This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52021IP0413
European Parliament resolution of 7 October 2021 on the Arctic: opportunities, concerns and security challenges (2020/2112(INI))
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta' Ottubru 2021 dwar l-Artiku: opportunitajiet, tħassib u sfidi għas-sigurtà (2020/2112(INI))
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta' Ottubru 2021 dwar l-Artiku: opportunitajiet, tħassib u sfidi għas-sigurtà (2020/2112(INI))
ĠU C 132, 24.3.2022, pp. 113–128
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
|
24.3.2022 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 132/113 |
P9_TA(2021)0413
L-Artiku: opportunitajiet, tħassib u sfidi għas-sigurtà
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta' Ottubru 2021 dwar l-Artiku: opportunitajiet, tħassib u sfidi għas-sigurtà (2020/2112(INI))
(2022/C 132/10)
Il-Parlament Ewropew,
|
— |
wara li kkunsidra t-Titolu V tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-Artikoli 21, 22, 34 u 36, kif ukoll il-Ħames Parti tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tad-9 ta' Ottubru 2008 dwar il-Governanza tal-Artiku (1), tal-20 ta' Jannar 2011 dwar politika sostenibbli tal-UE għat-Tramuntana Estrema (2), tat-12 ta' Marzu 2014 dwar l-istrateġija tal-UE għall-Artiku (3), tas-16 ta' Marzu 2017 dwar politika integrata tal-Unjoni Ewropea għall-Artiku (4), tat-3 ta' Lulju 2018 dwar id-diplomazija dwar il-klima (5) u tat-28 ta' Novembru 2019 dwar l-emerġenza klimatika u ambjentali (6), |
|
— |
wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Popli Indiġeni (UNDRIP), adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fit-13 ta' Diċembru 2007, |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-3 ta' Lulju 2018 dwar il-ksur tad-drittijiet tal-popli indiġeni fid-dinja, inkluż il-ħtif tal-art (7), |
|
— |
wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni, tal-20 ta' Novembru 2008, intitolata “L-Unjoni Ewropea u r-reġjun tal-Artiku” (COM(2008)0763) u l-komunikazzjoni konġunta tas-26 ta' Ġunju 2012 intitolata “L-iżvilupp ta' Politika tal-Unjoni Ewropea rigward ir-Reġjun Artiku: il-progress mill-2008 u l-passi li jmiss” (JOIN(2012)0019) u dik tas-27 ta' April 2016, intitolata “Sistema integrata tal-politika tal-Unjoni Ewropea” (JOIN(2016)0021), |
|
— |
wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet rilevanti tad-Delegazzjoni għall-kooperazzjoni tat-Tramuntana u għar-relazzjonijiet mal-Iżvizzera u n-Norveġja u għall-Kumitat Parlamentari Konġunt UE-Iżlanda u għall-Kumitat Parlamentari Konġunt taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) (DEEA), |
|
— |
wara li kkunsidra s-sinteżi tar-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika dwar il-politika tal-UE għall-Artiku ta' Jannar 2021, |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Jannar 2020 (8) u l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' Diċembru 2019 (COM(2019)0640) intitolata “Il-Patt Ekoloġiku Ewropew”, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC), |
|
— |
wara li kkunsidra l-ftehim adottat f'Pariġi fit-12 ta' Diċembru 2015 fl-okkażjoni tal-21 Konferenza tal-Partijiet tal-UNFCCC (il-Ftehim ta' Pariġi), |
|
— |
wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-8 ta' Diċembru 2009 dwar il-kwistjonijiet tal-Artiku, tat-12 ta' Mejju 2014 dwar l-Iżvilupp ta' Politika tal-Unjoni Ewropea favur ir-Reġjun tal-Artiku, tal-20 ta' Ġunju 2016 dwar l-Artiku tal-21 ta' Novembru 2019 dwar soluzzjonijiet spazjali għal Artiku sostenibbli u tad-9 ta' Diċembru 2019 dwar il-politika tal-UE dwar l-Artiku, |
|
— |
wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2017 dwar il-popli indiġeni u d-Dokument ta' Ħidma Konġunt tal-Persunal tas-17 ta' Ottubru 2016 dwar “L-Implimentazzjoni tal-Politika Esterna tal-UE dwar il-Popli Indiġeni” (SWD(2016)0340), |
|
— |
wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' Novembru 2008 intitolata “L-Unjoni Ewropea u r-Reġjun tal-Artiku” (COM(2008)0763), |
|
— |
wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Ilulissat imħabbra fit-28 ta' Mejju 2008 mill-ħames Stati mal-kosta tal-Artiku (l-Istati Uniti, ir-Russja, il-Kanada, in-Norveġja u d-Danimarka) u rikonfermata f'Mejju 2018, |
|
— |
wara li kkunsidra t-twaqqif tal-Kunsill tal-Istati tal-Baħar Baltiku (CBSS) u tal-Kunsill Ewro-Artiku ta' Barents (BEAC), |
|
— |
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/137/UE tal-14 ta' Marzu 2014 dwar ir-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea min-naħa l-waħda, u l-Groenlandja u r-Renju tad-Danimarka min-naħa l-oħra, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Istrateġija Globali għall-Politika Estera u ta' Sigurtà tal-Unjoni Ewropea ta' Ġunju 2016, |
|
— |
wara li kkunsidra l-istrateġiji nazzjonali dwar l-Artiku, b'mod partikolari dawk tal-Istati Artiċi, jiġifieri r-Renju tad-Danimarka, l-Iżvezja u l-Finlandja, kif ukoll dawk ta' Stati Membri tal-UE u taż-ŻEE oħrajn; |
|
— |
wara li kkunsidra l-Istrateġija dwar is-Sigurtà Marittima tal-Unjoni Ewropea, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Istrateġija Spazjali għall-Ewropa, ippubblikata mill-Kummissjoni fis-26 ta' Ottubru 2016 (COM(2016)0705), |
|
— |
wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Dritt tal-Baħar (UNCLOS), konkluża fl-10 ta' Diċembru 1982 u li ilha fis-seħħ mis-16 ta' Novembru 1994, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-UNESCO dwar il-Protezzjoni tal-Patrimonju Dinji Kulturali u Naturali, tas-16 ta' Novembru 1972, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) Nru 169 dwar il-Popli Indiġeni u Tribali, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Ftehim għall-Prevenzjoni tas-Sajd Mhux Regolat fl-Ibħra Internazzjonali tal-Oċean Artiku Ċentrali tat-3 ta' Ottubru 2018 (Ftehim dwar is-sajd fl-Oċean Artiku Ċentrali), |
|
— |
wara li kkunsidra l-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tal-Ambjent Marin tal-Atlantiku tal-Grigal (OSPAR), |
|
— |
wara li kkunsidra l-Kodiċi Internazzjonali għall-Bastimenti li Joperaw fl-Ilmijiet Polari (Kodiċi Polari) tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO), |
|
— |
wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Internazzjonali għas-Salvagwardja tal-Ħajja Umana fuq il-Baħar (SOLAS) tal-1974, il-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Prevenzjoni tat-Tniġġis minn Vapuri (MARPOL) tal-1973, kif modifikata mill-Protokoll tal-1978 u mill-Protokoll tal-1997, il-Konvenzjoni Internazzjonali tal-1978 dwar Standards ta' Taħriġ, Ċertifikazzjoni u Għassa għall-Baħħara (STCW), kif modifikata fl-1995 u fl-2010, il-Konvenzjoni dwar ir-Regolamenti Internazzjonali għall-Prevenzjoni ta' Kolliżjonijiet fuq il-Baħar (COLREG) tal-1972, il-Konvenzjoni dwar il-Faċilitazzjoni tat-Traffiku Marittimu Internazzjonali (FAL) tal-1965 u l-Konvenzjoni Internazzjonali dwar it-Tfittxija u s-Salvataġġ Marittimi (SAR) tal-1979, |
|
— |
wara li kkunsidra t-Trattat ta' Svalbard (dak li qabel kien it-Trattat dwar l-Arċipelagu Spitsbergen) tad-9 ta' Frar 1920, |
|
— |
wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Ottawa tad-19 ta' Settembru 1996 li tistabbilixxi l-Kunsill tal-Artiku, |
|
— |
wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet adottati mill-Forum Parlamentari tad-Dimensjoni tat-Tramuntana f'Novembru 2019 f'Bodø (in-Norveġja), f'Novembru 2017 fi Brussell, f'Mejju 2015 f'Rejkjavik (l-Iżlanda), f'Novembru 2013 f'Arkhangelsk (ir-Russja), fi Frar 2011 fi Tromsø (in-Norveġja) u f'Settembru 2009 fi Brussell, |
|
— |
wara li kkunsidra t-tliet ftehimiet ġuridikament vinkolanti nnegozjati taħt l-awspiċji tal-Kunsill tal-Artiku, jiġifieri l-Ftehim ta' Kooperazzjoni fil-Qasam tat-Tfittxija u s-Salvataġġ Ajrunawtiku u Marittimu fl-Artiku tal-2011, il-Ftehim ta' Kooperazzjoni dwar it-Tħejjija u r-Rispons għat-Tniġġis tal-Baħar minħabba l-Idrokarburi fl-Artiku tal-2013 u l-Ftehim dwar it-Tisħiħ tal-Kooperazzjoni Xjentifika Internazzjonali fl-Artiku tal-2017, |
|
— |
wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-14-il Konferenza tal-Kumitat Permanenti tal-Parlamentari tar-Reġjun Artiku, li saret fit-13 u l-14 ta' April 2021, |
|
— |
wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta' Settembru 2020 intitolata “Ir-Reżiljenza tal-Materja Prima Kritika: It-Twittija tat-Triq lejn Sigurtà u Sostenibbiltà Akbar” (COM(2020)0474), |
|
— |
wara li kkunsidra l-Forum Artiku tal-UE li sar f'Umeå, l-Iżvezja, fl-2019, |
|
— |
wara li kkunsidra r-rapporti tal-Grupp Intergovernattiv ta' Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima (IPCC), b'mod partikolari r-Rapport Speċjali tiegħu dwar l-Oċeani u l-Krijosfera fl-Era tat-Tibdil fil-Klima u r-Rapport Speċjali dwar it-Tisħin Globali ta' 1,5 oC, |
|
— |
wara li kkunsidra r-rapport ta' sinteżi tal-konsultazzjoni tal-Forum tal-Partijiet Ikkonċernati tar-Reġjun Artiku biex jiġu identifikati l-prijoritajiet ta' investiment fundamentali fl-Artiku u l-modi biex jiġu ssemplifikati aħjar il-programmi ta' finanzjament futuri tal-UE favur ir-reġjun, ippubblikati fil-21 ta' Diċembru 2017, |
|
— |
wara li kkunsidra n-nota strateġika taċ-Ċentru Ewropew ta' Strateġija Politika ta' Lulju 2019 intitolata “Walking on Thin Ice: A Balanced Arctic Strategy for the EU”, |
|
— |
wara li kkunsidra t-Trattat tal-Atlantiku tat-Tramuntana, il-Komunikat tas-Summit ta' Varsavja, maħruġ mill-Kapijiet ta' Stat u ta' Gvern parteċipanti fil-laqgħa tal-Kunsill tal-Atlantiku tat-Tramuntana li saret f'Varsavja fit-8 u fid-9 ta' Lulju 2016, u l-analiżi u r-rakkomandazzjonijiet tal-grupp ta' riflessjoni maħtur mis-Segretarju Ġenerali tan-NATO bit-titolu “NATO 2030: United for a New Era” (NATO 2030: Magħquda għal Era Ġdida), |
|
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, |
|
— |
wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A9-0239/2021), |
|
A. |
billi matul dawn l-aħħar għexieren ta' snin, l-Artiku kien reġjun ta' paċi, b'livell baxx ta' tensjonijiet u ta' kooperazzjoni internazzjonali kostruttiva bejn it-tmien Stati Artiċi (id-Danimarka, l-Iżvezja, il-Finlandja, l-Iżlanda, in-Norveġja, ir-Russja, il-Kanada u l-Istati Uniti); billi l-Istati Artiċi u l-komunità internazzjonali għandhom għalhekk iżommuh hekk u jkomplu juru r-rieda politika biex jikkooperaw u jirriżolvu l-kwistjonijiet kontroversjali fir-rispett tad-dritt internazzjonali; |
|
B. |
billi l-importanza ġeopolitika tar-reġjun qiegħda tiżdied, u l-futur tal-Artiku u l-isfidi globali li r-reġjun Artiku għandu quddiemu, li jmorru lil hinn minn dawk tal-Istati Artiċi littorali, jirrikjedu għalhekk governanza fuq diversi livelli, bil-bżonn li jiġu persegwiti l-kooperazzjoni reġjonali u soluzzjonijiet internazzjonali; billi teżisti rabta diretta bejn il-ġeopolitika u s-sigurtà tal-Artiku u s-sitwazzjoni ambjentali tiegħu, li min-naħa tagħha hija influwenzata bil-kbir mill-konsegwenzi tal-attività tal-bniedem f'reġjuni oħra tal-pjaneta; |
|
C. |
billi l-mudell ta' governanza globali tal-Artiku, iċċentrat fuq id-dritt internazzjonali, wera ruħu effikaċi u sod; billi l-kooperazzjoni wriet ruħha l-aktar mod utli biex jiġu stabbiliti relazzjonijiet bejn l-Istati Artiċi; |
|
D. |
billi l-qafas ta' governanza attwali tal-Artiku, iċċentrat fuq il-Kunsill tal-Artiku, għal dawn l-aħħar 25 sena, ta kontribut sinifikanti lill-istabbiltà tar-reġjun; billi l-Kunsill tal-Artiku jirrappreżenta l-forum prinċipali għall-kooperazzjoni Artika u l-gruppi ta' ħidma tiegħu jservu ta' spazju għal kooperazzjoni internazzjonali pożittiva u kostruttiva; |
|
E. |
billi l-ħidma tal-Kunsill tal-Artiku kienet kruċjali biex jiggarantixxi kooperazzjoni paċifika u kostruttiva bejn l-Istati Artiċi, li wasslet għall-konklużjoni ta' diversi ftehimiet vinkolanti bejniethom; billi, fl-imgħoddi, ir-reġjun Artiku kien relattivament ftit affettwat mill-kunflitti ġeopolitiċi dinjin, iżda l-importanza militari u r-rwol strateġiku ġeopolitiku tiegħu qegħdin jiżdiedu; billi s-sigurtà u l-politika tal-Artiku saru dejjem aktar marbuta ma' kwistjonijiet globali u l-iżviluppi barra mill-Artiku jaf ikollhom konsegwenzi għall-Istati Artiċi u viċiversa, u dan jagħmel saħansitra aktar importanti l-fatt li jiġi evitat kwalunkwe effett konsegwenzjali fuq l-Artiku li jkun ġej mit-tensjonijiet ġeopolitiċi u mill-kunflitti f'reġjuni oħrajn; |
|
F. |
billi l-impenn tal-Kunsill tal-Artiku għall-benesseri tal-abitanti tal-Artiku, l-iżvilupp sostenibbli tar-reġjun u l-ħarsien tal-ambjent Artiku, inkluża s-saħħa tal-ekosistemi, iż-żamma u r-restawr tal-bijodiversità, il-konservazzjoni u l-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi naturali huwa appoġġat bis-sħiħ mill-UE; |
|
G. |
billi l-UE ilha żmien twil issostni kooperazzjoni mill-qrib fir-reġjun Artiku u ilha għexieren ta' snin impenjata fl-Artiku permezz tal-involviment tagħha fil-politika tad-Dimensjoni tat-Tramuntana mar-Russja, man-Norveġja u mal-Iżlanda, tal-parteċipazzjoni tagħha fit-twaqqif tal-Kunsill tal-Istati tal-Baħar Baltiku (CBSS), tal-kooperazzjoni tagħha fir-Reġjun Ewro-Artiku ta' Barents, partikolarment fil-Kunsill Ewro-Artiku ta' Barents u fil-Kunsill Reġjonali ta' Barents, tas-sħubijiet strateġiċi tagħha mal-Kanada u mal-Istati Uniti u tal-parteċipazzjoni tagħha bħala osservatur de facto attiv fil-Kunsill tal-Artiku; billi l-UE kkontribwiet b'aktar minn EUR 1 biljun fl-iżvilupp reġjonali u fil-kooperazzjoni transfruntiera fl-Artiku Ewropew; |
|
H. |
billi d-dritt internazzjonali huwa l-bażi tal-impenn u tal-kooperazzjoni internazzjonali fl-Artiku; billi, b'mod partikolari, il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Dritt tal-Baħar (UNCLOS) u l-konvenzjonijiet tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO), li jfornu qafas għall-kooperazzjoni u għall-azzjoni internazzjonali dwar il-kwistjonijiet relatati mal-Oċean Artiku, għandhom jerġgħu jiġu affermati u msaħħa; billi l-UNCLOS tikkostitwixxi l-qafas ġuridiku li fi ħdanu għandhom isiru l-attivitajiet kollha li jikkonċernaw l-oċeani u l-ibħra, tagħti drittijiet ekonomiċi lill-Istati ta' mal-kosta fuq iż-żoni ekonomiċi esklużivi tagħhom u fuq il-blajjet kontinentali tagħhom u tistabbilixxi li l-ibħra internazzjonali mhuma suġġetti għall-ebda sovranità statali; billi l-Istati ta' mal-kosta tal-Artiku kollha kkonfermaw, fid-Dikjarazzjoni ta' Ilulissat, l-impenn tagħhom li jirrispettaw id-dritt internazzjonali, b'mod partikolari l-UNCLOS, fl-iggvernar tal-Oċean Artiku; billi l-IMO tistabbilixxi l-istandards regolatorji globali fil-qasam ta' sikurezza, sigurtà u prestazzjonijiet ambjentali fl-ambitu tat-trasport marittimu internazzjonali; |
|
I. |
billi l-Artiku ntlaqat b'mod partikolari u dejjem iżjed mill-effetti drammatiċi tat-tibdil fil-klima u tad-degradazzjoni tal-bijodiversità, inklużi ż-żieda fit-temperaturi, it-tibdil fil-kundizzjonijiet tas-silġ, in-nirien fil-foresti, iż-żieda fil-livell tal-baħar, it-tibdil tal-mudelli meteoroloġiċi, l-ispeċijiet eżotiċi invażivi, it-telfien gravi tal-bijodiversità u t-taħlil tal-permafrost, li qegħdin jinħassu mal-pjaneta kollha, iżda jirrappreżentaw ukoll riskju għall-infrastrutturi lokali; billi l-istrateġiji ta' adattament lokali u l-protezzjoni tal-ekosistema Artika ma jistgħux jiġu indirizzati b'mod indipendenti mill-qafas globali tal-azzjoni dwar il-klima, u l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Pariġi tinsab fil-qalba ta' tali kooperazzjoni; |
|
J. |
billi f'ċerti nħawi tal-Artiku hemm l-ogħla konċentrazzjoni ta' skart tal-plastik fid-dinja, li diġà qiegħda taffettwa l-ispeċijiet ta' annimali Artiċi, bir-riskju li tikkontamina x-xibka alimentari u, maż-żmien, tagħmel ħsara lill-bniedem; |
|
K. |
billi r-ritmu allarmanti tat-tidwib tal-għata polari tas-silġ fl-Artiku huwa dovut għat-tibdil fil-klima u għal fatturi li bdew prinċipalment barra mill-Artiku; billi t-tibdil fil-klima għandu jitqies bħala multiplikatur tat-theddid, li jħarrax it-tendenzi, it-tensjonijiet u l-instabbiltà eżistenti; |
|
L. |
billi t-tidwib tal-għata polari tas-silġ fl-Artiku u ż-żieda konsegwenzjali fil-livell tal-baħar ikollhom riperkussjonijiet ambjentali, ekonomiċi u għas-sigurtà tal-bniedem gravi; billi t-tidwib tal-għata tas-silġ ta' Greenland jaf jikkawża żieda fil-livell tal-baħar fid-dinja kollha sa 7,2 metri, b'hekk jgħarraq bosta reġjuni tal-pjaneta; billi xi popolazzjonijiet Artiċi diġà qegħdin iġarrbu l-konsegwenzi ta' dan it-tidwib fatt li kkawża flussi migratorji; billi s-silġ li qiegħed idub fi Greenland qiegħed ukoll jaltera l-bijodiversità; |
|
M. |
billi, fost il-varji tipi ta' theddid li għalihom hu espost l-Artiku minħabba l-attività tal-bniedem, wieħed partikolarment preokkupanti huwa t-taħlil tal-permafrost; billi l-permafrost jgħatti madwar 24 % tal-art tal-emisferu tat-Tramuntana, b'mod partikolari partijiet kbar tat-Tramuntana tar-Russja; billi l-permafrost fih perċentwali kbar ta' metan u CO2 perikolużi u waqt li jinħall jerħi gassijiet b'effett ta' serra fl-atmosfera, b'hekk jikkontribwixxi għat-tisħin globali; billi t-taħlil tal-permafrost jista' jbiddel l-ekosistemi u jolqot is-sigurtà b'modi mhux mistennija; |
|
N. |
billi filwaqt li l-isfidi għall-Artiku huma prinċipalment ikkawżati mit-tibdil fil-klima globali u mill-attivitajiet li jsiru barra mir-reġjun Artiku, l-effetti tat-tibdil fil-klima huma partikolarment viżibbli fl-Artiku, peress li l-Artiku qiegħed jisħon b'ritmu tliet darbiet aktar malajr meta mqabbel mal-medja globali u s-silġ tal-baħar Artiku qiegħed idub b'veloċità liema bħalha, biż-żieda fil-livell tal-baħar tħalli impatt soċjali, ambjentali u ekonomiku negattiv mhux biss fir-reġjun iżda wkoll fid-dinja kollha; billi dawn l-effetti qegħdin ibiddlu l-ekosistema, il-ġeografija u l-ekonomija reġjonali peress li qegħdin jiftħu rotot ta' trasport ġodda, b'hekk iżidu l-kummerċ, jagħtu aċċess għal riżorsi naturali rari u jintensifikaw l-attivitajiet ta' riċerka, is-sajd u t-turiżmu; billi wħud minn dawn il-bidliet joffru potenzjal enormi għall-iżvilupp ekonomiku avvanzat mil-lat teknoloġiku, ekokompatibbli u sostenibbli; billi l-isfidi li qed iħallu effetti fuq l-Artiku, b'mod partikolari t-tibdil fil-klima, huma r-responsabbiltà tad-dinja kollha; billi l-UE għandha taġixxi fir-rigward ta' dawn l-isfidi kemm permezz tal-impenji tagħha kif ukoll bis-saħħa tal-assistenza li tagħti lill-oħrajn; |
|
O. |
billi huwa diffiċli li d-diżastri ambjentali kkawżati mill-bniedem fl-Artiku, b'mod partikolari waqt l-estrazzjoni taż-żejt u ta' riżorsi Artiċi oħra, jintrażżnu u jiġu ġestiti u l-eliminazzjoni tal-ħsara kkawżata tista' tiġġenera spejjeż kbar; billi l-akbar tixrid ta' żejt fl-Artiku ġara fis-Siberja f'Mejju 2020, meta aktar minn 20 000 tunnellata diesel nixxew fl-artijiet u fil-passaġġi fuq l-ilma tal-madwar qrib il-belt Russa ta' Noril'sk, u xogħol ta' tindif għadu għaddej; |
|
P. |
billi l-effetti tat-tibdil fil-klima fl-Artiku li l-biċċa l-kbira ġejjin minn barra u l-fatt li l-kompetizzjoni ġeopolitika reġgħet nibtet fir-reġjun jikkostitwixxu fatturi ta' kumplikazzjoni għall-iżvilupp sostenibbli u l-konservazzjoni tal-mezzi ta' sussistenza tradizzjonali fl-ambjent fraġli tal-Artiku u jistgħu jaffettwaw is-sigurtà u l-iżvilupp ekonomiku sostenibbli tar-reġjun; |
|
Q. |
billi l-importanza ġeoekonomika tar-reġjun qiegħda tikber malajr minħabba l-interess dejjem ikbar fir-riżorsi naturali rikki u abbundanti tiegħu, fosthom materja prima kritika, ir-rotot marittimi emerġenti fih u l-potenzjal tiegħu għat-trasport marittimu; billi l-pajjiżi Artiċi għandhom id-dritt li jużaw ir-riżorsi fit-territorju tagħhom stess, iżda għandhom ukoll id-dmir li jagħmlu dan b'mod responsabbli; billi l-esplorazzjoni u l-isfruttament tar-riżorsi tal-Artiku jinvolvu riskji sostanzjali għall-ekosistemi vulnerabbli u għall-popolazzjonijiet lokali fir-reġjun; billi fl-2019 l-UE u r-Renju Unit importaw perċentwal għoli tal-esportazzjonijiet ta' enerġija, metalli, minerali u ħut tal-Istati Artiċi; |
|
R. |
billi l-passaġġ tal-Majjistral, ir-rotta marittima tal-Baħar tat-Tramuntana u r-rotta marittima trans-Polari futura qegħdin jinfetħu minħabba l-fatt li s-silġ qiegħed idub; billi r-riżorsi naturali tar-reġjun Artiku jidħlu bil-kbir fil-ġuriżdizzjoni nazzjonali tal-Istati Artiċi, u ma hemmx dubju dwar is-sjieda ta' dawn ir-riżorsi; billi l-bżonn li jiġu żviluppati u jinstabu soluzzjonijiet sostenibbli għall-produzzjoni u t-trasport ta' enerġija żied id-domanda globali għal elementi tal-materjali tal-art rari, li dawret l-attenzjoni fuq ir-riżorsi naturali fil-biċċa l-kbira mhux sfruttati tal-Artiku; billi r-reġjun Artiku għandu riżerva vasta ta' minerali tal-materjali tal-art rari; billi attwalment 90 % tal-produzzjoni dinjija ta' materjali tal-art rari tiġi miċ-Ċina; |
|
S. |
billi r-responsabbiltà primarja għall-iżvilupp sostenibbli tal-Artiku jerfgħuha l-Istati Artiċi, iżda huwa innegabbli l-impatt sinifikanti tal-fatturi esterni, u l-komunità internazzjonali għaldaqstant għandha l-obbligu li tagħmel dak kollu possibbli biex tipproteġi r-reġjun Artiku u tiżgura l-istabbiltà u s-sikurezza tiegħu; |
|
T. |
billi fl-Artiku ċirkumpolari hemm aktar minn erba' miljun ruħ, fosthom aktar minn 40 poplu indiġenu u komunità lokali differenti u nofs miljun ċittadin tal-UE; billi l-uniku poplu indiġenu rikonoxxut tal-UE, il-poplu Sami, jgħix fir-reġjuni Artiċi tal-Finlandja u tal-Iżvezja, kif ukoll tan-Norveġja u tar-Russja; billi l-popli indiġeni u l-komunitajiet lokali jiżvolġu rwol essenzjali fil-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi naturali u fil-konservazzjoni tal-bijodiversità; billi d-demografija hija importanti għall-iżvilupp reġjonali; |
|
U. |
billi l-kooperazzjoni fil-qasam tar-riċerka xjentifika llum hija aktar minn qatt qabel fundamentali biex jingħelbu l-isfidi li joħolqu d-degradazzjoni ambjentali gravi u t-tibdil fil-klima; |
|
V. |
billi l-UE kkontribwiet b'aktar minn EUR 200 miljun għar-riċerka dwar l-Artiku permezz tal-programm Orizzont 2020; |
|
W. |
billi l-UE hija impenjata taħdem favur settur marittimu globali miftuħ u sigur, konformement mal-Istrateġija Globali tal-UE u mal-Istrateġija dwar is-Sigurtà Marittima tal-Unjoni Ewropea; |
|
X. |
billi l-impenn tal-UE fil-konfront tal-Artiku huwa bbażat fuq l-istorja, il-ġeografija, l-ekonomija u r-riċerka; billi għandhom ikunu enfasizzati l-importanza tal-iżvilupp sostenibbli, tal-politika ta' koeżjoni u tal-kooperazzjoni transfruntiera biex jittaffew it-tensjonijiet ġeopolitiċi; billi l-UE, bħala attur globali, uriet konsistentement l-impenn tagħha favur Artiku paċifiku, nadif f'termini ambjentali, kooperattiv, sostenibbli u prosperu, u timmira li tiggarantixxi futur sostenibbli għall-persuni li jgħixu fl-Artiku; billi l-UE indikat b'mod ċar li lesta tiżvolġi rwol saħansitra aktar prominenti; |
|
Y. |
billi l-UE għandha l-kapaċità li tikkontribwixxi f'diversi modi biex jingħelbu l-isfidi emerġenti potenzjali u jiġu evitati l-kunflitti fl-Artiku; |
|
Z. |
billi attwalment għadha pendenti l-applikazzjoni tal-UE biex issir osservatur sħiħ tal-Kunsill tal-Artiku, u l-membri tiegħu kkonfermaw li rċevew tali applikazzjoni fl-2013; billi d-deċiżjoni finali ġiet differita minħabba r-reżistenza minn ċerti membri tal-Kunsill tal-Artiku; billi l-Parlament preċedentement sostna din l-applikazzjoni; billi l-UE tipparteċipa attivament fix-xogħlijiet tal-gruppi, tat-task forces u tal-gruppi ta' esperti rilevanti tal-Kunsill tal-Artiku; billi l-firxa wiesgħa ta' kompetenzi reġjonali, għarfien espert u inizjattivi eżistenti tal-UE tista' sservi ta' qafas għal proġetti komuni; |
|
AA. |
billi Franza, il-Ġermanja, in-Netherlands, il-Polonja, Spanja u l-Italja, li huma pajjiżi osservaturi fil-Kunsill tal-Artiku, juru involviment sostanzjali fl-Artiku u interess qawwi fi djalogu u f'kooperazzjoni futuri mal-Kunsill tal-Artiku; billi l-Estonja u l-Irlanda applikaw biex isiru osservaturi tal-Kunsill tal-Artiku; |
|
AB. |
billi l-Iżlanda u n-Norveġja, inkwantu sħab impenjati u affidabbli, huma assoċjati mal-UE permezz taż-ŻEE u tal-Ftehim ta' Schengen; |
|
AC. |
billi l-istabbiltà tal-Artiku ġiet ippreservata relattivament sew għal żmien twil, iżda qiegħda iġġarrab dejjem aktar l-effetti tal-interess internazzjonali li qed jiżdied fir-reġjun u tal-panorama tas-sigurtà li qed jinbidel, inkluża r-rimilitarizzazzjoni progressiva tal-Federazzjoni Russa fir-reġjun; billi l-investimenti ekonomiċi u militari tal-Federazzjoni Russa fl-Artiku jaqbżu bil-kbir dawk tal-bqija tal-Istati Artiċi; billi l-Federazzjoni Russa bniet bażijiet militari ġodda u mmodernizzat il-qodma fir-reġjuni tat-Tramuntana u żiedet il-kapaċità antiaċċess/tiċħid ta' żona (A2/AD) biex b'hekk limitat id-drittijiet ta' navigazzjoni fir-rotta marittima tal-Baħar tat-Tramuntana, li tiddikjara b'mod falz li hija passaġġ tal-ilma intern; billi r-Russja għolliet il-Flotta tat-Tramuntana tagħha fl-istatus ta' distrett militari u espandiet diversi fergħat tal-forzi armati tagħha, mgħammra, fost oħrajn, b'sottomarini ġodda u b'bastimenti li jkissru s-silġ bi propulsjoni konvenzjonali u nukleari, radars lesti għall-kumbattiment u sistemi missilistiċi; billi r-Russja reġgħet qajmet il-kunċett ta' “difiża tal-bastjun” maħsub biex jipproteġi l-kapaċitajiet strateġiċi tagħha mill-Baħar ta' Barents sal-Istrett ta' Bering; billi r-Russja żiedet ukoll l-għassa navali u tal-ajru, l-attività sottomarina u t-tattika ta' gwerra elettronika tagħha, u dan huwa żvilupp ferm inkwetanti; billi tali żviluppi ġeopolitiċi wasslu għal żieda fit-taħriġ, fil-mobilizzazzjonijiet, fl-għassa u fl-investimenti f'termini ta' kapaċitajiet fl-Artiku; billi l-militarizzazzjoni tar-reġjun tmur kontra l-ispirtu ta' kooperazzjoni li mexxa r-relazzjonijiet bejn l-Istati fl-Artiku s'issa; |
|
AD. |
billi r-reġjun tal-Baħar ta' Barents serva bħala prova prinċipali għas-sistemi missilistiċi ballistiċi u kruċiera, filwaqt li l-inħawi fil-Lvant ta' Novaya Zemlya kienu ż-żona ewlenija tat-testijiet nukleari; |
|
AE. |
billi r-Russja kisret is-sovranità u l-integrità territorjali tal-pajjiżi ġirien paċifiċi, u mblukkat l-libertà ta' navigazzjoni fil-Baħar ta' Azov, fil-Baħar l-Iswed u fil-Baħar Baltiku, fatt li ma jistax jiġi injorat fil-valutazzjoni tax-xenarji futuri biex tinżamm il-koeżistenza paċifika attwali fl-Artiku; |
|
AF. |
billi l-proġetti u l-inizjattivi ta' portata kbira taċ-Ċina huma motiv ta' tħassib kbir; billi ċ-Ċina ħarġet l-ewwel White Paper tagħha dwar il-Politika Artika f'Jannar 2018 u impenjat ruħha fi sforz fit-tul biex issaħħaħ il-pożizzjoni tagħha fl-Artiku, inkwantu ddikjarat lilha nnifisha “Stat viċin l-Artiku”, bl-ambizzjoni li ssir “potenza polari”, u qiegħda żżid il-kollaborazzjoni mar-Russja fl-Artiku; billi ċ-Ċina ħolqot it-Triq tal-Ħarir Polari għall-kummerċ li jgħaddi mir-reġjun Artiku, bħala estensjoni tal-inizjattiva “Belt and Road” tagħha, u organizzat missjonijiet reġjonali ta' esplorazzjoni xjentifika kif ukoll waqqfet ċentri ta' riċerka fl-Artiku u żviluppat 24 satellita ta' osservazzjoni polari; billi ċ-Ċina pparteċipat attivament fil-Kunsill tal-Artiku u impenjat ruħha fil-kooperazzjoni bilaterali mal-Istati Artiċi individwali u ma' partijiet ikkonċernati oħrajn bil-għan li tikseb l-appoġġ għall-inizjattivi tagħha; |
|
AG. |
billi l-maġġor parti tal-atturi Artiċi aġġornaw l-istrateġiji tagħhom fid-dawl tas-sitwazzjoni li qiegħda tinbidel malajr fl-Artiku u tal-importanza ekonomika u ġeostrateġika dejjem ikbar tar-reġjun; |
Kooperazzjoni internazzjonali bħala pedament ta' Artiku sikur, stabbli, prosperu, aċċessibbli u paċifiku
|
1. |
Jerġa' jafferma li l-Artiku għandu importanza strateġika u politika għall-UE, inkwantu parti kkonċernata mill-Artiku u attur globali, u jissottolinja l-impenn tal-UE li tkun attur responsabbli li jimmira lejn l-iżvilupp sostenibbli u paċifiku fit-tul tar-reġjun permezz tal-kooperazzjoni sħiħa mas-sħab internazzjonali; iqis bħala kruċjali li l-partijiet ikkonċernati kollha, inklużi l-UE u l-Istati Membri tagħha, jaġixxu biex iżommu kooperazzjoni internazzjonali u reġjonali paċifika u intensa, ir-riċerka xjentifika, il-prosperità u livell baxx ta' tensjonijiet fl-Artiku, kif ukoll jirrispondu għall-effetti u għall-konsegwenzi tant allarmanti tat-tibdil fil-klima fir-reġjun; iqis li l-Artiku jiżvolġi rwol kruċjali biex jinżamm bilanċ ambjentali tal-pjaneta, jesprimi sodisfazzjon għall-fatt li r-reġjun ilu żmien twil post ta' paċi u kooperazzjoni internazzjonali produttiva, u jifraħ lill-Kunsill tal-Artiku għall-25 anniversarju bħala l-forum prinċipali għall-kooperazzjoni Artika, li wera l-kapaċità tiegħu li jżomm spirtu ta' kooperazzjoni kostruttiv u pożittiv; |
|
2. |
Isostni l-validità tat-tliet pilastri fundaturi tal-politika integrata tal-UE għall-Artiku, jiġifieri li tingħata risposta ambizzjuża lit-tibdil fil-klima u jiġi ssalvagwardjat l-ambjent Artiku, jiġi promoss l-iżvilupp sostenibbli u tissaħħaħ il-kooperazzjoni internazzjonali; jisħaq fuq l-importanza ta' politika Artika tal-UE bbilanċjata u huwa tal-fehma li l-UE tinsab f'pożizzjoni privileġġata biex tgħin fil-koordinament u fl-integrazzjoni tal-politiki Artiċi tal-Istati Membri u jisħaq, għalhekk, fuq il-bżonn ta' koerenza akbar bejn il-politiki interni u esterni tal-UE f'dak li għandu x'jaqsam mal-kwistjonijiet relatati mal-Artiku; iħeġġeġ lill-UE tinkludi dimensjoni Artika fil-politiki settorjali tagħha, meta jkun opportun; |
|
3. |
Jissottolinja r-rwol importanti li jiżvolġu l-osservaturi tal-Kunsill tal-Artiku, li għandhom esperjenza sostanzjali u ilhom żmien impenjati fil-kooperazzjoni xjentifika u politika fl-Artiku; jilqa' pożittivament, f'dan ir-rigward, id-djalogu li għaddej bejn l-osservaturi u l-Presidenza tal-Kunsill tal-Artiku; jappoġġa l-applikazzjoni tal-UE biex issir osservatur sħiħ fil-Kunsill tal-Artiku u jinkoraġġixxi lill-membri tal-Kunsill tal-Artiku jagħtu tweġiba pożittiva lit-talba tal-UE; jissottolinja, madankollu, li l-UE diġà hija osservatur de facto tal-Kunsill tal-Artiku, u għandha l-possibbiltà li tipparteċipa u tikkontribwixxi b'mod pariġġ bħall-membri osservaturi l-oħra; |
|
4. |
Jisħaq fuq il-fatt li l-UE jeħtiġilha tikkontribwixxi għal governanza multilaterali aħjar tal-Artiku, tippromwovi użu sostenibbli tar-riżorsi u tipproteġi u tippreserva l-Artiku flimkien mal-popolazzjoni tiegħu; jistieden lill-UE tkompli tikkontribwixxi lill-Kunsill tal-Artiku b'għarfien espert u b'finanzjamenti, billi żżid l-impenn tagħha fil-gruppi ta' ħidma tal-Kunsill tal-Artiku u fid-diversi proġetti tiegħu; jemmen li jixraq li r-reġjun tat-Tramuntana jitqies parti tal-viċinat tat-Tramuntana tal-UE u jkollu parteċipazzjoni akbar fil-fora eżistenti; jenfasizza li d-Dimensjoni tat-Tramuntana toffri spazju kostruttiv għall-kooperazzjoni transfruntiera, b'mudell ta' suċċess għall-kooperazzjoni settorjali, li fih l-UE tikkontribwixxi għall-politika komuni bl-istess mod bħar-Russja, in-Norveġja u l-Iżlanda kif ukoll ta' osservaturi oħrajn; jilqa' b'sodisfazzjon il-kooperazzjoni prattika ulterjuri f'firxa wiesgħa ta' oqsma; jenfasizza l-kooperazzjoni bejn l-atturi lokali u nazzjonali, statali u mhux statali, fi ħdan il-Kunsill Ewro-Artiku ta' Barents, li tiegħu l-UE hi membru sħiħ, dwar kwistjonijiet ta' rilevanza partikolari għar-reġjun ta' Barents; jinnota li l-Kunsill Ewro-Artiku ta' Barents żvolġa rwol importanti fil-ħolqien ta' fiduċja u fehim reċiproku fit-Tramuntana, filwaqt li saħħaħ il-kooperazzjoni bejn il-pajjiżi Artiċi; jinnota li l-UE għandha timmira wkoll li tipparteċipa f'fora politiċi oħrajn marbuta mal-iżvilupp tal-Artiku; |
|
5. |
Jilqa' pożittivament il-proċess ta' aġġornament li għaddej tal-politika tal-UE għall-Artiku, li għandu jirrifletti l-interess tal-UE fl-Artiku u jindirizza l-isfidi kombinati taż-żieda fl-interess internazzjonali u tal-bidliet klimatiċi, ambjentali, ġeopolitiċi u ġeoekonomiċi fir-reġjun; iqis li l-politika għandha tinkludi atturi ġodda bħaċ-Ċina u li d-dimensjoni tas-sigurtà tal-Artiku għandha tkun indirizzata fil-politika estera u ta' sigurtà komuni tal-UE; jemmen, b'mod partikolari, li għandha tinkorpora approċċ komprensiv għas-sigurtà, li għandu jinkludi n-nozzjonijiet tal-ambjent u tas-saħħa, kif ukoll il-kwistjonijiet relatati mas-sigurtà marittima; jinnota li tali politika komprensiva aġġornata, ibbażata fuq il-kunsens tal-Istati Membri kollha, se tippermetti lill-UE tiżvolġi rwol effikaċi, proattiv u aktar ambizzjuż fir-reġjun, b'kont meħud tal-isfidi pressanti marbuta mat-tibdil fil-klima u mal-importanza ġeopolitika dejjem akbar tal-Artiku, iżda se taqdi wkoll l-interessi taċ-ċittadini tal-UE, b'mod prevalenti dawk li jgħixu fl-Artiku, u partikolarment tal-popli indiġeni; jisħaq li din il-politika trid tirrifletti kemm id-dimensjoni interna kif ukoll dik esterna tar-relazzjonijiet tal-UE mal-Artiku u għandha tinkludi dimensjoni relatata mal-konnettività sostenibbli, biex jissolvew il-kwistjonijiet fundamentali li jħabbtu wiċċhom magħhom l-abitanti tal-Artiku, bħall-garanzija ta' konnessjonijiet tal-Internet ta' kwalità; |
|
6. |
Huwa tal-fehma li l-politika l-ġdida tal-UE għall-Artiku għandha tintuża b'mod usa' bħala opportunità biex jiżdiedu l-għarfien u l-involviment taċ-ċittadini tal-UE, tad-dinja akkademika u tal-impriżi tal-UE dwar il-kwistjonijiet relatati mal-Artiku; jitlob li jinħoloq portal uniku għall-Artiku li jkopri l-inizjattivi u l-attivitajiet Artiċi kollha tal-istituzzjonijiet tal-UE; |
|
7. |
Josserva li l-interess fl-Artiku u fir-riżorsi tiegħu qiegħed jiżdied; jinsab imħasseb ħafna bl-effetti negattivi tat-tibdil fil-klima, partikolarment is-silġ li qiegħed idub b'ritmu mgħaġġel u l-isfruttament eċċessiv tar-riżorsi, li joħolqu elementi u realtajiet ġodda għal ċerti forom ta' żvilupp ekonomiku u aktar tfixkil għall-ekosistemi Artiċi dejjem aktar fraġli; |
|
8. |
Jenfasizza li mill-mudell ta' governanza komprensiva bbażat fuq id-dritt internazzjonali bbenefikaw l-Istati Artiċi kollha u r-reġjun fl-intier tiegħu, u ħoloq prevedibbiltà u stabbiltà fir-reġjun; jissottolinja li l-istrutturi reġjonali eżistenti jrawmu l-fiduċja u l-kooperazzjoni bejn l-Istati Artiċi; jenfasizza li l-Istati Artiċi għandhom ir-responsabbiltà primarja li jindirizzaw il-kwistjonijiet fi ħdan it-territorji tagħhom; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt, madankollu, li l-forzi esterni għandhom impatt fundamentali fuq l-isfidi attwali u futuri tar-reġjun; itenni li d-dritt internazzjonali huwa l-pedament tal-qafas ġuridiku li jirregola r-relazzjonijiet internazzjonali fl-Artiku u jissottolinja l-importanza tal-UNCLOS bħala bażi tal-attivitajiet marittimi kollha, u b'mod partikolari il-Parti XV tagħha, għal dak li għandu x'jaqsam mar-riżoluzzjoni paċifika tat-tilwim marittimu u d-diversi proċeduri ta' riżoluzzjoni tat-tilwim għad-delimitazzjoni tal-blata kontinentali u għar-riżoluzzjoni tal-kwistjonijiet ta' sovranità fi ħdan l-Artiku fir-rigward tal-ibħra territorjali; itenni l-appell tiegħu lill-UE u lill-Istati Membri biex jiżvolġu rwol aktar inċiżiv fl-implimentazzjoni effikaċi tal-konvenzjonijiet internazzjonali u jistieden lill-Istati Uniti jirratifikaw l-UNCLOS; jissottolinja wkoll l-importanza tal-organi internazzjonali stabbiliti fl-ambitu tal-UNCLOS, fosthom il-Kummissjoni dwar il-Limiti tal-Blata Kontinentali (CLCS), l-Awtorità Internazzjonali ta' Qiegħ il-Baħar (ISA) u t-Tribunal Internazzjonali għad-Dritt tal-Baħar (ITLOS), kif ukoll tal-pjattaformi bħall-Kunsill tal-Artiku, il-Konferenza tal-Parlamentari tar-Reġjun Artiku, il-Kunsill Ewro-Artiku ta' Barents, id-Dimensjoni tat-Tramuntana u n-Nazzjonijiet Uniti, u jibqa' impenjat favur parteċipazzjoni deċiża u attiva fil-kooperazzjoni parlamentari dwar il-kwistjonijiet relatati mal-Artiku; |
|
9. |
Jirrikonoxxi l-istatus tas-sovranità tal-Istati Artiċi u tad-drittijiet sovrani tagħhom f'konformità mad-dritt internazzjonali; jemmen li hija kruċjali s-salvagwardja tar-riżultati li nkisbu fit-tletin sena ta' kooperazzjoni paċifika; jisħaq fuq il-fatt li jenħtieġ li nisfruttaw bis-sħiħ il-kapaċità tal-UE li toffri soluzzjonijiet għall-isfidi potenzjali fil-qasam tas-sigurtà; jissottolinja li, fid-dawl tal-bosta kwistjonijiet kumplessi u konnessi bejniethom relatati mal-iżvilupp ekonomiku, ambjentali u tas-sigurtà tal-Artiku, għad-djalogu dwar il-bżonnijiet tar-reġjun f'dik li hi sigurtà jinħtieġu pjattaformi fil-livell globali, reġjonali u lokali; |
Tibdil fil-klima fl-Artiku
|
10. |
Jesprimi tħassib kbir għar-riżultati tar-Rapport Speċjali tal-IPCC dwar l-Oċeani u l-Krijosfera fl-Era tat-Tibdil fil-Klima, skont liema, f'dawn l-aħħar għexieren ta' snin, it-tisħin globali ċekken b'mod mifrux il-krijosfera, b'telf tal-massa tas-saff tas-silġ u tal-glaċieri, tnaqqis tal-kopertura ta' borra u tal-estensjoni u tal-ħxuna tas-silġ tal-baħar Artiku u żieda fit-temperatura tal-permafrost; huwa inkwetat mhux ftit bil-konsegwenzi fuq is-saħħa pubblika u s-sigurtà tat-taħlil tal-permafrost, li jħalli mikxufin batterji u virus li baqgħu sekli jew millennji sħaħ inattivi; |
|
11. |
Jisħaq fuq il-fatt li l-Artiku qiegħed jitlef il-bijodiversità b'ritmu allarmanti u jesprimi tħassib kbir rigward ir-riżultati tar-Rapport ta' Valutazzjoni Globali tal-IPBES dwar il-Bijodiversità u s-Servizzi Ekosistemiċi; jissottolinja li t-telfien ta' bijodiversità mhuwiex dovut biss għat-tibdil fil-klima, iżda wkoll għall-estrazzjoni tal-minerali fl-oċean, li skont l-IPBES x'aktarx se tiżdied fl-Artiku hekk kif idub; |
|
12. |
Jesprimi tħassib għar-rapporti skont liema l-batterji merħijin meta jinħall il-permafrost jirrilaxxaw karbonju dannuż għall-klima, iżda dawn il-batterji, flimkien mal-virus, jistgħu jikkostitwixxu theddida serja għal saħħet l-annimali u anki għal saħħet il-bniedem; josserva li t-tibdil fil-klima u t-taħlil tal-permafrost qegħdin ikollhom effetti ta' ħsara fuq il-possibbiltà li dak li jkun jgħix u jaħdem fir-reġjun, billi t-tnejn li huma wasslu għat-telf u għad-degradazzjoni tal-infrastrutturi, tat-toroq u tal-bini eżistenti, kif ukoll għal sensiela ta' inċidenti industrijali u fit-trasport, u jheddu wkoll is-siti tal-patrimonju kulturali u l-istil ta' ħajja tal-popli indiġeni; |
|
13. |
Jenfasizza li l-UE għandha ssegwi politiki li jiżguraw li l-miżuri biex jiġi indirizzat it-tħassib ambjentali jikkunsidraw l-interessi tal-abitanti tar-reġjun Artiku, inklużi l-popli indiġeni tiegħu, għall-protezzjoni u għall-iżvilupp tar-reġjun; |
|
14. |
Iħeġġeġ lill-UE tieħu rwol ta' gwida fil-ħidma biex jissawwar pjan ta' azzjoni ambizzjuż fil-qasam tal-klima għall-Artiku, billi tindirizza l-mitigazzjoni tal-emissjonijiet globali ta' gassijiet b'effett ta' serra u l-adattament għat-tibdil fil-klima, issostni fl-istess ħin soluzzjonijiet innovattivi rilevanti għall-Artiku; |
Żviluppi ġeopolitiċi fl-Artiku
|
15. |
Jilqa' pożittivament il-fatt li l-istabbiltà tal-Artiku baqgħet żmien twil mhux affettwata mill-kunflitti fi nħawi oħra tad-dinja u jissottolinja l-importanza li jiġu evitati l-effetti konsegwenzjali fl-Artiku mill-iżviluppi ġeopolitiċi f'reġjuni oħra; josserva, madankollu, li s-sitwazzjoni militari u tas-sigurtà fl-Artiku nbidlet radikalment f'dawn l-aħħar snin, u jirrikonoxxi l-importanza strateġika tar-reġjun; josserva li Artiku sikur, stabbli, sostenibbli, paċifiku u prosperu jiżvolġi rwol kruċjali għas-sigurtà usa' tal-Ewropa u għall-kuntest strateġiku tagħha; jenfasizza, barra minn hekk, li l-attività militari fir-reġjun jeħtieġ tkun prevedibbli, trasparenti u mwettqa b'tali mod li jippromwovi s-sigurtà u l-istabbiltà, billi żieda fil-militarizzazzjoni, flimkien ma' relazzjonijiet ġeopolitiċi dejjem agħar fil-livell globali, tista' tikkawża inċidenti u aktar riskji għas-sigurtà; jappella, f'dan is-sens, għal djalogu reġjonali msaħħaħ, kooperazzjoni transfruntiera u moderazzjoni fl-isfera militari, u jinkoraġġixxi proċess ta' negozjati u miżuri maħsuba biex isaħħu l-fiduċja mmirati lejn l-objettiv fit-tul li jonqos it-tagħmir militari fir-reġjun; |
|
16. |
Jinnota s-sitwazzjoni ġeografika partikolari tal-Federazzjoni Russa, li l-ilmijiet territorjali tagħha jaqbżu bil-kbir dawk tal-Istati Artiċi kollha l-oħra; jenfasizza, f'dan ir-rigward, li l-karatteristiċi ġeografiċi speċifiċi tar-Russja jagħmluha awtomatikament interlokutur, iżda jagħtuha wkoll aktar responsabbiltà; |
|
17. |
Josserva l-post ta' prominenza tal-Artiku fl-istrateġija militari tal-atturi kollha impenjati fir-reġjun u jħeġġiġhom jattwaw il-politiki Artiċi tagħhom fir-rispett sħiħ tad-dritt internazzjonali; jesprimi tħassib gravi bit-tisħiħ progressiv tal-forzi militari min-naħa tar-Russja, l-aktar wieħed vast fost l-Istati Artiċi u jinkludi l-iżvilupp ta' kapaċitajiet A2/AD, kif ukoll ir-riattivazzjoni u r-rikostruzzjoni tal-forzi nukleari militari marittimi u flotta ta' bastimenti li jkissru s-silġ, li fuq uħud minnhom ir-Russja qiegħda tippjana li tinstalla missili kruċiera u sistemi ta' gwerra elettronika; iqis li dawn l-azzjonijiet mhumiex ġustifikati mis-sitwazzjoni militari fil-post u jaqbżu b'mod sinifikanti l-iskopijiet difensivi leġittimi, fatt li jirrifletti għalhekk ir-rieda tar-Russja li tilħaq is-superjorità militari strateġika fir-reġjun, li jkun iwassal għal instabbiltà u riskju akbar ta' konfront u jitbiegħed mill-Inizjattiva ta' Murmansk tal-1987, li kien jimmira li jittrasforma l-Artiku f'“żona ta' paċi” internazzjonali; iħeġġeġ lin-nazzjonijiet ċirkumpolari ma jibagħtux stakkamenti militari jew xjentifiċi protetti minn forzi militari; |
|
18. |
Jiddispjaċih li r-Russja, minflok ma enfasizzat il-vantaġġi ta' impenn ta' kooperazzjoni, adottat perspettiva ħafna aktar kompetittiva, saħansitra antagonistika, rigward l-Artiku, u kkunsidrat ir-reġjun bħal sfera ta' espansjoni militari, territorjali u ekonomika u arena għall-ambizzjonijiet tagħha ta' potenza kbira; |
|
19. |
Jistieden lill-Istati Artiċi jimpenjaw ruħhom fi djalogu kostruttiv u reċiprokament vantaġġjuż fir-rigward tal-kwistjonijiet kollha, mill-ħarsien tal-ambjent sal-iżvilupp ekonomiku u sal-operazzjonijiet militari; jissottolinja li l-UE u r-Russja għandhom interessi komuni importanti f'għadd ta' setturi marbuta mal-Artiku, anki fil-qasam tas-sigurtà marittima u tal-kooperazzjoni transfruntiera dwar il-kwistjonijiet ambjentali; jenfasizza, madankollu, li kooperazzjoni kostruttiva għandha tkun konsistenti mal-prinċipju tal-impenn selettiv, anki fl-oqsma tal-klima u tal-ambjent, ma għandhiex tikkomprometti l-objettiv tas-sanzjonijiet u tal-miżuri restrittivi adottati bħala riżultat tal-azzjonijiet tal-Gvern Russu fi nħawi oħra tad-dinja u għandha tkun koerenti mal-istrateġija tal-UE dwar ir-relazzjonijiet mal-Federazzjoni Russa; josserva li l-Kunsill tal-Artiku għandu jitqies bħala pjattaforma li fiha jinżamm u jitkompla djalogu miftuħ mar-Russja dwar kwistjonijiet importanti għall-UE wkoll; |
|
20. |
Iqis li l-inklużjoni tal-Artiku min-naħa taċ-Ċina fil-programmi ta' żvilupp ekonomiku tagħha, bl-aspirazzjoni li tintegra r-rotta marittima tal-Baħar tat-Tramuntana tal-Artiku fl-inizjattiva tagħha “Belt and Road” (bħala t-“Triq tal-Ħarir Polari”), għandha tkun suġġetta għal osservazzjoni mill-qrib min-naħa tal-UE u meqjusa fl-ambitu tal-politika Artika aġġornata tagħha, inkwantu tqajjem dubji dwar kwalunkwe idea li l-Artiku jista' jitqies reġjun awtonomu, protett mill-ġeopolitika globali; jinnota, f'dan ir-rigward, l-investimenti Ċiniżi fi proġetti ta' riċerka, f'bastimenti ġodda li jkissru s-silġ u fi proġetti infrastrutturali strateġiċi fl-Artiku, li jfakkru fil-mod li bih il-pajjiż jopera fi nħawi oħra tad-dinja, u jfakkar li l-UE ma għandhiex tnaqqas mill-influwenza importanti tagħha fuq il-pajjiżi terzi f'dan il-qasam; jesprimi tħassib għat-tentattivi taċ-Ċina li tinvesti fil-portijiet marittimi tul ir-rotta marittima tal-Baħar tat-Tramuntana u għat-tentattivi tagħha li tikseb, fost oħrajn, id-drittijiet ta' estrazzjoni tal-minerali bħala mod biex tistabbilixxi l-preżenza tagħha fl-Artiku u jħeġġeġ lill-Istati Artiċi jagħmlu analiżi bir-reqqa tal-investimenti barranin fl-entitajiet u fl-infrastrutturi tagħhom ta' importanza strateġika; |
Salvagwardja tal-libertà ta' navigazzjoni
|
21. |
Jilqa' favorevolment l-adozzjoni u d-dħul fis-seħħ, fl-1 ta' Jannar 2017, tal-Kodiċi Internazzjonali tal-IMO għall-Bastimenti li Joperaw fl-Ilmijiet Polari (Kodiċi Polari); |
|
22. |
Jitlob li ssir valutazzjoni tal-implimentazzjoni tal-Kodiċi Polari tal-IMO, kif ukoll tal-istandards u tal-obbligi previsti mill-konvenzjonijiet SOLAS u MARPOL, biex taċċerta l-implimentazzjoni sħiħa tagħhom mill-entitajiet li joperaw fl-Artiku u tidentifika lakuni u dgħufijiet li għandhom bżonn jiġu indirizzati ulterjorment; iħeġġeġ lill-Istati kollha ta' mal-kosta tal-Artiku jieħdu malajr il-miżuri neċessarji għall-applikazzjoni sħiħa tal-Kodiċi Polari; jinkoraġġixxi lill-bastimenti mhux SOLAS jimplimentaw volontarjament dawk il-miżuri ta' sigurtà u jsegwu miżuri u linji gwida oħrajn għal navigazzjoni u operazzjonijiet sikuri u li jirrispettaw l-ambjent fl-Artiku; |
|
23. |
Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu rwol aktar attiv fil-promozzjoni tal-implimentazzjoni effikaċi tal-konvenzjonijiet internazzjonali, bħall-Ftehim ta' Pariġi, il-Konvenzjoni ta' Minimata, il-Konvenzjoni fuq it-tniġġis tal-arja transkonfini fuq distanza kbira, il-Protokoll ta' Gothenburg, il-Konvenzjoni ta' Stokkolma, il-Kodiċi Polari, il-Konvenzjoni ta' Aarhus u l-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika; |
|
24. |
Iħeġġeġ responsabbiltà kondiviża għas-sikurezza tal-ħajja fuq il-baħar u s-sostenibbiltà tal-ambjenti polari peress li t-trasport marittimu polari jikber f'termini ta' volum u jiddiversifika ruħu f'termini ta' natura fis-snin li ġejjin; jilqa' pożittivament, f'dan ir-rigward, barra mill-Kodiċi Polari, il-miżuri ta' organizzazzjoni tat-traffiku tal-bastimenti mmirati li jnaqqsu r-riskju ta' inċidenti kif ukoll ż-żoni perikolużi fejn l-aċċess mhuwiex rakkomandat bil-għan li titjieb is-sikurezza tan-navigazzjoni u jitħares ambjent fraġli u uniku; jenfasizza r-rwol tal-UE u tal-Istati Membri tagħha biex jikkontribwixxu għall-prevenzjoni u għar-riżoluzzjoni tal-kunflitti fl-Artiku, għall-bini ta' mekkaniżmi ta' sigurtà ċivili, għat-tqawwija tal-kapaċitajiet ta' ġestjoni tal-kriżijiet u tal-infrastrutturi ta' tiftix u salvataġġ; jissottolinja li l-UE tista' tikkontribwixxi bil-kompetenza fis-settur tas-sigurtà u tas-sikurezza marittima, bil-kapaċità u bl-għarfien tagħha fil-qasam tat-trasport marittimu u tan-navigazzjoni; jirrikonoxxi li diġà teżisti kooperazzjoni transfruntiera sinifikanti fl-operazzjonijiet ta' tiftix u salvataġġ; jinkoraġġixxi lill-UE żżid il-kontributi tagħha għall-prevenzjoni tal-emerġenzi, għat-tħejjija u għar-rispons għad-diżastri, fl-ambitu tal-Kunsill tal-Artiku, tal-Forum tas-servizzi tal-gwardja tal-kosta tal-Artiku u tal-Kunsill Ewro-Artiku ta' Barents; jinnota bi tħassib, madankollu, l-iżvilupp u ż-żieda rapida tat-traffiku navali u tal-estrazzjoni ta' enerġija tul ir-rotta tal-Baħar tat-Tramuntana, li saret għajn ta' tensjonijiet ġeopolitiċi u tħassib ambjentali; josserva l-interessi ekonomiċi dejjem ikbar fl-iżvilupp tar-rotta marittima tal-Baħar tat-Tramuntana, notevolment tar-Russja u taċ-Ċina, bħala mezz biex jiġi stimolat it-tkabbir ekonomiku u bħala network ta' trasport nazzjonali kompetittiv fil-livell globali; jinnota l-iżvilupp ta' proġetti enerġetiċi fuq skala kbira, bħall-kooperazzjoni attwali bejn ir-Russja u ċ-Ċina fil-proġetti Yamal LNG u Arctic LNG 2 u jinsab imħasseb bil-fatt li tali proġetti jistgħu jżidu b'mod sinifikanti l-volumi tat-trasport marittimu tul ir-rotta marittima tal-Baħar tat-Tramuntana u jimplikaw pressjoni notevoli fuq ekosistema Artika diġà fil-periklu; |
|
25. |
Jirrikonoxxi l-vantaġġ numeriku kbir tar-Russja rigward il-programmi ta' żvilupp ta' bastimenti li jkissru s-silġ u l-iżvilupp ta' dawn il-programmi min-naħa taċ-Ċina u jinkoraġġixxi wkoll lill-Istati Membri u lill-pajjiżi sħab oħra jsaħħu l-kapaċitajiet tagħhom f'dan ir-rigward; iqis li l-UE għandha tippromwovi l-kostruzzjoni u l-istazzjonament ta' aktar bastimenti li jkissru s-silġ u bastimenti rinforzati għas-silġ li jtajru bandiera tal-UE; |
|
26. |
Jissottolinja l-bżonn li jissaħħu s-sorveljanza marittima u l-kondiviżjoni tal-informazzjoni fir-reġjun Artiku; jappoġġa aktar investimenti fil-monitoraġġ tal-ispazju u fin-navigazzjoni spazjali permezz tan-networks satellitari Copernicus u Galileo u l-informazzjoni in situ fin-Network Ewropew ta' Osservazzjoni u Data Marittima (EMODnet), bil-għan li titjieb ir-risposta għall-emerġenzi, is-sikurezza tan-navigazzjoni u l-għarfien tat-tibdil fil-klima; jinnota li ż-żieda fl-attività tal-bniedem fir-reġjun, inkluż turiżmu li qiegħed jiżdied, tqajjem sensiela ta' tħassib rigward is-sigurtà tal-persuni, b'mod partikolari f'kuntest ikkaratterizzat minn kundizzjonijiet meteoroloġiċi avversi u kapaċitajiet limitati ta' tiftix u salvataġġ (SAR); huwa tal-fehma li l-kooperazzjoni internazzjonali u sħubijiet stretti bejn is-setturi militari, pubbliku u mhux governattiv huma essenzjali biex jagħtu protezzjoni ċivili adegwata fir-reġjun; jissottolinja l-bżonn li jiġu promossi u skambjati l-aħjar prattiki fil-qasam tal-SAR u jingħata kontribut lill-interoperabbiltà tal-unitajiet SAR permezz ta' taħriġ konġunt; jirrakkomanda lill-Istati Membri jikkunsidraw il-ħolqien ta' proġetti ġodda fl-ambitu tal-kooperazzjoni strutturata permanenti, pereżempju ċċentrati fuq attivitajiet ta' SAR jew fuq ir-risposta ambjentali, li jkunu mmirati lejn it-tisħiħ tal-kapaċitajiet fl-ambitu tal-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni fl-Artiku; jinkoraġġixxi lill-UE u lill-Istati Membri jagħmlu taħriġ li jissimula l-mod kif jista' jiġi implimentat fuq livell wiesa' l-Mekkaniżmu għall-Protezzjoni Ċivili fl-Artiku; |
|
27. |
Jinsisti fuq il-fatt li huwa fundamentali li d-drittijiet tal-bastimenti barranin fl-ambitu tal-UNCLOS, b'mod partikolari mill-Artikolu 17 sal-Artikolu 21 u mill-Artikolu 37 sal-Artikolu 41, inklużi d-dritt ta' passaġġ innoċenti, id-dritt ta' tranżitu u l-libertà ta' navigazzjoni, ikunu rispettati bis-sħiħ fl-Artiku; jikkundanna l-azzjonijiet tar-Russja li jillimitaw id-drittijiet ta' navigazzjoni tul ir-rotot marittimi tal-Baħar tat-Tramuntana billi tiddeżinjahom bħala ilmijiet interni suġġetti għall-kontroll sovran komplut tagħha, toħloq ostakli regolatorji u amministrattivi għan-navigazzjoni ta' bastimenti barranin tul ir-rotta u timponi obbligu li jinkiseb il-permess tar-Russja għad-dħul u għat-tranżitu fiż-żona ekonomika esklużiva tagħha u fl-ilmijiet territorjali tagħha, u mingħajr ma tipprevedi l-ebda deroga espressa għall-bastimenti li jgawdu minn immunità sovrana; jisħaq fuq il-fatt li kwalunkwe miżura maħsuba biex tillimita l-libertà ta' navigazzjoni għandha tkun konsistenti mal-UNCLOS u mad-dritt internazzjonali konswetudinarju; jistieden lill-Federazzjoni Russa tikkonforma mar-regoli kodifikati fl-UNCLOS u tirrispetta l-impenji meħuda billi pparteċipat fl-appelli annwali tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti biex l-Istati li huma partijiet kontraenti jiżguraw li r-rivendikazzjonijiet marittimi tagħhom ikunu konformi mal-UNCLOS; |
|
28. |
Jissottolinja li l-iżvilupp ta' passaġġi fit-Tramuntana għat-trasport għandu jkun sostenibbli u jikkontribwixxu għal tranżizzjoni aktar ekoloġika; jinnota li, b'mod speċifiku, kollegamenti ferrovjarji ġodda fit-Tramuntana jkunu jistimolaw lill-ekonomiji tal-Istati tat-Tramuntana u tal-Baltiku u jtejbu l-aċċess għas-suq fid-dimensjoni Tramuntana-Nofsinhar; jistieden għaldaqstant lill-Kummissjoni tindirizza l-kwistjonijiet relatati mat-trasport fit-Tramuntana u tidentifika l-opportunitajiet fil-kuntest tas-Sħubija għat-Trasport u għal-Loġistika tad-Dimensjoni tat-Tramuntana (NDPTL); jissottolinja li hemm bżonn kollegamenti aħjar fi ħdan ir-reġjun tad-Dimensjoni tat-Tramuntana bil-għan li jonqsu d-distanzi u tkun żgurata l-konnettività bħala risposta għall-iżvilupp globali; |
Żvilupp sostenibbli u sfruttament tar-riżorsi strateġiċi
|
29. |
Jissottolinja l-importanza tal-Artiku għas-sigurtà enerġetika tal-UE, jinsisti bil-qawwa fuq l-isfruttament sostenibbli u xjentifiku tar-riżorsi enerġetiċi fl-Artiku u jenfasizza l-bżonn ta' politika msaħħa fis-settur tal-enerġiji rinnovabbli ġġenerati mill-UE u tal-effiċjenza enerġetika li tnaqqas b'mod sinifikanti d-dipendenza tal-Unjoni minn sorsi esterni u għalhekk ittejjeb il-pożizzjoni tagħha f'termini ta' sigurtà; jisħaq fuq il-bżonn li jkun miġġieled it-tibdil fil-klima billi jiġu rispettati l-għanijiet tal-Ftehim ta' Pariġi; |
|
30. |
Jinnota li, bħala riżultat tat-tibdil fil-klima u tat-tnaqqis konsegwenti tas-silġ, iż-żieda fl-aċċessibbiltà tar-riżorsi enormi ta' idrokarburi fir-reġjun Artiku qiegħda tbiddel l-importanza ġeostrateġika tar-reġjun, b'konsegwenzi potenzjali għall-istabbiltà internazzjonali; jistieden lill-Istati tar-reġjun ikomplu jirriżolvu l-kunflitti attwali jew futuri dwar l-aċċess għar-riżorsi naturali fl-Artiku permezz ta' djalogu kostruttiv bi qbil mad-dritt internazzjonali, jiġifieri l-UNCLOS, u fl-ispirtu tad-Dikjarazzjoni ta' Ilulissat tal-2008; |
|
31. |
Jirrikonoxxi r-riskju ambjentali li jirrappreżenta l-isfruttament taż-żejt u tal-gass fl-Artiku; jisħaq li l-iżvilupp ekonomiku tal-Artiku, b'mod partikolari l-esplorazzjoni u l-isfruttament tar-riżorsi naturali fl-Artiku, għandu jirrispetta d-dritt internazzjonali kif ukoll il-konvenzjonijiet u r-regoli internazzjonali rilevanti, u jkun konformi ma' standards ambjentali prekawzjonali rigorużi, u jitlob l-istabbiliment ta' rekwiżiti stretti għall-esplorazzjoni u għall-isfruttament ta' riżervi ġodda ta' idrokarburi fir-reġjun; jinsab imħasseb, f'dan ir-rigward, bit-tentattivi, partikolarment min-naħa tar-Russja, kif ukoll ta' impriżi privati ta' pajjiżi oħra, li jippersegwu proġetti ta' sfruttament ta' portata wiesgħa u b'impatt qawwi mingħajr valutazzjoni adegwata tal-impatt ambjentali tagħhom; iħeġġeġ l-Istati Artiċi kollha, għaldaqstant, jiżguraw valutazzjoni tal-impatt ambjentali ex ante adegwata ta' kwalunkwe proġett ta' sfruttament u jissottolinja l-importanza li jiġu rispettati l-istandards regolatorji; |
|
32. |
Jisħaq li l-ħarsien tal-ambjent u l-ġestjoni tat-tniġġis ikkawżat mill-bniedem għandhom ikunu objettivi kruċjali fl-Artiku; jiskoraġġixxi l-isfruttament tar-riżorsi Artiċi jekk jintwera b'mod xjentifiku li dan jikkawża danni irreparabbli lill-ekosistema tal-Artiku u mhux biss; |
|
33. |
Jilqa' pożittivament ix-xogħol li għamel il-Kunsill tal-Artiku biex jindirizza t-tniġġis fl-Artiku u jistieden lill-UE tiżvolġi rwol attiv u tagħti assistenza f'dan ir-rigward; |
|
34. |
Jinsab ferm inkwetat minħabba d-diżastru ambjentali reċenti kkawżat mill-kumpanija Norilsk Nickel, li sfat fl-akbar tixrid ta' żejt qatt irreġistrat fl-Artiku polari, iżda anki fl-ippumpjar fit-tundra ta' ilma mormi tossiku li ġej minn baċir ta' dekantazzjoni u każijiet ta' tixrid oħra li jiġru regolarment iżda ma jiġux irreġistrati fl-istatistika uffiċjali; jilqa' pożittivament id-deċiżjoni tal-qorti li timmulta lill-kumpanija responsabbli tad-diżastru, iżda fl-istess ħin jesprimi t-tħassib tiegħu għall-aċċess limitat għall-postijiet fejn seħħ l-inċident mogħti lil ġurnalisti u esperti u jistieden lill-awtoritajiet Russi jiżviluppaw proċeduri trasparenti u effikaċi biex jiġu rrapportati u monitorjati diżastri ambjentali bħal dan; jiddispjaċih li tali inċidenti jiġru spiss fl-artijiet tal-popli indiġeni, b'hekk ma jkunux jistgħu jkomplu jgħixu skont l-istil ta' ħajja tradizzjonali tagħhom; jistieden lill-UE ssostni d-difensuri tad-drittijiet ambjentali u l-ġurnalisti li jinvestigaw dwar il-każijiet u tuża r-riżorsi tagħha, bħal Copernicus, biex timmonitorja l-każijiet ta' tniġġis fl-Artiku u tagħmel valutazzjoni bir-reqqa tal-konsegwenzi f'termini ekoloġiċi u umani tal-isfruttament bl-iskop uniku li jsir qligħ; jinkoraġġixxi l-kooperazzjoni mal-Istati Artiċi fl-iżvilupp ta' sistemi ta' risposta rapida għall-ġestjoni f'ħin reali tad-diżastri ambjentali, b'mod partikolari t-tixrid ta' żejt; |
|
35. |
Jiddispjaċih bil-fatt li l-kumpaniji Russi għadhom inaqqsu sal-minimu l-investimenti tagħhom fil-ħarsien tal-ambjent u fl-impjanti ta' produzzjoni biex jaqilgħu l-ogħla profitt fl-iqsar żmien possibbli, bl-emissjoni kostanti konsegwenti ta' sustanzi tossiċi fl-atmosfera, li qerdet mhux biss l-ambjent iżda wkoll l-parti l-kbira tal-bliet Artiċi, bħal Noril'sk, li huma fost l-aktar bliet imniġġsa tad-dinja; |
|
36. |
Huwa tal-fehma li l-Artiku għandu jiżvolġi rwol ċentrali fl-Alleanza Ewropea dwar il-Materja Prima, billi tiżdied il-produzzjoni Ewropea ta' minerali kritiċi, tonqos id-dipendenza miċ-Ċina għall-metalli tal-materjali tal-art rari u jiġu żviluppati opportunitajiet għal tkabbir ekonomiku ekoloġiku, u dan huwa kundizzjoni essenzjali għall-iżvilupp ulterjuri tat-teknoloġiji ekoloġiċi u għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, li tikkostitwixxi t-theddida ewlenija għar-reġjun; huwa tal-fehma li d-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet lokali rigward l-estrazzjoni tar-riżorsi minerali għandhom jittieħdu b'mod trasparenti; jilqa' b'sodisfazzjon l-inizjattivi fl-Artiku Ewropew dwar l-estrazzjoni tal-minerali sostenibbli u t-tnaqqis tal-emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju permezz, pereżempju, tal-ewwel proġett ta' produzzjoni ta' ħadid mingħajr fossili fid-dinja, HYBRIT, b'kont meħud tad-domanda dejjem akbar għall-azzar u tal-bżonnijiet ta' soċjetà dejjem aktar elettrifikata; |
|
37. |
Jinnota li l-Artiku għandu ħafna riżorsi minerali u jissottolinja li l-Artiku Ewropew jiżvolġi rwol importanti għall-provvista ta' materja prima tal-UE, fost oħrajn, b'riżorsi, teknoloġiji u kompetenzi tekniċi essenzjali li huma neċessarji biex jinkisbu t-tranżizzjonijiet diġitali u ekoloġika; jinnota li l-maġġor parti tal-materja prima kritika tal-UE tinsab fl-Artiku, li, jekk ġestita b'mod xieraq u sostenibbli, tista' ssaħħaħ l-awtonomija tal-UE; jieħu nota tal-fatt li wieħed mill-fatturi li jixprunaw lil Beijing tikseb il-kontroll fuq ir-riżervi tal-Artiku huwa x-xewqa li żżomm pożizzjoni dominanti fil-ktajjen ta' provvista ta' riżorsi vitali u komponenti kruċjali tat-teknoloġiji emerġenti; |
|
38. |
Jitlob aċċessibbiltà akbar tal-infrastrutturi diġitali fl-Artiku, biex b'hekk ikunu promossi l-imprenditorjalità, l-innovazzjoni u d-diversifikazzjoni tal-iżvilupp ekonomiku; jissottolinja l-importanza li jiġi promoss l-użu tal-enerġija rinnovabbli fil-komunitajiet Artiċi remoti; jinkoraġġixxi t-tkomplija tax-xogħlijiet dwar is-soluzzjonijiet enerġetiċi innovattivi u dwar il-kostruzzjoni relatata ta' kapaċità fl-Artiku fid-dawl tal-prevenzjoni tat-tibdil fil-klima, b'kont meħud tal-bżonnijiet tas-soċjetà; jisħaq fuq l-importanza strateġika tal-kejbils sottomarini għat-telekomunikazzjoni fl-Atlantiku tat-Tramuntana, li jiżguraw aktar minn 95 % tat-telekomunikazzjonijiet internazzjonali; itenni l-importanza ta' kooperazzjoni trans-Atlantika msaħħa għall-protezzjoni u għall-iżgurar tar-rispett tal-istrumenti internazzjonali li jirregolaw il-kejbils sottomarini, inkluża l-UNCLOS; jenfasizza r-rwol li l-Artiku jiżvolġi fir-rigward tal-vantaġġ kompetittiv tiegħu f'termini klimatoloġiċi u ġeografiċi fil-konnettività diġitali bejn l-Amerka ta' Fuq, l-Ewropa u l-Asja, u bħala post għaċ-ċentri ta' ħżin tad-data; jinnota li l-awtostradi diġitali l-ġodda, li jestendu ruħhom permezz ta' sistemi vasti u infrastruttura ta' kejbils tal-fibra ottika, għandhom jippermettu wkoll konnettività diġitali aħjar għall-komunitajiet Artiċi kif ukoll joffri appoġġ tas-saħħa u servizzi soċjali (pereżempju permezz tat-telemediċina), edukazzjoni online u aċċess aktar faċli, b'mod ġenerali, għall-ekonomija globali; |
|
39. |
Jirrikonoxxi n-nuqqas ta' investimenti fir-reġjun Artiku; jemmen li l-UE tista' tikkontribwixxi fl-iżvilupp ekonomiku, soċjali u sostenibbli għall-ġid tal-komunitajiet Artiċi, b'mod partikolari fis-setturi tal-enerġija, tat-trasport u tal-infrastrutturi; iqis li r-reġjuni Artiċi fihom jilqgħu industriji innovattivi essenzjali għal żvilupp sostenibbli; |
|
40. |
Jisħaq fuq il-fatt li distanzi twal, żoni skarsament popolati, skwilibriji klimatiċi u demografiċi qawwijin ifissru li ż-żieda tal-konnettività, tal-aċċessibbiltà u tal-integrazzjoni tal-komunitajiet bis-saħħa tal-investimenti fit-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni u fl-infrastrutturi tat-trasport (ferrovjarju, marittimu, fuq l-art u bl-ajru) hi kruċjali biex jitjiebu l-produttività u l-kummerċ fi ħdan l-Artiku u barra minnu; jemmen li trasport aħjar u l-konnettività bil-broadband se jżidu wkoll l-opportunitajiet ta' xogħol transfruntier u l-mobbiltà tal-istudenti kif ukoll l-espansjoni ulterjuri tal-kooperazzjoni; jenfasizza l-utilità ta' strumenti bbażati fuq il-post, bħall-istrateġiji ta' speċjalizzazzjoni intelliġenti u l-kooperazzjoni territorjali, biex jiġu adattati l-investimenti sostenibbli fl-Artiku għas-sitwazzjoni lokali u jemmen li dawn il-politiki Ewropej għandhom ikunu żviluppati aktar u marbuta mal-politika Artika tal-UE; jitlob li tiġi stabbilita pjattaforma speċjali ta' investiment li tkun tiffaċilita kooperazzjoni ekonomika aktar mill-qrib bejn l-ekonomiji tal-UE u tal-Artiku, f'kollaborazzjoni mal-Bank Ewropew tal-Investiment u l-Fond Ewropew tal-Investiment; |
|
41. |
Jieħu nota tar-rwol tas-settur privat fl-iżvilupp ta' soluzzjonijiet sostenibbli għall-Artiku; jistieden lill-Kummissjoni ssostni l-investimenti tal-kumpaniji Ewropej f'setturi kruċjali bħall-produzzjoni ta' enerġija rinnovabbli, il-loġistika u l-iżvilupp tal-grilja elettrika, filwaqt li tidentifika l-opportunitajiet ta' investiment fl-ambitu tal-istrumenti ta' investiment u ta' finanzjament tal-UE bil-għan li jkun aġevolat l-aċċess tal-kumpaniji Ewropej għas-suq Artiku; jisħaq fuq l-importanza tal-kummerċ u tal-investimenti fl-infrastrutturi diġitali, fl-innovazzjoni u fl-iżvilupp ekonomiku fl-Artiku, b'kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn il-gvernijiet, id-dinja akkademika u l-impriżi; jistieden lill-UE tnaqqas l-ostakli tekniċi għall-kummerċ u ssaħħaħ il-kooperazzjoni tagħha mar-rappreżentanti tal-impriżi u jinkoraġġiha tkompli ssostni lill-Kunsill Ekonomiku Artiku; jinsisti biex il-kumpaniji b'sede jew li joperaw fi ħdan l-UE jirrispettaw rigorożament il-Prinċipji Gwida tan-Nazzjonijiet Uniti dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem fir-rigward tal-operazzjonijiet u tar-relazzjonijiet kummerċjali kollha tagħhom mar-reġjun Artiku u jiżguraw proċessi effikaċi ta' diliġenza dovuta fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem u tal-ambjent; jistieden lil dawn l-entitajiet jiżguraw fil-fażijiet kollha tal-proċess konsultazzjonijiet effikaċi, sinifikattivi u informati mal-partijiet ikkonċernati involuti jew potenzjalment involuti, inklużi l-popli indiġeni; jisħaq li l-attivitajiet ekonomiċi fl-Artiku għandhom ikunu sostenibbli u jqisu l-impatt ambjentali tagħhom, b'mod partikolari fuq it-tibdil fil-klima, u l-implikazzjonijiet soċjali tagħhom; jisħaq fuq il-bżonn ta' aktar promozzjoni tal-iżvilupp reġjonali sostenibbli għall-ġid ta' dawk li jgħixu fl-Artiku, l-attivitajiet b'emissjonijiet baxxi ta' karbonju, l-ekonomija tal-għarfien u l-ekonomija ċirkolari; |
|
42. |
Isostni, bħala regola ġenerali, il-fehma espressa fil-Ftehim dwar is-sajd fl-Oċean Artiku Ċentrali, skont liema l-isfruttament tar-riżorsi naturali għandu jsir biss fejn hemm ċertezza raġonevoli li ma ssir l-ebda ħsara lill-ambjent u jissottolinja l-importanza li jiġi implimentat approċċ prekawzjonali fil-konfront tas-sajd Artiku u sub-Artiku fil-fażijiet kollha; jisħaq fuq l-importanza ta' miżuri ta' ġestjoni tas-sajd ibbażati fuq l-aqwa pariri xjentifiċi disponibbli biex tkun żgurata s-sostenibbiltà fit-tul; jinnota li l-Istati ta' mal-kosta tal-Artiku ftiehmu dwar qafas għall-ġestjoni tal-attivitajiet fl-Artiku, anki billi impenjaw ruħhom li jsolvu r-rivendikazzjonijiet li jisporġu fuq ta' Stati oħrajn f'dawk li huma żoni marittimi; jesprimi l-appoġġ tiegħu lill-organizzazzjonijiet reġjonali ta' ġestjoni tas-sajd eżistenti u lill-ftehimiet globali relatati mas-sajd, mat-trasport marittimu u mal-ambjent marin; jenfasizza li l-UE għandha tkun involuta fil-ġestjoni tal-istokkijiet f'konformità mal-UNCLOS; |
|
43. |
Josserva li l-UE tirċievi sehem imdaqqas tal-importazzjonijiet ta' ħut tagħha mill-Artiku u hija konxja li huwa probabbli li jiżdied it-tilwim dwar is-sajd, fost oħrajn, bħala konsegwenza tat-tnaqqis tal-istokkijiet tal-ħut f'ċerti żoni u tal-migrazzjoni tagħhom lejn żoni oħra, parzjalment minħabba t-tibdil fil-klima; jilqa' pożittivament l-iffirmar, għalhekk, tal-Ftehim dwar is-sajd fl-Oċean Artiku Ċentrali, li jimmira li jilħaq żvilupp sostenibbli fl-Artiku u li se jimplimenta approċċ prekawzjonali għall-ġestjoni tal-attivitajiet tas-sajd fil-parti tal-ibħra internazzjonali tal-Oċean Artiku Ċentrali u jitlob li jidħol fis-seħħ malajr; jirrikonoxxi l-importanza tad-Dikjarazzjoni ta' Oslo biex jinkiseb dan il-ftehim vinkolanti dwar il-prevenzjoni tas-sajd mhux regolata fl-ibħra internazzjonali fl-Oċean Artiku Ċentrali; jilqa' pożittivament l-inklużjoni ta' rappreżentanti tal-organizzazzjonijiet indiġeni fid-delegazzjonijiet; jiddispjaċih, madankollu, li l-parteċipazzjoni tagħhom u dik tal-NGOs kienet limitata esklużivament għall-osservazzjoni; |
Għajnuna lill-komunitajiet lokali u ħarsien tad-drittijiet tal-popli indiġeni
|
44. |
Jilqa' pożittivament ir-riżultati miksuba, iżda jfakkar li fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi Nordiċi l-medji Artiċi baqgħu agħar meta mqabbla mal-medji nazzjonali f'termini ta' faqar, stennija tal-għomor baxxa u żvilupp uman u ekonomiku limitat ħafna; jaf bil-fatt li t-trasformazzjoni teknoloġika u t-tibdil fil-klima qegħdin jinfluwenzaw l-istil ta' ħajja u l-mod tradizzjonali ta' kif jgħixu l-popli indiġeni u jtenni għalhekk it-talba tiegħu biex jiġu involuti attivament il-komunitajiet u l-abitanti kollha tal-Artiku, u partikolarment il-popli indiġeni, li għandhom għarfien lokali u prattiku, fil-proċessi deċiżjonali relatati mal-għażliet ta' żvilupp; isostni bil-qawwa, f'dan ir-rigward, l-implimentazzjoni sħiħa u effikaċi tal-Artikolu 19 tad-Dikjarazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Popli Indiġeni (UNDRIP), b'mod partikolari fir-rigward tal-bżonn li jinkiseb il-kunsens liberu, minn qabel u infurmat tal-popli indiġeni qabel ma jiġu adottati u implimentati miżuri leġiżlattivi jew amministrattivi jew jiġu varati proġetti ta' żvilupp li jaf jikkonċernawhom; |
|
45. |
Jirrikonoxxi li l-effetti tas-silġ li qed idub u ta' temperaturi aktar moderati jikkawżaw l-ispostament tal-popli indiġeni u jheddu b'hekk anki l-istil ta' ħajja indiġenu; jirrikonoxxi x-xewqa tal-abitanti u tal-gvernijiet tar-reġjun Artiku bi drittijiet u kompetenzi sovrani li jkomplu jfittxu żvilupp ekonomiku sostenibbli filwaqt li fl-istess ħin jipproteġu s-sorsi tradizzjonali tal-istil ta' ħajja tal-popli indiġeni u n-natura sensittiva ħafna tal-ekosistemi Artiċi, meta titqies l-esperjenza tagħhom fl-użu u fl-iżvilupp tar-riżorsi varji tar-reġjun b'mod sostenibbli; |
|
46. |
Jisħaq fuq il-bżonn li tiġi żgurata l-konservazzjoni tal-kulturi, tat-tradizzjonijiet u tal-lingwi tal-popli indiġeni billi jiġu stabbiliti programmi ta' tisħiħ tal-kapaċitajiet biex jiżdied l-għarfien dwar id-diversità, l-istorja u d-drittijiet tal-popli indiġeni, mhux biss għaż-żgħażagħ iżda wkoll għall-popolazzjonijiet mhux indiġeni fir-reġjun kollu; jistieden lid-delegazzjonijiet tal-UE fl-Istati Artiċi jimpenjaw ruħhom fi djalogu awtentiku u inklużiv mal-popli indiġeni fil-livell nazzjonali u reġjonali u jservu ta' punti ta' riferiment għall-kwistjonijiet relatati mal-popli indiġeni; jenfasizza l-bżonn li l-persunal ta' dawn id-delegazzjonijiet tal-UE jkun espert tad-drittijiet tal-popli indiġeni, kif affermati mill-UNDRIP; jilqa' b'sodisfazzjon ir-rikonoxximent dejjem jiżdied tad-drittijiet tal-popli indiġeni fil-politiki esterni tal-UE; jitlob aktar koerenza bejn il-politiki Artiċi interni u esterni tal-UE f'dan il-qasam; |
|
47. |
Itenni l-appell tiegħu biex jiġu involuti attivament l-abitanti kollha tal-Artiku, li għandhom għarfien lokali u prattiku, b'mod partikolari l-popli indiġeni, fil-proċessi deċiżjonali li jikkonċernaw l-għażliet ta' żvilupp; |
|
48. |
Jesprimi d-dispjaċir tiegħu għall-isforzi tal-Gvern Russu biex jissottometti s-soċjetà ċivili, u dan qiegħed iħalli impatt ferm negattiv fuq il-popli indiġeni, billi jillimita l-awtonomija tar-rappreżentanzi tagħhom u tas-sħubijiet tagħhom fil-fora internazzjonali u jimblokka l-aċċess għall-fondi esterni; jinnota li l-NGOs l-oħra, inklużi l-attivisti ambjentali, huma kkonċernati minn problemi simili; |
|
49. |
Jafferma li l-attivitajiet kollha fir-reġjun Artiku, inklużi l-ġestjoni u l-użu sostenibbli tar-riżorsi tal-Artiku, għandhom jirrispettaw id-drittijiet tal-popli indiġeni u tal-abitanti lokali l-oħra, u jkunu għall-ġid tagħhom; isostni, f'dan ir-rigward, rabta aktar b'saħħitha bejn l-impriżi li joperaw fl-Artiku u l-komunitajiet lokali ħalli jinħolqu opportunitajiet ekonomiċi u ta' riċerka u impjiegi u jitrawwem l-iżvilupp sostenibbli tar-riżorsi, u jsostni l-implimentazzjoni ta' standard bħall-Protokoll għall-Investimenti fl-Artiku u l-inizjattiva tal-Patt Globali tan-Nazzjonijiet Uniti; ifakkar fl-istrumenti internazzjonali eżistenti li jistabbilixxu l-ġuriżdizzjonijiet, id-drittijiet u l-obbligi tal-Istati għall-ġestjoni u għall-użu sostenibbli tar-riżorsi naturali u jinsisti biex dawn l-istrumenti jkomplu jiġu rispettati bis-sħiħ; jisħaq fuq l-importanza li jiġu żgurati l-kooperazzjoni interpersonali, l-aċċess għall-edukazzjoni u l-opportunitajiet kummerċjali u s-sostenn liż-żgħażagħ fl-Artiku; |
|
50. |
Jenfasizza l-importanza li jiġu indirizzati l-aspirazzjonijiet, il-bżonnijiet u l-isfidi tal-popli indiġeni, primarjament f'termini ta' kooperazzjoni interpersonali, konnettività, aċċess għall-internet, edukazzjoni, assistenza fil-qasam tas-saħħa u impjiegi, b'mod partikolari għal dak li għandu x'jaqsam maż-żgħażagħ u mal-gruppi emarġinati; jenfasizza l-bżonn li tiġi inkluża dimensjoni ambizzjuża tal-ġeneru fil-politika Artika aġġornata; jitlob li jissaħħu l-finanzjamenti ta' programmi bħal “north2north” u programmi ta' mobbiltà oħrajn indirizzati speċjalment liż-żgħażagħ li jgħixu fl-Artiku, kif ukoll li jiżdiedu s-sostenn u r-riżorsi biex tingħata għajnuna lill-popli tal-Artiku ħalli jadattaw ruħhom għat-tibdil profond iddeterminat mit-tibdil fil-klima; |
|
51. |
Itenni l-appell tiegħu lill-Istati Membri kollha biex jirratifikaw mill-aktar fis il-Konvenzjoni Nru 169 tal-ILO dwar il-Popli Indiġeni u Tribali; |
Xjenza u għarfien
|
52. |
Jistieden lill-Istati Artiċi jonoraw l-impenji li ħadu fl-ambitu tal-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika, b'mod partikolari fir-rigward tal-konservazzjoni in situ; jistieden lill-Istati kollha jiżguraw li l-popli indiġeni u l-komunitajiet lokali tal-Artiku jkunu inklużi fid-deliberazzjonijiet u fil-proċessi deċiżjonali tal-fora internazzjonali tad-diplomazija rilevanti relatati mal-klima u mal-bijodiversità; isostni r-rakkomandazzjoni tal-popli indiġeni biex ikollhom aċċess għall-finanzjamenti tal-Fond Ekoloġiku għall-Klima għall-inizjattivi tagħhom ta' mitigazzjoni u adattament sostenibbli; |
|
53. |
Jissottolinja l-kontributi importanti tal-UE u tal-Istati Membri tagħha lix-xjenza polari, li se jkunu neċessarji biex nifhmu l-effetti globali u lokali tat-tibdil fil-klima, u l-importanza tal-għarfien bħala pedament tad-deċiżjonijiet politiċi u tal-iżvilupp sostenibbli fl-Artiku; itenni l-appell tal-14-il Konferenza tal-Parlamentari tar-Reġjun Artiku biex tissaħħaħ il-bażi tal-għarfien u titjieb il-kooperazzjoni xjentifika b'inizjattiva ġdida għas-Sena Polari Internazzjonali; isostni l-isforzi internazzjonali fil-qasam tax-xjenza, l-għarfien u l-innovazzjoni b'dimensjoni Artika u l-kooperazzjoni dwar ir-riċerka fl-Artiku, pereżempju l-konklużjoni u l-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar it-Tisħiħ tal-Kooperazzjoni Xjentifika Internazzjonali fl-Artiku; |
|
54. |
Jinnota li l-UE kienet wieħed mill-finanzjaturi ewlenin tar-riċerka dwar l-Artiku permezz ta' programmi bħal Orizzont 2020; jisħaq fuq il-bżonn li jiżdiedu l-finanzjamenti tal-UE fis-settur tar-riċerka u tal-iżvilupp fl-Artiku; jitlob aktar viżibbiltà u koordinament aħjar tar-riċerka u tal-innovazzjoni relatati mal-Artiku, anki fl-ambitu ta' Orizzont Ewropa; jistieden lill-Kummissjoni tforni stampa komprensiva tal-finanzjamenti tal-UE ddedikati għar-reġjun u għall-komponenti Artiċi tal-programmi orizzontali tal-UE u jħeġġeġ lill-UE timplimenta pjan ta' investiment ambizzjuż, li jħares fil-bogħod u sostenibbli mil-lat ambjentali għall-Artiku; jemmen li tali pjan għandu jżid il-finanzjamenti f'oqsma kruċjali bħar-riċerka xjentifika u jalloka aktar riżorsi lir-riċerka, lill-iżvilupp u lill-innovazzjoni, lill-infrastrutturi spazjali, diġitali u tat-trasport, lit-teknoloġiji spazjali, lit-trasport marittimu sostenibbli, lill-estrazzjoni u lill-ipproċessar sostenibbli tal-materja prima, lill-enerġija rinnovabbli u lill-attivitajiet l-oħra b'emissjonijiet baxxi ta' karbonju u lit-turiżmu; jenfasizza l-ħtieġa li jitjiebu s-sinerġiji bejn l-istrumenti ta' finanzjament eżistenti sabiex tiġi evitata l-possibbiltà ta' duplikazzjoni u tiġi żviluppata sal-massimu l-interazzjoni bejn il-programmi interni u esterni tal-UE; |
|
55. |
Jinnota li l-Artiku joffri potenzjal enormi f'termini ta' innovazzjoni u użu sostenibbli tar-riżorsi, billi jiġu żviluppati prattiki li jistgħu mbagħad jiġu implimentati fuq livell globali, u jikkostitwixxi prova, fost oħrajn, għal proġetti ġeotermiċi, eoliċi u idroelettriċi, għall-produzzjoni tal-azzar b'żero emissjonijiet ta' karbonju u għall-produzzjoni ta' batteriji aktar ekoloġiċi; jirrikonoxxi l-kontribut tal-programmi spazjali tal-UE bħal Copernicus u Galileo, tas-Servizz Ewropew ta' Navigazzjoni b'Kopertura Ġeostazzjonarja u tal-komunikazzjonijiet bis-satellita għas-sikurezza u għas-sigurtà tal-ambjent, tal-baħar u tal-bniedem fl-Artiku, billi jiġu ffaċilitati, flimkien ma' affarijiet oħra, il-monitoraġġ tal-evoluzzjoni tas-silġ, il-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi marini, is-sejbien tat-tniġġis, is-sistemi ta' twissija tal-emerġenza, l-identifikazzjoni u t-traċċament tal-movimenti marittimi u s-servizzi ta' tiftix u salvataġġ; isostni l-investimenti kontinwi fl-iżvilupp ta' dawn il-kapaċitajiet u jagħti parir li dawn jiġu applikati fl-Artiku f'kooperazzjoni u taħt it-tmexxija tal-Istati Artiċi li huma membri tal-UE u/jew tan-NATO; |
Aktar UE fl-Artiku, aktar Artiku fl-UE
|
56. |
Jilqa' pożittivament il-ħolqien ta' Mibgħut Speċjali għal kwistjonijiet tal-Artiku fl-2017; jappoġġa t-tkomplija tal-mandat tiegħu u jfaħħar ix-xogħol li wettaq il-Mibgħut Speċjali attwali; jistieden lill-Kummissjoni u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) itejbu l-kooperazzjoni bejn is-servizzi u l-koerenza bejn id-diversi programmi u investimenti fl-Artiku u jħeġġiġhom jallokaw riżorsi adegwati li jirriflettu l-ambizzjoni tal-politika Artika tal-UE; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tistabbilixxi grupp ta' ħidma speċifiku kompetenti għal dak kollu li jirrigwarda l-Ewropa tat-Tramuntana u l-Artiku; josserva li l-koordinament intern tal-UE dwar il-kwistjonijiet tal-Artiku għandu jissaħħaħ kemm fil-livell ta' grupp ta' ħidma tal-Kummissjoni kif ukoll bejn l-aġenziji rilevanti tal-UE; jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tafda rwol ta' koordinament tal-politiki Artiċi lil wieħed mill-Viċi Presidenti tagħha biex tevita d-duplikazzjoni tal-kompetenzi; jistieden lill-Kunsill joħloq grupp ta' ħidma dwar l-Ewropa tat-Tramuntana u l-Artiku u lis-SEAE joħloq unità simili fi ħdan l-istrutturi tiegħu; huwa tal-fehma li r-rwol tal-Parlament għandu jissaħħaħ fil-formulazzjoni u fl-implimentazzjoni tal-politika tal-UE għall-Artiku, u li lill-Artiku għandha tingħata importanza akbar fi ħdan il-Parlament, anki permezz tal-istabbiliment ta' delegazzjoni interparlamentari speċifikament iddedikata, b'responsabbiltà speċjali għall-kooperazzjoni Artika; jitlob li jsir dibattitu usa' dwar il-kwistjonijiet tal-Artiku fi ħdan l-istituzzjonijiet tal-UE u fl-Istati Membri; |
|
57. |
Jemmen li l-proċess ta' konsultazzjoni relatat mal-politika l-ġdida tal-UE għall-Artiku għandu jintuża biex tkun ivvalutata l-effikaċja tal-politiki attwali tal-UE; |
|
58. |
Huwa tal-fehma li l-UE, bħala attur globali, għandha tidħol b'mod attiv fi djalogu politiku, tirreaġixxi għall-importanza strateġika dejjem ikbar tal-Artiku u tkompli tiżvolġi rwol ta' entità aċċettata u kredibbli fl-Artiku, fir-rispett tal-fora konsultattivi kollha eżistenti ddedikati għall-Artiku u tal-mekkaniżmi ta' qafas ta' governanza ta' suċċess; jemmen li l-UE tista' tagħmilha ta' medjatur imparzjali fil-promozzjoni tal-istabbiltà u tal-prosperità reġjonali; jistieden lill-UE tkompli d-djalogu u l-miżuri biex issaħħaħ il-fiduċja fl-oqfsa multilaterali eżistenti u tinkludi lill-Artiku fost il-prijoritajiet tal-Istrateġija Globali tal-UE; jitlob barra minn hekk politika ta' konnettività speċifika għall-Artiku (diġitalizzazzjoni, navigazzjoni, loġistika, trasport); jemmen b'konvinzjoni li l-Patt Ekoloġiku Ewropew jagħti risposta fit-tul tant meħtieġa lill-isfidi dejjem akbar maħluqa mit-tibdil fil-klima, bis-saħħa ta' programm ta' investimenti mwessa' għat-tkabbir sostenibbli u għall-inizjattivi innovattivi lokali b'mod partikolari, u se jikkontribwixxi b'mod sinifikanti għas-soluzzjoni tad-dipendenza enerġetika u strateġika tal-UE; jitlob, fid-dawl ta' dak li ntqal, l-integrazzjoni tad-dimensjoni politika tal-UE għall-Artiku fil-Patt Ekoloġiku Ewropew, fl-Aġenda Strateġika tal-UE għall-perjodu 2019-2024, fl-Istrateġija Globali tal-UE, fl-istrateġija tal-UE għall-konnettività u fl-istrateġija tal-UE għall-bijodiversità; |
|
59. |
Jisħaq fuq il-bżonn li l-UE u l-Istati Membri tagħha jżommu relazzjonijiet kostruttivi mal-Istati Artiċi mhux Ewropej kollha u jissottolinja l-bżonn li l-UE ssegwi u tippromwovi approċċ ibbażat fuq id-drittijiet fid-djalogu tagħha mal-popli indiġeni tal-Artiku; jisħaq fuq l-importanza, għall-Istati Artiċi tal-UE, li jikkondividu b'mod aktar estensiv l-informazzjoni dwar l-isfidi attwali fir-reġjun, itejbu l-kapaċitajiet tagħhom ta' gwerra ibrida, ikomplu jinvestu fid-difiża, itejbu l-koerenza fir-rigward tal-attivitajiet li għaddejjin fl-Artiku u jiżviluppaw b'mod konġunt is-settur marittimu u dak tal-ajru; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jikkooperaw aktar mill-qrib dwar il-kwistjonijiet tal-Artiku fil-fora reġjonali u internazzjonali u jistieden lill-UE tinvolvi aktar lil-livelli ta' governanza lokali u reġjonali fl-iżvilupp tal-politiki tagħha li jikkonċernaw lir-reġjun; |
|
60. |
Huwa tal-fehma li l-aħjar risposta għall-kooperazzjoni Sino-Russa dejjem akbar fl-Artiku hija koordinament akbar fil-livell tal-UE, kif ukoll konsultazzjonijiet mal-pajjiżi ŻEE, l-Istati Uniti u l-Kanada, kif ukoll mar-Renju Unit, il-Ġappun, ir-Repubblika tal-Korea, l-Indja u ma' sħab oħra impenjati biex jiggarantixxu kooperazzjoni paċifika u l-libertà ta' navigazzjoni fl-Artiku u biex jisfruttaw sal-massimu s-sinerġiji possibbli; |
|
61. |
Jieħu nota tal-Inizjattiva tal-Istati Uniti għas-Sigurtà tal-Artiku (ASI) u tal-Qafas Politiku Kanadiż għall-Artiku u għat-Tramuntana u jinkoraġġixxi lill-UE tikkollabora mal-alleati tagħha li jaħsbuha bħalha biex, meta jkun xieraq, jiżguraw koordinament adegwat fir-reġjun; jitlob, f'dan ir-rigward, djalogu UE-Artiku sod favur l-implimentazzjoni tal-politika tal-UE għall-Artiku; |
|
62. |
Hu tal-fehma li l-kwistjonijiet relatati mas-sigurtà fl-Artiku għandhom ukoll ikunu parti mill-konsultazzjonijiet u mill-kooperazzjoni man-NATO, li tista' tuża l-qafas tal-Kunsill NATO-Russja biex jissolvew il-każijiet li fihom il-partijiet ma jiftehmux, jittaffew it-tensjonijiet u jiġu evitati l-kriżijiet; jirrikonoxxi l-importanza tal-operazzjonijiet ta' sorveljanza u rikonjizzjoni fir-reġjun u tal-istabbiliment ta' mekkaniżmi biex titjieb il-kondiviżjoni tal-informazzjoni; jemmen li notifika preventiva tat-taħriġ militari fir-reġjun Artiku taf iżżid it-trasparenza dwar l-attivitajiet militari fir-reġjun; |
|
63. |
Josserva li t-Tramuntana estrema tidħol fil-qasam ta' responsabbiltà tal-Kmandant Suprem tal-Forzi Alleati fl-Ewropa tan-NATO u li hija neċessarja kooperazzjoni man-NATO biex jinbena kunċett ta' sigurtà ġenerali għall-Artiku; jilqa' pożittivament, fid-dawl ta' dak li ntqal, il-konklużjonijiet tal-grupp ta' riflessjoni inkarigat mis-Segretarju Ġenerali tan-NATO li jibda proċess ta' riflessjoni li jħares fil-bogħod u li jivvaluta l-modi kif tista' tissaħħaħ id-dimensjoni politika tan-NATO, skont liema n-NATO għandha żżid l-għarfien tagħha tas-sitwazzjoni fit-Tramuntana estrema u fl-Artiku u tiżviluppa strateġija li tqis il-pjanijiet usa' għad-deterrenza u għad-difiża, anki permezz ta' dispożizzjonijiet biex jiġu indirizzati l-azzjonijiet aggressivi ta' atturi statali; |
|
64. |
Jinnota li t-taħriġ Trident Juncture tal-2018, li wera li n-NATO hija operattiva b'mod attiv fl-Artiku, speċjalment fit-Tramuntana estrema (fil-Baħar tan-Norveġja u fil-Baħar ta' Barents), żgura l-ogħla livell ta' trasparenza; jistieden lill-partijiet kollha li jmexxu attivitajiet militari fl-Artiku jsegwu tali prattiki, bi qbil mal-obbligi internazzjonali, inkluż id-Dokument ta' Vjenna tal-OSKE, b'hekk jitnaqqsu r-riskji, jiġu ċċarati l-każijiet li fihom il-partijiet ma ftehmux u tinħoloq klima ta' trasparenza tal-intenzjonijiet; |
|
65. |
Isostni l-isforzi biex tissaħħaħ ir-reżiljenza fil-konfront tal-pressjonijiet potenzjali li ġejjin miċ-Ċina jew minn atturi oħrajn li ma jagħtux prijorità lil metodi ta' estrazzjoni tal-minerali li jsiru b'mod ekokompatibbli u sostenibbli, fir-rispett tan-normi internazzjonali u tal-konvenzjonijiet tan-Nazzjonijiet Uniti; jistieden lit-Task Force East StratCom tas-SEAE timmonitorja l-kampanji mmirati li jinfluwenzaw il-proċessi deċiżjonali relatati mal-estrazzjonijiet tal-minerali fir-reġjun; |
|
66. |
Jisħaq fuq il-bżonn li l-UE u l-Istati Uniti jippromwovu b'mod konġunt is-sigurtà u l-istabbiltà fl-Artiku, u jinvestu fil-preżenza xjentifika permanenti fir-reġjun u jespanduha; |
|
67. |
Jitlob li l-Artiku jiġi inkluż fid-diskussjonijiet dwar il-Boxxla Strateġika tal-UE u jisħaq li l-iżvilupp tal-Artiku għandu jiġi diskuss regolarment anki fil-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà u waqt il-laqgħat tal-Kunsill; jitlob li jsiru skambji ta' fehmiet aktar regolari dwar il-kwistjonijiet relatati mal-Artiku bħala qasam importanti ta' konsultazzjoni UE-NATO; |
|
68. |
Jitlob aktar viżibbiltà tal-UE fl-Artiku u jistieden lill-UE tistabbilixxi djalogu politiku msaħħaħ dwar il-kooperazzjoni bilaterali mal-Gżejjer Faeroe u ma' Greenland u tqis, flimkien mal-awtoritajiet Daniżi, il-possibbiltà li tistabbilixxi uffiċċji tal-UE fi Greenland u fil-Gżejjer Faeroe; |
|
69. |
Jitlob li l-objettivi tal-istrateġija l-ġdida għall-Artiku jkunu riflessi fil-programmi b'fondi ddedikati, fil-proġetti u fil-leġiżlazzjoni rilevanti tal-UE, kif ukoll fil-ħidma tal-aġenziji rilevanti tal-UE; |
|
70. |
Huwa tal-fehma li l-istrateġija marittima tal-UE għandha tiġi aġġornata biex tirrifletti opportunitajiet u sfidi ġodda; jemmen li valutazzjonijiet u reviżjonijiet simili għandhom isiru għal politiki oħra tal-UE, inkluża l-politika spazjali tagħha, bil-għan li tkun ivvalutata l-espansjoni tal-programmi satellitari eżistenti biex jiġu koperti l-bżonnijiet speċifiċi tar-reġjun Artiku, anki permezz tal-użu ta' Copernicus biex jiġi mmonitorjat it-tniġġis; |
o
o o
|
71. |
Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà. |
(1) ĠU C 9 E, 15.1.2010, p. 41.
(2) ĠU C 136 E, 11.5.2012, p. 71.
(3) ĠU C 378, 9.11.2017, p. 174.
(4) ĠU C 263, 25.7.2018, p. 136.
(5) ĠU C 118, 8.4.2020, p. 32.
(6) ĠU C 232, 16.6.2021, p. 28.