Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32004R1245

    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1245/2004 tat- 28 ta' Ġunju 2004 dwar il-konklużjoni tal-Protokoll li jimmodifika r-Raba' Protokoll li jistabbilixxi l-kondizzjonijiet dwar is-sajd kif previst fil-Ftehim dwar is-sajd bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea, min-naħa l-waħda, u l-Gvern tad-Danimarka u l-Gvern Lokali tal-Groenlandja, min-naħa l-oħra

    ĠU L 237, 8.7.2004, p. 1–2 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
    ĠU L 142M, 30.5.2006, p. 105–106 (MT)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2006

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2004/1245/oj

    Related international agreement

    32004R1245



    Official Journal L 237 , 08/07/2004 P. 0001 - 0002


    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1245/2004

    tat- 28 ta' Ġunju 2004

    dwar il-konklużjoni tal-Protokoll li jimmodifika r-Raba' Protokoll li jistabbilixxi l-kondizzjonijiet dwar is-sajd kif previst fil-Ftehim dwar is-sajd bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea, min-naħa l-waħda, u l-Gvern tad-Danimarka u l-Gvern Lokali tal-Groenlandja, min-naħa l-oħra

    IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi il-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 37 flimkien ma' l-Artikolu 300(2) u l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 300(2) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [1],

    Billi:

    (1) Skond l-Artikolu 14 tal-Ftehim dwar is-sajd bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea min-naħa waħda, u l-Gvern tad-Danimarka u l-Gvern Lokali tal-Groenlandja min-naħa l-oħra [2], iż-żewġ partijiet kellhom negozjati bil-għan li jiffissaw l-emendi li għandhom isiru lir-Raba' Protokoll [3] li jistabbilixxi l-kondizzjonijiet dwar is-sajd kif previst f'dak il-Ftehim.

    (2) Bħala riżultat ta' dawn in-negozjati, Protokoll li jimmodifika r-Raba' Protokoll li jistabbilixxi l-kondizzjonijiet relatati mas-sajd previsti fil-Ftehim dwar is-sajd bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea, min-naħa l-waħda, u l-Gvern tad-Danimarka u l-Gvern Lokali tal-Groenlandja, min-naħa l-oħra, ġie inizjalat fit- 18 ta' Ġunju 2003.

    (3) L-emendi magħmula lir-Raba' Protokoll isegwu l-linji ta' gwida stabbiliti fil-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tat- 23 ta' Diċembru 2002 dwar qafas integrat għal ftehim ta' sħubija dwar is-sajd ma' pajjiżi terzi.

    (4) Il-Protokoll jimmodifika l-opportunitajiet ta' sajd għas-sajjieda tal-Komunità fl-ibħra taħt iż-Żona Esklussiva Ekonomika tal-Groenlandja għall-perijodu mill- 1 ta' Jannar 2004 sal- 31 ta' Diċembru 2006.

    (5) Huwa fl-interess tagħha li l-Komunità tapprova l-Protokoll li jimmodifika r-Raba' Protokoll.

    (6) Sabiex jiġi sfruttat mill-aħjar l-użu ta' l-opportunitajiet ta' sajd, hu meħtieġ li l-Kummissjoni tikkonsulta l-Istati Membri konċernati dwar it-trasferiment possibbli ta' l-opportunitajiet ta' sajd mhux użati ta' Stat Membru wieħed, matul kampanja ta' sajd, lil Stat Membru ieħor fuq talba tiegħu. Trasferiment bħal dan, li għandu jkun ta' natura temporanja, m'għandux jippreġudika allokazzjonijiet futuri ta' opportunitajiet ta' sajd fost l-Istati Membri u hu mingħajr preġudizzju għall-kompetenzi mogħtija lill-Istati Membri mill-Artikolu 20(5) tar-Regolament Nru 2371/2002,

    ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Il-Protokoll li jimmodifika r-Raba' Protokoll li jistabbilixxi l-kondizzjonijiet dwar is-sajd kif previst fil-Ftehim dwar is-sajd bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea, min-naħa l-waħda, u l-Gvern tad-Danimarka u l-Gvern Lokali tal-Groenlandja, min-naħa l-oħra, ("il-Protokoll modifikanti"), huwa b'dan approvat f'isem il-Komunità.

    It-test tal-Protokoll modifikanti huwa mehmuż ma' dan ir-Regolament.

    Artikolu 2

    Il-Kummissjoni tista' tidħol f'arranġament amministrattiv ma' l-awtorità kompetenti tal-Groenlandja sabiex perjodikament taddatta r-rati tal-liċenzji, skond l-Artikolu 11 (5) tar-Raba' Protokoll.

    Artikolu 3

    1. Meta jkun hemm utilizzazzjoni inferjuri ta' l-opportunitajiet tas-sajd realizzati fil-kwadru tal-kwota u l-liċenzji allokati lil Stat Membru fl-ibħra taħt iż-Żona Esklużiva Ekonomika tal-Groenlandja, mingħajr preġudizzju għall-kompetenzi attribwiti lill-Istati Membri bl-Artikolu 20(5) tar-Regolament Nru 2371/2002 [4], il-Kummissjoni għandha tikkonsulta l-Istati Membri biex tipprepara għall-aħjar użu ta' l-opportunitajiet tas-sajd u b'mod partikulari t-trasferiment possibbli mill-Istati Membri ikkonċernati fl-opportunitajiet tas-sajd mhux utilizzati lejn l-Istati Membri l-oħra li jagħmlu talba għal dan it-tip ta' trasferiment.

    2. It-trasferiment ta' l-opportunitajiet tas-sajd ta' Stat Membru għal Stat Membru ieħor, kif stabbilit fil-paragrafu 1, m'għandhux jippreġudika l-allokazzjonijiet futuri ta' opportunitajiet ta' sajd bejn l-Istati Membri skond il-prinċipju ta' l-istabbilità relattiva.

    Artikolu 4

    Is-sidien ta' bastimenti Komunitarji li jirċievu liċenzja għal bastiment tal-Komunità awtorizzat li jistad fl-ibħra taż-Żona Esklussiva Ekonomika tal-Groenlandja għandu jħallas miżata għal-liċenzja skond l-Artikolu 11 (5) tar-Raba' Protokoll.

    Ir-regoli għall-implimentazzjoni ta' dan l-Artikolu, inklużi l-formalitajiet ta' l-applikazzjoni għal-liċenzja u tal-ħruġ tagħha, għandhom ikunu suġġetti għall-proċedura prevista fl-Artiklu 30 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002.

    Artikolu 5

    Il-President tal-Kunsill huwa b'dan awtorizzat jinnomina l-persuni li jkollhom is-setgħa li jiffirmaw il-Protokoll modifikanti sabiex jorbot lill-Komunità.

    Artikolu 6

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba' jum wara dak li fih ikun ġie ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fil-Lussemburgu, fit- 28 ta' Ġunju 2004.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    M. Cullen

    [1] Opinjoni li ngħatat fl- 1 ta’ April 2004 (għadha mhiex ippublikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

    [2] ĠU L 29, ta' l-1.2.1985, p. 9.

    [3] ĠU L 209, tat-2.8.2001, p. 2.

    [4] ĠU L 358, tal-31.12.2002, p. 59.

    --------------------------------------------------

    Protokoll

    li jimmodifika r-raba' protokoll li jistabbilixxi l-kondizzjonijiet dwar is-sajd kif previst fil-ftehim dwar is-sajd bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea, min-naħa l-waħda, u l-Gvern tad-Danimarka u l-Gvern lokali tal-Groenlandja, min-naħa l-oħra

    Konsegwentement għal-laqgħa tal-Kumitat Konġunt tas- 16 sat- 18 ta' Ġunju 2003, ir-Raba' Protokoll [1] qiegħed jiġi mmodifikat kif ġej, b'effett mill- 1 ta' Jannar 2004:

    1) L-Artikolu 1 jinbidel bit-test li ġej:

    "Artikolu 1

    1. Dan il-Protokoll għandu japplika għal attivitajiet tas-sajd mill- 1 ta' Jannar 2001 sal- 31 ta' Diċembru 2006.

    2. Il-kwoti msemmija fl-Artikolu 2 tal-Ftehim għandhom jiġu ffissati kull sena fid-dawl ta' l-informazzjoni xjentifika disponibbli. Għandhom jiġu kkalkulati bħala dak li jibqa' mit-total tal-qabdiet permissibbli tal-Groenlandja wara li jitnaqqsu l-kwantitajiet imsemmija fl-ewwel paragrafu ta' l-Artiklu 7 tal-Ftehim u indikati fl-Artikolu 2, iżda ma għandhomx jeċċedu l-kwantitajiet li ġejjin:

    Speċi (tunnellati metriċi) | L-istokk tal-Punent (NAFO 0/1) | L-istokk tal-Lvant (ICES XIV/V) |

    Merluzz | pm [2] | |

    Redfish | 0 [3] | 25500 [4] |

    Ħalibatt tal-Groenlandja | 1500 [5] | 9000 [6] |

    Gambli | 4000 | 5675 |

    Ħalibatt ta' l-Atlantiku | 200 [7] | 1000 [7] |

    Kapelin | | [8] |

    Roundnose grenadier | 1350 | 2000 |

    Snowcrab | 1000 | |

    Bycatches | 2000 [9] | |

    3. Il-kwota tal-gambli fil-Groenlandja tal-Lvant tista' tinqabad f'żoni fil-Punent tal-Groenlandja bil-kondizzjoni li jkunu ġew stabbiliti arranġamenti, fuq bażi ta' kumpannija ma' kumpannija, għal trasferiment ta' kwoti bejn sidien ta' bastimenti mill-Groenlandja u l-Komunità Ewropea. Il-Gvern Lokali tal-Groenlandja għandu jassumi l-impenn li jiffaċilita tali arranġamenti. It-trasferimenti tal-kwoti jistgħu jsiru biss fil-limitu annwali ta' 2000 tunnellati metriċi fiż-żoni tal-Groenlandja tal-Punent. Is-sajd li jsir mill-bastimenti Komunitarji għandu jkun suġġett għall-istess kondizzjonijiet stabbiliti fil-liċenzja li tkun maħruġa lis-sid tal-bastiment Groenlandiż.

    4. Għandhom jiġu magħmula disponibbli awtorizzazzjonijiet għal sajd sperimentali għal perjodu ta' prova ta' massimu sitt xhur kull waħda, skond l-Artikolu 9 u l-Anness V.

    5. Meta l-Partijiet jikkonkludu li l-kampanji sperimentali jkunu kisbu riżultati pożittivi, il-Gvern Lokali tal-Groenlandja għandu jalloka 50 % ta' l-opportunitajiet tas-sajd fir-rigward ta' l-ispeċi ġodda lill-flotta Komunitarja, sat-tmiem ta' dan il-Protokoll. Dan, b'żieda korrispondenti fil-parti tal-kumpens finanzjarju msemmi fl-Artikolu 11(2).";

    2) L-Artikolu 2 jinbidel bit-test li ġej:

    "Artikolu 2

    Il-kwantitajiet imsemmija fl-ewwel paragrafu ta' l-Artiklu 7 tal-Ftehim qed jiġu b'dan iffissati fil-livelli li ġejjin kull sena:

    Speċi (tunnellati metriċi) | L-istokk tal-Punent (NAFO 0/1) | L-istokk tal-Lvant (ICES XIV/V) |

    Merluzz | 50000 [10] | |

    Redfish | 2500 | 5000 |

    Ħalibatt tal-Groenlandja | 4700 | 4000 |

    Gambli | 25000 | 1500 |

    3) Jiġi mħassar l-Artikolu 3;

    4) L-Artikolu 9 jinbidel bit-test li ġej:

    "Artikolu 9

    Il-Partijiet għandhom jippromovu s-sajd sperimentali fir-rigward ta', inter alia, speċji oċeaniċi, ċefalopodi, gandoffli u kapelin (stokk tal-Punent) fl-ibħra tal-Groenlandja. Għal dan il-għan, huma għandhom jagħmlu laqgħat ta' konsultazzjoni meta wieħed mill-Partijiet hekk jitlob u jiddeterminaw, għal kull każ għalih, l-ispeċji pertinenti, il-kondizzjonijiet u parametri oħrajn. Il-Partijiet għandhom jimplimentaw is-sajd sperimentali skond l-Anness V.";

    5) L-Artikolu 11 jinbidel bit-test li ġej:

    "Artikolu 11

    1. Il-kumpens finanzjarju msemmi fl-Artikolu 6 ta' dan il-Ftehim għandu, matul iż-żmien ta' validità ta' dan il-Protokoll, jiġi ffissat għal EUR 42820000 li għandu jitħallas annwalment fil-bidu ta' kull sena ta' sajd.

    2. Il-parti tal-kumpens finanzjarju li tirrappreżenta EUR 31760679 qed tiġi kkunsidrata bħala l-ammont ta' kumpens li jirrappreżenta l-possibbiltajiet ta' sajd. L-ammont għandu jiġi aġġustat fil-kors ta' kull sena ta' sajd fejn jiġu allokati lill-Komunità xi kwoti supplimentari aktar mill-kwantitajiet ta' kwota indikati fit-tabella fl-Artikolu 1. L-aġġustament għandu jiġi kkalkulat abbażi tal-prezzijiet fis-suq ta' l-ispeċi differenti li għalihom ikunu allokati l-kwoti supplimentari.

    3. Il-Groenlandja għandha tpoġġi għad-disposizzjoni tal-Komunità il-kwantità ta' 20000 tunnellata metrika ta' ekwivalenti ta' merluzz, li l-Komunità tista' tuża sabiex takkwista possibbiltajiet ta' qabdiet supplimentari. Il-kumpens aġġustat imsemmi fil-paragrafu 2 jista' jikkonsisti f'dawn l-ekwivalenti ta' merluzz sa 50 % tagħhom.

    4. Il-proċedura li għandha tiġi segwita fir-rigward l-allokazzjoni ta' possibbiltajiet ta' qabdiet supplimentari taħt l-Artikolu 8 tal-Ftehim hija stabbilita fl-Anness III.

    5. Il-kontribut finanzjarju derivanti mill-ħlas dirett ta' liċenzji mis-sidien tal-bastimenti għandu jiġi mnaqqas mill-kumpens globali Komunitarju kif stabbilit fl-Artikolu 11(1). Il-miżati tal-liċenzji skond l-ispeċi u skond it-tunnellaġġ allokati lill-bastimenti għandhom jiġu stabbiliti skond l-Anness VI. Il-modalitajiet tekniċi implimentattivi għall-attribuzzjoni tal-liċenzji tas-sajd għandhom jiġu miftehma permezz ta' arranġament amministrattiv bejn il-Partijiet.

    6. Il-Groenlandja għandha timplimenta appoġġ finanzjarju lis-settur tas-sajd għat-tliet snin li baqa' tal-Protokoll skond l-impenji ta' politika assunti fl-ittra tat- 12 ta' Ġunju 2003 mill-Prim Ministru tal-Groenlandja lill-President Prodi. L-orjentazzjonijiet fuq l-istrateġija u l-għanijiet tar-riforma tal-politika tas-sajd tal-Groenlandja, kif iddefinita u programmata indipendentement u awtonomament mill-Gvern Lokali tal-Groenlandja, kif ukoll id-dettalji tekniċi dwar id-definizzjoni, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ ta' l-appoġġ finanzjarju lis-settur tas-sajd fil-Groenlandja għandhom jiġu ddeterminati f'arranġament amministrattiv bejn il-Groenlandja u l-Komunità Ewropea. Il-Groenlandja għandha tagħti EUR 500000 sabiex iżżid il-budget ta' l-Istitut tar-Riżorsi Naturali tal-Groenlandja.";

    6) L-Artikolu 14 jinbidel bit-test li ġej:

    "Artikolu 14

    Mhux aktar tard mit- 30 ta' Ġunju 2005, il-Partijiet għandhom jagħmlu stima ta' l-implimentazzjoni ta' dan il-Protokoll bil-għan li jiġu ppreparati n-negozjati għall-Ftehim li jmiss.";

    7) L-Anness I jiġi mħassar;

    8) Jiġi miżjud l-Anness V, kif ġej:

    "

    "ANNESS V

    Dettalji ta' implimentazzjoni għal sajd sperimentali

    Il-Gvern Lokali tal-Groenlandja u l-Kummissjoni għandhom jiddeċiedu konġuntement dwar l-operaturi tal-Komunità Ewropea, dwar l-aħjar żmien kif ukoll dwar l-arranġamenti għall-implimentazzjoni ta' sajd sperimentali. Sabiex jiffaċilita x-xogħol esploratorju tal-bastimenti, il-Gvern Lokali tal-Groenlandja (permezz ta' l-Istitut tar-Riżorsi Naturali tal-Groenlandja) għandu jipprovdi informazzjoni xjentifika u informazzjoni essenzjali oħra li hemm eżistenti.

    L-industrija tas-sajd tal-Groenlandja għandha tkun assoċjata strettament (b'koordinazzjoni u djalogu dwar l-arranġamenti għas-sajd sperimentali).

    It-tul tal-kampanji: massimu ta' sitt xhur u minimu ta' tliet xhur, sakemm ma ssirx bidla f'dan bi ftehim bejn il-partijiet.

    L-għażla tal-kandidati għall-implimentazzjoni tal-kampanji sperimentali:

    Il-Kummissjoni Ewropea għandha tikkomunika lill-awtoritajiet tal-Groenlandja it-talbiet għal liċenzji tas-sajd sperimentali. Dossier tekniku li jispeċifika:

    - il-karatteristiċi tekniċi tal-bastiment,

    - il-livell ta' kompetenza dwar is-sajd ta' l-uffiċjali tal-bastiment,

    - il-proposta għall-parametri tekniċi għall-kampanja (tul, tagħmir, reġjuni ta' esplorazzjoni, eċċ.)

    Il-Gvern Lokali tal-Groenlandja għandu jorganizza, jekk jikkunsidra li hemm il-bżonn, djalogu tekniku bejn l-amministrazzjonijiet tal-Gvern tal-Groenlandja u l-Kummissjoni Ewropea mas-sidien tal-bastimenti kkonċernati.

    Qabel il-bidu tal-kampanja, is-sidien tal-bastimenti għandhom jippreżentaw lill-awtoritajiet tal-Groenlandja u lill-Kummissjoni Ewropea:

    - dikjarazzjoni dwar il-qabdiet li jkunu diġà abbord,

    - il-karatteristiċi tekniċi tat-tagħmir tas-sajd li jkun ser jintuża fil-kampanja,

    - assigurazzjoni li huma jikkonformaw mar-Regolamenti tas-sajd tal-Groenlandja;

    Matul il-kampanja fuq il-baħar, is-sidien tal-bastimenti kkonċernati għandhom:

    - jipprovdu lill-Istitut tar-Riżorsi Naturali tal-Groenlandja, lill-awtoritajiet tal-Groenlandja u lill-Kummissjoni Ewropea b'rapport kull ġimgħa dwar il-qabdiet bil-ġurnata u bil-qabda, inkluża deskrizzjoni tal-parametri tekniċi tal-kampanja (posizzjoni, fond, data u ħin, qabdiet u osservazzjonijiet jew kummenti oħrajn),

    - jikkomunikaw il-posizzjoni, il-veloċità u d-direzzjoni tal-bastiment permezz tal-VMS,

    - jiżguraw il-preżenza abbord ta' osservatur xjentifiku Groenlandiż jew osservatur magħżul mill-awtoritajiet tal-Groenlandja. Il-funzjoni ta' l-osservatur tkun li jiġbor informazzjoni xjentifika mill-qabdiet, kif ukoll li jieħu kampjuni mill-qabdiet. L-osservatur għandhu jiġi trattat bħala uffiċjal tal-bastiment u s-sid tal-bastiment għandu jagħmel tajjeb għall-ispejjeż ta' l-għajxien ta' l-osservatur matul iż-żmien li fih dan ikun fuq il-bastiment. Id-deċiżjoni dwar iż-żmien ta' l-osservatur abbord, it-tul taż-żjara tiegħu, il-portijiet ta' l-imbark u l-iżbark għandha tittieħed flimkien ma' l-awtoritajiet tal-Groenlandja. Sakemm ma jkunx hemm ftehim kuntrarju bejn il-partijiet, il-bastiment ma għandu qatt jiġi obbligat jidħol f'port aktar minn darba kull xahrejn,

    - jippreżentaw il-bastiment għal spezzjoni mat-tluq tiegħu mill-ibħra tal-Goenlandja jekk dan jiġi mitlub mill-awtoritajiet tal-Groenlandja,

    - jiżguraw li huma jikkonformaw mar-Regolamenti tas-sajd tal-Groenlandja;

    Il-qabdiet inklużi l-bycatches magħmula matul il-kampanja xjentifika għandhom jibqgħu l-proprjetà tas-sid tal-bastiment.

    L-awtoritajiet tal-Groenlandja għandhom jinnominaw persuna ta' kuntatt responsabbli li tindirizza kwalunkwe problema imprevista li tista' tostakola l-iżvilupp tas-sajd sperimentali.";

    "

    9) Jiġi miżjud l-Anness VI, kif ġej:

    "

    "ANNESS VI

    Miżati tal-liċenzji

    Għandhom japplikaw [11] ir-rati li ġejjin:

    Speċi | EUR. kull tunnellata metrika |

    Redfish | 52 |

    Ħalibatt tal-Groenlandja | 85 |

    Gambli | 74 |

    Ħalibatt ta' l-Atlantiku | 199 |

    Kapelin | 7 |

    Roundnose Grenadier | 10 |

    Snowcrab | 122 |

    "

    [1] ĠU L 209, tat-2.8.2001, p. 2.

    [2] Fil-każ li jirkupra l-istokk, il-Komunità tista’ taqbad sa 31,000 tunnellati metriċi, b’żieda korrispondenti fil-parti tal-kumpens finanzjarju msemmi fl-Artikolu 11(2). Is-sajd jista’ jsir fil-Lvant jew fil-Punent.

    [3] Il-Komunità tista’ titlob għal żieda fil-kwota, sa l-aħħar ta’ Novembru għas-sena segwenti, sa massimu ta’ 5,500 tunnellati metriċi, b’żieda korrispondenti fil-parti tal-kumpens finanzjarju msemmi fl-Artikolu 11(2).

    [4] Is-sajd jista’ jsir fil-Lvant jew fil-Punent, u s-sajd għal massimu ta’ 20,000 tunnellati metriċi minn dan l-ammont jista’ jsir permezz ta’ trawling pelaġiku. Il-qabdiet minn sajd permezz ta’ bottom trawl u dawk minn sajd permezz ta’ pelagic trawl għandhom jiġu rrappurtati separatament. Il-Komunità tista’ titlob żieda fil-kwota, sa l-aħħar ta’ Novembru għas-sena segwenti, sa massimu ta’ 47,320 tunnellati metriċi, b’żieda korrispondenti fil-parti tal-kumpens finanzjarju msemmi fl-Artikolu 11(2).

    [5] 500 tunnellati metriċi jistgħu jinqabdu fit-Tramuntana jew fin-Nofsinhar bi ftehim ma’ l-awtoritajiet tal-Groenlandja.

    [6] Din il-figura tista’ tiġi riveduta fid-dawl tal-ftehim għall-allokazzjoni ta’ possibbiltajiet ta’ qabdiet bejn il-pajjiżi tal-kosta. L-attivitajiet tas-sajd għandhom jiġu kkontrollati permezz ta’ limitazzjoni fuq in-numru ta’ bastimenti tas-sajd li jkunu qegħdin jistadu fl-istess waqt.

    [7] Jekk il-bycatches mill-bastimenti Komunitarji ta’ ħalibatt Atlantiku f’sajd tat-trawling għall-merluzz u r-redfish ifissru li jinqabżu l-kwoti Komunitarji tal-ħalibatt Atlantiku, l-awtoritajiet tal-Groenlandja għandhom jipprovdu soluzzjonijiet li minkejja dan iħallu s-sajd Komunitarju għall-merluzz u r-redfish ikompli sa l-eżawriment tal-kwoti tal-merluzz u tar-redfish.

    [8] 7.7% tat-total tal-qabdiet permissibbli (Total allowable catches, TAC) tal-kapelin għall-istaġun.

    [9] Tirreferi għall-bycatch ikkombinata ta’ merluzz, catfish, skate, molva (ling) u tusk. Il-kwantitajiet ta’ bycatch tal-merluzz ma għandhomx jeċċedu 100 tunnellati metriċi. Is-sajd jista’ jsir fil-Lvant jew fil-Punent.

    [10] Is-sajd jista' jsir fil-Lvant jew fil-Punent";

    [11] Ir-rati jistgħu jiġu adattati perjodikament b'arranġament amministrattiv bejn il-Partijiet, b'kont meħud tas-suq u tas-sitwazzjoni tas-sajd.".

    --------------------------------------------------

    Top