Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32005R0293

    Regolament tal-kunsill (KE) Nru. 293/2005 tas- 17 ta' Frar 2005 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 866/2004 dwar reġim taħt l-Artikolu 2 tal-Prokoll Nru 10 għall-Att ta’ l-Adeżjoni fir-rigward ta’ l-agrikoltura u l-faċilitajiet għal persuni li jkunu qed jaqsmu l-linja

    ĠU L 50, 23.2.2005, p. 1–2 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
    ĠU L 159M, 13.6.2006, p. 149–150 (MT)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (BG, RO, HR)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2005/293/oj

    13.6.2006   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    149


    REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru. 293/2005

    tas-17 ta' Frar 2005

    li jemenda r-Regolament (KE) Nru 866/2004 dwar reġim taħt l-Artikolu 2 tal-Prokoll Nru 10 għall-Att ta’ l-Adeżjoni fir-rigward ta’ l-agrikoltura u l-faċilitajiet għal persuni li jkunu qed jaqsmu l-linja

    IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra l-Protokoll Nru 10 dwar Ċipru għall-Att ta' Adeżjoni ta' l-2003 (1), u b’ mod partikolari l-Artikolu 2 tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-Protokoll Nru 3 dwar iż-Żoni ta’ Bażi Sovranà tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq ġewwa Ċipru (2) ta’ l-imsemmi Att ta’ Adeżjoni, u b’ mod partikolari l-Artikolu 6 tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 866/2004 (3) jistabbilixxi regoli speċjali dwar merkanzija, servizzi u persuni li jaqsmu l-linja bejn iż-żoni li fihom il-Gvern tar-Repubblika ta’ Ċipru ma jeżerċitax kontroll effettiv u dawk iż-żoni li fihom il-Gvern tar-Repubblika ta’ Ċipru jeżerċita kontroll effettiv.

    (2)

    Fid-dawl ta’ l-esperjenza miksuba minn meta dak ir-Regolament daħal fis-seħħ, numru ta’ faċilitajiet għal persuni li jkunu qed jaqsmu l-linja għandhom ikunu irrilassati u l-kummerċ f’ċerta merkanzija agrikola għandu jkun faċilitat.

    (3)

    Ir-Regolament (KE) Nru 866/2004 għandu għalhekk jiġi emendat f'dan is-sens,

    ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Ir-Regolament (KE) Nru 866/2004 hu emendat kif ġej:

    (1)

    L-Artikolu 4 għandu jkun emendat kif ġej:

    (a)

    Il-Paragrafu 2 għandu jinbidel b'dan il-ġej:

    “2.   Il-merkanzija msemmija fil-paragrafu 1 m’għandhiex tkun suġġetta għal dikjarazzjoni tad-dwana. M’għandhiex tkun suġġetta għal dazji doganali jew għal imposti li għandhom effett ekwivalenti, sakemm m’humiex eliġibbli għal rifużjoni fuq l-esportazzjoni jew għal miżuri ta’ intervent.

    B’deroga mill-ewwel subparagrafu, il-Kummissjoni tista’, skond il-proċedura tal-kumitat ta’ ġestjoni rilevanti stabbilita taħt il-politika agrikola komuni, tiddetermina kundizzjonijiet u arranġamenti privileġġati għal aċċess ta’ prodotti eliġibbli għal rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni jew għal miżuri ta' intervent.

    Sabiex ikunu żgurati kontrolli effettivi, il-kwantitajiet li jkunu qed jaqsmu l-linja għandhom ikunu reġistrati.”

    (b)

    Il-Paragrafu 9 għandu jinbidel b'dan li ġej:

    “9.   Il-moviment min-naħa għall-oħra tal-linja ta’ annimali ħajjin u ta’ prodotti ta’ l-annimali li huma soġġetti għall-ħtiġiet veterinarji Komunitarji għandhom ikunu projbiti. Projbizzjonijiet fir-rigward ta’ annimali ħajjin jew prodotti ta’ l-annimali speċifikati jistgħu jitneħħew permezz ta' deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li jistabbilixxu l-kundizzjonijiet applikabbli għall-kummerċ adottati skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 58 tar-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*).

    (*)  ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament (KE) Nru. 1642/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 245, 29.9.2003, p. 4.).”;"

    (2)

    L-Artikolu 6 għandu jinbidel b’dan li ġej:

    “Artikolu 6

    1.   Id-Direttiva tal-Kunsill 69/169/KEE (**) m’għandhiex tapplika, imma merkanzija miżmuma fil-bagalji personali ta’ persuni li jkunu qed jaqsmu l-linja għandhom ikunu eżentati mit-taxxa fuq it-turnover u mis-sisa sakemm m’għandhom l-ebda karattru kummerċjali u sakemm il-valur totali tagħhom ma jaqbiżx EUR 135 għal kull persuna.

    2.   Il-limiti kwantitattivi għall-eżenzjonijiet mit-taxxa fuq it-turnover u s-sisa għandhom ikunu 40 sigarett u litru wieħed ta’ spirti għall-konsum personali.

    3.   Eżenzjonijiet għall-merkanzija msemmija fil-paragrafu 2 m’għandhomx jingħataw lil persuni li jkunu qed jaqsmu l-linja li huma taħt is-17-il sena.

    4.   Fil-limiti kwantitattivi stabbiliti fil-paragarafu 2, il-valur tal-merkanzija elenkata fil-paragrafu 2 m’għandhiex tittieħed in kunsiderazzjoni fid-determinazzjoni ta’ l-eżenzjoni msemmija fil-paragrafu 1.

    5.   Sabiex jiġu indirizzati disturbi serji f’settur speċifiku ta’ l-ekonomija tagħha kkawżat mill-użu estensiv tal-faċilitajiet minn persuni li jkunu qed jaqsmu l-linja r-Repubblika ta’ Ċipru tista’, wara approvazzjoni mill-Kummissjoni, tidderoga mill-Artikolu 6(1) għal perijodu ta’ mhux iżjed minn tliet xhur.

    (**)  ĠU L 133, 4.6.1969, p. 6. Id-Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 2000/47/KE (ĠU L 193, 29.7.2000, p. 73).”"

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussel, nhar is-17 ta' Frar 2005.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    J.-C. JUNCKER


    (1)  ĠU L 236, 23.9.2003, p. 955.

    (2)  ĠU L 236, 23.9.2003, p. 940.

    (3)  ĠU L 161, 30.4.2004, p. 128.


    Top