Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32023H0320(01)

Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta’ Marzu 2023 dwar il-Ħżin tal-Enerġija — Insejsu sistema tal-enerġija tal-UE dekarbonizzata u sigura 2023/C 103/01

C/2023/1729

ĠU C 103, 20.3.2023, pp. 1–5 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

20.3.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 103/1


RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-14 ta’ Marzu 2023

dwar il-Ħżin tal-Enerġija — Insejsu sistema tal-enerġija tal-UE dekarbonizzata u sigura

(2023/C 103/01)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 292 tiegħu,

Billi:

(1)

Il-Kummissjoni ppreżentat il-Patt Ekoloġiku Ewropew, l-istrateġija li għandha l-għan li sal-2050 tikseb in-newtralità klimatika, fost l-oħrajn (1). F’dan il-kuntest, il-pakkett “Lesti għall-mira ta’ 55 %” (2) għandu l-għan li sal-2030 inaqqas l-emissjonijiet netti ta’ gassijiet serra b’mill-inqas 55 %. Barra minn hekk, u fil-kuntest tal-invażjoni mhux provokata tar-Russja fl-Ukrajna u l-użu tal-provvista tal-enerġija bħala arma, il-Komunikazzjoni (3) u l-pjan (4) REPowerEU jipproponu miżuri biex tintemm malajr id-dipendenza fuq il-fjuwils fossili Russi u tiġi indirizzata l-kriżi tal-enerġija billi titħaffef it-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa u ningħaqdu flimkien biex niksbu sistema tal-enerġija aktar reżiljenti.

(2)

Peress li l-produzzjoni u l-użu tal-enerġija jammontaw għal aktar minn 75 % tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tal-Unjoni, id-dekarbonizzazzjoni tas-sistema tal-enerġija hija kruċjali biex jintlaħqu dawk il-miri. Biex jintlaħqu l-miri tal-Unjoni dwar il-klima u l-enerġija, is-sistema tal-enerġija għaddejja minn trasformazzjoni profonda kkaratterizzata minn effiċjenza enerġetika mtejba, l-użu massiv u rapidu tal-ġenerazzjoni ta’ enerġija rinnovabbli varjabbli, aktar atturi, sistemi aktar deċentralizzati, diġitalizzati u interkonnessi u aktar elettrifikazzjoni tal-ekonomija. Tali trasformazzjoni tas-sistema teħtieġ aktar flessibbiltà, mifhuma bħala l-kapaċità tas-sistema tal-enerġija li tadatta ruħha għall-ħtiġijiet li qed jinbidlu tal-grilja u timmaniġġja l-varjabbiltà u l-inċertezza tad-domanda u tal-provvista tul il-perjodi ta’ żmien rilevanti kollha. Il-mudelli (5) juru relazzjoni diretta, xi kultant esponenzjali, bejn il-ħtieġa għall-flessibbiltà (kuljum, kull ġimgħa u kull xahar) u l-użu ta’ ġenerazzjoni rinnovabbli. B’riżultat ta’ dan, il-ħtieġa għall-flessibbiltà se tkun partikolarment rilevanti fis-snin li ġejjin peress li s-sehem ta’ enerġija rinnovabbli fis-sistema tal-elettriku huwa mistenni li jilħaq 69 % sal-2030.

(3)

Sfidi operazzjonali ġodda jirrikjedu wkoll servizzi addizzjonali fis-sistema tal-elettriku futura (eż. servizzi anċillari tal-ibbilanċjar u mhux tal-frekwenza (6)) biex jiġu żgurati l-istabbiltà u l-affidabbiltà u fl-aħħar mill-aħħar is-sigurtà tal-provvista tal-elettriku.

(4)

Teknoloġiji differenti jistgħu jipprovdu lis-sistema tal-enerġija l-flessibbiltà meħtieġa, bħall-ħżin tal-enerġija, ir-rispons għad-domanda, il-flessibbiltà min-naħa tal-provvista u l-interkonnessjonijiet. B’mod partikolari, it-teknoloġiji differenti għall-ħżin tal-enerġija (eż. mekkaniċi, termali, elettriċi, elettro-kimiċi u kimiċi) jistgħu jipprovdu diversi servizzi fuq skali differenti u f’perjodi ta’ żmien differenti. Pereżempju, il-ħżin termali, b’mod partikolari l-ħżin termali kbir fis-sistemi tat-tisħin distrettwali, jista’ jipprovdi servizzi ta’ flessibbiltà u tal-ibbilanċjar lill-grilja tal-elettriku u għalhekk jipprovdi soluzzjoni għall-integrazzjoni ta’ sistema li tiffranka fil-kostijiet billi jassorbi l-produzzjoni tal-elettriku rinnovabbli varjabbli (eż. l-enerġija mir-riħ u mix-xemx). Barra minn hekk, it-teknoloġiji għall-ħżin tal-enerġija jistgħu jkunu soluzzjoni teknika biex jipprovdu stabbiltà u affidabbiltà.

(5)

Il-ħżin tal-enerġija fis-sistema tal-elettriku huwa definit fl-Artikolu 2(59) tad-Direttiva (UE) 2019/944 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7) li jkopri teknoloġiji differenti. Id-Direttiva (UE) 2019/944 tindirizza l-parteċipazzjoni tal-ħżin tal-enerġija fis-suq tal-elettriku, inkluż il-forniment ta’ servizzi ta’ flessibbiltà f’kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni ma’ riżorsi oħra tal-enerġija.

(6)

Lil hinn mis-sistema tal-elettriku, il-ħżin tal-enerġija, bħall-ħżin termali, jista’ jikkontribwixxi għas-sistema tal-enerġija b’diversi modi. Pereżempju, il-ħżin tal-enerġija li jikkomplementa l-ġeneraturi tat-tisħin u t-tkessiħ rinnovabbli bħala parti minn sistemi ta’ tisħin individwali u distrettwali jippermetti li proporzjon ogħla tad-domanda għat-tisħin ikun kopert minn sorsi rinnovabbli varjabbli u b’temperatura baxxa, bħall-enerġija ġeotermali mhux profonda, termali solari u ambjentali. Il-promozzjoni ta’ dawn is-sistemi ta’ tisħin rinnovabbli hija essenzjali biex nitbiegħdu minn sistemi ta’ tisħin ibbażati fuq il-fjuwils fossili, b’mod partikolari fil-bini.

(7)

Il-ħżin tal-enerġija jista’ jkollu rwol kruċjali fid-dekarbonizzazzjoni tas-sistema tal-enerġija, filwaqt li jikkontribwixxi għall-integrazzjoni tas-sistema tal-enerġija u s-sigurtà tal-provvista. Sistema tal-enerġija dekarbonizzata se teħtieġ investiment sinifikanti fil-kapaċità tal-ħżin tal-forom kollha. It-teknoloġiji għall-ħżin tal-enerġija jistgħu jiffaċilitaw l-elettrifikazzjoni ta’ setturi ekonomiċi differenti, b’mod partikolari l-bini u t-trasport. Pereżempju, permezz tal-użu ta’ vetturi elettriċi u l-parteċipazzjoni tagħhom fl-ibbilanċjar tal-grilja tal-elettriku permezz tar-rispons għad-domanda (eż. billi jassorbu l-elettriku eċċessiv fi żminijiet ta’ ġenerazzjoni rinnovabbli għolja u domanda baxxa). L-enerġija maħżuna fil-batteriji tal-vetturi elettriċi tista’ tintuża wkoll b’mod effettiv bħala elettriku għad-djar u tgħin biex tiġi stabbilizzata l-grilja.

(8)

Il-ħżin tal-enerġija, b’mod partikolari “wara l-miter”, jista’ jgħin lill-konsumaturi, kemm l-unitajiet domestiċi kif ukoll l-industriji, jimmassimizzaw l-awtokonsum ta’ enerġija rinnovabbli awtoprodotta, u b’hekk ikun possibbli li dawn il-konsumaturi jnaqqsu l-kontijiet tal-enerġija tagħhom.

(9)

Għas-sistemi tal-enerġija li huma inqas interkonnessi jew mhux interkonnessi, bħall-gżejjer, iż-żoni remoti jew ir-reġjuni ultraperiferiċi tal-UE, ir-riżorsi ta’ flessibbiltà, b’mod partikolari l-ħżin tal-enerġija, jistgħu jgħinu b’mod sinifikanti biex jitbiegħdu mill-fjuwils fossili importati u jimmaniġġjaw livelli għoljin ta’ varjabbiltà fuq terminu qasir u staġjonali fil-provvista tal-enerġija rinnovabbli.

(10)

Il-ħżin tal-enerġija jiffaċċja għadd ta’ sfidi li jistgħu jaffettwaw l-użu tiegħu sal-livelli meħtieġa biex jappoġġa b’mod sinifikanti t-tranżizzjoni tal-enerġija. Xi wħud minn dawn l-isfidi huma relatati mal-ħtieġa għal viżibbiltà u prevedibbiltà fit-tul tad-dħul biex jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-finanzi.

(11)

Is-suq tal-elettriku tal-Unjoni huwa mfassal diġà biex jippermetti li l-ħżin tal-enerġija jipparteċipa fis-swieq kollha tal-elettriku. Dan jipprovdi bażi biex jiġu kkombinati flussi differenti tad-dħul (akkumulazzjoni tad-dħul) sabiex tiġi appoġġata l-vijabbiltà tal-mudell tan-negozju tal-ħżin u jiġi permess il-valur miżjud massimu tal-ħżin tal-enerġija għas-sistema tal-enerġija.

(12)

Il-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-klima, għall-ħarsien tal-ambjent u għall-enerġija (8) jħeġġu lill-Istati Membri jintroduċu kriterji jew karatteristiċi addizzjonali fil-miżuri tas-sigurtà tal-provvista tagħhom biex jippromwovu l-parteċipazzjoni ta’ teknoloġiji aktar ekoloġiċi (jew inaqqsu l-parteċipazzjoni ta’ teknoloġiji li jniġġsu) meħtieġa biex jappoġġaw it-twettiq tal-objettivi tal-UE tal-ħarsien tal-ambjent. Tali kriterji jew karatteristiċi huma mistennija jżidu l-proporzjon ta’ ħżin li jibbenefika mill-miżuri ta’ sigurtà tal-provvista.

(13)

L-operaturi tas-sistemi ta’ trażmissjoni huma meħtieġa jqisu l-potenzjal għall-użu tal-faċilitajiet tal-ħżin tal-enerġija fil-pjan tagħhom ta’ 10 snin għall-iżvilupp tan-network (9). Madankollu, il-mudell tipiku tal-operat tal-ħżin tal-enerġija — l-injezzjoni tal-elettriku fil-grilja meta l-livelli ta’ ġenerazzjoni jkunu baxxi u l-konsum tal-elettriku meta jkunu għoljin — jista’ jiġi sfruttat aktar meta jiġu ppjanati n-networks. Il-konsum mill-grilja matul is-sigħat l-aktar intensivi jista’ jitnaqqas permezz ta’ tariffi tan-network u skemi ta’ tariffi mfassla tajjeb li jsaħħu l-użu tal-għodod ta’ flessibbiltà bħall-ħżin tal-enerġija.

(14)

Il-kondiviżjoni tal-elettriku maħżun għandha l-potenzjal li tkun aktar ta’ benefiċċju lis-sistema permezz tar-rispons għad-domanda, meta l-klijenti finali jkunu esposti għal sinjali xierqa tal-prezzijiet jew jitħallew jipparteċipaw fl-iskemi ta’ flessibbiltà. Kif previst fid-Direttiva (UE) 2019/944, il-klijenti finali li jaġixxu b’mod konġunt ma għandhomx jiġu esposti għal imposti doppji meta jipprovdu servizzi ta’ flessibbiltà lill-operaturi tas-sistema li jużaw faċilitajiet tal-ħżin quddiem il-miter.

(15)

L-aġġornament tal-pjanijiet nazzjonali għall-enerġija u l-klima għall-2021–2030 kif previst fl-Artikolu 14 tar-Regolament (UE) 2018/1999 dwar il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija u tal-Azzjoni Klimatika (10) għandu jinkludi ambizzjoni akbar biex titħaffef it-tranżizzjoni ekoloġika u biex tiżdied is-sigurtà tal-enerġija f’konformità mal-Pakkett tal-Patt Ekoloġiku Ewropew (11) u r-REPowerEU. L-aġġornament tal-pjanijiet nazzjonali għall-enerġija u l-klima għandu jinkludi wkoll objettivi nazzjonali biex tiżdied il-flessibbiltà tas-sistema skont l-Artikolu 4(d)(3) ta’ dak ir-Regolament. Dawk il-pjanijiet nazzjonali aġġornati għandhom ukoll jippreżentaw politiki u miżuri rilevanti biex jappoġġaw il-ħtiġijiet ta’ investiment identifikati fir-REPowerEU kif ukoll il-prijorità ewlenija tal-protezzjoni tal-kompetittività u l-attraenza tal-UE fir-rigward tas-sħab globali, filwaqt li jitqiesu l-impatti ambjentali, b’mod partikolari fuq il-ħabitats u l-ekosistemi (12). Il-pjanijiet nazzjonali għall-enerġija u l-klima huma l-opportunità li jiġu esplorati sinerġiji fil-ħames dimensjonijiet tal-Unjoni tal-Enerġija (13), b’mod partikolari fir-rigward tal-benefiċċji tal-ħżin tal-elettriku,

TIRRAKKOMANDA:

(1)

Li l-Istati Membri jqisu r-rwol doppju (ġeneratur-konsumatur) tal-ħżin tal-enerġija meta jiddefinixxu l-qafas u l-proċeduri regolatorji applikabbli, b’mod partikolari meta jimplimentaw il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar is-suq tal-elettriku, sabiex jitneħħew l-ostakli eżistenti. Dan jinkludi l-prevenzjoni tat-tassazzjoni doppja u l-iffaċilitar tal-proċeduri tal-għoti tal-permessi (14). L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jikkunsidraw ukoll tali rwol meta jistabbilixxu t-tariffi tan-network u l-iskemi tat-tariffi, f’konformità mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni.

(2)

Li l-Istati Membri jidentifikaw il-ħtiġijiet ta’ flessibbiltà tas-sistemi tal-enerġija tagħhom fuq terminu qasir, medju u twil, u fl-aġġornamenti tagħhom tal-pjanijiet nazzjonali għall-enerġija u l-klima jsaħħu l-objettivi u l-politiki u l-miżuri relatati li għandhom l-għan li jippromwovu b’mod kosteffettiv l-użu tal-ħżin tal-enerġija, kemm il-ħżin fuq skala utilitarja kif ukoll wara l-miter, ir-rispons għad-domanda u l-flessibbiltà. L-Istati Membri għandhom ukoll jivvalutaw il-ħtiġijiet tal-kapaċità tal-manifattura għat-teknoloġiji rilevanti tal-ħżin tal-enerġija.

(3)

Li l-Istati Membri, b’mod partikolari l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali tagħhom, jiżguraw li l-operaturi tas-sistemi tal-enerġija jkomplu jivvalutaw il-ħtiġijiet ta’ flessibbiltà tas-sistemi tal-enerġija tagħhom meta jippjanaw in-networks ta’ trażmissjoni u distribuzzjoni, inkluż il-potenzjal tal-ħżin tal-enerġija (fuq terminu qasir u twil) u jekk il-ħżin tal-enerġija jistax ikun alternattiva aktar kosteffettiva għall-investimenti fil-grilja. Għandhom iqisu wkoll il-potenzjal sħiħ tas-sorsi ta’ flessibbiltà, b’mod partikolari l-ħżin tal-enerġija, meta jivvalutaw il-kapaċità ta’ konnessjoni tagħhom (eż. jikkunsidraw kuntratti ta’ konnessjoni flessibbli) u meta jħaddmu s-sistema.

(4)

Li l-Istati Membri jidentifikaw il-lakuni potenzjali fil-finanzjament għall-ħżin tal-enerġija fuq terminu qasir, medju u twil, inkluż wara l-miter (termali u bl-użu tal-elettriku) u strumenti oħra ta’ flessibbiltà, u jekk tiġi identifikata l-ħtieġa għal riżorsi flessibbli addizzjonali biex tinkiseb is-sigurtà tal-provvista u l-objettivi ambjentali, jikkunsidraw il-ħtieġa potenzjali għal strumenti ta’ finanzjament li jipprovdu viżibbiltà u prevedibbiltà tad-dħul.

(5)

L-Istati Membri jesploraw jekk is-servizzi tal-ħżin tal-enerġija - b’mod partikolari l-użu tal-flessibbiltà fin-networks tad-distribuzzjoni u l-forniment ta’ servizzi anċillari mhux tal-frekwenza - humiex remunerati biżżejjed, u jekk l-operaturi jistgħux iżidu r-remunerazzjoni ta’ diversi servizzi.

(6)

Li l-Istati Membri jikkunsidraw il-proċeduri kompetittivi ta’ offerti jekk ikun meħtieġ biex jintlaħaq livell suffiċjenti ta’ użu tas-sorsi ta’ flessibbiltà biex jinkisbu sigurtà trasparenti tal-provvista u l-objettivi ambjentali, f’konformità mar-regoli dwar l-Għajnuna mill-Istat. Għandu jiġi eżaminat it-titjib potenzjali fit-tfassil tal-mekkaniżmi ta’ kapaċità biex tiġi ffaċilitata l-parteċipazzjoni tas-sorsi ta’ flessibbiltà inkluż il-ħżin tal-enerġija, eż. billi jiġi żgurat li l-fatturi ta’ deklassifikazzjoni jkunu xierqa fid-dawl tal-objettiv tas-sigurtà tal-provvista segwit, filwaqt li jitnaqqas id-daqs minimu tal-kapaċità eliġibbli u d-daqs minimu tal-offerta, tiġi ffaċilitata l-aggregazzjoni, jitnaqqsu l-limiti tal-emissjonijiet tas-CO2, jew jiġu prijoritizzati t-teknoloġiji aktar ekoloġiċi, f’konformità mal-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-klima, għall-ħarsien tal-ambjent u għall-enerġija.

(7)

Li l-Istati Membri jidentifikaw kwalunkwe azzjoni speċifika, regolatorja u mhux regolatorja, meħtieġa biex jitneħħew l-ostakli għall-użu tar-rispons għad-domanda u tal-ħżin wara l-miter, eż. marbuta mal-adozzjoni tal-elettrifikazzjoni tas-setturi tal-użu finali abbażi tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli, mal-użu tal-awtokonsum individwali jew kollettiv u mal-irriċarġjar bidirezzjonali permezz tal-użu tal-batteriji tal-vetturi elettriċi.

(8)

Li l-Istati Membri jaċċelleraw l-użu tal-faċilitajiet ta’ ħżin u ta’ għodod oħra ta’ flessibbiltà fil-gżejjer, fiż-żoni remoti u fiż-żoni tar-reġjuni ultraperiferiċi tal-UE b’kapaċità insuffiċjenti tal-grilja u konnessjonijiet mal-grilja ewlenija instabbli jew fuq distanzi twal, pereżempju permezz ta’ skemi ta’ appoġġ għal riżorsi flessibbli b’livell baxx ta’ karbonju, inkluż il-ħżin, u jirrevedu l-kriterji tal-konnessjoni tan-network biex jippromwovu proġetti għall-enerġija ibrida (jiġifieri l-ġenerazzjoni u l-ħżin rinnovabbli).

(9)

Li l-Istati Membri u l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jippubblikaw data dettaljata dwar il-konġestjoni tan-network, it-tnaqqis tal-enerġija rinnovabbli, il-prezzijiet tas-suq, l-enerġija rinnovabbli u l-kontenut tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra f’ħin reali, kif ukoll dwar il-faċilitajiet installati għall-ħżin tal-enerġija, biex jiġu ffaċilitati d-deċiżjonijiet ta’ investiment dwar faċilitajiet ġodda għall-ħżin tal-enerġija.

(10)

Li l-Istati Membri jkomplu jappoġġaw ir-riċerka u l-innovazzjoni fil-ħżin tal-enerġija, b’mod partikolari l-ħżin tal-enerġija u s-soluzzjonijiet tal-ħżin fit-tul li jgħaqqdu l-elettriku ma’ vetturi oħra tal-enerġija, u jottimizzaw is-soluzzjonijiet eżistenti (eż. effiċjenza, kapaċità, durata, impronta ambjentali u klimatika minima). Għandhom jiġu kkunsidrati l-istrumenti ta’ tneħħija tar-riskji, bħall-programmi li jaċċelleraw it-teknoloġija u l-iskemi ta’ appoġġ dedikati li jiggwidaw it-teknoloġiji innovattivi tal-ħżin tal-enerġija sal-istadju tal-kummerċjalizzazzjoni.

Magħmul fi Brussell, l-14 ta' Marzu 2023.

Għall-Kummissjoni

Kadri SIMSON

Membru tal-Kummissjoni


(1)  COM(2019) 640 final. Il-Patt Ekoloġiku Ewropew jinkludi wkoll objettivi lil hinn min-newtralità klimatika, bħat-twaqqif tat-telf tal-bijodiversità, it-tnaqqis u l-eliminazzjoni tat-tniġġis u d-diżakkoppjament tat-tkabbir ekonomiku mill-użu tar-riżorsi permezz ta’ approċċi tal-ekonomija ċirkolari.

(2)  COM(2021) 550 final.

(3)  COM(2022) 108 final.

(4)  COM(2022) 230 final.

(5)  Ara t-Taqsima 2.2 tal-SWD(2023) 57

(6)  Kif definit fl-Artikolu 2(45) u 2 (49) tad-Direttiva (UE) 2019/944 (ĠU L 158, 14.6.2019, p. 125).

(7)  Direttiva (UE) 2019/944 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Ġunju 2019 dwar regoli komuni għas-suq intern għall-elettriku u li temenda d-Direttiva 2012/27/UE (ĠU L 158, 14.6.2019, p. 125).

(8)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni – Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-klima, għall-ħarsien tal-ambjent u għall-enerġija 2022, C/2022/481 (ĠU C 80, 18.2.2022, p. 1).

(9)  Ir-Regolament (UE) Nru 347/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' April 2013 dwar linji gwida għall-infrastruttura tal-enerġija trans-Ewropea (ĠU L 115, 25.4.2013, p. 39).

(10)  ĠU L 328, 21.12.2018, p. 1.

(11)  https://commission.europa.eu/strategy-and-policy/priorities-2019-2024/european-green-deal/delivering-european-green-deal_mt#documents

(12)  Sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u jiġi rrispettat il-prinċipju ta’ “la tagħmilx ħsara”, huwa meħtieġ ukoll li jitqiesu kompromessi ambjentali usa’ tal-ħżin tal-enerġija u jiġu pprovduti soluzzjonijiet għall-mitigazzjoni jew in-newtralizzazzjoni tagħhom.

(13)  COM(2015) 80

(14)  Ara wkoll ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/822 tat-18 ta’ Mejju 2022 dwar it-tħaffif tal-proċeduri tal-għoti tal-permessi għall-proġetti tal-enerġija rinnovabbli u l-iffaċilitar tal-Ftehimiet dwar ix-Xiri tal-Enerġija (ĠU L 146, 25.5.2022, p. 132), u r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/2577 tat-22 ta’ Diċembru 2022 li jistabbilixxi qafas biex jitħaffef il-varar tal-enerġija rinnovabbli (ĠU L 335, 29.12.2022, p. 36).


Top