Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32005E0304

    Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2005/304/PESK tat- 12 ta’ April 2005 dwar il-prevenzjoni, l-immaniġġar u r-riżoluzzjoni ta’ konflitti fl-Afrika u li tħassar il-Pożizzjoni Komuni 2004/85/PESK

    ĠU L 97, 15.4.2005, p. 57–62 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
    ĠU L 159M, 13.6.2006, p. 371–376 (MT)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (BG, RO, HR)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/compos/2005/304/oj

    13.6.2006   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    371


    POŻIZZJONI KOMUNI TAL-KUNSILL 2005/304/PESK

    tat-12 ta’ April 2005

    dwar il-prevenzjoni, l-immaniġġar u r-riżoluzzjoni ta’ konflitti fl-Afrika u li tħassar il-Pożizzjoni Komuni 2004/85/PESK

    IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u b’mod partikolari, l-Artikolu 15 tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Ir-responsabbiltà primarja għall-prevenzjoni, immaniġġar u riżoluzzjoni ta’ konflitti fil-kontinent Afrikan hija ta’ l-Afrikani stess.

    (2)

    Il-liġi internazzjonali tiddefinixxi l-qafas għall-attivitajiet imwettqa fil-kuntest tal-prevenzjoni, immaniġġar u riżoluzzjoni ta’ konflitti fl-Afrika.

    (3)

    Il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti għandu r-responsabbiltà primarja għaż-żamma tal-paċi u tas-sigurtà internazzjonali taħt il-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti.

    (4)

    Fit-tfassil tad-deċiżjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, id-difiża tal-pożizzjonijiet u ta' l-interessi ta’ l-Unjoni Ewropea hija żgurata b’mod sħiħ bl-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 19 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

    (5)

    Fis-26 ta’ Jannar 2004, il-Kunsill adotta l-Pożizzjoni Komuni 2004/85/PESK dwar il-prevenzjoni, immaniġġar u riżoluzzjoni ta’ konflitti fl-Afrika (1).

    (6)

    Fit-22 ta’ Novembru 2004, il-Kunsill approva l-Pjan ta’ Azzjoni għall-appoġġ tal-P E S D għall-Paċi u s-Sigurtà fl-Afrika u l-Konklużjonijiet dwar il-Paċi u s-Sigurtà fl-Afrika, u fit-13 ta’ Diċembru 2004 il-Kunsill approva l-Linji ta' Gwida għall-implimentazzjoni ta’ dak il-Pjan ta’ Azzjoni. F’dan il-kuntest, il-Kunsill saħaq dwar in-natura komplementari ta’ l-azzjonijiet fil-qafas tal-P E S K (anki permezz ta’ l-appoġġ tal-PESD), tal-Fond għall-Paċi fl-Afrika, ta' l-istrumenti Komunitarji u ta' l-azzjonijiet bilaterali ta' l-Istati Membri.

    (7)

    Il-promozzjoni tal-paċi, sigurtà u stabbiltà fil-kontinent hija waħda mill-għanijiet ta’ l-Unjoni Afrikana (UA) u r-riżoluzzjoni paċifika tal-konflitti fost l-Istati Membri hija waħda mill-prinċipji affermati fl-Att Kostituttiv ta’ l-UA. Il-prevenzjoni, l-immaniġġar u r-riżoluzzjoni tal-konflitti kienu s-suġġett ta’ djalogu ma’ l-Organizzazzjoni ta’ l-Unità Afrikana (OUA) u s-suċċessur tagħha, l-UA, u huma inklużi fid-Dikjarazzjoni tal-Kajr u fil-Pjan ta’ Azzjoni. L-UA u l-organizzazzjonijiet subreġjonali Afrikani huma l-partijiet prinċipali fil-prevenzjoni, immaniġġar u riżoluzzjoni ta’ konflitti fl-Afrika.

    (8)

    Il-prevenzjoni effettiva tal-konflitti teħtieġ strateġiji sabiex jinħolqu kondizzjonijiet li jagħmlu possibbli ambjent internazzjonali stabbli u iktar prevedibbli, kif ukoll għajnuna komprensiva u bilanċjata u programmi ta’ assistenza għall-iżvilupp sabiex jittaffew l-pressjonijiet li jikkaġunaw konflitti vjolenti; għandhom jiġu kkunsidrati wkoll l-importanza tal-fatturi ekonomiċi fil-konflitti fl-Afrika, kif ukoll il-potenzjal ta’ miżuri diplomatiċi u ekonomiċi għall-prevenzjoni u r-riżoluzzjoni ta’ konflitti vjolenti.

    (9)

    Hemm rabta bejn il-prevenzjoni tal-konflitti u d-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem, l-istat tad-dritt u l-iggvernar tajjeb, fejn il-koperazzjoni fl-iżvilupp għandha rwol strateġiku fit-tisħiħ tal-kapaċitajiet sabiex jiġu mmaniġġati l-konflitti b’modi paċifiċi.

    (10)

    Ir-rabtiet bejn l-HIV/AIDS u l-konflitti għandhom jiġu ndirizzati fil-linji politiċi kollha li jikkonċernaw il-paċi u s-sigurtà. Fil-fażijiet kollha ta' konflitt, mill-prevenzjoni sar-rikostruzzjoni, l-instabbiltà toħloq il-kondizzjonijiet għal tixrid aċċellerat tal-pandemija. It-tixrid ta’ l-HIV/AIDS fih innifsu għandu konsegwenzi soċjo-ekonomiċi u politiċi serji kemm għal termini ta' żmien qosra kif ukoll twal.

    (11)

    Il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha daħlu fi Ftehim ta’ Sħubija ma’ l-Istati ta’ l-ACP f'Kotonù fit-23 ta’ Ġunju 2000.

    (12)

    Il-Parlament Ewropew adotta fit-30 ta’ Novembru 2000 Riżoluzzjoni dwar il-Parteċipazzjoni tan-Nisa fir-Riżoluzzjoni Paċifika tal-Konflitti; u l-Assemblea Parlamentari Konġunta ta’ l-ACP-UE adottat fil-21 ta’ Marzu 2002 Riżoluzzjoni dwar Kwistjonijiet tas-Sessi.

    (13)

    Fit-8 ta’ Diċembru 2003 l-Kunsill adotta Linji ta' Gwida dwar it-Tfal u l-Konflitti Armati,

    ADOTTA DIN IL-POŻIZZJONI KOMUNI:

    Artikolu 1

    1.   L-UE għandha tikkontribwixxi għall-prevenzjoni, immaniġġar u riżoluzzjoni ta’ konflitti vjolenti fl-Afrika billi ssaħħaħ il-kapaċità u l-mezzi ta’ azzjoni Afrikani f’dan il-qasam, b’mod partikolari permezz ta’ djalogu mtejjeb ma’ l-UA u organizzazzjonijiet u inizjattivi subreġjonali, u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, u permezz ukoll ta' appoġġ għal dawn. Fit-twettiq ta’ dan, l-UE għandha tieħu passi ulterjuri sabiex tippromwovi l-koordinazzjoni bejn il-bosta partijiet li jistgħu jkunu involuti, anki koordinazzjoni iktar stretta tal-miżuri meħuda mill-Komunità u mill-Istati Membri tagħha, partikolarment fil-kwadru tal-Pjan ta’ Azzjoni għall-Appoġġ tal-PESD għall-Paċi u s-Sigurtà fl-Afrika u l-Linji ta' Gwida għall-implimentazzjoni tiegħu.

    2.   B’mod partikolari, l-UE għandha timplimenta l-Pjan ta’ Azzjoni għall-Appoġġ tal-PESD għall-Paċi u s-Sigurtà fl-Afrika, skond il-Linji ta' Gwida approvati mill-Kunsill. Għandha tiġi mtejba il-koordinazzjoni tal-kontributi ta’ l-Istati Membri ta’ l-UE u tal-Komunità u għandhom jiġu esplorati l-possibbiltajiet ta' mekkaniżmu amministrattiv sabiex tiġi faċilitata l-ġabra komuni ta’ kontributi volontarji mill-Istati Membri.

    3.   L-UE, filwaqt li ssaħħaħ il-kapaċità tagħha fl-oqsma ta' l-immaniġġar tal-kriżijiet u l-prevenzjoni tal-konflitti, għandha ttejjeb il-koperazzjoni stretta tagħha man-NU u l-organizzazzjonijiet reġjonali u subreġjonali rilevanti sabiex tikseb l-għan imsemmi hawn fuq. Il-koperazzjoni man-NU dwar l-immaniġġar tal-kriżijiet għandha titmexxa ’l quddiem skond l-implimentazzjoni tad-Dikjarazzjoni Konġunta dwar il-Koperazzjoni NU-UE fl-Immaniġġar tal-Kriżijiet ta’ l-24 ta’ Settembru 2003. L-UE, minkejja l-impenn tagħha dwar it-titolarità tal-pajjiżi Afrikani, għandha tibqa’ ppreparata li tinvolvi ruħha, kull meta jkun meħtieġ, bil-kapaċitajiet tagħha stess fl-immaniġġar ta’ kriżijiet fl-Afrika.

    4.   L-UE għandha tiżviluppa inizjattivi għall-perjodu fit-tul ta’ prevenzjoni ta’ konflitti u ta' konsolidament tal-paċi, filwaqt li tirrikonoxxi li l-progress f’dawn l-oqsma huwa wkoll prekondizzjoni meħtieġa sabiex l-Istati Afrikani jibnu u jsostnu l-kapaċità li jiffaċċjaw effikaċement it-terroriżmu.

    5.   L-UE għandha tiżviluppa approċċ proattiv, komprensiv u integrat, li għandu jservi wkoll bħala qafas komuni għal azzjonijiet ta’ Stati Membri individwali. Bħala parti minn dan, u sabiex tittejjeb il-kapaċità għal azzjoni bikrija, il-Presidenza, bl-għajnuna tas-Segretarju Ġenerali/Rappreżentant Għoli u l-Kummissjoni, għandha tibqa’ tfassal studju annwali sabiex jiġu identifikati u sorveljati konflitti vjolenti potenzjali u li jippreżenta l-għażliet politiċi meħtieġa sabiex jiġu prevenuti l-bidu jew ir-rikorrenza tagħhom.

    Artikolu 2

    Il-politika ta’ l-UE għandha tiffoka fuq il-prevenzjoni tal-bidu u t-tifrix ta’ konflitti vjolenti permezz ta’ azzjoni bikrija, u fuq il-prevenzjoni tar-rikorrenza tal-konflitti vjolenti. F’dan il-kuntest, l-azzjoni ta’ l-UE għandha tkopri:

    il-prevenzjoni tal-konflitti billi tfittex li tindirizza l-kawżi strutturali aktar fundamentali filwaqt li timmira lejn il-kawżi diretti - il-fatturi kawżali - tal-konflitti vjolenti,

    l-immaniġġar ta’ kriżijiet billi tindirizza fażijiet akuti ta’ konflitti u tappoġġa sforzi sabiex tintemm il-vjolenza, bl-użu tal-miżuri kollha possibbli inklużi l-appoġġ politiku u prattiku lil inizjattivi reġjonali u subreġjonali sabiex jinkiseb u jiġi appoġġat ftehim ta’ waqfien mill-ġlied bejn il-partijiet kollha involuti u, fejn ikun opportun, l-insedjament ta' operazzjoni ta’ l-immaniġġar ta’ kriżijiet.

    il-kostruzzjoni tal-paċi billi tfittex li tappoġġa inizjattivi għal-limitazzjoni ta' konflitti vjolenti u li tipprepara għal, u ssostni, soluzzjonijiet paċifiċi għal tali konflitti,

    ir-rikostruzzjoni billi tappoġġa r-rikostruzzjoni ekonomika, politika u soċjali ta’ Stati u soċjetajiet li ġarrbu konflitt sabiex tipprevjeni l-qawmien mill-ġdid tal-vjolenza u tippromwovi paċi sostenibbli.

    Artikolu 3

    Sabiex tikkontribwixxi aħjar għall-immaniġġar tal-konflitti kif ukoll sabiex tirrispondi għal kriżijiet eżistenti, l-UE għandha tieħu kont ta':

    l-iżvilupp ta’ sistemi legali internazzjonali, ta' mekkaniżmi għar-riżoluzzjoni ta’ vertenzi, u ta' arranġamenti koperattivi fil-livell reġjonali, b’mod partikolari, l-istabbiliment tal-Kunsill tal-Paċi u s-Sigurtà ta’ l-UA f'Ġunju 2004.

    il-bini ta’ istituzzjonijiet billi tiżdied l-effikaċja ta’ l-istituzzjonijiet tas-sigurtà u ġudizzjarji nazzjonali Afrikani inklużi dawk li jeżerċitaw attivitajiet kontra t-terroriżmu kif ukoll bl-identifikazzjoni ta’ azzjoni speċifika sabiex tassisti lil pajjiżi Afrikani fl-implimentazzjoni ta’ l-impenji tagħhom taħt l-istrumenti internazzjonali eżistenti fl-oqsma kollha rilevanti, inkluża l-ġlieda kontra t-terroriżmu u t-traffikar illeċitu,

    l-appoġġ għar-ratifika u l-implimentazzjoni sħiħa ta’ l-Istatut ta’ Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali, li jista’ jkollu rwol importanti fit-tiswir ta’ istituzzjonijiet nazzjonali għall-ġlieda kontra l-impunità. Dan jinkludi r-rinfurzar ta’ l-istituzzjonijiet ġudizzjarji li għandhom rwol komplementari importanti f’dan il-kuntest. Għandha tingħata attenzjoni speċjali lil reati konnessi mal-gwerra inklużi fl-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali, bħar-reklutament bil-lieva jew l-arrwolament ta’ tfal, li għandu impatt serju fuq pajjizi milquta minn konflitti.

    Artikolu 4

    1.   L-UE għandha tfittex li żżid l-appoġġ tagħha lill-arranġamenti u l-isforzi reġjonali għall-prevenzjoni tal-konflitti billi tkabbar ir-responsabbiltà korporattiva, issaħħaħ l-istat tad-dritt, tħarreġ fil-prevenzjoni tal-konflitti, tibni kapaċitajiet għal, inter alia, analiżi politika u ekonomika, sistemi ta’ allarm bikri, kapaċitajiet ta’ negozjar/medjazzjoni, ittejjeb mekkaniżmi internazzjonali ta' sanzjonament u infurzar, tiżviluppa mekkaniżmi li jittrattaw fatturi ekonomiċi li jalimenatw il-konflitti, u ssaħħaħ il-konnessjonijiet fost l-organizzazzjonijiet reġjonali kif ukoll bejnhom u l-partijiet mhux Statali lokali, nazzjonali u reġjonali u membri oħra tal-komunità internazzjonali. L-isforzi ta' sostenn għall-organizzazzjonijiet reġjonali u subreġjonali fil-qasam tal-prevenzjoni ta’ konflitti għandhom ikunu kkoordinati b’attenzjoni mill-Komunità u l-Istati Membri tagħha sabiex jiġu żviluppati inizjattivi u sinerġiji konġunti, anki permezz ta’ programmazzjoni konġunta fejn dan ikun opportun.

    2.   L-appoġġ ta’ l-UE għall-UA u l-koperazzjoni tagħha ma’ l-UA fil-qasam tal-prevenzjoni, immaniġġar u riżoluzzjoni tal-konflitti għandu jingħata bil-ħsieb li tiġi żviluppata sħubija għal perjodu fit-tul, b’mod partikolari fil-qafas tas-segwitu tas-Summit tal-Kajr.

    Artikolu 5

    L-UE għandha tfittex li:

    tappoġġa l-integrazzjoni ta’ perspettivi ta’ prevenzjoni tal-konflitti fil-qafas tal-politika Komunitarja dwar l-iżvilupp u l-kummerċ u ta' l-istrateġiji nazzjonali u reġjonali assoċjati magħha,

    tintroduċi, skond il-ħtieġa, fil-koperazzjoni għall-iżvilupp u l-kummerċ, indikaturi ta’ konflitt u strumenti għall-valutazzjoni ta’ l-impatt tal-paċi u tal-konflitti stess sabiex jitnaqqas ir-riskju li l-għajnuna u l-kummerċ jalimentaw il-konflitti, u sabiex jiġi massimizzat l-impatt pożittiv tagħha fuq il-kostruzzjoni tal-paċi,

    tiżgura li benefiċċji tanġibbli jilħqu malajr lill-popolazzjoni kollha kemm hi,

    ittejjeb il-koordinazzjoni bejn l-isforzi tal-Komunità u dawk ta’ l-Istati Membri tagħha f’dan il-qasam,

    ittejjeb il-koperazzjoni fl-iżvilupp u l-kummerċ ma’ partijiet reġjonali, subreġjonali u lokali sabiex tiġi żgurata konsistenza bejn l-inizjattivi u sabiex tappoġġa attivitajiet Afrikani,

    tikkoordina l-isforzi tagħha ma’ l-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali.

    Artikolu 6

    1.   L-UE għandha tappoġġa, għal perjodu fit-tul, it-titjib tal-kapaċitajiet ta’ operazzjonijiet ta’ appoġġ għall-paċi Afrikani, fil-livelli reġjonali, subreġjonali u bilaterali kif ukoll il-kapaċità ta’ l-Istati Afrikani li jikkontribwixxu għall-integrazzjoni reġjonali, għall-paċi, għas-sigurta u għall-iżvilupp. Minkejja tali titjib ta’ kapaċitajiet, l-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom ikomplu jikkonsidraw, fuq bażi ta’ każ b’każ, l-insedjament tal-mezzi operattivi tagħhom għall-prevenzjoni tal-konflitti u l-immaniġġar ta’ kriżijiet fl-Afrika, skond il-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u f’koperazzjoni stretta ma’ attivitajiet tan-NU fir-reġjun. Tali konsiderazzjonijiet għandhom jieħdu kont ta' l-ambitu ta' applikazzjoni tal-kapaċitajiet żviluppati fil-kuntest tal-kapaċitajiet ta’ l-UE ta’ l-immaniġġar ta’ kriżijiet, inkluż l-insedjament ta’ persunal ċivili għal risposti lejn il-kostruzzjoni tal-paċi għal perjodu iktar fit-tul.

    2.   L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jiskambjaw informazzjoni dwar l-azzjonijiet kollha meħuda sabiex jiġu appoġġati l-kapaċitajiet operattivi Afrikani ta’ appoġġ għall-paċi bil-ħsieb li titjieb il-koordinazzjoni u jiġu żviluppati sinerġiji. Din l-informazzjoni għandha tinġabar fil-qosor fl-analiżi annwali ta’ din il-Pożizzjoni Komuni prevista fl-Artikolu 14.

    3.   L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jagħtu iżjed prijorità lil strateġiji u lill-valutazzjoni tar-riskji fil-livelli nazzjonali u reġjonali. L-istrateġiji nazzjonali jistgħu jiġu żviluppati bl-użu ta’ indikaturi standardizzati u bl-għajnuna ta’ gruppi ta’ esperti. Il-valutazzjoni tar-riskji u l-istrateġiji nazzjonali għandhom jibbenefikaw minn użu ikbar ta’ konoxxenza lokali, inkluża l-informazzjoni fornita minn esperti lokali mħarrġa fit-twissija bikrija u fil-valutazzjoni tar-riskji.

    4.   L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom ifittxu li jtejbu l-koordinazzjoni ta’ l-azzjonijiet bilaterali fl-appoġġ ta’ l-UA u ta' l-organizzazzjonijiet subreġjonali Afrikani, b’mod partikolari tal-Komunità Ekonomika ta’ l-Istati ta’ l-Afrika tal-Punent, tal-Komunità għall-Iżvilupp ta’ l-Afrika tan-Nofsinhar u ta' l-Awtorità Intergovernattiva dwar l-Iżvilupp, tal-Komunità Ekonomika ta’ l-Istati ta' l-Afrika Ċentrali u tal-Komunità Ekonomika u Monetarja ta’ l-Afrika Ċentrali, fir-rigward tal-kapaċitajiet operattivi Afrikani ta’ appoġġ għall-paċi.

    5.   L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom sistematikament jistiednu lil xulxin jew lill-Presidenza, skond il-ħtieġa, sabiex jipparteċipaw f’eżerċizzi u seminars li jorganizzaw bil-ħsieb li jirrinfurzaw il-kapaċitajiet Afrikani taż-żamma tal-paċi.

    6.   Għandhom jiġu mfittxija l-koordinazzjoni u l-iskambji ta' attivitajiet ta’ titjib ma’ partijiet terzi interessati, notevolment l-Istati Uniti, il-Kanada, in-Norveġja u l-Ġappun b’mod partikolari fil-qafas tad-djalogu politiku ma’ dawn il-pajjiżi.

    7.   L-UE għandha tagħmel ħilitha sabiex ittejjeb iktar il-koordinazzjoni tagħha man-NU, u b’mod partikolari mad-Dipartiment ta’ l-Operazzjonijiet għaż-Żamma tal-Paċi, fl-attivitajiet kollha li jimmiraw għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet operattivi Afrikani ta’ appoġġ għall-paċi.

    8.   L-UE għandha teżamina kif l-aħjar tikkoordina l-isforzi f’oqsma ta’ taħriġ u eżerċizzi.

    9.   Fuq bażi ad hoc, l-UE għandha tikkunsidra fiż-żmien dovut li tagħti bidu, fejn ikun hemm valur miżjud, għal programmi ta’ titjib tal-kapaċitajiet f’isimha stess, separatament jew flimkien ma’ programmi mibdija minn Stati Membri individwali. Tali azzjoni tista’ tvarja minn missjonijiet ta’ osservaturi fuq skala żgħira minn organizazzjonijiet Afrikani matul eżerċizzi ta’ l-UE taż-żamma tal-paċi sa programmi ta’ taħriġ iktar komprensivi.

    Artikolu 7

    L-Istati Membri għandhom ikomplu jħaddmu politika restrittiva fir-rigward ta’ l-esportazzjonijiet ta’ armi, billi japplikaw bis-sħiħ il-Kodiċi ta’ Kondotta ta' l-UE dwar l-Esportazzjonijiet ta’ Armi. Waqt li jirrikonoxxu li d-disponibbiltà u l-akkumulazzjoni ta’ armi li jeċċedu l-ħtiġijiet leġittimi ta’ sigurtà jistgħu jikkontribwixxi għall-instabbiltà, u li t-trażżin tat-traffikar illeċitu ta' l-armi huwa kontribut importanti għat-tnaqqis tat-tensjoni u għall-proċessi ta’ rikonċiljazzjoni, l-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom:

    jikkoperaw fil-promozzjoni tar-rispett internazzjonali għal embargi fuq l-armi u għal deċiżjonijiet oħra rilevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU u jappoġġaw inizjattivi sabiex jimplimentaw tali miżuri b’mod effettiv,

    ikomplu jappoġġaw u jirrispettaw b’mod attiv inizjattivi li jikkontribwixxu għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffiku illeċitu ta’ l-armi,

    jikkoperaw sabiex jinkoraġġixxu pajjiżi assoċjati jallinjaw ruħhom mal-prinċipji adottati u l-miżuri meħuda mill-UE. L-UE għandha wkoll tikkunsidra li tappoġġa sforzi Afrikani sabiex jitjiebu l-kontrolli fuq il-manifattura, l-importazzjoni u l-esportazzjoni ta’ l-armi, u li tappoġġa l-kontroll jew l-eliminazzjoni ta’ armi żgħar żejda, kif ukoll tappoġġa sforzi Afrikani sabiex jingħelbu problemi konnessi ma’ armi żgħar skond l-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2002/589/PESK tat-12 ta’ Lulju 2002 dwar il-kontribut ta’ l-Unjoni Ewropea għall-ġlieda kontra l-akkumulazzjoni u t-tixrid destabilizzanti ta’ armi żgħar u armamenti ħfief (2),

    ikomplu jappoġġaw il-Programm ta’ Azzjoni tan-NU dwar il-kummerċ illeċitu ta’ l-armi żgħar u armamenti ħfief fl-aspetti kollha tiegħu kif ukoll in-negozjati dwar il-Protokoll Kontra l-Manifattura u t-Traffiku Illeċitu ta’ l-Armi tan-Nar, tal-Partijiet u tal-Komponenti u tal-Munizzjoni tagħhom, li jissupplementa l-Konvenzjoni tan-NU kontra l-Kriminalità Organizzata Transnazzjonali, adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-NU fil-31 ta’ Mejju 2001.

    Artikolu 8

    1.   L-UE għandha:

    tfittex li tindirizza l-fatturi ekonomiċi li jalimentaw il-konflitti,

    tfittex li tippromwovi l-integrazzjoni ulterjuri ta’ l-Afrika fl-ekonomija dinjija, u li tappoġġa l-aċċess indaqs għall-benefiċċji u l-opportunitajiet ta’ din bejn is-soċjetajiet,

    tappoġġa l-koperazzjoni ekonomika u politika, bħal arranġamenti ta’ stabbilizzazzjoni reġjonali, sabiex issaħħaħ ir-relazzjonijiet bejn il-partijiet bħala miżura preventiva u kostruttiva tal-paċi postkonflittwali,

    taħdem sabiex tiżgura li l-miżuri ta’ integrazzjoni kummerċjali reġjonali, fil-kuntest ta' politika li tinkludi mezzi ta' garanzija ta' protezzjoni għall-gruppi vulnerabbli, jappoġġaw il-prevenzjoni u r-riżoluzzjoni tal-konflitti.

    2.   L-UE għandha wkoll:

    tikkopera fil-promozzjoni tar-rispett universali għal embargi konnessi ma’ l-esplojtazzjoni u l-kummerċ illegali ta' beni ta’ valur għoli u għal deċiżjonijiet rilevanti oħra tal-Kunsill tas-Sigurta tan-NU; u tappoġġa inizjattivi li jimplimentaw tali miżuri b’mod effettiv,

    taħdem attivament fit-tiftix ta’ mezzi li jrażżnu l-esplojtazzjoni illegali ta’ riżorsi naturali li tikkontribwixxi għall-bidu, eskalazzjoni u kontinwazzjoni ta’ konflitti vjolenti,

    fejn ikun opportun, tuża miżuri restrittivi, inklużi sanzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji, immirati lejn partijiet li japprofittaw minn konflitti vjolenti u li jħarrxuhom. F’dan il-kuntest, hemm il-ħtieġa ta' riflessjoni ulterjuri dwar ir-rwol (pożittiv jew negattiv) li għandu jkollu s-settur privat fil-qasam tal-prevenzjoni u r-riżoluzzjoni tal-konflitti.

    Artikolu 9

    Matul il-fażijiet differenti taċ-ċiklu tal-konflitt, l-UE għandha:

    tevalwa r-rwol importanti li “l-partijiet mhux statali” jistgħu jkollhom kemm sabiex jalimentaw il-konflitt kif ukoll sabiex jgħinu jirriżolvuh jew ma jħalluhx iseħħ. Fiż-żewġ xenarji, għandu jittieħed kont tar-rwol tagħhom u l-kontribut pożittiv li jistgħu jagħmlu,

    tinkoraġġixxi l-applikazzjoni tar-Riżoluzzjoni 1325 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar in-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà, billi tiżgura li l-perspettiva tas-sessi tispira l-ippjanar, l-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni ta’ l-impatt tal-konflitt, tal-ħtiġijiet tal-partijiet differenti fil-konflitt u tal-livell u n-natura tal-parteċipazzjoni deċiżjonali fil-prevenzjoni, immaniġġar u riżoluzzjoni tal-konflitti, inklużi l-proċessi u n-negozjati għall-paċi,

    tindirizza l-impatt ta’ konflitti armati, għall-perjodu qasir, medju u fit-tul, fuq it-tfal b’mod effettiv u komprensiv, billi tuża l-varjetà ta’ għodda għad-dispożizzjoni tagħha, u tibni fuq attivitajiet imgħoddija u attwali, skond ir-Riżoluzzjonijiet 1460 u 1539 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar it-Tfal u l-Konflitti Armati u l-Linji ta' Gwida ta’ l-UE dwar it-Tfal u l-Konflitti Armati. Hija għandha wkoll tipprova tinfluwenza partijiet minn pajjiżi terzi (gvernijiet kif ukoll partijiet mhux Statali inklużi gruppi armati) sabiex jieħdu miżuri effettivi għall-protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal milquta minn konflitti armati.

    Artikolu 10

    Sabiex tieħu kont tal-ħtieġa li konflitt jibqa' taħt osservazzjoni stretta anke wara li jsir inqas akut, u sabiex tikkontribwixxi għal approċċ iktar koerenti u sistematiku f'sitwazzjonijiet postkonflittwali fl-Afrika, l-UE għandha:

    tiżviluppa u torganizza l-kapaċitajiet tagħha stess sabiex tkun lesta tappoġġa riforma fis-settur tas-sigurtà fi ħdan il-qafas tal-prinċipji demokratiċi, tar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, ta' l-istat tad-dritt, u ta' ggvernar tajjeb, b’mod partikolari f’pajjiżi fi transizzjoni minn konflitt vjolenti għal paċi sostenibbli,

    tkompli u tikkonsolida l-appoġġ tagħha sabiex jiġu ttrattati l-problemi ta’ l-akkumulazzjoni u t-tixrid bla kontroll destabbilizzanti ta’ armi żgħar,

    ittejjeb l-appoġġ tagħha għad-diżarmament u r-reintegrazzjoni sostenibbli ta’ ex-kombattenti demobilizzati b’attenzjoni partikolari għall-ħtiġijiet ibbażati fuq is-sessi u għall-ħtiġijiet tat-tfal reklutati sabiex jieħdu sehem f’attivitajiet militari,

    iżżid l-assistenza tagħha sabiex jitneħħew il-mini ta’ l-art eżistenti, tippromwovi sensibilizzazzjoni dwar il-mini u tinkoraġġixxi u tappoġġa l-iżvilupp ta’ kapaċitajiet Afrikani fit-tneħħija tal-mini,

    tkompli tappoġġa attivitajiet immirati lejn il-faċilitazzjoni tar-reintegrazzjoni f’sitwazzjonijiet postkonflittwali ta’ popolazzjonijiet maqlugħin minn posthom, filwaqt li tieħu kont tal-Prinċipji Gwida rilevanti dwar Spostament Intern, tar-Rappreżentant tas-Segretarju Ġenerali tan-NU,

    tinkoraġġixxi r-rikonċiljazzoni u tappoġġa r-rikostruzzjoni meħtieġa sabiex tippermetti lill-pajjiżi li ħerġin minn konflitt jerġgħu jagħtu bidu għal politika ta’ żvilupp għal perjodu twil,

    skond il-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2003/444/PESK tas-16 ta’ Ġunju 2003 dwar il-Qorti Kriminali Internazzjonali (3), ittenni fid-djalogu politiku tagħha mal-kontropartijiet Afrikani tagħha l-impenn qawwi tagħha li tappoġġa l-Qorti Kriminali Internazzjonali u l-pożizzjoni tagħha dwar il-ftehim bilaterali proposti mill-Istati Uniti kontra l-għoti ta' persuni għall-eżerċizzju ta' ġustizzja internazzjonali.

    Artikolu 11

    L-UE għandha tevalwa l-possibbiltà ta’ koperazzjoni fil-livelli nazzjonali u reġjonali f’dan il-qasam u tissuġġerixxi mezzi, billi tuża firxa ta’ strumenti, sabiex tindirizza l-problema tar-relazzjoni bejn ir-radikalizzazzjoni ta’ gruppi reliġjużi u l-vulnerabbiltà tagħhom għar-reklutament terroristiku, f’perspettiva ta’ prevenzjoni ta’ konflitti u ta' kostruzzjoni tal-paċi. F’dan il-kuntest, l-UE għandha tieħu kont tad-Dikjarazzjoni Konġunta dwar it-Terroriżmu adottata mill-Konferenza Ministerjali UE-Afrika fi Brussel (11 ta’ Ottubru 2001), kif ukoll tad-Dikjarazzjoni Konġunta dwar it-Terroriżmu adottata mill-Konferenza Ministerjali UE-Afrika f’Ouagadougou (28 ta’ Novembru 2002).

    Artikolu 12

    L-UE għandha tiżgura li l-ġlieda kontra l-HIV/AIDS tkun parti integrali minn strateġiji ta’ l-UE li jimpedixxu u jnaqqsu l-konflitti. Għandu jiġi intensifikat id-djalogu ma’ l-UA dwar dan, li għandu jkun ibbażat fuq il-prinċipju tat-titolarità Afrikana. F’dan il-kuntest, l-assistenza għal operazzjonijiet ta’ appoġġ għall-paċi għandha tinkludi elementi ta' sensibilizzazzjoni u ta' taħriġ għall-prevenzjoni tal-HIV/AIDS, konformement mar-Riżoluzzjoni 1308 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, dwar l-HIV/AIDS u l-Operazzjonijiet Internazzjonali taż-Żamma tal-Paċi.

    Artikolu 13

    Il-Kunsill jinnota li l-Kummissjoni għandha l-ħsieb li torjenta l-azzjoni tagħha lejn il-ksib ta’ l-għanijiet u l-prijoritajiet ta’ din il-Pożizzjoni Komuni, fejn ikun opportun b’miżuri Komunitarji pertinenti.

    Artikolu 14

    Abbażi ta’ rapport mill-Presidenza, f’assoċjazzjoni mas-Segretarju Ġenerali/Rappreżentant Għoli u l-Kummissjoni, din il-Pożizzjoni Komuni u l-implimentazzjoni tagħha għandhom jiġu riveduti annwalment u emendati kif meħtieġ.

    Artikolu 15

    Il-Pożizzjoni Komuni 2004/85/PESK hija b’dan imħassra.

    Artikolu 16

    Din il-Pożizzjoni Komuni għandha jkollha effett mill-jum ta’ l-adozzjoni tagħha.

    Artikolu 17

    Din il-Pożizzjoni Komuni għandha tiġi pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

    Magħmula fi Brussel, nhar it-12 ta’ April 2005.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    J.-C. JUNCKER


    (1)  ĠU L 21, 28.1.2004, p. 25.

    (2)  ĠU L 191, 19.7.2002, p. 1.

    (3)  ĠU L 150, 18.6.2003, p. 67.


    Top