EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62020CB0655

Kawża C-655/20: Digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) tas-17 ta’ Novembru 2021 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Juzgado de Primera Instancia n° 38 de Barcelona – Spanja) – Marc Gómez del Moral Guasch vs Bankia SA (Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja – Protezzjoni tal-konsumaturi – Direttiva 93/13/KEE – Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi – Kuntratt ta’ self ipotekarju – Rata ta’ interessi varjabbli – Indiċi ta’ referenza għal self ipotekarju (IRSI) – Stħarriġ ta’ trasparenza mill-qorti nazzjonali – Evalwazzjoni tan-natura inġusta tal-klawżoli kuntrattwali – Konsegwenzi tal-konstatazzjoni tan-nullità – Sentenza tat-3 ta’ Marzu 2020, Gómez del Moral Guasch (C-125/18, EU:C:2020:138) – Kwistjonijiet ġodda)

ĠU C 37, 24.1.2022, p. 2–3 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

24.1.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 37/2


Digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) tas-17 ta’ Novembru 2021 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Juzgado de Primera Instancia no 38 de Barcelona – Spanja) – Marc Gómez del Moral Guasch vs Bankia SA

(Kawża C-655/20) (1)

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja - Protezzjoni tal-konsumaturi - Direttiva 93/13/KEE - Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi - Kuntratt ta’ self ipotekarju - Rata ta’ interessi varjabbli - Indiċi ta’ referenza għal self ipotekarju (IRSI) - Stħarriġ ta’ trasparenza mill-qorti nazzjonali - Evalwazzjoni tan-natura inġusta tal-klawżoli kuntrattwali - Konsegwenzi tal-konstatazzjoni tan-nullità - Sentenza tat-3 ta’ Marzu 2020, Gómez del Moral Guasch (C-125/18, EU:C:2020:138) - Kwistjonijiet ġodda)

(2022/C 37/02)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Qorti tar-rinviju

Juzgado de Primera Instancia no 38 de Barcelona

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Marc Gómez del Moral Guasch

Konvenut: Bankia SA

Dispożittiv

1)

L-Artikolu 5 tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal-5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur, u r-rekwiżit ta’ trasparenza tal-klawżoli kuntrattwali, fil-kuntest ta’ self ipotekarju, għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma jippermettu lill-bejjiegħ jew fornitur ma jintegrax f’tali kuntratt id-definizzjoni kompleta tal-parametru referenzjarju li jservi għall-kalkolu ta’ rata ta’ interessi varjabbli jew li ma jagħtix lill-konsumatur, qabel il-konklużjoni ta’ dan il-kuntratt, fuljett ta’ informazzjoni li juri l-istat tal-evoluzzjoni preċedenti ta’ dan il-parametru, għar-raġuni li l-informazzjoni dwar l-imsemmi parametru hija s-suġġett ta’ publikazzjoni uffiċjali, bil-kundizzjoni li, fid-dawl tal-elementi ta’ informazzjoni pubblikament disponibbli u aċċessibbli kif ukoll tal-informazzjoni pprovduta, skont il-każ, mill-bejjiegħ jew fornitur, konsumatur medju, normalment informat u raġjonevolment attent u avżat, kien f’pożizzjoni li jifhem il-funzjonament konkret tal-mod ta’ kalkolu tal-parametru referenzjarju u li għalhekk jevalwa, abbażi ta’ kriterji preċiżi u li jinftiehmu, il-konsegwenzi ekonomiċi, potenzjalment sinjifikattivi, ta’ tali klawżola fuq l-obbligi finanzjarji tiegħu.

2)

L-Artikolu 3(1), l-Artikolu 4(2) u l-Artikolu 5 tad-Direttiva 93/13 għandhom jiġu interpretati fis-sens li, meta qorti nazzjonali tqis li klawżola kuntrattwali li għandha bħala suġġett l-iffissar tal-mod ta’ kalkolu ta’ rata ta’ interessi varjabbli f’kuntratt ta’ self ipotekarju ma hijiex redatta b’mod ċar u li jinftiehem, fis-sens tal-Artikolu 4(2) jew tal-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva, hija għandha teżamina jekk din il-klawżola hijiex “inġusta”, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tal-imsemmija direttiva.

3)

L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa jimponi fuq il-qorti nazzjonali l-obbligu li toffri lill-konsumatur l-għażla bejn, minn naħa, reviżjoni ta’ kuntratt permezz tas-sostituzzjoni ta’ klawżola kuntrattwali li tistabbilixxi rata ta’ interessi varajbbli deċiża bħala inġusta bi klawżola li tagħmel riferiment għal parametru previst mil-liġi b’mod supplettiv u, min-naħa l-oħra, annullament tal-kuntratt ta’ self ipotekarju fit-totalità tiegħu, meta dan ma jistax jissussisti mingħajr din il-klawżola.

4)

L-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 1(2) ta’ din id-direttiva, għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma ma jipprekludux li, fil-każ ta’ nullità ta’ klawżola inġusta li tistabbilixxi parametru referenzjarju għall-kalkolu tal-interessi varjabbli ta’ self, il-qorti nazzjonali, b’osservanza tal-kundizzjonijiet previsti fil-punt 67 tas-sentenza tat-3 ta’ Marzu 2020, Gómez del Moral Guasch (C-125/18, EU:C:2020:138), tissostitwixxi għal dan il-parametru, parametru legali, applikabbli fl-assenza ta’ ftehim kuntrarju tal-partijiet għall-kuntratt, meta dawn iż-żewġ parametri huma ddeterminati b’mod ta’ kalkolu ta’ livell ta’ kumplessità ekwivalenti u li d-dritt nazzjonali jipprevedi din is-sostituzzjoni fil-każijiet mhux kontenzjużi fejn huwa intiż li jinżamm il-bilanċ tal-benefiċċji bejn il-partijiet, bil-kundizzjoni li l-parametru ta’ sostituzzjoni jirrifletti effettivament dispożizzjoni supplettiva ta’ dritt nazzjonali.

5)

L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’sitwazzjoni li fiha kuntratt konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur ma jistax jissustixxi wara t-tneħħija ta’ klawżola inġusta u li l-annullament tal-kuntratt fit-totalità tiegħu jesponi lill-konsumatur għal konsegwenzi li partikolarment jikkawżaw preġudizzju, il-qorti nazzjonali tista’ tirrimedja n-nullità ta’ din il-klawżola billi tissostitwixxiha b’dispożizzjoni ta’ dritt nazzjonali ta’ natura supplettiva, u l-applikazzjoni tar-rata li tirriżulta mill-parametru ta’ sostituzzjoni għandha ssir fid-data tal-konklużjoni tal-kuntratt.


(1)  Data tal-preżentata: 2.12.2020.


Top