwivalenti għal dawk tal-gruppi ta’ funzjonijiet AD jew AST, kif definiti mir-Regolamenti tal-Persunal tal-Komunitajiet Ewropej kif ukoll mir-regoli applikabbli għall-ħaddiema oħrajn tal-Komunitajiet. Qabel l-issekondar, min iħaddem lill-ENS għandu jipprovdi lis-SĠK dikjarazzjoni ta’ impjieg ta’ l-espert, li tkopri t-tnax-il xahar preċedenti.

2.   L-ENS għandu jkollu konoxxenza profonda ta’ lingwa komunitarja u konoxxenza sodisfaċenti ta’ lingwa oħra sabiex iwettaq il-kompiti li jkunu fdati lilu.

Artikolu 7

Sospensjoni ta’ l-issekondar

1.   Is-SĠK jista' jawtorizza sospensjonijiet ta’ l-issekondar u jistabbilixxi l-kondizzjonijiet għalihom. Matul il-perijodu ta’ dawn is-sospensjonijiet:

a)

m'għandhomx jitħallsu l-indennitajiet imsemmijin fl-Artikolu 15 u 16,

b)

l-ispejjeż imsemmijin fl-Artikoli 18 u 19 għandhom jiġu rimborżati biss jekk is-sospensjoni ssir fuq talba tas-SĠK.

2.   Is-SĠK għandu jgħarraf lil min iħaddem l-ENS.

Artikolu 8

Terminazzjoni ta’ perijodi ta’ ssekondar

1.   Bla ħsara għall-paragrafu 2, l-issekondar jista' jiġi terminat fuq talba tas-SĠK jew ta’ min iħaddem lill-ENS permezz ta’ pre-avviż ta’ tliet xhur, jew fuq talba ta’ l-ENS, permezz ta’ l-istess pre-avviż u suġġett għall-qbil tas-SĠK.

2.   F'ċerti ċirkostanzi eċċezzjonali, l-issekondar jista' jiġi terminat bla pre-avviż:

a)

minn min iħaddem lill-ENS, jekk hekk ikun meħtieġ mill-interessi essenzjali ta’ min iħaddem;

b)

bi qbil bejn is-SĠK u min iħaddem, fuq talba indirizzata mill-ENS liż-żewġ partijiet, jekk hekk ikun meħtieġ mill-interessi essenzjali, personali jew professjonali ta’ l-ENS;

c)

mis-SĠK, f'każ ta’ nuqqas ta’ konformità mill-ENS ma’ l-obbligi tiegħu skond dawn ir-regoli. L-ENS konċernat għandu qabel jingħata l-opportunità li jippreżenta d-difiża tiegħu.

3.   Jekk l-issekondar jiġi terminat taħt il-paragrafu 2(c), is-SĠK għandu minnufih jgħarraf lil min iħaddmu b'dan.

KAPITOLU II

KONDIZZJONIJIET TA' XOGĦOL

Artikolu 9

Sigurtà soċjali

1.   Qabel l-issekondar, min iħaddem lill-espert nazzjonali li ser jiġi sekondat għandu jiċċertifika lis-SĠK li l-ENS jibqa' suġġett, matul l-issekondar tiegħu, għal-liġi dwar is-sigurtà soċjali applikabbli għall-amministrazzjoni pubblika jew l-organizzazzjoni internazzjonali li timpjega l-ENS u li tkun ser tidħol responsabbli għall-ispejjeż li jirriżultaw barra mill-pajjiż.

2.   Minn meta jibda l-issekondar, l-ENS għandu jkun kopert kontra r-riskju ta’ inċidenti. Is-SĠK għandu jipprovdih b'kopja tad-dispożizzjonijiet applikabbli dakinhar li jirrapporta fid-dipartiment rilevanti tad-Direttorat Ġenerali tal-Persunal u l-Amministrazzjoni sabiex iwettaq il-formalitajiet marbutin ma’ l-issekondar.

3.   Meta, fl-ambitu ta’ missjoni li jipparteċipa fiha l-ENS skond l-Artikolu 4(2) u l-Artikolu 20, jew meta, minħabba riskji speċifiċi fil-post ta’ l-issekondar, tkun meħtieġa assigurazzjoni supplimentari jew speċifika, is-SĠK għandu jidħol responsabbli għall-ispejjeż marbutin magħha.

Artikolu 10

Ħinijiet tax-xogħol

1.   L-ENS għandu jkun suġġett għar-regoli tal-ħinijiet tax-xogħol li jkun hemm fis-seħħ fis-SĠK. Dawn ir-regoli jistgħu jinbidlu mid-Deputat Segretarju Ġenerali għal raġunijiet ta’ ħtieġa tas-servizz.

2.   L-ENS għandu jaħdem fuq bażi full time tul iż-żmien kollu ta’ l-issekondar. Fuq talba debitament ġustifikata minn Direttorat Ġenerali u sakemm dan ikun kompatibbli ma’ l-interessi tas-SĠK, id-Direttur Ġenerali tal-Persunal u l-Amministrazzjoni jista' jawtorizza ENS sabiex dan jaħdem fuq bażi part time, wara l-qbil ta’ min iħaddmu.

3.   F'każ ta’ xogħol fuq bażi part time awtorizzat, l-ENS għandu jaħdem għal mill-inqas nofs il-ħin normali tax-xogħol.

4.   L-indennitajiet fis-seħħ fis-SĠK għal xogħol bix-xift jew servizz ta’ stand-by jistgħu jingħataw lill-ENS.

Artikolu 11

Assenza minħabba mard jew inċident

1.   F'każ ta’ assenza minħabba mard jew inċident, l-ENS għandu javża lis-superjur tiegħu mill-aktar fis possibbli u jgħarrfu bl-indirizz attwali tiegħu. L-ENS għandu jipproduċi ċertifikat mediku jekk ikun assenti għal iktar minn tlett ijiem u jista' jkun suġġett għal kontroll mediku organizzat mis-SĠK.

2.   Meta l-assenzi tiegħu minħabba mard jew inċident ta’ mhux aktar minn tlett ijiem jaqbżu, fi żmien tnax-il xahar, total ta’ tnax-il jum, l-ENS għandu jipproduċi ċertifikat mediku għal kull assenza ġdida kkawżata minn mard.

3.   Jekk il-perijodu ta’ sick leave jeċċedi xahar jew jeċċedi ż-żmien tas-servizz imwettaq mill-ENS, skond liema każ ikun l-itwal, l-indennitajiet previsti fl-Artikolu 15(1) u (2) għandhom ikunu awtomatikament sospiżi. Din id-dispożizzjoni m'għandhiex tapplika f'każ ta’ mard marbut ma’ tqala. Is-sick leave ma jistax jestendi aktar miż-żmien ta’ l-issekondar tal-persuna konċernata.

4.   Madankollu, l-ENS li jisfa' vittma ta’ inċident marbut ma’ xogħlu li jseħħ waqt iż-żmien ta’ l-issekondar għandu jibqa' jirċievi l-indennitajiet sħaħ previsti fl-Artikolu 15(1) u (2) għaż-żmien kollu li fih ma jkunx jiflaħ għax-xogħol u sa tmiem il-perijodu ta’ l-issekondar.

Artikolu 12

Leave annwali, leave speċjali u jiem ta’ btala

1.   L-ENS għandu jkollu dritt għal jumejn u nofs ta’ xogħol leave kull xahar sħiħ ta’ servizz mogħti (tletin jum kull sena kalendarja).

2.   Il-leave għandu jkun suġġett għall-awtorizzazzjoni minn qabel tas-servizz li jkun assenjat miegħu l-ENS.

3.   L-ENS jista' jingħata, fuq talba motivata, leave speċjali fil-każijiet li ġejjin:

żwieġ ta’ l-ENS: jumejn;

mard serju tal-konjuġi: sa tlett ijiem kull sena;

mewt tal-konjuġi: erbat ijiem;

mard serju ta’ membru axxendenti tal-familja: sa jumejn kull sena;

mewt ta’ membru axxendenti tal-familja: jumejn;

twelid ta’ tarbija: għaxart ijiem li għandhom jittieħdu matul ix-xahar li jsegwi t-twelid;

mard serju ta’ tifel jew tifla: sa jumejn kull sena;

ġarr domestiku għall-finijiet tad-dħul fis-servizz: sa jumejn;

mewt ta’ tifel jew tifla: erbat ijiem.

Jista' jingħata leave speċjali supplimentari ta’ jumejn kull perijodu ta’ tnax-il xahar fuq talba (li tkun debitament motivata) tal-persuna konċernata.

4.   Fuq talba debitament motivata ta’ min iħaddem lill-ENS, jistgħu jingħataw sa jumejn leave speċjali f'perijodu ta’ tnax-il xahar mis-SĠK fuq bażi ta’ każ b'każ.

5.   F'każ ta’ xogħol fuq bażi part-time, iż-żmien tal-leave annwali għandu jitnaqqas proporzjonalment.

6.   Ma jista' jingħata l-ebda rimborż għal-leave annwali li ma jkunx ittieħed sat-tmiem tal-perijodu ta’ l-issekondar.

7.   Il-paragrafu 3 m'għandux ikun applikabbli għall-ENS li ż-żmien ta’ l-issekondar tiegħu ikun inqas minn sitt xhur. Madankollu, l-ENS li ż-żmien ta’ l-issekondar tiegħu ikun inqas minn sitt xhur jista' jingħata leave speċjali, abbażi ta’ talba motivata u permezz ta’ deċiżjoni mid-Direttur Ġenerali tas-servizz li jkun assenjat miegħu. Dak il-leave speċjali ma jistax jeċċedi tlett ijiem għall-perijodu kollu ta’ l-issekondar. Qabel jagħti l-leave, id-Direttur Ġenerali responsabbli msemmi hawn fuq għandu jikkonsulta lid-Direttur Ġenerali tal-Persunal u l-Amministrazzjoni.

Artikolu 13

Leave tal-maternità

1.   F'każ ta’ maternità, għandu jingħata lill-ENS leave ta’ maternità ta’ għoxrin ġimgħa, li matulhom hija tirċievi l-indennitajiet previsti fl-Artikolu 15. Il-leave għandu jibda mhux aktar minn sitt ġimgħat qabel id-data probabbli tat-twelid indikata fiċ-ċertifikat u għandu jintemm mhux inqas minn erbatax-il ġimgħa wara d-data tat-twelid. F'każ ta’ twelid multipli jew prematur jew twelid ta’ tarbija b'diżabbiltà, il-perijodu tal-leave għandu jkun ta’ erbgħa u għoxrin ġimgħa. Għall-finijiet ta’ din id-dispożizzjoni, twelid prematur huwa twelid li jseħħ qabel tmiem l-34 ġimgħa tat-tqala.

2.   Meta l-liġi nazzjonali ta’ min iħaddem lill-ENS tipprevedi leave tal-maternità itwal, l-issekondar għandu jkun sospiż għall-perijodu li jeċċedi dak mogħti mis-SĠK. F'dak il-każ, fi tmiem l-issekondar għandu jiżdied perijodu ekwivalenti ma’ dak tas-sospensjoni, jekk l-interess tas-SĠK jiġġustifika dan.

3.   L-ENS tista' minflok titlob sospensjoni ta’ l-issekondar li jkopri ż-żmien totali mogħti għal-leave ta’ maternità. F'dak il-każ, fi tmiem l-issekondar għandu jiżdied perijodu ekwivalenti ma’ dak tas-sospensjoni, jekk l-interess tas-SĠK jiġġustifika dan.

Artikolu 14

Amministrazzjoni u kontroll

L-amministrazzjoni u l-kontroll tal-leave għandhom jitwettqu mill-amministrazzjoni tas-SĠK. Il-kontroll tal-ħinijiet tax-xogħol u ta’ l-assenzi jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tad-Direttorat Ġenerali jew tas-servizz li miegħu l-ENS ikun assenjat.

KAPITOLU III

INDENNITAJIET U SPEJJEŻ

Artikolu 15

Indennitajiet

1.   L-ENS għandu jkollu dritt, matul iż-żmien ta’ l-issekondar, għal indennità ta’ soġġorn ta’ kuljum. Jekk id-distanza bejn il-post ta’ l-oriġini u l-post ta’ l-issekondar tkun ta’ 150 km jew inqas, l-indennità għandha tkun ta’ EUR 29,44. Hija għandha tkun ta’ EUR 117,74 jekk id-distanza tkun aktar minn 150 km.

2.   Jekk l-ENS ma jkun ibbenefika minn ebda rimborż ta’ l-ispejjeż tal-ġarr, la mis-SĠK u lanqas minn min iħaddmu, għandha tingħata indennità supplimentari ta’ kull xahar skond it-tabella ta’ hawn taħt:

Distanza bejn il-post ta’ oriġini u l-post ta’ l-issekondar (km)

Ammont f'EUR

0-150

0

> 150

75,68

> 300

134,54

> 500

218,65

> 800

353,20

> 1 300

555,03

> 2 000

664,37

Din l-indennità għandha titħallas kull xahar bħala arretrat. Hija tkun dovuta sa tmiem ix-xahar li fih, jekk ikun il-każ, l-ENS jkun wettaq il-ġarr tiegħu, skond l-Artikolu 19(1).

3.   Dawn l-indennitajiet għandhom ikunu dovuti għall-perijodi ta’ missjoni, ta’ leave annwali, ta’ leave ta’ maternità, ta’ leave speċjali u ta’ jiem ta’ vaganza mogħtijin mis-SĠK.

4.   Meta jidħol fis-servizz, l-ENS għandu jibbenefika minn avvanz ta’ ammont ekwivalenti għal 75 jum ta’ indennità ta’ soġġorn u dan il-ħlas itemm kull dritt ulterjuri ta’ indennità ta’ soġġorn ta’ kuljum għall-perijodu korrispondenti. F'każ ta’ tmiem definittiv tas-servizz ta’ l-ENS mas-SĠK qabel l-iskadenza tal-perijodu li ttieħed kont tiegħu għall-kalkolu ta’ l-avvanz, l-ENS għandu jagħti lura l-frazzjoni ta’ l-ammont ta’ dan il-ħlas li tikkorrispondi għall-perijodu li jifdal.

5.   Waqt l-iskambju ta’ ittri previst fl-Artikolu 1(5), is-SĠK għandu jiġi mgħarraf b'kull benefiċċju analogu għal dawk previsti fil-paragrafi 1, 2, 7 u 8 ta’ dan l-Artikolu li jirċievi l-ENS. L-ammont ta’ dawn għandu jitnaqqas mill-indennitajiet korrispondenti mħallsin mis-SĠK.

6.   L-indennitajiet ta’ kuljum u ta’ kull xahar għandhom jiġu adattati kull sena, bla effett retroattiv, skond l-adattamenti tas-salarji bażiċi ta’ l-uffiċjali tal-Komunità fi Brussell u fil-Lussemburgu.

7.   Għall-ENS assenjat f'Uffiċċju ta’ Kollegament (Liaison Office) tas-SĠK jew fi kwalunkwe post ieħor fejn l-Unjoni topera taħt deċiżjoni adottata mill-Kunsill, l-indennitajiet previsti fil-paragrafi 1 u 2 jistgħu jiġu sostitwiti b'indennità ta’ l-alloġġ meta ċ-ċirkostanzi marbuta ma’ l-ispejjeż ta’ l-alloġġ fil-post ta’ l-issekondar jiġġustifikaw dan, permezz ta’ deċiżjoni motivata tad-Direttur Ġenerali tal-Persunal u l-Amministrazzjoni.

8.   Tista' tingħata indennità speċjali, stabbilita skond il-post ta’ l-issekondar, fil-każ li dan il-post jinsab barra mill-UE, sabiex jittieħed kont ta’ l-għoli tal-ħajja jew ta’ kondizzjonijiet tal-ħajja partikolarment diffiċli, permezz ta’ deċiżjoni motivata tad-Direttur Ġenerali tal-Persunal u l-Amministrazzjoni. Din l-indennità għandha titħallas kull xahar u tiġi stabbilita bejn 10 u 15 % tas-salarju bażiku ta’ uffiċjal fl-ewwel skaluna tal-grad AD 6 jew AST 4, skond il-grupp ta’ funzjonijiet li fih ikun ġie assimilat l-ENS.

Artikolu 16

Indennità fissa supplimentari

1.   Sakemm il-post ta’ oriġini ta’ l-ENS ma jkunx jinsab f'distanza ta’ 150 km jew inqas mill-post ta’ l-issekondar, l-ENS għandu jirċievi, jekk ikun il-każ, indennità fissa supplimentari li tkun daqs id-differenza bejn is-salarju annwali gross imħallas minn min iħaddmu (bl-allokazzjonijiet għall-familja mnaqqsin), miżjud bl-indennitajiet eventwalment imħallsin mis-SĠK, skond l-Artikolu 15, u s-salarju bażiku ta’ uffiċjali fl-ewwel skaluna tal-grad AD 6 jew AST 4, skond il-grupp ta’ funzjonijiet li fih ikun ġie assimilat l-ENS.

2.   Din l-indennità għandha tiġi adattata darba fis-sena, bla effett retroattiv, skond l-adattament tas-salarji bażiċi ta’ l-uffiċjali tal-Komunità.

Artikolu 17

Postijiet ta’ reklutaġġ, ta’ ssekondar, ta’ oriġini u ta’ ritorn

1.   Għall-finijiet ta’ dawn ir-regoli, għandu jitqies

bħala post ta’ reklutaġġ, il-post fejn l-ENS kien iwettaq id-dmirijiet tiegħu għal min iħaddmu immedjatament qabel l-issekondar tiegħu;

bħala post ta’ l-issekondar, il-post fejn jinsab is-servizz jew l-uffiċċju tas-SĠK li miegħu jiġi assenjat l-ENS, jew il-post fejn l-ENS jopera fl-ambitu ta’ deċiżjoni adottata mill-Kunsill;

bħala post ta’ oriġini, il-post fejn tinsab is-sede ta’ min iħaddmu;

bħala post ta’ ritorn, il-post fejn l-ENS ser iwettaq l-attività ewlenija tiegħu wara tmiem l-issekondar.

2.   Jekk il-post ta’ reklutaġġ jew il-post ta’ ritorn jinsab barra mit-territorju ta’ l-Unjoni Ewropea jew fi Stat Membru li m'huwiex dak fejn tinsab is-sede ta’ min iħaddem lill-ENS, jew jekk l-ENS ma jwettaq l-ebda attività professjonali wara tmiem l-issekondar, il-post ta’ oriġini għandu jitqies bħala l-post ta’ reklutaġġ jew bħala l-post ta’ ritorn, skond il-każ.

Il-post ta’ reklutaġġ, il-post jew postijiet ta’ l-issekondar u l-post ta’ oriġini għandhom jiġu stabbiliti fl-iskambju ta’ ittri previst fl-Artikolu 1(5). Il-post ta’ ritorn għandu jiġi stabbilit abbażi ta’ dikjarazzjoni ta’ min iħaddem lill-ENS.

3.   Għall-finijiet ta’ l-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu, iċ-ċirkostanzi marbutin mal-kompiti mwettqin mill-ENS għal Stat li m'huwiex dak tal-post ta’ l-issekondar jew għal organizzazzjoni internazzjonali m'għandhomx jiġu kkunsidrati.

Artikolu 18

Spejjeż ta’ vvjaġġar

1.   L-ENS li l-post ta’ reklutaġġ tiegħu jinsab aktar minn 150 km mill-post ta’ l-issekondar għandu jkun intitolat għal rimborż ta’ l-ispejjeż tal-vjaġġ fil-bidu ta’ l-issekondar:

a)

għalih stess,

b)

għall-konjuġi u għat-tfal dipendenti tiegħu, sakemm dawn il-persuni jgħixu ma’ l-ENS u l-ġarr jiġi rimborżat mis-SĠK.

2.   Ħlief fil-każ ta’ trasport bl-ajru, l-ammont tar-rimborż għandu jkun fiss u limitat għall-prezz tal-vjaġġ bil-ferrovija bit-tariffa tat-tieni klassi bla suppliment. L-istess għandu japplika għall-vjaġġi bil-karozza. Jekk it-triq bil-ferrovija taqbeż il-500 km jew jekk il-vjaġġ normali jkun jeħtieġ qsim fuq il-baħar, ir-rimborż tal-vjaġġ bl-ajru jista' jwassal sal-prezz tal-vjaġġ bl-ajru b'tariffa mraħħsa (PEX jew APEX), u jridu jiġu ppreżentati l-biljetti u l-karti ta’ l-imbarkazzjoni.

3.   L-ENS għandu jkun intitolat għalih innifsu, u fejn meħtieġ, għall-persuni previsti fil-punt (b) tal-paragrafu 1, għar-rimborż ta’ l-ispejjeż tal-vjaġġ lejn il-post ta’ ritorn fi tmiem l-issekondar fil-limiti msemmijin qabel. Dan ir-rimborż ma jistax jinvolvi ammont ogħla minn dak li għalih l-ENS kien ikun intitolat kieku rritorna fil-post ta’ reklutaġġ tiegħu.

4.   Jekk l-ENS ikun wettaq il-ġarr mill-post ta’ reklutaġġ għall-post ta’ l-issekondar tiegħu, huwa għandu jkun intitolat kull sena għal ammont fiss ugwali għall-prezz tal-vjaġġ ta’ ritorn mill-post ta’ l-issekondar għall-post ta’ oriġini tiegħu, għalih stess, għall-konjuġi tiegħu u għat-tfal dipendenti, abbażi tad-dispożizzjonijiet fis-seħħ fis-SĠK.

Artikolu 19

Spejjeż tal-ġarr

1.   L-ENS jista' jġorr l-għamara u l-oġġetti personali tiegħu mill-post ta’ reklutaġġ għall-post ta’ l-issekondar, bl-ispejjeż tas-SĠK, wara li tinkiseb l-awtorizzazzjoni tas-SĠK minn qabel, skond id-dispożizzjonijiet fis-seħħ fis-SĠK fir-rigward tar-rimborż ta’ l-ispejjeż tal-ġarr, sakemm ikunu sodisfatti l-kondizzjonijiet li ġejjin:

a)

iż-żmien inizjali ta’ l-issekondar irid ikun ta’ sentejn;

b)

il-post ta’ reklutaġġ ta’ l-ENS irid ikun jinsab f'distanza ta’ 100 km jew iktar mill-post ta’ l-issekondar;

c)

il-ġarr irid isir matul is-sitt xhur li jibdew jgħoddu mill-bidu ta’ l-issekondar;

d)

l-awtorizzazzjoni trid tintalab mill-inqas xahrejn qabel id-data prevista għall-ġarr;

e)

l-ispejjeż tal-ġarr ma jkunux ġew rimborżati minn min iħaddmu;

f)

l-ENS għandu jibgħat l-oriġinali ta’ stimi, riċevuti u fatturi lis-SĠK kif ukoll attestazzjoni ta’ min iħaddem lill-ENS li tikkonferma li m'huwiex ser iħallas l-ispejjeż tal-ġarr.

2.   Suġġett għall-paragrafu 3, jekk il-ġarr għall-post ta’ l-issekondar ikun ġie rimborżat mis-SĠK, l-ENS għandu jkun intitolat, fi tmiem l-issekondar, wara li tinkiseb l-awtorizzazzjoni minn qabel, għar-rimborż ta’ l-ispejjeż tal-ġarr mill-post ta’ l-issekondar għall-post ta’ ritorn, skond id-dispożizzjonijiet fis-seħħ fis-SĠK dwar ir-rimborż ta’ l-ispejjeż tal-ġarr, sakemm ikunu sodisfatti l-kondizzjonijiet previsti fil-paragrafu 1, punti (d) u (e), kif ukoll il-kondizzjonijiet li ġejjin:

a)

il-ġarr ma jistax isir aktar kmieni minn sitt xhur qabel tmiem l-issekondar;

b)

il-ġarr għandu jitlesta matul is-sitt xhur ta’ wara tmiem l-issekondar;

c)

l-ammont ta’ l-ispejjeż tal-ġarr rimborżat mis-SĠK għall-ġarr fi tmiem l-issekondar ma jistax jeċċedi l-ammont ta’ l-ispejjeż tal-ġarr li kien ikun intitolat għalih kieku rritorna lejn il-post tar-reklutaġġ;

d)

wara li jkun bagħat l-oriġinali ta’ l-istimi u l-fattura tal-ġarr lis-SĠK, kif ukoll attestazzjoni ta’ min iħaddem lill-ENS li tikkonferma li m'huwiex qed iħallas l-ammont sħiħ jew parti mill-ispejjeż tal-ġarr.

3.   L-ENS li l-issekondar tiegħu jintemm fuq talba tiegħu jew ta’ min iħaddmu matul is-sentejn li jsegwu l-bidu ta’ l-issekondar m'għandux ikun intitolat għar-rimborż ta’ l-ispejjeż tal-ġarr fi tmiem l-issekondar.

Artikolu 20

Missjonijiet u spejjeż ta’ missjoni

1.   L-ENS jista' jintbagħat fuq missjoni konformement ma’ l-Artikolu 4.

2.   L-ispejjeż tal-missjoni għandhom jiġu rimborżati skond id-dispożizzjonijiet fis-seħħ fis-SĠK.

Artikolu 21

Taħriġ

L-ENS għandu d-dritt li jattendi korsijiet ta’ taħriġ organizzati mis-SĠK jekk l-interess tas-SĠK jiġġustifika dan. Għandhom jiġu kunsidrati l-interessi raġonevoli ta’ l-ENS, b'kont meħud speċjalment ta’ l-iżvolġiment tal-karriera tiegħu wara l-issekondar, meta tittieħed deċiżjoni sabiex jingħata permess jattendi xi kors.

Artikolu 22

Dispożizzjonijiet amministrattivi

1.   L-ENS għandu jirrapporta fl-ewwel jum ta’ l-issekondar tiegħu lis-servizz kompetenti tad-Direttorat Ġenerali tal-Persunal u l-Amministrazzjoni sabiex isiru l-formalitajiet amministrattivi meħtieġa. Id-dħul fis-servizz għandu jkun fl-ewwel jew fis-sittax tax-xahar.

2.   L-ENS assenjat ma’ uffiċċju ta’ kollegament tas-SĠK għandu jirrapporta lis-servizz kompetenti tas-SĠK fil-post ta’ l-issekondar tiegħu.

3.   Il-pagamenti għandhom isiru f'ewro mis-servizz kompetenti tas-SĠK f'kont bankarju miftuħ f'istituzzjoni bankarja fi Brussell. Għall-ENS sekondat f'post li ma jkunx Brussell, il-pagamenti jistgħu jsiru f'ewro fuq kont bankarju miftuħ f'istituzzjoni bankarja fi Brussell jew fil-post ta’ oriġini ta’ l-ENS. L-indennità ta’ l-alloġġ tista' titħallas b'valuta oħra f'kont bankarju miftuħ f'istituzzjoni bankarja fil-post ta’ l-issekondar.

KAPITOLU IV

ESPERTI NAZZJONALI SEKONDATI GĦAL PERIJODU QASIR BLA SPEJJEŻ

Artikolu 23

ENS sekondat għal perijodu qasir bla spejjeż

1.   Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni, ENS sekondat għal perijodu qasir bla spejjeż (ENS-SPQBS) tfisser ENS speċjalizzat ħafna, sekondat għat-twettiq ta’ kompiti speċifiċi ħafna għal perijodu massimu ta’ tliet xhur. Dan l-issekondar ma jinvolvi l-ħlas ta’ l-ebda indennità jew spiża mill-Kunsill ħlief, fejn ikun il-każ, dak previst fl-Artikolu 28 u mingħajr preġudizzju għal xi ftehim differenti bejn is-SĠK u l-amministrazzjoni li tissekonda l-ENS-SPQBS.

2.   L-ENS-SPQBS jista' jiġi sekondat biss f'każijiet eċċezzjonali, bl-awtorizzazzjoni tad-Deputat Segretarju Ġenerali. L-issekondar ta’ ENS-SPQBS għandu jkollu l-għan biss li jwettaq kompiti li t-twettiq tagħhom kien ikun diffiċli għas-SĠK fi żmien qasir ħafna. Dan għandu jkun il-każ għal:

missjonijiet esplorattivi,

l-ippjanar u l-evalwazzjoni ta’ operazzjonijiet speċifiċi ta’ mmaniġġar ta’ kriżijiet,

il-parteċipazzjoni f'eżerċizzji speċifiċi ta’ mmaniġġar ta’ kriżijiet.

3.   Bla ħsara għall-Artikoli 23 sa 28, ir-regoli previsti fl-Artikoli 1 sa 14 u 20 sa 22 għandhom japplikaw ukoll għall-ENS-SPQBS.

4.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 5, il-kondotta ta’ l-ENS-SPQBS għandha dejjem tirrifletti l-fatt li huwa jkun sekondat mal-Kunsill u għandha tkun dejjem adattata għad-dinjità tal-funzjoni tiegħu.

Artikolu 24

Il-perijodu ta’ l-issekondar

1.   Il-perijodu previst fl-Artikolu 23(1) jista' jiġi estiż darba b'perijodu massimu ta’ tliet xhur.

2.   ENS-SPQBS sekondat mas-SĠK jista' jiġi sekondat mill-ġdid skond ir-regoli stabbiliti f'din id-Deċiżjoni u dejjem bil-kondizzjonijiet li ġejjin:

ikun għadda perijodu minimu ta’ sena bejn tmiem il-perijodu ta’ l-issekondar preċedenti u ssekondar ġdid jekk l-ENS jiġi sekondat skond ir-regoli ta’ dan il-Kapitolu;

ikun għadda perijodu minimu ta’ tliet snin bejn tmiem il-perijodu ta’ l-issekondar preċedenti u ssekondar ġdid jekk l-ENS jiġi sekondat suġġett għar-regoli ta’ l-Artikolu 1 ta’ din id-Deċiżjoni.

3.   F'każijiet eċċezzjonali, il-perijodu indikat fil-paragrafu 2, l-ewwel inċiż, jista' jitqassar b'deċiżjoni tad-Deputat Segretarju Ġenerali.

Artikolu 25

Kamp ta’ applikazzjoni

1.   Fl-iskambju ta’ ittri previst fl-Artikolu 1(5), għandha ssir referenza għall-persuna responsabbli fi ħdan id-Direttorat Ġenerali jew id-direttorat, l-unità, il-missjoni jew l-eżerċizzju li magħhom jew minnhom ser jiġi sekondat l-ENS-SPQBS kif ukoll deskrizzjoni dettaljata tal-kompiti li jridu jitwettqu minnu.

2.   Għal dak li jirrigwarda l-kompiti konkreti li jrid iwettaq, l-ENS-SPQBS għandu jirċievi istruzzjonijiet mill-persuna responsabbli msemmija fil-paragrafu 1.

Artikolu 26

Assigurazzjoni

Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 28 u b'deroga mill-Artikolu 9(2), l-ENS-SPQBS m'għandux ikun kopert mis-SĠK kontra r-riskju ta’ inċident.

Artikolu 27

Kondizzjonijiet ta’ xogħol

1.   B'deroga mill-Artikolu 10(1), l-ENS-SPQBS għandu jirrispetta r-regoli dwar il-ħinijiet tax-xogħol fis-seħħ fil-post ta’ l-issekondar tiegħu. Dawn ir-regoli jistgħu jinbidlu mill-persuna responsabbli fi ħdan l-unità amministrattiva, il-missjoni jew l-eżerċizzju li magħhom jew minnhom ikun ġie sekondat l-ENS-SPQBS skond il-ħtiġijiet tas-servizz.

2.   B'deroga mit-tieni sentenza ta’ l-Artikolu 10(2), l-ENS-SPQBS għandu jaħdem biss fuq bażi full-time matul l-issekondar tiegħu.

3.   L-Artikolu 10(4) m'huwiex applikabbli għall-ENS-SPQBS.

4.   L-amministrazzjoni u l-kontroll tal-preżenza u tal-vacation leave ta’ l-ENS-SPQBS għandhom isiru mill-persuna responsabbli msemmija fl-Artikolu 25(2).

5.   Il-paragrafi 3, 4 u 7 ta’ l-Artikolu 12 m'humiex applikabbli għall-ENS-SPQBS. Madankollu, abbażi ta’ talba motivata mingħandu, l-ENS-SPQBS jista' jingħata leave speċjali b'deċiżjoni tad-Direttur Ġenerali tas-Servizz li miegħu huwa jkun assenjat. Tali leave speċjali ma jistax ikun ta’ iktar minn tlett ijiem tul il-perijodu kollu ta’ l-issekondar. Qabel jagħti tali leave, id-Direttur Ġenerali msemmi hawn fuq għandu jikkonsulta lid-Direttur Ġenerali tal-Persunal u l-Amministrazzjoni.

Artikolu 28

Missjonijiet

1.   Jekk l-ENS-SPQBS jipparteċipa f'missjonijiet f'post li m'huwiex il-post ta’ l-issekondar tiegħu, huwa għandu jiġi rimborżat skond ir-regoli fis-seħħ għar-rimborż tal-missjonijiet ta’ l-uffiċjali, ħlief jekk ikun sar arranġament ieħor bejn is-SĠK u l-amministrazzjoni li tissekonda l-ENS-SPQBS.

2.   Jekk, fl-ambitu ta’ missjoni, tingħata assigurazzjoni speċjali għal “riskji kbar” mis-SĠK lill-uffiċjali, dan il-benefiċċju għandu jingħata wkoll lill-ENS-SPQBS li jipparteċipa fl-istess missjoni.

3.   L-ENS-SPQBS li jipparteċipa f'missjoni barra mit-territorju ta’ l-UE għandu jkun suġġett għall-arranġamenti ta’ sigurtà fis-seħħ fis-SĠK għal dawn il-missjonijiet.

KAPITOLU V

L-APPLIKAZZJONI TAR-REGOLI FIR-RIGWARD TAL-PERSUNAL MILITARI NAZZJONALI SEKONDAT

Artikolu 29

Regoli tal-persunal militari sekondat

Bla ħsara għall-Artikoli 30 sa 42, ir-regoli tal-kapitoli preċedenti għandhom japplikaw ukoll għall-persunal militari sekondat mas-SĠK sabiex jiġi ffurmat il-Persunal Militari ta’ l-Unjoni Ewropea konformement mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/80/PESK tat-22 ta’ Jannar 2001 dwar l-istabbiliment tal-Persunal Militari ta’ l-Unjoni Ewropea (2).

Artikolu 30

Kondizzjonijiet

Matul l-issekondar tiegħu l-persunal militari sekondat għandu jkun f'servizz rimunerat fil-forzi armati ta’ Stat Membru. Huwa għandu jkollu ċittadinanza ta’ Stat Membru.

Artikolu 31

Reklutaġġ

B'deroga mit-tieni sentenza ta’ l-Artikolu 1(3), is-Segretarju Ġenerali/Rappreżentant Għoli għandu jistabbilixxi l-modalitajiet tar-reklutaġġ tal-persunal militari sekondat.

Artikolu 32

Skambju ta’ ittri

Għall-finijiet ta’ l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 1(5), l-iskambju ta’ ittri għandu jsir bejn is-Segretarju Ġenerali/Rappreżentant Għoli u r-Rappreżentanza Permanenti ta’ l-Istat Membru konċernat. Dan l-iskambju ta’ ittri għandu jsemmi wkoll kwalunkwe limitazzjoni eventwali tal-parteċipazzjoni ta’ l-ENS f'missjonijiet.

Artikolu 33

Il-perijodu ta’ l-issekondar

1.   B'deroga mill-Artikolu 2(1), il-perijodu ta’ l-issekondar ma jistax ikun inqas minn sitt xhur u lanqas iktar minn tliet snin u jista' jiġġedded suċċessivament għal tul ta’ żmien totali li ma jeċċedix erba' snin.

2.   B'deroga mill-Artikolu 2(4)(b), ħlief għal każijiet eċċezzjonali, għandu jkun skorra perijodu ta’ mill-inqas 3 snin bejn tmiem il-perijodu ta’ l-issekondar preċedenti u ssekondar ġdid, fejn il-kondizzjonijiet jiġġustifikaw dan u bi qbil mas-Segretarju Ġenerali/Rappreżentant Għoli.

Artikolu 34

Dmirijiet

B'deroga mill-Artikolu 4(1), il-persunal militari sekondat li jaġixxi taħt l-awtorità tas-Segretarju Ġenerali/Rappreżentant Għoli għandu jwettaq il-missjoni, il-kompiti u l-funzjonijiet assenjati lilu konformement ma’ l-Anness mad-Deċiżjoni 2001/80/PESK.

Artikolu 35

Impenji esterni

B'deroga mill-Artikolu 4(2), it-tieni subparagrafu, il-persunal militari sekondat ma jistax jimpenja lis-SĠK esternament, ħlief taħt mandat speċjali konċess taħt l-awtorità tas-Segretarju Ġenerali/Rappreżentant Għoli.

Artikolu 36

Awtorizzazzjoni ta’ sigurtà

B'deroga mill-Artikolu 4(5), il-livell adatt ta’ l-awtorizzazzjoni tas-sigurtà tal-persunal militari sekondat, li ma jistax ikun inqas minn SECRET, għandu jiġi stipulat fl-iskambju ta’ ittri previst fl-Artikolu 1(5).

Artikolu 37

Esperjenza professjonali

B'deroga mill-Artikolu 6(1), jista' jiġi sekondat mas-SĠK membru ta’ persunal militari f'livell ta’ elaborazzjoni jew ta’ stħarriġ u li jagħti prova ta’ livell għoli ta’ kompetenza għall-kompiti li jridu jitwettqu.

Artikolu 38

Sospensjoni u terminazzjoni ta’ l-issekondar

1.   L-awtorizzazzjoni għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 7(1) fir-rigward ta’ membru ta’ persunal militari sekondat għandha tingħata mis-Segretarju Ġenerali/Rappreżentant Għoli.

2.   B'deroga mill-Artikolu 8(2), l-issekondar jista' jiġi terminat mingħajr pre-avviż jekk l-interessi tas-SĠK jew ta’ l-amministrazzjoni nazzjonali tal-membru ta’ persunal militari sekondat jeħtieġu dan jew għal kwalunkwe raġuni suffiċjenti oħra.

Artikolu 39

Nuqqas gravi mill-obbligi

1.   L-issekondar jista' jiġi terminat mingħajr pre-avviż f'każ ta’ nuqqas gravi mill-obbligi li jkun marbut bihom il-persunal militari sekondat, imwettaq volontarjament jew b'negliġenza. B'deroga mill-Artikolu 8(2)(c), id-deċiżjoni għandha tittieħed mis-Segretarju Ġenerali/Rappreżentant Għoli wara li l-persuna konċernata tingħata l-opportunità li tressaq id-difiża tagħha. Qabel jieħu deċiżjoni, is-Segretarju Ġenerali/Rappreżentant Għoli għandu jgħarraf lir-Rappreżentant Permanenti ta’ l-Istat Membru li tiegħu l-persunal militari sekondat ikun ċittadin. Wara dik id-deċiżjoni, l-indennitajiet previsti fl-Artikoli 18 u 19 m'għandhomx jingħataw iżjed.

Qabel id-deċiżjoni prevista fl-ewwel subparagrafu, il-membru tal-persunal militari sekondat jista' jiġi sospiż f'każ li ssir allegazzjoni ta’ nuqqas gravi fil-konfront tiegħu mis-Segretarju Ġenerali/Rappreżentant Għoli wara li l-persuna konċernata tingħata l-opportunità li tressaq id-difiża tagħha. L-indennitajiet previsti fl-Artikoli 15 u 16 m'għandhomx jitħallsu matul din is-sospensjoni, li ma tistax tkun ta’ iktar minn tliet xhur.

2.   Is-Segretarju Ġenerali/Rappreżentant Għoli għandu jinforma l-awtoritajiet nazzjonali dwar kwalunkwe ksur, minn membru ta’ persunal militari sekondat, tar-regoli stabbiliti jew imsemmija f'din id-Deċiżjoni.

3.   Il-persunal militari sekondat għandu jibqa' suġġett għar-regoli dixxiplinari nazzjonali tiegħu.

Artikolu 40

Ħinijiet tax-xogħol

It-tieni sentenza ta’ l-Artikolu 10(2) m'għandhiex tapplika għall-persunal militari sekondat.

Artikolu 41

Leave speċjali

B'deroga mill-Artikolu 12(4), jista' jingħata mis-SĠK leave speċjali supplimentari mhux imħallas għall-finijiet ta’ taħriġ minn min iħaddem u fuq talba debitament motivata ta’ dan ta’ l-aħħar.

Artikolu 42

Indennitajiet

B'deroga mill-Artikoli 15(1) u 16, l-iskambju ta’ ittri previst fl-Artikolu 1(5) jista' jistipula li l-indennitajiet previsti hemmhekk m'għandhomx jitħallsu.

KAPITOLU VI

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 43

Tħassir

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/479/KE hija b'dan imħassra. Madankollu, hija għandha tibqa' applikabbli għal kull issekondar kurrenti fil-bidu ta’ effett ta’ din id-Deċiżjoni, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 44.

Artikolu 44

Effett

Din id-Deċiżjoni għandha tibda jkollha effett fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Għandha tapplika għal kull issekondar ġdid jew għal kull tiġdid ta’ ssekondar mill-ewwel jum tax-xahar wara l-bidu ta’ effett tagħha.

Magħmul fi Brussell, 5 ta’ Diċembru 2007.

Għall-Kunsill

Il-President

J. VIEIRA DA SILVA


(1)  ĠU L 160, 28.6.2003, p. 72. Id-Deċiżjoni kif emendata l-aħħar bid-Deċiżjoni 2007/456/KE (ĠU L 173, 3.7.2007, p. 27).

(2)  ĠU L 27, 30.1.2001, p. 7. Id-Deċiżjoni kif emendata bid-Deċiżjoni 2005/395/PESK (ĠU L 132, 26.5.2005, p. 17).


Top