Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32005E0561

Azzjoni konġunta tal-Kunsill 2005/561/PESK tat- 18 ta' Lulju 2005 dwar kontribut ulterjuri ta' l-Unjoni Ewropea għall-proċess tar-riżoluzzjoni tal-kunflitt fil-Ġeorġja/l-Ossetia tan-Nofsinhar

ĠU L 189, 21.7.2005, p. 69–70 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
ĠU L 164M, 16.6.2006, p. 258–259 (MT)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 30/06/2006

ELI: http://data.europa.eu/eli/joint_action/2005/561/oj

16.6.2006   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

258


AZZJONI KONĠUNTA TAL-KUNSILL 2005/561/PESK

tat-18 ta' Lulju 2005

dwar kontribut ulterjuri ta' l-Unjoni Ewropea għall-proċess tar-riżoluzzjoni tal-kunflitt fil-Ġeorġja/l-Ossetia tan-Nofsinhar

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u b’mod partikolari l-Artikolu 14 tiegħu,

Billi:

(1)

Fil-25 ta' Ġunju 2003, il-Kunsill adotta l-Azzjoni Konġunta 2003/473/PESK (1) dwar kontribut mill-Unjoni Ewropea għall-proċess tar-riżoluzzjoni tal-kunflitt fil-Ġeorġja/l-Ossetia tan-Nofsinhar, li skadiet fit-30 ta' Ġunju 2005.

(2)

Il-kontribut ta' l-UE f'dik l-Azzjoni Konġunta għall-Missjoni ta' l-OSCE għall-Ġeorġja kien effettiv billi żgura l-funzjonament tas-Segretarjati permanenti għall-partijiet tal-Ġeorġja u ta' l-Ossetia tan-Nofsinhar, taħt il-patroċinju ta' l-OSCE, u billi ffaċilita laqgħat fi ħdan il-qafas tal-Kummissjoni Konġunta ta' Kontroll (JCC) li hija l-forum prinċipali tal-proċess ta' riżoluzzjoni tal-kunflitt.

(3)

L-OSCE u l-ko-Presidenti tal-JCC appellaw għal għajnuna ta' segwitu mill-UE, u l-UE qablet li toffri għajnuna finanzjarja ulterjuri għall-proċess ta' riżoluzzjoni tal-kunflitt.

(4)

L-UE tqis li l-għajnuna tagħha saħħet l-effettività tar-rwol tagħha, kif ukoll dik ta' l-OSCE, fir-riżoluzzjoni tal-kunflitt u li din għandha tkompli.

(5)

Viżibbiltà adegwata tal-kontribut ta' l-UE għall-proġett għandha tkun żgurata.

(6)

Fit-8 ta’ Diċembru 2003 il-Kunsill adotta l-Azzjoni Konġuna 2003/872/PESK (2) li testendi u temenda l-mandat tar-Rappreżentant Speċjali ta’ l-Unjoni Ewropea għall-Kawkasu tan-Nofsinhar. Skond din l-Azzjoni Konġunta, il-mandat ta' l-EUSR għall-Kawkasu tan-Nofsinhar għandu jkun, inter alia, li jikkontribwixxi għall-prevenzjoni ta' kunflitti, jgħin fir-riżoluzzjoni tal-kunflitti u jintensifika d-djalogu ta' l-Unjoni Ewropea ma' l-atturi prinċipali interessati dwar ir-reġjun,

ADOTTA DIN L-AZZJONI KONĠUNTA:

Artikolu 1

1.   L-Unjoni Ewropea għandha tikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-proċess ta' riżoluzzjoni tal-kunflitt fl-Ossetia tan-Nofsinhar.

2.   Għal dan il-għan, l-Unjoni Ewropea għandha tipprovdi kontribut lill-OSCE għall-finanzjament ta' laqgħat tal-JCC u mekkaniżmi oħra fi ħdan il-qafas tal-JCC, għall-iżgurar ta' l-organizzazzjoni ta' konferenzi taħt il-protezzjoni tal-JCC, għal għamara u kompjuters u tagħmir ieħor għaż-żewġ Segretarjati kif ukoll għall-ħlas ta' ċerti spejjeż ta' amministrazzjoni taż-żewġ Segretarjati għal sena waħda.

Artikolu 2

Il-Presidenza, megħjuna mis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill/Rappreżentant Għoli għall-PESK, għandha tkun responsabbli għall-implimentazzjoni ta' din l-Azzjoni Konġunta, bil-ħsieb tat-twettiq ta' l-objettivi tagħha kif imniżżla fl-Artikolu 1.

Artikolu 3

1.   Il-ħlas ta' għajnuna finanzjarja taħt din l-Azzjoni Konġunta għandu jsir bil-kondizzjoni li jinżammu laqgħat regolari tal-JCC u l-mekkaniżmi l-oħra fil-qafas tal-JCC fi żmien tnax-il xahar mid-data tal-bidu tal-ftehim finanzjarju konkluż bejn il-Kummissjoni u l-Missjoni ta' l-OSCE fil-Ġeorġja. Kemm il-parti tal-Ġeorġja kif ukoll dik ta' l-Ossetia tan-Nofsinhar għandhom jagħmlu sforzi konvinċenti biex jinkiseb progress politiku veru li jwassal għal riżoluzzjoni dejjiema u paċifika tad-differenzi tagħhom.

2.   Il-Kummissjoni għandha tkun fdata bil-kompitu tal-kontroll u l-valutazzjoni ta' l-implimentazzjoni tal-kontribuzzjoni finanzjarja ta' l-UE, b'mod partikolari fir-rigward tal-kondizzjonijiet imniżżla fil-paragrafu 1. Għal dan l-iskop, il-Kummissjoni għandha tikkonkludi ftehim finanzjarju mal-Missjoni ta' l-OSCE għall-Ġeorġja dwar l-użu tal-kontribuzzjoni ta' l-UE, li għandha tieħu l-forma ta' għotja. Il-Kummissjoni għandha tiżgura wkoll l-użu korrett ta' l-għotja għall-għanijiet imniżżla fl-Artikolu 1(2).

3.   Il-Missjoni ta' l-OSCE għall-Ġeorġja għandha tkun responsabbli għar-rimborż ta' l-ispejjeż tal-missjoni, għall-organizzazzjoni ta' konferenzi taħt il-patroċinju tal-JCC, tax-xiri u l-għoti korrett tat-tagħmir. Il-ftehim finanzjarju jipprevedi li l-Missjoni ta' l-OSCE għall-Ġeorġja għandha tiżgura viżibbiltà tal-kontribuzzjoni ta' l-UE għall-proġett u għandha tipprovdi lill-Kummissjoni b'rapporti regolari ta' l-implimentazzjoni tagħha.

4.   Il-Kummissjoni, b'koperazzjoni mill-qrib ma' l-EUSR għall-Kawkasu tan-Nofsinhar, għandha tikkopera mill-qrib mal-Missjoni ta' l-OSCE għall-Ġeorġja sabiex tissorvelja u tevalwa l-impatt tal-kontribuzzjoni ta' l-UE.

5.   Il-Kummissjoni għandha tirrapporta bil-miktub dwar l-implimentazzjoni ta' din l-Azzjoni Konġunta lill-Kunsill, taħt ir-responsabbiltà tal-Presidenza, megħjuna mis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill/Rappreżentant Għoli għall-PESK. Dan ir-rapport ser ikun ibbażat b'mod partikolari fuq rapporti regolari provduti mill-Missjoni ta' l-OSCE għall-Ġeorġja, kif previst mill-paragrafu 3.

Artikolu 4

1.   L-ammont ta' referenza finanzjarja għall-kontribuzzjoni ta' l-UE msemmija fl-Artikolu 1(2) għandu jkun ta' EUR 133 000.

2.   L-amministrazzjoni ta' l-ispiża ffinanzjata mill-ammont stipulat fil-paragrafu 1 għandha tkun soġġetta għall-proċeduri u r-regoli tal-Komunità Ewropea applikabbli għall-budget ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej, bl-eċċezzjoni li kwalunkwe finanzjament minn qabel m'għandux jibqa' l- proprjetà tal-Komunità Ewropea.

3.   L-infiq għandu jkun eliġibbli mill-1 ta' Lulju 2005.

Artikolu 5

1.   Din l-Azzjoni Konġunta għandha tidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 2005.

Għandha tiskadi fit-30 ta’ Ġunju 2006.

2.   Din l-Azzjoni Konġunta għandha tiġi riveduta għaxar xhur wara d-dħul fis-seħħ. Għal dan l-iskop, l-EUSR għall-Kawkasu tan-Nofsinhar, flimkien mal-Kummissjoni, għandu jivvaluta l-ħtieġa għal sostenn ulterjuri għall-proċess ta' riżoluzzjoni fil-Ġeorġja/l-Ossetia tan-Nofsinhar u jagħmel rakkomandazzjonijiet lill-Kunsill, kif xieraq.

Artikolu 6

Din l-Azzjoni Konġunta għandha tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Magħmula fi Brussel, 18 ta' Lulju 2005.

Għall-Kunsill

Il-President

J. STRAW


(1)  ĠU L 157, 26.6.2003, p. 72.

(2)  ĠU L 326, 13.12.2003, p. 44. Azzjoni Konġunta kif emendata l-aħħar mill-Azzjoni Konġunta 2005/330/PESK (ĠU L 106, 27.4.2005, p. 36).


Top