Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document JOL_2007_246_R_0032_01

2007/614/Euratom: Deċiżjoni tal-Kunsill tat- 30 ta’ Jannar 2007 dwar il-konklużjoni, mill-Kummissjoni, tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea ta’ l-Enerġija Atomika u l-Gvern tal-Ġappun għall-Implimentazzjoni Konġunta ta’ l-Attivitajiet ta’ Approċċ Usa' fil-Qasam tar-Riċerka dwar l-Enerġija mill-Fużjoni
Ftehim bejn il-Gvern tal-Gappun u l-Komunità Ewropea ta’ l-Enerġija Atomika għall-Implimentazzjoni Konġunta ta’ l-Attivitajiet ta’ Approċċ Usa' fil-Qasam tar-Riċerka dwar l-Enerġija mill-Fużjoni

ĠU L 246, 21.9.2007, p. 32–46 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

21.9.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 246/32


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tat-30 ta’ Jannar 2007

dwar il-konklużjoni, mill-Kummissjoni, tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea ta’ l-Enerġija Atomika u l-Gvern tal-Ġappun għall-Implimentazzjoni Konġunta ta’ l-Attivitajiet ta’ Approċċ Usa' fil-Qasam tar-Riċerka dwar l-Enerġija mill-Fużjoni

(2007/614/Euratom)

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea ta’ l-Enerġija Atomika, u partikolarment it-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 101 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Billi:

(1)

Skond id-Direttivi tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2000, kif emendati mid-Deċiżjonijiet tal-Kunsill tas-27 ta’ Mejju 2002, is-26 ta’ Novembru 2003 u l-25 ta’ Novembru 2004, il-Kummissjoni mexxiet negozjati mal-Gvern taċ-Ċina, il-Gvern tal-Ġappun, il-Gvern tar-Repubblika ta’ l-Indja, il-Gvern tar-Repubblika tal-Korea, il-Gvern tal-Federazzjoni Russa u l-Gvern ta’ l-Istati Uniti ta’ l-Amerika dwar Ftehim għall-Istabbiliment ta’ l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Enerġija mill-Fużjoni ITER għall-Implimentazzjoni Konġunta tal-Proġett ITER.

(2)

Fil-Laqgħa Ministerjali li saret f'Moska fit-28 ta’ Ġunju 2005, il-Partijiet fin-Negozjati ta’ l-ITER qablu li l-ITER kellu jinbena f'Cadarache. Qablu wkoll dwar dokument konġunt anness dwar ir-rwol ta’ l-entità ospitanti (Euratom) u dik mhux ospitanti (il-Ġappun) fil-Proġett ITER.

(3)

Skond id-dokument konġunt imsemmi hawn fuq u emendat mid-Direttivi tal-Kunsill, il-Kummissjoni wettqet negozjati mal-Gvern tal-Ġappun dwar Ftehim għall-Implimentazzjoni Konġunta ta’ l-Attivitajiet ta’ Approċċ Usa'.

(4)

Fl-20 ta’ Ġunju 2006, waqt laqgħa f'Tokjo, ir-rappreżentanti ta’ l-Euratom u tal-Ġappun adottaw ir-Rapport Finali tan-Negozjati dwar il-Ftehim ta’ Approċċ Usa' li kkonferma t-tlestija tal-proċess tan-negozjati u rreġistra d-dokumenti sussidjarji mfassla mill-Euratom u mill-Ġappun.

(5)

Fit-22 ta’ Novembru 2006, ir-rappreżentanti ta’ l-Euratom u tal-Ġappun iffirmaw Dikjarazzjoni Konġunta għall-implimentazzjoni ta’ l-Attivitajiet ta’ Approċċ Usa' li tistabbilixxi dettalji rigward il-kontributi tal-Partijiet għall-Attivitajiet ta’ Approċċ Usa'.

(6)

Għandha tiġi approvata l-konklużjoni, mill-Kummissjoni, tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea ta’ l-Enerġija Atomika u l-Gvern tal-Ġappun għall-Implimentazzjoni Konġunta ta’ l-Attivitajiet ta’ Approċċ Usa' fil-Qasam tar-Riċerka dwar l-Enerġija mill-Fużjoni,

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu Uniku

1.   B'dan hija approvata l-konklużjoni, mill-Kummissjoni, għal u f'isem il-Komunità Ewropea ta’ l-Enerġija Atomika, tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea ta’ l-Enerġija Atomika u l-Gvern tal-Ġappun għall-Implimentazzjoni Konġunta ta’ l-Attivitajiet ta’ Approċċ Usa' fil-Qasam tar-Riċerka dwar l-Enerġija mill-Fużjoni.

2.   It-test tal-Ftehim hu mehmuż ma’ din id-deċiżjoni.

Magħmul fi Brussell, 30 ta’ Jannar 2007.

Għall-Kunsill

Il-President

P. STEINBRÜCK


FTEHIM

bejn il-Gvern tal-Gappun u l-Komunità Ewropea ta’ l-Enerġija Atomika għall-Implimentazzjoni Konġunta ta’ l-Attivitajiet ta’ Approċċ Usa' fil-Qasam tar-Riċerka dwar l-Enerġija mill-Fużjoni

IL-GVERN TAL-ĠAPPUN u L-KOMUNITÀ EWROPEA TA’ L-ENERĠIJA ATOMIKA (minn hawn 'il quddiem il-“EURATOM”), kollettivament imsemmija bħala “il-Partijiet”,

WARA LI KKUNSIDRAW il-Ftehim dwar il-Kooperazzjoni bejn il-Gvern tal-Ġappun u l-Komunità Ewropea ta’ l-Enerġija Atomika fil-Qasam tal-Fużjoni Termonukleari Kkontrollata;

WARA LI KKUNSIDRAW id-“Dikjarazzjoni Konġunta tar-Rappreżentanti tal-Partijiet fin-Negozjati dwar l-ITER, fl-okkażjoni tal-Laqgħa Ministerjali għall-ITER, Moska, 28 ta’ Ġunju 2005”, u d-“Dokument Konġunt Ir-rwoli tal-Parti Ospitanti u ta’ dik Mhux Ospitanti għall-Proġett ITER” anness magħha (minn hawn 'il quddiem “id-Dokument Konġunt”) li fihom ġew stabbiliti l-prinċipji ewlenin għall-implimentazzjoni ta’ l-Attivitajiet ta’ Approċċ Usa';

WARA LI KKUNSIDRAW “Id-Dikjarazzjoni Konġunta mir-Rappreżentanti tal-Gvern tal-Ġappun u l-EURATOM għall-implimentazzjoni konġunta ta’ l-Attivitajiet ta’ Approċċ Usa', 22 ta’ Novembru 2006” (minn hawn 'il quddiem “id-Dikjarazzjoni Konġunta ta’ Brussell”);

FILWAQT LI JFAKKRU l-kontributi tal-Partijiet għat-tħejjija għall-implimentazzjoni konġunta tal-Proġett ta’ l-ITER permezz ta’ l-Attivitajiet tad-Disinn ta’ l-Inġinerija għall-ITER u l-istabbiliment ta’ l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Enerġija mill-Fużjoni ITER;

FILWAQT LI JIRRIKONOXXU r-rwol ta’ l-Aġenzija Internazzjonali ta’ l-Enerġija Atomika fil-Proġett ta’ l-ITER u l-kollaborazzjoni tal-Partijiet fir-riċerka dwar il-fużjoni u l-oqsma ta’ żvilupp taħt l-Aġenzija Internazzjonali ta’ l-Enerġija ta’ l-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiku;

XEWQANA LI FLIMKIEN jimplimentaw l-Attivitajiet ta’ Approċċ Usa' b'appoġġ tal-Proġett ta’ l-ITER u realizzazzjoni bikrija ta’ l-enerġija mill-fużjoni għal finijiet paċifiċi fuq medda ta’ żmien kompatibbli mal-fażi ta’ kostruzzjoni ta’ l-ITER;

FTIEHMU KIF ĠEJ:

KAPITOLU 1

INTRODUZZJONI

Artikolu 1

Objettiv

L-objettiv ta’ dan il-Ftehim huwa li jistabbilixxi qafas għal proċeduri u dettalji speċifiċi għall-implimentazzjoni konġunta ta’ attivitajiet ta’ approċċ usa' (minn hawn 'il quddiem “l-Attivitajiet ta’ Approċċ Usa”) b'appoġġ tal-Proġett ta’ l-ITER u tar-realizzazzjoni bikrija ta’ l-enerġija mill-fużjoni għal finijiet paċifiċi f'konformità mad-Dokument Konġunt.

Artikolu 2

Deskrizzjoni fil-Qosor ta’ l-Attivitajiet ta’ Approċċ Usa'

1.   L-Attivitajiet ta’ Approċċ Usa' għandhom jikkonsistu fit-tliet proġetti li ġejjin:

(a)

il-proġett dwar l-Attivitajiet tal-Validazzjoni ta’ l-Inġinerija u tad-Disinn ta’ l-Inġinerija għall-Faċilità Internazzjonali għall-Irradjazzjoni ta’ Materjali għall-Fużjoni (minn hawn 'il quddiem “IFMIF/EVEDA”);

(b)

Il-proġett dwar iċ-Ċentru Internazzjonali għar-Riċerka dwar l-Enerġija mill-Fużjoni (minn hawn 'il quddiem “IFERC”); u

(ċ)

il-proġett dwar il-Programm Satellitari Tokamak.

2.   F'konformità mad-Dokument Konġunt u abbażi tad-Dikjarazzjoni Konġunta ta’ Brussell, l-Attivitajiet ta’ Approċċ Usa' għandhom jiġu implimentati fuq medda ta’ żmien kompatibbli mal-fażi ta’ kostruzzjoni ta’ l-ITER.

3.   Il-prinċipji ġenerali li jirregolaw l-Attivitajiet ta’ Approċċ Usa' għandhom ikunu hekk kif stabbiliti f'dan il-Ftehim. Il-prinċipji speċifiċi għal kull proġett ta’ l-Attivitajiet ta’ Approċċ Usa' għandhom ikunu hekk kif stabbiliti fl-Annessi I, II u III, li jiffurmaw parti integrali minn dan il-Ftehim.

KAPITOLU 2

L-ISTRUTTURA AMMINISTRATTIVA TA’ L-ATTIVITAJIET TA’ APPROĊĊ USA'

Artikolu 3

Kumitat ta’ Tmexxija dwar l-Attivitajiet ta’ Approċċ Usa'

1.   B'dan qed jiġi stabbilit kumitat ta’ tmexxija dwar l-Attivitajiet ta’ Approċċ Usa' (minn hawn 'il quddiem “il-Kumitat ta’ Tmexxija”) li, f'konformità ma’ dan il-Ftehim, għandu jkun responsabbli għad-direzzjoni u s-sorveljanza globali ta’ l-implimentazzjoni ta’ l-Attivitajiet ta’ Approċċ Usa'.

2.   Il-Kumitat ta’ Tmexxija għandu jiġi megħjun minn Segretarjat stabbilit skond l-Artikolu 4(1) (minn hawn 'il quddiem “is-Segretarjat”).

3.   Il-Kumitat ta’ Tmexxija għandu jkollu personalità ġuridika u fir-relazzjonijiet tiegħu ma’ stati u organizzazzjonijiet internazzjonali oħra u fit-territorji tal-Partijiet għandu jgawdi tali kapaċità ġuridika li tista' tkun meħtieġa biex jaqdi l-funzjonijiet tiegħu u jilħaq l-għanijiet tiegħu.

4.   Kull Parti għandha taħtar għadd ugwali ta’ membri għall-Kumitat ta’ Tmexxija u tinnomina wieħed mill-membri maħturin tagħha bħala l-kap tad-delegazzjoni tagħha.

5.   Il-Kumitat ta’ Tmexxija għandu jiltaqa' mill-inqas darbtejn fis-sena, b'alternanza fl-Ewropa u fil-Ġappun, jew fi żminijiet u postijiet oħra miftiehma. Il-kap tad-delegazzjoni tal-Parti li tospita l-laqgħa għandu jippresediha. Il-Kumitat ta’ Tmexxija għandu jiltaqa' meta jiġi msejjaħ mill-president tiegħu.

6.   Il-Kumitat ta’ Tmexxija għandu jiddeċiedi b'kunsens.

7.   In-nefqa tal-Kumitat ta’ Tmexxija għandha tkun ir-responsabbiltà tal-Partijiet abbażi ta’ qbil reċiproku.

8.   Il-funzjonijiet tal-Kumitat ta’ Tmexxija għandhom jinkludu:

(a)

ħatra tal-persunal tas-Segretarjat kif previst fl-Artikolu 4(1);

(b)

ħatra ta’ mexxej tal-proġett għal kull proġett ta’ l-Attivitajiet ta’ Approċċ Usa' kif previst fl-Artikolu 6(1) (minn hawn 'il quddiem “Mexxej(ja) tal-Proġett”);

(ċ)

approvazzjoni ta’ pjan tal-proġett, programm ta’ ħidma u rapport annwali għal kull proġett ta’ l-Attivitajiet ta’ Approċċ Usa' kif previst fil-Kapitolu 3 (minn hawn 'il quddiem “Pjan(ijiet) tal-Proġett”, “Programm(i) ta’ Ħidma” u “Rapport(i) Annwali” rispettivament);

(d)

approvazzjoni ta’ l-istruttura tat-tim tal-proġett kif previst fl-Artikolu 6(2) (minn hawn 'il quddiem “Tim(ijiet) tal-Proġett”);

(e)

ħatra fuq bażi annwali ta’ esperti li Parti tqegħidhom disponibbli għat-Timijiet tal-Proġett bħala parti mill-kontribut in natura tagħha kif previst fl-Artikolu 12(1)(a)(ii) (minn hawn 'il quddiem “l-Esperti”);

(f)

f'konformità ma’ l-Artikolu 25, id-deċiżjoni dwar il-parteċipazzjoni ta’ kwalunkwe parti oħra għall-Ftehim dwar l-Istabbiliment ta’ l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Enerġija mill-Fużjoni ITER għall-Implimentazzjoni Konġunta tal-Proġett ta’ l-ITER (minn hawn 'il quddiem “il-Ftehim ta’ l-ITER”) fi proġett ta’ l-Attivitajiet ta’ Approċċ Usa', u l-konklużjoni sussegwenti ta’ ftehim u arranġamenti ma’ dik il-parti dwar tali parteċipazzjoni; u

(g)

kwalunkwe funzjoni oħra li tista' tkun meħtieġa biex tidderieġi u tissorvelja l-Attivitajiet ta’ Approċċ Usa'.

Artikolu 4

Segretarjat

1.   Il-Kumitat ta’ Tmexxija għandu jistabbilixxi s-Segretarjat li għandu jkollu s-sede tiegħu fil-Ġappun. Il-persunal tas-Segretarjat għandu jinħatar mill-Kumitat ta’ Tmexxija.

2.   Is-Segretarjat għandu jgħin lill-Kumitat ta’ Tmexxija. Il-funzjonijiet tas-Segretarjat għandhom jiġu ddeterminati mill-Kumitat ta’ Tmexxija, u għandhom jinkludu:

(a)

ir-riċeviment u t-trasmissjoni tal-komunikazzjonijiet uffiċjali tal-Kumitat ta’ Tmexxija;

(b)

tħejjija tal-laqgħat tal-Kumitat ta’ Tmexxija;

(ċ)

tħejjija ta rapporti amministrattivi u ta’ xorta oħra għall-Kumitat ta’ Tmexxija; u

(d)

twettiq ta’ kwalunkwe attività oħra skond ma jista' jiddeċiedi l-Kumitat ta’ Tmexxija.

Artikolu 5

Kumitat tal-Proġett

1.   Għal kull proġett ta’ l-Attivitajiet ta’ Approċċ Usa', il-Partijiet għandhom jistabbilixxu kumitat tal-proġett (minn hawn 'il quddiem “il-Kumitat tal-Proġett”).

2.   Kull Parti għandha taħtar għadd ugwali ta’ membri għal kull Kumitat tal-Proġett.

3.   Kull Kumitat tal-Proġett għandu jiltaqa' mill-inqas darbtejn fis-sena. Sakemm il-Kumitat tal-Proġett ma jiddeċidix mod ieħor, huwa għandu jiltaqa' fil-Ġappun. Il-president ta’ kull Kumitat tal-Proġett għandu jiġi maħtur mill-Kumitat ta’ Tmexxija minn fost il-membri tal-Kumitat tal-Proġett.

4.   Kull Kumitat tal-Proġett għandu jiddeċiedi b'kunsens.

5.   Is-Segretarjat ta’ kull Kumitat tal-Proġett għandu jkun żgurat mill-Mexxej tal-Proġett rispettiv kif previst fl-Artikolu 6.

6.   Il-funzjonijiet ta’ kull Kumitat tal-Proġett għandhom jinkludu:

(a)

jagħmel rakkomandazzjonijiet dwar l-abbozz tal-Pjanijiet tal-Proġett, il-Programmi ta’ Ħidma u r-Rapporti Annwali rispettivi biex il-Mexxej tal-Proġett ikkonċernat jippreżentahom lill-Kumitat ta’ Tmexxija f'konformità mal-Kapitolu 3;

(b)

jissorvelja l-progress tal-proġett ta’ l-Attivitajiet ta’ Approċċ Usa' kkonċernat, u jirrapporta dwaru; u

(ċ)

iwettaq kwalunkwe dmir ieħor taħt id-direzzjoni tal-Kumitat ta’ Tmexxija.

Artikolu 6

Mexxej tal-Proġett u t-Tim tal-Proġett

1.   Għal kull proġett ta’ l-Attivitajiet ta’ Approċċ Usa', għandu jinħatar Mexxej tal-Proġett mill-Kumitat ta’ Tmexxija. Il-Mexxej tal-Proġett għandu jkun responsabbli għall-koordinament ta’ l-implimentazzjoni tal-proġett kif speċifikat fl-Annessi I, II u III.

2.   Fil-qadi tar-responsabbiltajiet u l-funzjonjiet tiegħu kull Mexxej tal-Proġett għandu jkun megħjun mit-Tim tal-Proġett rispettiv. Il-membri ta’ kull Tim tal-Proġett għandhom jinkludu l-Esperti u membri oħrajn bħal xjenzati viżitanti. L-istruttura ta’ kull Tim tal-Proġett għandha tiġi approvata mill-Kumitat ta’ Tmexxija fuq proposta tal-Mexxej tal-Proġett rispettiv.

3.   Il-funzjonijiet ta’ kull Mexxej tal-Proġett għandhom jinkludu:

(a)

jorganizza, jidderieġi u jissorvelja t-Tim tal-Proġett fl-implimentazzjoni tal-Programm ta’ Ħidma;

(b)

iħejji l-Pjan tal-Proġett, il-Programm ta’ Ħidma u r-Rapport Annwali, u jippreżentahom lill-Kumitat ta’ Tmexxija għall-approvazzjoni wara konsultazzjoni mal-Kumitat tal-Proġett rispettiv;

(ċ)

jitlob lill-aġenzija ta’ l-implimentazzjoni maħtura mill-Gvern tal-Ġappun skond l-Artikolu 7(1) (minn hawn 'il quddiem “l-Aġenzija ta’ l-Implimentazzjoni Ġappuniża”) biex toħroġ il-ħlas ta’ l-infiq b'appoġġ tat-Tim tal-Proġett rispettiv, f'konformità ma’ l-Artikolu 17;

(d)

iżomm kontijiet dwar il-kontribut ta’ kull Parti;

(e)

jiżgura s-Segretarjat tal-Kumitat tal-Proġett; u

(f)

jirrapporta lill-Kumitat tal-Proġett dwar il-progress tal-proġett ta’ l-Attivitajiet ta’ l-Approċċ Usa' rispettiv.

Artikolu 7

Aġenżiji ta’ l-Implimentazzjoni

1.   Kull Parti għandha taħtar aġenzija ta’ l-implimentazzjoni biex taqdi l-obbligi tagħha għall-implimentazzjoni ta’ l-Attivitajiet ta’ Approċċ Usa' (minn hawn 'il quddiem “Aġenzija/i ta’ l-Implimentazzjoni”), partikolarment biex tagħmel disponibbli r-riżorsi għall-implimentazzjoni tagħhom. Jekk l-Aġenziji ta’ l-Implimentazzjoni ma jkunux għadhom inħatru anke wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim, il-Partijiet għandhom minnufih jikkonsultaw bejntiethom dwar kif jistgħu jsolvu l-kwistjoni.

2.   L-Aġenzija ta’ l-Implimentazzjoni Ġappuniża għandha tospita lit-Timijiet tal-Proġett, u għandha tagħmel disponibbli siti tax-xogħol inklużi uffiċċji, prodotti u servizzi meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-kompiti li għandhom jitwettqu mit-Timijiet tal-Proġett skond it-termini u l-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Annessi I, II u III.

3.   Soġġett għall-Artikolu 3(1), l-Aġenzija ta’ l-Implimentazzjoni Ġappuniża għandu jkollha r-responsabbiltà għall-ġestjoni tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji miftiehma għall-ispejjeż operattivi kif ukoll tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji għall-ispejjeż komuni ta’ kull Tim tal-Proġett, allokati għal kull proġett ta’ l-Attivitajiet ta’ Approċċ Usa' f'konformità mal-Pjan tal-Proġett u l-Programm ta’ Ħidma rispettivi. Għall-fini tal-ġestjoni ta’ tali kontribuzzjonijiet finanzjarji, l-Aġenzija ta’ l-Implimentazzjoni Ġappuniża għandha taħtar persuna li tkun responsabbli għall-ġestjoni tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji tal-Partijiet. Il-funzjonijiet tagħha għandhom jinkludu:

a)

issejjaħ biex il-Parti(jiet) jew l-Aġenzija/i ta’ l-Implimentazzjoni jipprovdu kontribuzzjonijiet finanzjarji f'konformità mal-Pjanijiet tal-Proġett u l-Programmi ta’ Ħidma; u

b)

iżżomm kontijiet separati tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji għal kull proġett ta’ l-Attivitajiet ta’ Approċċ Usa', u li tħarishom, flimkien mal-kotba, reġistri jew dokumenti oħra kollha li jirrigwardaw l-kontribuzzjonijiet finanzjarji għal perijodu ta’ mhux anqas minn ħames snin wara l-iskadenza jew it-terminazzjoni ta’ dan il-Ftehim.

4.   L-Aġenzija ta’ l-Implimentazzjoni Ġappuniża għandha tieħu l-passi meħtieġa biex tikseb il-permessi u l-liċenzji kollha previsti fil-liġijiet u r-regolamenti fis-seħħ fil-Ġappun u li jkunu meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ l-Attivitajiet ta’ Approċċ Usa'.

KAPITOLU 3

STRUMENTI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TA’ L-ATTIVITAJIET TA’ APPROĊĊ USA' U L-VERIFIKA FINANZJARJA

Artikolu 8

Pjan tal-Proġett

1.   Kull Mexxej tal-Proġett, wara li jikkonsulta mal-Kumitat tal-Proġett rispettiv, mhux aktar tard mill-31 ta’ Marzu ta’ kull sena għandu jippreżenta Pjan tal-Proġett tal-proġett rispettiv ta’ l-Attivitajiet ta’ Approċċ Usa' għall-approvazzjoni tal-Kumitat ta’ Tmexxija.

2.   Kull Pjan tal-Proġett għandu jkopri t-tul kollu ta’ tali proġett u għandu jiġi aġġornat regolarment. Huwa għandu:

(a)

jagħti deskrizzjoni ġenerali ta’ l-attivitajiet inklużi skeda taż-żmien u l-fażijiet ewlenin għall-implimentazzjoni ta’ tali proġett fid-dawl tal-progress miksub; u

(b)

jipprovdi stampa komprensiva tal-kontributi li diġà jkunu saru u li jkunu għadhom iridu jsiru fil-ġejjieni għall-implimentazzjoni ta’ tali proġett.

Artikolu 9

Programm ta’ Ħidma

Kull Mexxej tal-Proġett, wara li jikkonsulta mal-Kumitat tal-Proġett rispettiv, sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Ottubru ta’ kull sena għandu jippreżenta Programm ta’ Ħidma annwali tal-proġett rispettiv ta’ l-Attivitajiet ta’ Approċċ Usa' għas-sena ta’ wara għall-approvazzjoni tal-Kumitat ta’ Tmexxija. Il-Programmi ta’ Ħidma għandhom jipprovdu d-dettalji tal-Pjanijiet tal-Proġett rispettivi u għandhom jipprovdu deskrizzjoni programmatika ta’ l-attivitajiet li għandhom jitwettqu, inklużi l-objettivi, l-ippjanar, l-ispejjeż komuni u l-kontributi li għandha tipprovdi kull Parti.

Artikolu 10

Rapport Annwali

1.   Sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Marzu ta’ kull sena, kull Mexxej tal-Proġett għandu, għal tali proġett, jippreżenta għall-approvazzjoni tal-Kumitat ta’ Tmexxija, Rapport Annwali li jkopri l-attivitajiet kollha li jkunu saru fl-implimentazzjoni tal-proġett rispettiv ta’ l-Attivitajiet ta’ Approċċ Usa' inkluż sommarju tal-kontributi magħmula minn kull Parti u rendikont tal-ħruġ ta’ flus min-naħa ta’ l-Aġenzija ta’ l-Implimentazzjoni Ġappuniża, skond l-Artikolu 7(3). Ma’ l-approvazzjoni tal-Kumitat ta’ Tmexxija, il-Mexxej tal-Proġett għandu jgħaddi r-Rapport Annwali lill-Partijiet u lill-Aġenziji ta’ l-Implimentazzjoni flimkien ma’ kwalunkwe kumment min-naħa tal-Kumitat ta’ Tmexxija.

2.   L-Aġenzija ta’ l-Implimentazzjoni Ġappuniża għandha tipprovdi lil kull Mexxej tal-Proġett id-data meħtieġa għas-sommarju tal-kontributi magħmula minn kull Parti u rendikont tal-ħruġ ta’ flus min-naħa ta’ l-Aġenzija ta’ l-Implimentazzjoni Ġappuniża għal tali proġett.

3.   Il-Pjanijiet tal-Proġett, il-Programmi ta’ Ħidma u r-Rapporti Annwali kif previst fl-Artikoli 8 sa 10 u kwalunkwe dokument essenzjali ieħor għall-implimentazzjoni ta’ l-Attivitajiet ta’ Approċċ Usa' għandhom ikunu abbozzati bl-Ingliż.

Artikolu 11

Verifika Finanzjarja

Fi kwalunkwe ħin matul dan il-Ftehim u sa ħames snin wara l-iskadenza jew it-terminazzjoni tiegħu, kull Parti tista' tagħti bidu għal verifika finanzjarja tal-kontijiet separati miżmuma mill-Aġenzija ta’ l-Implimentazzjoni Ġappuniża għall-finijiet ta’ l-Attivitajiet ta’ Approċċ Usa', abbażi ta’ dokumenti u verifiki fil-post. Għall-finijiet tal-verifika, kif ikun meħtieġ u xieraq, għandhom ikunu aċċessibbli l-kotba, ir-reġistri u kwalunkwe dokument ieħor miżmum mill-Aġenzija ta’ l-Implimentazzjoni u l-Mexxejja tal-Proġett rigward l-Attivitajiet ta’ Approċċ Usa'.

KAPITOLU 4

RIŻORSI

Artikolu 12

Prinċipji Ġenerali

1.   Ir-riżorsi għall-implimentazzjoni ta’ l-Attivitajiet ta’ Approċċ Usa' għandhom jinkludu:

(a)

kontributi in natura, skond l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi u taħt it-termini u l-kondizzjonjiet kif imsemmija fid-Dikjarazzjoni Konġunta ta’ Brussell u fl-annessi tagħha, li jinkludu:

(i)

komponenti, tagħmir, materjali speċifiċi u prodotti u servizzi oħrajn; u

(ii)

l-Esperti li Parti tkun qegħdet għad-dispożizzjoni tat-Timijiet tal-Proġetti wara l-ħatra tagħhom mill-Kumitat ta’ Tmexxija, u l-persunal li Parti tkun qiegħdet għad-dispożizzjoni tas-Segretarjat wara li jkun inħatar mill-Kumitat ta’ Tmexxija; u

(b)

kontribuzzjonijiet finanzjarji, skond it-termini u l-kondizzjonijiet kif imsemmija fid-Dikjarazzjoni Konġunta ta’ Brussell u fl-annessi tagħha.

2.   Soġġett għal-liġijiet u r-regolamenti ta’ kull Parti, id-dokument “Stimi tal-Valur u l-Allokazzjonijiet tal-Kontributi tal-Partijiet” anness għad-Dikjarazzjoni Konġunta ta’ Brussell jista' jiġi aġġornat kull sena fuq deċiżjoni tal-Kumitat ta’ Tmexxija.

Artikolu 13

Taxxi

1.   Kull Parti għandha tagħti permess għall-importazzjoni fit-territorju tagħha u l-esportazzjoni minnu, bla dazju, ta’ prodotti li huma meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim, u għandha tiżgura l-eżenzjoni tagħhom minn kwalunkwe taxxa oħra jew dazju ieħor miġbura mill-awtoritajiet tad-dwana u minn projbizzjonijiet u restrizzjonijiet ta’ importazzjoni. Dan il-paragrafu għandu jiġi implimentat irrispettivament mill-pajjiż ta’ l-oriġini ta’ tali prodotti meħtieġa.

2.   L-Esperti li Parti tkun qiegħdet għad-dispożizzjoni tat-Timijiet tal-Proġetti wara l-ħatra tagħhom mill-Kumitat ta’ Tmexxija u l-persunal li Parti tkun qiegħdet għad-dispożizzjoni tas-Segretarjat wara li jkun inħatar mill-Kumitat ta’ Tmexxija bħala kontribut in natura skond l-Artikolu 12(1)(a)(ii) għandhom ikunu eżenti mit-taxxi fuq is-salarji, il-pagi u l-ħlasijiet fit-territorju tal-Parti l-oħra.

Artikolu 14

Regolament tal-Kontributi In Natura

1.   Kull kontribut in natura għandu jkun is-suġġett ta’ arranġament ta’ akkwist (minn hawn 'il quddiem “l-Arranġament ta’ Akkwist”) miftiehem bejn l-Aġenziji ta’ l-Implimentazzjoni bil-kunsens tal-Mexxej tal-Proġett ikkonċernat.

2.   L-Arranġament ta’ Akkwist għandu jipprovdi deskrizzjoni teknika dettaljata tal-kontributi li għandhom isiru inklużi l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi, l-iskedi, il-fażijiet fil-proċess, l-evalwazzjonijiet tar-riskju, ir-riżultati konkreti mistennija u l-kriterji għall-aċċettazzjoni tagħhom, u għandu jistipula l-arranġamenti li permezz tagħhom il-Mexxej tal-Proġett ikkonċernat se jkun jista' jeżerċita l-awtorità teknika fuq il-prestazzjoni tal-kontributi in natura. L-Arranġament ta’ Akkwist, b'mod partikolari, għandu jistipula:

(a)

il-valur attribwit lil kull kontribut in natura;

(b)

ir-rwoli u r-responsabbiltajiet ta’ l-Aġenziji ta’ l-Implimentazzjoni u l-Mexxej tal-Proġett;

(ċ)

il-proċedura ta’ akkwist;

(d)

l-iskeda u l-kondizzjonijiet għall-aċċettazzjoni tal-ksib tal-fażijiet u r-riżultati konkreti mistennija;

(e)

l-applikazzjoni ta’ miżuri ta’ l-iżgurar tal-kwalità;

(f)

il-proċeduri ta’ relazzjoni u monitoraġġ fost il-Mexxej tal-Proġett ikkonċernat, l-Aġenziji ta’ l-Implimentazzjoni u l-entitajiet involuti fil-forniment tar-riżultati konkreti mistennija;

(g)

proċeduri biex jittrattaw tibdiliet ta’ akkwist li jista' jkollhom impatt fuq l-ispejjeż, l-iskedar u l-prestazzjoni; u

(ħ)

l-aċċettazzjoni tar-riżultati konkreti aħħarija mistennija u t-trasferiment possibli ta’ l-appartenenza.

3.   L-appartenenza tal-komponenti li jkunu kontributi in natura min-naħa ta’ l-aġenzija ta’ l-implimentazzjoni maħtura mill-Euratom skond l-Artikolu 7(1) (minn hawn 'il quddiem “l-Aġenzija ta’ l-Implimentazzjoni Ewropea”) għandha tiġi ttrasferita lill-Aġenzija ta’ l-Implimentazzjoni Ġappuniża fil-waqt ta’ l-aċċettazzjoni fis-sit tax-xogħol rispettiv min-naħa tal-Mexxej tal-Proġett rispettiv u l-Aġenzija ta’ l-Implimentazzjoni Ġappuniża. L-Aġenzija ta’ l-Implimentazzjoni Ġappuniza għandha tkun responsabbli għat-trasport tal-komponenti kkontribwiti mill-Aġenzija ta’ l-Implimentazzjoni Ewropea mill-port tad-dħul sas-sit tax-xogħol.

4.   Għall-Esperti jew il-persunal tas-Segretarjat, l-Arranġament ta’ Akkwist għandu jieħu l-forma ta’ arranġament ta’ ssekondar. Il-valur attribwit lill-Esperti jew lill-persunal tas-Segretarjat għandu jkun kif imsemmi fid-dokument “Stimi tal-Valur u l-Allokazzjoni tal-Kontributi tal-Partijiet” anness għad-Dikjarazzjoni Konġunta ta’ Brussell, u jista' jiġi aġġornat mill-Kumitat ta’ Tmexxija minn żmien għal żmien kif meħtieġ.

5.   Kull Parti għandha tkun responsabbli għas-salarji, l-assigurazzjonijiet u l-ħlasijiet li għandhom jitħallsu lill-Esperti u lill-persunal tas-Segretarjat imqiegħda disponibbli minn tali Parti, u sakemm ma jiġix miftiehem mod ieħor, għandha tħallas l-ispejjeż ta’ l-ivvjaġġar u ta’ l-għajxien tagħhom. Il-Parti li tospita t-Timijiet tal-Proġetti u/jew is-Segretarjat għandha tagħmel arranġamenti għall-alloġġ adegwat ta’ l-esperti u l-persunal tas-Segretarjat u l-familji tagħhom. Il-Parti li tospita t-Timijiet tal-Proġetti u/jew is-Segretarjat għandha wkoll tieħu l-miżuri xierqa biex tiffaċilita d-dħul fit-territorju tagħha ta’ l-Esperti u tal-persunal tas-Segretarjat u l-familji tagħhom, u għandha titlob lill-Aġenzija ta’ l-Implimentazzjoni tagħha tagħmel ħilitha kollha biex tipprovdi l-faċilitajiet xierqa fir-rigward tas-servizzi legali u ta’ traduzzjoni fl-eventwalità li jittieħdu passi legali kontra l-Esperti u l-persunal tas-Segretarjat b'riżultat mill-qadi ta’ dmirijiethom. L-Esperti u l-persunal tas-Segretarjat għandhom jikkonformaw mar-regoli ġenerali u speċjali tax-xogħol u mar-regolamenti tas-sikurezza fis-seħħ fl-istabbiliment ospitanti, jew kif miftiehem fl-arranġament ta’ ssekondar waqt il-qadi ta’ dmirijiethom fil-Parti l-oħra.

Artikolu 15

Aġġustamenti għall-Allokazzjonijiet

Jekk tkun il-ħtieġa minħabba ċirkostanzi mhux previsti, Parti tista' tipproponi li tkun immodifikata l-allokazzjoni tal-kontributi fi ħdan proġett ta’ l-Attivitajiet ta’ Approċċ Usa'. Fuq tali proposta, il-Mexxej ta’ Proġett ikkonċernat għandu, wara li jikkonsulta l-Kumitat tal-Proġett ikkonċernat, jipproponi lill-Kumitat ta’ Tmexxija allokazzjoni tar-riżorsi riveduta, filwaqt li jżomm l-ispiża totali ta’ tali proġett u l-bilanċ globali tal-kontributi bejn il-Partijiet f'dak il-proġett.

Artikolu 16

Kontribuzzjonijiet Finanzjarji

Il-ħlasijiet kollha li jsiru mill-Aġenzija ta’ l-Implimentazzjoni Ewropea għandhom isiru bl-Euro. Il-ħlasijiet kollha li jsiru mill-Aġenzija ta’ l-Implimentazzjoni Ġappuniża għandhom isiru bil-Yen.

Artikolu 17

Spejjeż Komuni tat-Timijiet tal-Proġett

L-ispejjeż komuni ta’ kull Tim tal-Proġett għandhom jinħarġu mill-Aġenzija ta’ l-Implimentazzjoni Ġappuniża skond l-Artikolu 7(3). Għal dan il-fini, l-Aġenzija ta’ l-Implimentazzjoni Ġappuniża għandha twettaq l-azzjonijiet meħtieġa fuq it-talba tal-Mexxej tal-Proġett ikkonċernat u fi ħdan il-valuri massimi stabbiliti fil-Programm ta’ Ħidma rilevanti.

KAPITOLU 5

INFORMAZZJONI U PROPRJETÀ INTELLETTWALI

Artikolu 18

Tixrid, Użu u Protezzjoni ta’ l-Informazzjoni

1.   Għall-finijiet ta’ dan il-Kapitolu,

(a)

“informazzjoni” tfisser dijagrammi, disinji, komputazzjonijiet, rapporti u dokumenti oħrajn, data ddokumentata jew metodi ta’ riċerka u żvilupp, deskrizzjonijiet ta’ invenzjonijiet u sejbiet, sew jekk ikunu proteġġibbli jew le; u

(b)

“informazzoni kummerċjali kunfidenzjali” tfisser informazzjoni li jkun fiha għarfien, sigrieti kummerċjali, jew informazzjoni teknika, kummerċjali jew finanzjarja, li:

(i)

il-proprjetarju tagħha jkun żammha kunfidenzjali;

(ii)

mhijiex ġeneralment magħrufa jew disponibbli minn sorsi oħrajn;

(iii)

il-proprjetarju tagħha ma jkunx għamilha disponibbli għal partijiet oħrajn mingħajr obbligu rigward il-kunfidenzjalità tagħha; u

(iv)

ma tkunx disponibbli għall-parti li tirċeviha mingħajr obbligi rigward il-kunfidenzjalità tagħha.

2.   Soġġett għad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Kapitolu, il-Partijiet jappoġġaw l-usa' tixrid possibbli ta’ informazzjoni ġġenerata fl-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim.

3.   Soġġett għad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Kapitolu, l-informazzjoni kollha ġġenerata mill-membri tat-Timijiet tal-Proġett fit-twettiq tal-kompiti assenjati lilhom taħt dan il-Ftehim għandha ssir liberament aċċessibbli lil kull waħda mill-Partijiet għall-użu fir-riċerka u l-iżvilupp tal-fużjoni bħala sors ta’ enerġija għal finijiet paċifiċi.

4.   Soġġett għad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Kapitolu, kull Parti għandu jkollha d-dritt għal liċenzja mhux esklussiva, irrevokabbli u mingħajr il-ħlas ta’ drittijiet, fil-pajjiżi kollha, biex tittraduċi, tirriproduċi u tiddistribwixxi pubblikament artikli ta’ rivisti, rapporti u kotba tekniċi xjentifiċi li joħorġu direttament mill-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim. Il-kopji kollha ddistribwiti pubblikament ta’ xogħol kopert mid-dritt ta’ l-awtur imħejji taħt id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Kapitolu għandhom jindikaw l-ismijiet ta’ l-awturi tax-xogħol sakemm awtur ma jkunx għażel espliċitament li ma jissemmiex.

5.   Soġġett għad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Kapitolu, l-informazzjoni kollha ġġenerata mill-persunal ta’ Aġenzija ta’ l-Implimentazzjoni fit-twettiq tal-ħidmiet assenjati lilu taħt dan il-Ftehim għandha ssir liberament disponibbli lit-Timijiet tal-Proġett u lil kull waħda mill-Partijiet għall-użu fir-riċerka u l-iżvilupp tal-fużjoni bħala sors ta’ enerġija għal finijiet paċifiċi.

6.   Kwalunkwe kuntratt mogħti fuq l-inizjattiva ta’ Aġenzija ta’ l-Implimentazzjoni jew ta’ Mexxej ta’ Proġett għat-twettiq tal-kompitu assenjat lilhom taħt dan il-Ftehim għandu jinkludi dispożizzjonijiet li jippermettu lill-Partijiet jaqdu l-obbligi tagħhom taħt dan il-Ftehim.

7.   Soġġett għal-liġijiet u r-regolamenti u għall-obbligi tagħha lejn terzi persuni u għad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Kapitolu, kull Parti għandha tagħmel ħilitha kollha biex tqiegħed liberament għad-dispożizzjoni tat-Timijiet tal-Proġetti u ta’ l-Aġenziji ta’ l-Implimentazzjoni kwalunkwe informazzjoni li tkunilha disponibbli li huma jkunu jeħtiġuha fit-twettiq tal-kompiti assenjati lilhom taħt dan il-Ftehim.

8.   Jekk, fl-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim, issir disponibbli informazzjoni kummerċjali kunfidenzjali, għandha tiġi mmarkata bħala tali u trasmessa skond arranġament ta’ kunfidenzjalità. Min jirċievi tali informazzjoni għandu jużaha għall-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim, u jżomm il-kunfidenzjalità tagħha sal-grad previst f'dak l-arranġament.

Artikolu 19

Proprjetà Intellettwali

1.   Għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim, il-“proprjetà intellettwali” għandu jkollha t-tifsira definita fl-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni li Tistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali, li saret fi Stokkolma, fl-14 ta’ Lulju 1967. Skond il-liġijiet u r-regolamenti tagħha, kull Parti għandha tiżgura li l-Parti l-oħra tista' takkwista d-drittijiet għall-proprjetà intellettwali allokati skond dan il-Kapitolu. Dan il-Kapitolu la jibdel u lanqas jippreġudika l-allokazzjoni tad-drittijiet bejn Parti u ċ-ċittadini tagħha. Jekk id-drittijiet rigward il-proprjetà intellettwali għandhomx jinżammu minn Parti jew inkella miċ-ċittadini tagħha għandu jiġi deċiż bejniethom skond il-liġijiet u r-regolamenti applikabbli tagħhom.

2.   Fejn materjal proteġġibbli jiġi ġġenerat mill-membri tat-Timijiet tal-Proġett fl-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim, il-Mexxej tal-Proġett rispettiv għandu minnufih jinforma lill-Kumitat ta’ Tmexxija b'rakkomandazzjoni dwar il-pajjiżi li fihom għandha tinkiseb il-protezzjoni għal tali proprjetà intellettwali. Madankollu, kull Parti, l-Aġenzija ta’ l-Implimentazzjoni tagħha jew il-membri tat-Timijiet tal-Proġett li dik il-Parti tkun qegħdithom disponibbli, għandhom ikunu intitolati li jiksbu dritt, titolu u interess kollu fi u għall-proprjetà intellettwali fit-territorju ta’ dik il-Parti. Il-Kumitat ta’ Tmexxija għandu jiddeċiedi jekk u kif ifittex il-protezzjoni għal tali proprjetà intellettwali fil-pajjiżi terzi. Fil-każijiet kollha fejn tinkiseb il-protezzjoni għall-proprjetà intellettwali minn Parti, l-Aġenzija ta’ l-Implimentazzjoni tagħha jew il-membri tat-Timijiet tal-Proġett li dik il-Parti tkun għamlithom disponibbli, il-Parti għandha tiżgura li l-membri tat-Timijiet tal-Proġett jistgħu jużaw liberament tali proprjetà intellettwali għat-twettiq tal-kompiti assenjati lit-Timijiet tal-Proġett.

3.   Jekk il-persunal ta’ Aġenzija ta’ l-Implimentazzjoni jiġġenera l-proprjetà intellettwali fit-twettiq ta’ kompitu assenjat lilu taħt dan il-Ftehim, il-Parti ta’ dik l-Aġenzija ta’ l-Implimentazzjoni, l-Aġenzija ta’ l-Implimentazzjoni jew il-persunal tagħha għandu jkun intitolat jakkwista dritt, titolu u interess kollu fil-pajjiżi kollha fi u għal tali proprjetà intellettwali skond il-liġijiet u r-regolamenti applikabbli. Il-Parti ta’ l-Aġenzija ta’ l-Implimentazzjoni għandha tiżgura li l-membri tat-Timijiet tal-Proġett ikunu jistgħu jużaw tali proprjetà intellettwali liberament għat-twettiq tal-kompiti assenjati lit-Timijiet tal-Proġett, u li l-Parti l-oħra tingħata liċenzja mhux esklussiva, irrevokabbli u mingħajr il-ħlas ta’ drittijiet, bid-dritt li toħroġ liċenzja subordinata, għar-riċerka u l-iżvilupp dwar il-fużjoni bħala sors ta’ l-enerġija għal finijiet paċifiċi.

4.   Jekk il-persunal li jkun tqiegħed disponibbli permezz ta’ Aġenzija ta’ l-Implimentazzjoni jiġġenera l-proprjetà intellettwali waqt li jkun qed jaħdem fl-Aġenzija ta’ l-Implimentazzjoni tal-Parti l-oħra, soġġett għal-liġijiet applikabbli rilevanti:

(a)

Il-Parti li tilqa', l-Aġenzija ta’ l-Implimentazzjoni tagħha jew il-persunal tagħha għandhom ikunu intitolati jakkwistaw id-dritt, titolu u interess kollu fi u għal kwalunkwe tali proprjetà intellettwali fit-territorju tiegħu stess u f'pajjiżi terzi; u

(b)

Il-Parti emittenti, l-Aġenzija ta’ l-Implimentazzjoni tagħha jew il-persunal tagħha għandhom ikunu intitolati jakkwistaw id-dritt, titolu u interess kollu fi u għal kwalunkwe tali proprjetà intellettwali fit-territorju tiegħu stess.

5.   Kull Parti, mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe dritt ta’ l-inventuri jew ta’ l-awturi skond il-liġijiet u r-regolamenti applikabbli, għandha tieħu l-passi kollha meħtieġa biex tfittex il-kooperazzjoni mingħand tali inventuri jew awturi, inkluż il-persunal ta’ l-Aġenzija ta’ l-Implimentazzjoni tagħha, li huma meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim. Kull Parti għandha tiżgura l-ħlas ta’ għotjiet u kumpensi lil tali inventuri jew awturi, skond il-liġijiet u r-regolamenti tagħha.

6.   Minkejja l-paragrafi 2 sa 4, jekk Parti tiddeċiedi li ma teżerċitax id-dritt tagħha li tfittex li tikseb il-protezzjoni għall-proprjetà intellettwali fi kwalunkwe pajjiż jew reġjun, għandha tinnotifika lill-Parti l-oħra b'dan, u l-Parti l-oħra tista' mbagħad tfittex li tikseb tali protezzjoni.

Artikolu 20

Skadenza jew Terminazzjoni

Id-drittijiet konferiti u l-obbligi imposti fuq il-Partijiet skond dan il-Kapitolu għandhom jibqgħu wara l-iskadenza jew it-terminazzjoni ta’ dan il-Ftehim, skond il-liġijiet u r-regolamenti applikabbli.

KAPITOLU 6

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 21

Dħul fis-Seħħ

Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ fid-data li fiha l-Partijiet jiskambjaw noti diplomatiċi li fihom jinfurmaw lil xulxin li l-proċeduri interni rispettivi tagħhom meħtieġa għad-dħul fis-seħħ tiegħu jkunu ġew ikkompletati.

Artikolu 22

Tul u Terminazzjoni

1.   Dan il-Ftehim għandu jibqa' fis-seħħ għal perijodu ta’ għaxar snin u għandu jibqa' fis-seħħ wara sakemm ma jiġix itterminat min-naħa ta’ kwalunkwe Parti fi tmiem il-perijodu ta’ għaxar snin jew fi kwalunkwe żmien wara dak il-perijodu, permezz ta’ notifika lill-Parti l-oħra bil-miktub u mill-inqas sitt xhur bil-quddiem bl-intenzjoni tagħha li tittermina dan il-Ftehim.

2.   Dan il-ftehim jista' jiġi tterminat qabel l-iskadenza tiegħu biss meta:

(a)

ikun intlaħaq qbil reċiproku bejn iż-żewġ Partijiet;

(b)

ikun ġie tterminat il-Ftehim ta’ l-ITER; jew

(ċ)

kwalunkwe waħda mill-Partijiet ma tibqax aktar parti fil-Ftehim ta’ l-ITER.

3.   L-iskadenza jew it-terminazzjoni ta’ dan il-Ftehim m'għandhiex taffettwa l-validità jew it-tul ta’ kwalunkwe arranġament li jkun sar taħtu, jew kwalunkwe dritt jew obbligu speċifiku li jkun irriżulta f'konformità mal-Kapitolu 5.

Artikolu 23

Emendar

Fuq talba ta’ kwalunkwe waħda minnhom, il-Partijiet għandhom jikkonsultaw bejniethom dwar jekk jemendawx dan il-Ftehim, u jistgħu jaqblu li jemendawh. Tali emenda għandha tidħol fis-seħħ fid-data meta l-Partijiet jiskambjaw noti diplomatiċi li bihom jinfurmaw lil xulxin li l-proċeduri interni rispettivi tagħhom meħtieġa għad-dħul fis-seħħ tagħha jkunu tlestew.

Artikolu 24

Riżoluzzjoni ta’ Lmenti

Il-kwistjonijiet jew l-ilmenti kollha bejn il-Partijiet li jirrigwardaw l-interpretazzjoni jew l-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim għandhom jiġu solvuti b'konsultazzjoni u negozjati bejniethom.

Artikolu 25

Parteċipazzjoni ta’ Partijiet oħra ta’ l-ITER

Fil-każ li kwalunkwe Parti oħra fil-Ftehim ta’ l-ITER tesprimi l-intenzjoni tagħha li tieħu sehem fi proġett ta’ l-Attivitajiet ta’ Approċċ Usa', il-Mexxej tal-Proġett ikkonċernat, wara li jikkonsulta mal-Kumitat tal-Proġett, għandu jressaq quddiem il-Kumitat ta’ Tmexxija proposta rigward it-termini u l-kondizzjonijiet tal-parteċipazzjoni ta’ dik il-parti f'tali proġett. Il-Kumitat ta’ Tmexxija għandu jiddeċiedi dwar il-parteċipazzjoni ta’ dik il-parti fuq il-proposta tal-Mexxej tal-Proġett, u soġġett għall-approvazzjoni tal-Partijiet skond il-proċeduri interni tagħhom, jista' jikkonkludi ftehim u arranġamenti ma’ dik il-parti dwar tali parteċipazzjoni.

Artikolu 26

Applikazzjoni fir-rigward ta’ l-Euratom

Skond it-Trattat li jistabbilixxi l-Euratom, dan il-Ftehim għandu japplika għat-territorji koperti minn dak it-Trattat. Skond dak it-Trattat u ftehim rilevanti oħrajn, għandu japplika wkoll għall-Konfederazzjoni Svizzera, li tipparteċipa fil-programm tal-fużjoni ta’ l-Euratom bħala Stat terz assoċjat bis-sħiħ.

B'XHIEDA TA’ DAN, is-sottoskritti, dovutement mogħnija bl-awtorizzazzjoni tal-Gvern tal-Ġappun u tal-Komunità Ewropea ta’ l-Enerġija Atomika rispettivament, iffirmaw dan il-Ftehim.

Magħmul f’ Tokjo fil-5 ta’ Frar 2007, f'żewġ kopji, bl-Ingliż u bil-Ġappuniż, u kull verżjoni hija awtentika bl-istess mod.

Għall-Komunità Ewropea ta’ l-Enerġija Atomika

H. RICHARDSON

Għall-Gvern tal-Ġappun

T. ASO

ANNESS I

IFMIF/EVEDA

Artikolu 1

Objettiv

1.   Il-Partijiet, soġġetti għal dan il-Ftehim kif ukoll għal-liġijiet u r-regolamenti tagħhom, għandhom iwettqu l-Attivitajiet tal-Validazzjoni u tad-Disinn ta’ l-Inġinerija (minn hawn 'il quddiem “EVEDA”) biex jipproduċu disinn kompletament integrat ta’ l-inġinerija tal-Faċilità Internazzjonali għall-Irradjazzjoni ta’ Materjali għall-Fużjoni (minn hawn 'il quddiem “IFMIF”) u d-data kollha meħtieġa għal deċiżjonijiet tal-ġejjieni rigward il-bini, l-operat, l-isfruttament u d-dekomissjonar ta’ l-IFMIF, u biex jivvalidaw l-operat kontinwu u stabbli ta’ kull sottosistema ta’ l-IFMIF.

2.   Dawn id-disinji u d-data għandhom imbagħad jitniżżlu f'rapport finali tad-disinn li għandu jiġi adottat mill-Kumitat ta’ Tmexxija fuq proposta tal-Mexxej tal-Proġett wara li dan ikun ikkonsulta mal-Kumitat tal-Proġett, u jitqiegħdu disponibbli għal kull waħda mill-Partijiet għall-użu tagħha jew bħala parti minn programm ta’ kollaborazzjoni internazzjonali jew inkella fil-programm domestiku tagħha.

Artikolu 2

Kamp ta’ Applikazzjoni

1.   Skond l-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 1 ta’ dan l-Anness, għandhom jitwettqu l-kompiti li ġejjin:

(a)

l-istabbiliment tad-disinn ta’ l-inġinerija ta’ l-IFMIF, inklużi:

(i)

deskrizzjoni kompluta ta’ l-IFMIF inklużi t-tliet sottosistemi ewlenin tagħha (l-aċċeleraturi, il-faċilità ta’ mira u dik ta’ l-ittestjar), il-binjiet inklużi fiċ-ċelel ta’ temperatura għolja għall-eżami ta’ wara l-irradjazzjoni, is-sistemi awżiljari u dawk tas-sikurezza;

(ii)

disinji dettaljati tal-komponenti, is-sottosistemi u l-binjiet, b'attenzjoni speċifika għat-transizzjonjiet bejniethom u l-integrazzjoni tagħhom;

(iii)

skeda ta’ pjan għad-diversi fażijiet tal-forniment, il-bini, it-tqegħid flimkien tal-partijiet, l-ittestjar u l-ikkummissjunar, flimkien mal-pjan korrispondenti tal-ħtiġiet ta’ riżorsi umani u finanzjarji; u

(iv)

l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għall-komponenti biex ikunu jistgħu jsiru s-sejħiet għall-offerti għall-forniment ta’ affarijiet meħtieġa għall-bidu tal-kostruzzjoni;

(b)

l-istabbiliment tal-ħtiġiet tas-sit għall-IFMIF, u l-prestazzjoni ta’ l-analiżi meħtieġin dwar is-sikurezza u l-ambjent;

(ċ)

proposta tal-programm u l-estimi ta’ l-ispiża korrispondenti, ir-riżorsi umani u l-iskeda għall-operat, l-isfruttament u d-dekommissjonar ta’ l-IFMIF; u

(d)

il-ħidma ta’ validazzjoni tar-riċerka u l-iżvilupp meħtieġa għat-twettiq ta’ l-attivitajiet deskritti fis-subparagrafi (a) sa (ċ), inklużi:

(i)

id-disinn, il-bini u t-tagħaqid flimkien tal-prototip tal-parti ta’ l-enerġija baxxa u l-ewwel sezzjoni ta’ enerġija għolja ta’ wieħed miż-żewġ aċċeleraturi inklużi l-apparati għall-forniment ta’ l-enerġija bi frekwenza tar-radju, il-ġeneraturi u l-awżiljari tagħhom, u t-twettiq ta’ l-operat ta’ l-ittestjar integrat tar-raġġi tagħha;

(ii)

id-disinn, il-manifattura u l-ittestjar ta’ mudelli skalabbli biex tiġi żgurata l-fattibbiltà ta’ l-inġinerija tal-faċilità ta’ mira u ta’ dik ta’ l-ittestjar; u

(iii)

il-kostruzzjoni tal-binjiet li se jilqgħu fihom il-prototip ta’ l-aċċeleratur u s-sistemi awżiljari tiegħu.

2.   L-implimentazzjoni tal-kompiti li jidhru fil-paragrafu 1 għandhom jiġu speċifikati ulterjorment fil-Pjan tal-Proġett u fil-Programmi ta’ Ħidma.

Artikolu 3

Sit tax-Xogħol

Is-sit tax-xogħol għall-IFMIF/VEDA għandu jkun f'Rokkasho, fil-Prefettura ta’ Aomori.

Artikolu 4

Riżorsi

Il-Partijiet għandhom jagħmlu disponibbli r-riżorsi meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ l-IFMIF/EVEDA, kif imsemmijin fid-Dikjarazzjoni Konġunta ta’ Brussell u fl-Annessi tagħha.

Artikolu 5

Tul ta’ Żmien

It-tul ta’ żmien ta’ l-IFMIF/EVEDA għandu jkun ta’ sitt snin u jista' jittawwal permezz ta’ deċiżjoni tal-Kumitat ta’ Tmexxija.

Artikolu 6

Appartenenza tal-Komponenti ta’ l-Aċċeleraturi

Minkejja l-Artikolu 14(3) ta’ dan il-Ftehim, l-Aġenzija ta’ l-Implimentazzjoni Ewropea għandha żżomm l-appartenenza tal-komponenti tal-prototip ta’ l-aċċeleratur speċifikati f'dan l-Artikolu li hija tikkontribwixxihom bħala kontribut in natura, u għandha terfa' r-responsabbiltà għat-trasportazzjoni lura ta’ dawn il-komponenti wara li jiżżarma l-prototip ta’ l-aċċeleratur:

(a)

l-injettur;

(b)

it-tagħmir għall-forniment ta’ l-enerġija bi frekwenza tar-radju, il-ġeneraturi u l-awżiljari tagħhom; u

(ċ)

is-sistema ta’ kontroll.

ANNESS II

IFERC

Artikolu 1

Objettiv

Soġġetti għal dan il-Ftehim kif ukoll għal-liġijiet u r-regolamenti tagħhom, il-Partijiet għandhom iwettqu attivitajiet ta’ riċerka u żvilupp fl-IFERC bil-għan li jikkontribwixxu għall-Proġett ta’ l-ITER u li jippromwovu realizzazzjoni bikrija ta’ reattur ta’ dimostrazzjoni tal-ġejjieni għall-produzzjoni ta’ l-enerġija (minn hawn 'il quddiem “DEMO”).

Artikolu 2

Kamp ta’ Applikazzjoni

Skond l-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 1 ta’ dan l-Anness, għandhom jitwettqu l-kompiti li ġejjin:

(a)

attivitajiet taċ-Ċentru għall-Koordinament tar-Riċerka dwar id-Disinn u l-Iżvilupp ta’ DEMO bil-għan li tiġi stabbilita bażi komuni għal disinn ta’ DEMO, inklużi:

(i)

li jsiru seminars u laqgħat oħrajn;

(ii)

il-provvista u l-iskambju ta’ informazzjoni xjentifika u teknika;

(iii)

attivitajiet ta’ disinn konċettwali għal DEMO; u

(iv)

attivitajiet ta’ riċerka u żvilupp dwar it-teknoloġiji ta’ DEMO;

(b)

attivitajiet taċ-Ċentru għas-Simulazzjoni Komputazzjonali, inklużi l-provvista u l-isfruttament ta’ superkompjuter għal attivitajiet ta’ simulazzjoni fuq skala kbira għall-analiżi tad-data sperimentali dwar il-plażmi tal-fużjoni, it-tħejjija ta’ xenarji għall-operat ta’ l-ITER, it-tbassir tal-prestazzjoni tal-faċilitajiet ta’ l-ITER u l-kontribut għal disinn ta’ DEMO; u

(ċ)

attivitajiet taċ-Ċentru għall-Isperimentazzjoni Remota ta’ l-ITER biex jiffaċilitaw il-parteċipazzjoni wiesgħa ta’ xjenzati fl-esperimenti ta’ l-ITER, inklużi l-iżvilupp ta’ metodi għall-isperimentazzjoni remota għall-ħruq ta’ plażmi Tokamak, li għandhom jiġu ttestjati fuq magni eżistenti, per eżempju t-Tokamak Superkonduċenti Avvanzat, kif previst fl-Artikolu 1 ta’ l-Anness III.

Artikolu 3

Sit tax-Xogħol

Is-sit tax-xogħol għall-IFERC għandu jkun f'Rokkasho, fil-Prefettura ta’ Aomori.

Artikolu 4

Riżorsi

Il-Partijiet għandhom jagħmlu disponibbli r-riżorsi meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ l-attivitajiet ta’ l-IFERC, kif imsemmi fid-Dikjarazzjoni Konġunta ta’ Brussell u fl-Annessi tagħha.

Artikolu 5

Tul ta’ Żmien

It-tul ta’ żmien ta’ l-attivitajiet ta’ l-IFERC għandu jkun ta’ għaxar snin u jista' jittawwal permezz ta’ deċiżjoni tal-Kumitat ta’ Tmexxija.

Artikolu 6

Dettalji tat-Twassil u t-Trasferiment possibbli ta’ l-Appartenenza ta’ Sistemi ta’ Superkompjuter

Minkejja l-Artikolu 14(3) ta’ dan il-Ftehim, id-dettalji tat-twassil u t-trasferiment possibbli ta’ l-appartenenza ta’ sistemi ta’ superkompjuter għandhom jiġu ddeterminati mill-Kumitat ta’ Tmexxija skond il-Pjan tal-Proġett.

ANNESS III

PROGRAMM TAT-TOKAMAK SATELLITARI

Artikolu 1

Objettiv

1.   Soġġetti għal dan il-ftehim kif ukoll għal-liġijiet u r-regolamenti tagħhom, il-Partijiet għandhom iwettqu l-programm tat-Tokamak satellitari (minn hawn 'il quddiem “il-Programm tat-Tokamak Satellitari”). Dan il-programm jinkludi:

(a)

il-parteċipazzjoni fit-titjib tat-tagħmir sperimentali tat-Tokamak li huwa l-proprjetà ta' l-Aġenzija ta' l-Implimentazzjoni Ġappuniża għal Tokamak superkonduċenti avvanzat (minn hawn 'il quddiem “it-Tokamak Superkonduċenti Avvanzat”); u

(b)

il-parteċipazzjoni fl-isfruttament tiegħu, b'appoġġ ta' l-isfruttament ta' l-ITER u r-riċerka lejn DEMO bl-indirizzar ta' kwistjonijiet ewlenija tal-fiżika għal ITER u DEMO.

2.   Il-kostruzzjoni u l-isfruttament tat-Tokamak Superkonduċenti Avvanzat għandu jitwettaq taħt il-Programm tat-Tokamak Satellitari u l-programm nazzjonali Ġappuniż. L-opportunitajiet ta' l-isfruttament tat-Tokamak Superkonduċenti Avvanzat għandhom jinqasmu ugwalment bejn il-programm nazzjonali u l-Programm tat-Tokamak Satellitari.

Artikolu 2

Kamp ta' Applikazzjoni

1.   Skond l-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 1 ta' dan l-Anness, għandhom jitwettqu l-kompiti li ġejjin:

(a)

Il-fażi tal-kostruzzjoni: id-disinn, il-manifattura tal-komponenti u s-sistemi, u t-tgħaqid flimkien tat-Tokamak Superkonduċenti Avvanzat; u

(b)

Il-fażi ta' l-isfruttament: l-ippjanar u t-twettiq ta' l-esperimenti tal-Programm tat-Tokamak Satellitari.

2.   L-implimentazzjoni tal-kompiti mniżżlin fil-paragrafu 1 għandhom jiġu speċifikati ulterjorment fil-Pjan tal-Proġett u fil-Programmi ta' Ħidma fuq il-bażi li ġejja:

(a)

ir-rapport dwar disinn konċettwali, inklużi l-ispeċifikazzjonijiet funzjonali tal-komponenti li għandhom jiġu fornuti mill-Partijiet għall-implimentazzjoni tal-Programm tat-Tokamak Satellitari, għandha tipprovdih l-Aġenzija ta' l-Implimentazzjoni Ġappuniża, u għandu jiġi eżaminat u aċċettat mill-Partijiet;

(b)

kull Aġenzija ta' l-Implimentazzjoni għandha tiżviluppa disinn dettaljat tal-komponenti li għandha tfornihom bħala l-kontribut in natura tagħha;

(c)

l-Aġenzija ta' l-Implimentazzjoni Ġappuniża għandha tkun responsabbli għall-integrazzjoni tal-komponenti tat-Tokamak Superkonduċenti Avvanzat u għat-tgħaqid flimkien ġenerali u l-operat tat-tagħmir; u

(d)

l-EURATOM għandha tkun intitolata li tieħu sehem fl-isfruttament tat-Tokamak Superkonduċenti Avvanzat, fuq bażi ġusta.

Artikolu 3

Sit tax-Xogħol

Is-sit tax-xogħol għall-Programm tat-Tokamak Anċillari għandu jkun f'Naka, fil-Prefettura ta' Ibaraki.

Artikolu 4

Riżorsi

Il-Partijiet għandhom jagħmlu disponibbli r-riżorsi meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-Programm tat-Tokamak Satellitari, kif imsemmi fid-Dikjarazzjoni Konġunta ta' Brussell u fl-Annessi tagħha.

Artikolu 5

Tul ta’ Żmien

It-tul ta' żmien tal-Programm tat-Tokamak Satellitari għandu jkun ta' għaxar snin inklużi tliet snin għall-kummissjonar u l-operat u jista' jittawwal permezz ta' deċiżjoni tal-Kumitat ta' Tmexxija.


Top