Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32004R0991

    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 991/2004 tas- 17 ta' Mejju 2004 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1100/2000 li jimponi dazji anti-dumping definittivi fuq importazzjonijiet ta' silicon carbide li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, mill-Federazzjoni Russa u mill-Ukrajna u li jestendi l-impenn aċċettat permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 94/202/KE

    ĠU L 182, 19.5.2004, p. 18–22 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
    ĠU L 142M, 30.5.2006, p. 19–23 (MT)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (BG, RO, HR)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 20/05/2009

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2004/991/oj

    30.5.2006   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    19


    IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 991/2004

    tas-17 ta' Mejju 2004

    li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1100/2000 li jimponi dazji anti-dumping definittivi fuq importazzjonijiet ta' silicon carbide li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, mill-Federazzjoni Russa u mill-Ukrajna u li jestendi l-impenn aċċettat permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 94/202/KE

    IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

    Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 tat-22 ta' Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (1), (“ir-Regolament bażi”), u partikolarment l-Artikoli 8, 11(3), 21 u 22 (ċ) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta preżentata mill-Kummissjoni wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv,

    Billi:

    A.   PROĊEDURA

    1.   Miżuri fis-seħħ

    (1)

    Permezz tar-Regolament (KE) Nru 821/94 (2), konsegwentement għal reviżjoni ta' l-iskadenza, il-Kunsill impona dazji anti-dumping definittivi fuq importazzjonijiet ta' silicon carbide, li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, mill-Federazzjoni Russa u mill-Ukrajna. Fl-istess żmien, il-Kummissjoni aċċettat permezz tad-Deċiżjoni tagħha 94/202/KE (3) impenn offrut mill-Gvern tar-Russja, konġuntement ma' V/O Stankoimport, Moska, ir-Russja. Permezz tar-Regolament (KE) Nru 1100/2000 (4), konsegwentement għar-reviżjoni ta' l-iskadenza, il-Kunsill impona dazji anti-dumping definittivi fuq importazzjonijiet fil-Komunità ta' silicon carbide (“il-prodott ikkonċernat”) li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (RPĊ), mill-Federazzjoni Russa (ir-Russja) u mill-Ukrajna (l-Ukrajna) u l-Kummissjoni estendiet l-impenn aċċettat permezz tad-Deċiżjoni 94/202/KE għal kumpannija Russa “V/O Stankoimport”.

    (2)

    Ir-rata tad-dazju applikabbli għall-prezz nett, liberu-fil-fruntiera-Komunitarja, qabel id-dazju, huwa ffissat għal 23,3 % għal importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat li joriġinaw mir-Russja.

    (3)

    Ir-rata tad-dazju applikabbli għall-prezz nett, liberu-fil-fruntiera-Komunitarja, qabel id-dazju, huwa ffissat għal 24 % għal importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat li joriġinaw mill-Ukrajna.

    2.   Investigation

    (4)

    Fl-20 ta' Marzu 2004 il-Kummissjoni ħabbret permezz tal-pubblikazzjoni ta' avviż fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea  (5) l-bidu ta' reviżjoni interim parzjali tal-miżuri fis-seħħ (“il-miżuri”) skond l-Artikoli 11(3) u 22(ċ) tar-Regolament bażi.

    (5)

    Ir-reviżjoni ġiet mibdija fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni sabiex jiġi eżaminat jekk, bħala konsegwenza tat-tkabbir ta' l-Unjoni Ewropea fl-1 ta' Mejju 2004 (“it-tkabbir”) u, b'kunsiderazzjoni ta' l-aspett ta' l-interess Komunitarju, hemmx il-bżonn li jiġu adattati l-miżuri sabiex jiġi evitat effett għal għarrieda u eċċessivament negattiv fuq il-partijiet kollha nteressati inklużi utenti, distributuri u konsumaturi.

    3.   Il-partijiet milquta mill-investigazzjoni

    (6)

    Il-partijiet kollha nteressati magħrufa lill-Kummissjoni, inkluża l-industrija Komunitarja, assoċjazzjonijiet ta' produtturi jew utenti fil-Komunità, produtturi esportaturi fil-pajjiż ikkonċernat, importaturi u l-assoċjazzjonijiet tagħhom u l-awtoritajiet pertinenti tal-pajjiżi kkonċernati kif ukoll partijiet interessati fl-għaxar Stati Membri ġodda li ngħaqdu ma' l-Unjoni Ewropea fl-1 ta' Mejju 2004 (“l-UE10”) kienu avżati bil-bidu ta' l-investigazzjoni u kienu mogħtija l-opportunità li jagħmlu magħrufa l-fehmiet tagħhom bil-miktub, li jippreżentaw informazzjoni u li jipprovdu prova ta' sostenn fil-limitu taż-żmien indikat fl-avviż tal-bidu. Il-partijiet interessati kollha li għamlu tali talba u li urew li kien hemm raġunijiet għala huma kellhom jingħataw widen ġew mogħtija udjenza.

    (7)

    F'dan ir-rigward, il-partijiet interessati li ġejjin taw il-fehmiet tagħhom:

    (a)

    Assoċjazzjoni ta' produtturi Komunitarji:

    European Chemical Industry Council (CEFIC)

    (b)

    Produttur esportatur:

    Zaporozhsky Abrasivny Combinat, Zaporozhye, l-Ukrajna

    (ċ)

    Esportatu:

    V/O Stankoimport, ir-Russja

    (d)

    Produttur:

    JSC Volzhsky Abrasive Works, ir-Russja

    B.   IL-PRODOTT IKKUNSIDRAT

    (8)

    Il-prodott in eżami huwa l-istess bħal fl-investigazzjoni oriġinali, li jaqa' taħt il-kodiċi NM 2849 20 00.

    (9)

    Il-proċess ta' produzzjoni tas-silicon carbide huwa tali li l-prodott miksub awtomatikament jikkomprendi varjetà ta' kwalitajiet ta' silicon carbide li jistgħu jiġu klassifikati f'żewġ gradi prinċipali: kristallin u metallurġiku. Il-grad kristallin, li huwa klassifikat aktar taħt it-tipi iswed u aħdar, huwa normalment użat fil-manifattura ta' għodda abrażivi, roti tal-mola, prodotti refrattarji ta' kwalità għolja, ċeramika, materjali tal-plastik etc., waqt li l-grad metallurġiku huwa normalment użat f'xogħol ta' funderija u ta' kalkara ta' funderija bħala silicon carrier. Bħal fl-investigazzjonijiet preċedenti, iż-żewġ gradi għandhom ikunu kkunsidrati bħala prodott wieħed għall-iskop ta' din l-investigazzjoni.

    Ċ.   RIŻULTATI TA' L-INVESTIGAZZJONI

    I.   DWAR SILICON CARBIDE LI JORIĠINA MIR-RUSSJA

    1.   Talbiet magħmula mill-partijiet interessati

    (10)

    L-esportatur Russu soġġett għall-impenn espona li l-volum ta' importazzjonijiet li għalih japplika l-impenn kien ġie stabbilit abbażi tal-bejgħ tiegħu lis-suq ta' l-UE15 u li, għalhekk, l-impenn għandu jiġi rivedut sabiex jittieħed kont dovut tas-suq ta' l-UE25. Huwa ddikjara li tali reviżjoni kienet meħtieġa sabiex ma jkunx hemm diskriminazzjoni favur l-esportaturi l-oħra tal-prodott ikkonċernat lejn l-UE.

    2.   Kummenti riċevuti mill-Istati Membri

    (11)

    L-Istati Membri taw il-fehmiet tagħhom u l-maġġoranza tagħhom jappoġġaw l-adattament tal-miżuri sabiex jittieħed kont tat-tkabbir.

    3.   Stima

    (12)

    Saret analiżi tad-data u l-informazzjoni disponibbli li kkonfermat li l-volum ta' importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat mir-Russja lejn l-UE10 kien notevoli. Billi l-volum ta' importazzjonijiet soġġetti għall-impenn preżentement fis-seħħ kien ġie stabbilit abbażi ta' l-importazzjonijiet fl-UE15, ma ġiex ikkunsidrat il-volum miżjud ta' importazzjonijiet lejn l-UE25.

    4.   Konklużjoni

    (13)

    Fid-dawl ta' dan t'hawn fuq, ġie konkluż li sabiex jittieħed kont tat-Tkabbir huwa xieraq li jiġu adottati l-miżuri li jipprovdu għall-volum addizzjonali ta' importazzjonijiet fis-suq ta' l-UE10.

    (14)

    Il-volum oriġinali ta' importazzjonijiet soġġett għall-impenn għall-UE15 kien ġie kalkolat u stabbilit għal kull sena sussegwenti fit-tieni nofs tas-sena kurrenti bħala proporzjon tal-konsum Komunitarju abbażi tas-sena li tippreċedi dik kurrenti. L-ammont taż-żieda fil-volum ta' importazzjonijiet soġġett għall-impenn ġie kalkolat bl-istess metodu ta' kalkolu.

    (15)

    Ghaldaqstant, huwa maħsub li jkun xieraq li l-Kummissjoni tkun tista' taċċetta proposta għal impenn modifikat li jirrifletti s-sitwazzjoni wara t-Tkabbir u li jkun abbażi tal-metodu deskritt fil-premessa 11.

    II.   DWAR SILICON CARBIDE LI JORIĠINA FL-UKRAJNA

    1.   Is-sottomissjonijiet ta' partijiet interessati fil-pajjiżi esportaturi

    (16)

    L-awtoritajiet Ukrajini u produtturi esportaturi Ukrajini ddikjaraw li minħabba l-livell għoli ta' dazji anti-dumping u bħala konsegwenza ta' l-estensjoni tal-miżuri lill-UE10, il-flussi kummerċjali tradizzjonali tagħhom lejn l-UE10 ikunu disturbati b'mod sinifikattiv.

    (17)

    Huma lmentaw partikolarment, li ż-żidiet f'daqqa waħda u severi fil-prezzijiet ipprovokati mid-dazji anti-dumping għamlu l-prodott projbittivament għali għall-produzzjoni ta' briquettes metallurġiċi.

    2.   Kummenti riċevuti mill-Industrija Komunitarja

    (18)

    L-industrija Komunitarja ddikjarat li hija ma topponi l-ebda proposta għal miżuri intermedji meħuda matul perjodu ta' transizzjoni li ma jolqtux ħażin is-sitwazzjoni tagħha.

    3.   Kummenti riċevuti mill-Istati Membri

    (19)

    L-awtoritajiet tar-Repubblika Ċeka, ta' l-Ungerija u tar-Repubblika Slovakka kienu tal-fehma li miżuri speċjali transitorji għandhom japplikaw għal importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat mill-Ukrajna wara t-Tkabbir. Kien argumentat li l-prodott ikkonċernat huwa ta' importanza sinifikattiva għall-utenti finali industrijali fl-UE10 għaliex dan m'huwiex prodott f'dawn il-pajjiżi.

    (20)

    Għaldaqstant, uħud minn dawn l-awtoritajiet huma tal-fehma li l-miżuri anti-dumping għandhom jiġu sospiżi fir-rigward ta' l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat li joriġina mill-Ukrajna.

    4.   Stima

    (21)

    Abbażi tad-data u l-informazzjoni disponibbli, saret analiżi li kkonfermat li l-volumi ta' importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat ġejjin mill-Ukrajna lejn l-UE10 kienu notevoli fl-2003.

    (22)

    Billi l-prodott ikkonċernat huwa ta' importanza sinifikattiva għall-utenti finali industrijali tradizzjonali fl-UE10 u billi d-dazju anti-dumping huwa ta' livell relattivament għoli, għaldaqstant ġie konkluż li huwa fl-interess Komunitarju li jiġu adattati gradwalment il-miżuri li preżentement hemm fis-seħħ sabiex jiġi evitat effett għal għarrieda u eċċessivament negattiv fuq il-partijiet kollha nteressati.

    5.   Konklużjoni

    (23)

    Dawn id-diversi aspetti u interessi ġew meqjusa u kkunsidrati bħala ħaġa waħda. Joħroġ minn dan li l-interessi ta' l-importaturi u l-utenti fl-UE10 ikunu milquta sostanzjalment ħażin bl-applikazzjoni għal għarrieda tal-miżuri eżistenti jekk dawn ma jiġux adattati temporanjament.

    (24)

    Madankollu, b'kuntrast, kif kien ikkonfermat mill-interess stess ta' l-industrija Komunitarja, l-interessi tagħha ma jiġux milquta eċċessivament ħażin jekk il-miżuri kellhom ikunu adattati temporanjament billi attwalment ma jistgħux jissodisfaw interament id-domandi tal-klijenti fl-UE10.

    (25)

    F'tali ċirkostanzi, wieħed jista' raġonevolment jikkonkludi li m' huwiex fl-interess tal-Komunità li l-miżuri eżistenti jiġu applikati mingħajr adattament u li l-adattament temporanju tal-miżuri eżistenti fir-rigward ta' importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat fl-UE10 ma għandux ikun tali li jimmina konsiderevolment il-livell mixtieq tal-protezzjoni tal-kummerċ.

    (26)

    Għal dan l-iskop, modi differenti kienu eżaminati kif l-aħjar tiġi protetta l-industrija Komunitarja minn dumping dannuż waqt li, fl-istess ħin, jiġi meħud kont ta' l-aspetti ta' l-interess Komunitarju billi jitnaqqas l-impatt ekonomiku tad-dazji anti-dumping fuq ix-xerrejja tradizzjonali fl-Istati Membri ġodda matul il-perjodu ta' aġġustament ekonomiku wara t-Tkabbir.

    (27)

    Kien ikkunsidrat li dan jista' jinkiseb billi l-volumi tradizzjonali ta' l-esportazzjoni mill-Ukrajna lejn l-UE10 jitħallew jidħlu liberi mid-dazji anti-dumping għal perjodu transitorju. F'dan il-kuntest, kwalunkwe esportazzjoni lejn l-UE10 aktar minn dawn il-volumi ta' esportazzjoni tradizzjonali tiġi soġġetta għad-dazji anti-dumping normali, kif ikunu wkoll esportazzjonijiet lejn l-UE15.

    6.   Impenn

    (28)

    Wara li saret stima tal-metodi differenti kif l-aħjar jitħallew ikomplu dawn il-flussi tradizzjonali ta' esportazzjonijiet lejn l-UE10, kien ikkunsidrat li l-mezz l-aktar xieraq kien li jiġu aċċettati mpenji volontarji mill-parti kollaboranti b'elementi għal limiti massimi kwantitattivi. Għaldaqstant, skond l-Artikolu 8 (2) tar-Regolament bażi, il-Kummissjoni ssuġġeriet impenji lill-produttur esportatur ikkonċernat u, bħala riżultat, kien ġie sussegwentement offrut impenn wieħed minn produttur esportatur wieħed tal-prodott ikkonċernat fl-Ukrajna.

    (29)

    F'dan il-kuntest, ta' min jinnota li skond l-Artikolu 22 (ċ) tar-Regolament bażi, ġew meħuda in konsiderazzjoni ċ-ċirkostanzi speċjali tat-Tkabbir meta l-kondizzjonijiet ta' l-impenn ġew stabbiliti. Huma jikkostitwixxu miżura speċjali billi jipprovdu mod temporanju ta' adattament tal-miżuri eżistenti għall-UE25.

    (30)

    Volumi ta' importazzjonijiet (“limiti massimi”) ġew għalhekk stabbiliti għall-produttur esportatur fl-Ukrajna, bl-użu bħala bażi tal-volumi ta' esportazzjoni tradizzjonali tagħhom lejn l-UE10 fl-2001, 2002 u 2003. Ta' min jinnota, madankollu, li żidiet abnormali fil-volumi ta' l-esportazzjoni lejn l-UE10 osservati fl-aħħar ftit xhur ta' l-2003 u fl-ewwel xhur ta' l-2004 ġew imnaqqsa mill-volumi tradizzjonali użati fid-determinazzjoni tal-limiti massimi.

    (31)

    Meta jbiegħu fl-UE10 taħt il-kondizzjonijiet ta' l-impenji tagħhom, il-produtturi esportaturi kkonċernati għandhom jaqblu li jirrispettaw ġeneralment is-sistemi tradizzjonali ta' bejgħ lill-klijenti ndividwali fl-UE10. Il-produtturi esportaturi għandhom għalhekk ikunu jafu li kwalunkwe offerta ta' mpenn tista' tkun ikkunsidrata prattikabbli, u għalhekk aċċettabbli, biss jekk, għall-bejgħ kopert mill-impenji, huma jibqgħu jżommu ġeneralment tali sistemi tradizzjonali ta' kummerċ mal-klijenti tagħhom fl-UE10.

    (32)

    Il-produtturi esportaturi għandhom ukoll ikunu jaf li, taħt il-kondizzjonijiet ta' l-impenji, jekk jinstab li dawn is-sistemi ta' bejgħ jinbidlu notevolment, jew il-monitoraġġ ta' dawn l-impenji isir b'xi mod diffiċli jew impossibbli, il-Kummissjoni għandha d-dritt li tirtira l-aċċettazzjoni ta' l-impenn tal-kumpannija u b'hekk jiġu mposti dazji anti-dumping definittivi fil-livell speċifikat fir-Regolament (KE) Nru 1100/2000 jew inkella tista' taġġusta l-livell tal-limitu massimu, jew tista' tgħaddi għal azzjoni korrettiva oħra.

    (33)

    Għaldaqstant, kwalunkwe offerta ta' mpenn li tirrispetta l-kondizzjonijiet imsemmija hawn fuq tista' tiġi aċċettata mill-Kummissjoni permezz ta' Regolament tal-Kummissjoni.

    D.   EMENDA TAR-REGOLAMENT (KE) Nru 1100/2000

    (34)

    Fid-dawl ta' dan t' hawn fuq, huwa meħtieġ li wieħed jaħseb, fil-każ li l-Kummissjoni taċċetta impenji permezz ta' Regolament tal-Kummissjoni sussegwenti, għall-possibilita li jiġu eżentati importazzjonijiet lejn il-Komunità, li jsiru skond il-kondizzjonijiet ta' tali mpenji, mid-dazju anti-dumping impost mir-Regolament (KE) Nru 1100/2000 billi jiġi emendat dak ir-Regolament,

    ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    1.   Il-Kummissjoni tista' taċċetta proposta għal impenn modifikat li jżid il-volum ta' importazzjonijiet soġġetti għall-impenn aċċettat permezz tad-Deċiżjoni 94/202/KE fir-rigward ta' importazzjonijiet ta' silicon carbide li joriġinaw mir-Russja. Kwalunkwe tali żieda għandha tiġi kkalkolata bl-użu ta' l-istess metodu ta' kalkolu li kien użat meta l-limitu massimu oriġinali kien ikkalkolat għall-Komunità ta' 15-il Stat Membru. Il-limitu massimu oriġinali kien ġie kkalkolat u stabbilit għal kull sena sussegwenti fit-tieni nofs tas-sena kurrenti bħala proporzjon tal-konsum Komunitarju abbażi tas-sena li tippreċedi dik kurrenti.

    2.   Il-Kummissjoni tista' timmodifika l-impenn skond dan.

    Artikolu 2

    L-Artikolu 1 tar-Regolament (KE) Nru 1100/2000 qiegħed hawn jiġi emendat billi jiżdied il-paragrafu li ġej:

    “4.   Importazzjonijiet iddikjarati għar-rilaxx f'ċirkolazzjoni libera għandhom ikunu eżentati mid-dazji anti-dumping imposti mill-Artikolu 1, bil-kondizzjoni li dawn huma prodotti minn kumpanniji li minnhom huma aċċettati mpenji mill-Kummissjoni u li l-ismijiet tagħhom huma elenkati fir-Regolament tal-Kummissjoni pertinenti, kif emendat minn żmien għal żmien, u li jkunu ġew importati konformement mad-disposizzjonijiet ta' l-istess Regolament tal-Kummissjoni. Dawn l-importazzjonijiet għandhom jiġu eżentati mid-dazju anti-dumping bil-kondizzjoni li:

    (a)

    il-merkanzija ddikjarata u ppreżentata lid-dwana tikkorrespondi preċiżament mal-prodott deskritt fl-Artikolu 1,

    (b)

    fattura kummerċjali li jkun fiha mill-inqas l-elementi elenkati fl-Anness tiġi ppreżentata lill-awtoritajiet tad-dwana ta' l-Istati Membri mal-preżentazzjoni tad-dikjarazzjoni għar-rilaxx f'ċirkolazzjoni libera; u

    (ċ)

    il-merkanzija ddikjarata u preżentata lid-dwana tikkorrispondi preċiżament mad-deskrizzjoni fuq il-fattura kummerċjali.”.

    Artikolu 3

    It-test fl-Anness ta' dan ir-Regolament għandu jiġi miżjud mar-Regolament (KE) Nru 1100/2000.

    Artikolu 4

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u jkun direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussel, nhar is-17 ta' Mejju 2004.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    B. COWEN


    (1)  ĠU L 56, tas-6.3.1996, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament (KE) Nru 461/2004 (ĠU L 77, tat-13.3.2004, p. 12).

    (2)  ĠU L 94, tat-13.4.1994, p. 21. Ir-Regolament kif emendat mir-Regolament (KE) Nru 1786/97 (ĠU L 254, tas-17.8.1997, p. 6).

    (3)  ĠU L 94, tat-13.4.1994, p. 32.

    (4)  ĠU L 125, tas-26.5.2000, p. 3.

    (5)  ĠU C 70, ta' l-20.3.2004, p. 15.


    ANNESS

    “ANNESS

    L-elementi li ġejjin għandhom jiġu indikati fuq il-fattura kummerċjali provduta mal-bejgħ mill-kumpannija tas-silicon carbide lill-Komunità li jkun soġġett għall-Impenn:

    1.

    It-titolu ‘FATTURA KUMMERĊJALI PROVDUTA MA' MERKANZIJA SOĠĠETTA GĦAL IMPENN’.

    2.

    L-isem tal-kumpannija msemmija fl-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kummissjoni [DAĦĦAL IN-NUMRU] li ħarġet il-fattura kummerċjali.

    3.

    In-numru tal-fattura kummerċjali.

    4.

    Id-data meta ġiet maħruġa l-fattura kummerċjali.

    5.

    Il-kodiċi addizzjonali TARIC li taħtu l-merkanzija fuq il-fattura għandha tiġi rilaxxata mid-dwana fil-fruntiera Komunitarja.

    6.

    Id-deskrizzjoni eżatta tal-merkanzija, inklużi:

    In-Numru tal-Kodiċi tal-Prodott (PCN) użat għall-iskopijiet ta' l-investigazzjoni u l-impenn (p.e. PCN 1, PCN 2 etc.),

    deskrizzjoni f'lingwaġġ ċar tal-merkanzija li tikkorrespondi għall-PCN konċernat (p.e. PCN 1: PCN 2: etc.),

    in-numru tal-kodiċi tal-prodott tal-kumpannija (CPC) (jekk applikabbli),

    kodiċi NM,

    kwantità (indikata f'tunnellati metriċi).

    7.

    Id-deskrizzjoni tal-kondizzjonijiet tal-bejgħ, inklużi:

    il-prezz għal kull tunnellata metrika,

    il-kondizzjonijiet ta' ħlas applikabbli,

    il-kondizzjonijiet tal-kunsinna applikabbli,

    l-iskonti u r-rimborsi totali.

    8.

    L-isem tal-kumpannija li topera bħala importatur fil-Komunità li lilha ġiet maħruġa direttament mill-kumpannija l-fattura kummerċjali pprovduta mal-merkanzija soġġetta għal impenn.

    9.

    L-isem ta' l-uffiċjal tal-kumpannija li ħarġet il-fattura u d-dikjarazzjoni li ġejja, iffirmata:

    ‘Jiena, hawn taħt iffirmat/a, niċċertifika li l-bejgħ għal esportazzjoni diretta lejn il-Komunità Ewropea tal-merkanzija koperta b'din il-fattura qiegħed isir fl-ambitu u taħt il-kondizzjonijiet ta' l-impenn offrut minn [kumpannija], u aċċettat mill-Kummissjoni Ewropea permezz tar-Regolament [DAĦĦAL IN-NUMRU]. Niddikjara li l-informazzjoni mogħtija f'din il-fattura hija kompluta u korretta.’”


    Top