Escolha as funcionalidades experimentais que pretende experimentar

Este documento é um excerto do sítio EUR-Lex

Documento 62021TN0682

Kawża T-682/21: Rikors ippreżentat fid-19 ta’ Ottubru 2021 – ClientEarth vs Il-Kunsill

ĠU C 37, 24.1.2022, pp. 35-37 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

24.1.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 37/35


Rikors ippreżentat fid-19 ta’ Ottubru 2021 – ClientEarth vs Il-Kunsill

(Kawża T-682/21)

(2022/C 37/49)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrent: ClientEarth AISBL (Brussell, il-Belġju) (rappreżentanti: O. Brouwer, B. Verheijen u T. van Helfteren, lawyers)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni tal-konvenut tad-9 ta’ Awwissu 2021, referenza SGS 21/2870, li waslet għand ir-rikorrenti fid-9 ta’ Awwissu 2021, li tirrifjuta l-aċċess għal ċerti dokumenti mitlub skont Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (1) u Regolament (KE) Nru 1367/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Settembru 2006 dwar l-applikazzjoni għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità tad-disposizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali (2)

tikkundanna lill-konvenut iħallas l-ispejjeż tar-rikorrenti skont l-Artikolu 134 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, inklużi l-ispejjeż relatati ma’ kull parti intervenjenti.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka ħames motivi.

1.

L-ewwel motiv ibbażat fuq żbalji ta’ liġi kif ukoll żball manifest ta’ evalwazzjoni li jwasslu għal applikazzjoni żbaljata tal-eċċezzjoni tal-protezzjoni tal-proċess deċiżjonali (l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, minħabba li l-iżvelar ma jdgħajjifx serjament il-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet invokat.

Ir-rikorrenti ssostni li l-Kunsill naqas milli jilħaq il-limitu għoli stabbilit mit-test legali, jiġifieri li l-iżvelar għandu jkun tali li jdgħajjef serjament il-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet. L-ewwel nett, ma kien fadal l-ebda proċess ta’ teħid ta’ deċiżjoni fuq is-sustanza fiż-żmien tad-deċiżjoni kkontestata. Barra minn hekk, il-Kunsill ibbaża ruħu b’mod żbaljat fuq argument li l-indħil estern mill-pubbliku fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tar-Regolament 1367/2006 ikun problematiku.

2.

It-tieni motiv ibbażat fuq żbalji ta’ liġi kif ukoll żball manifest ta’ evalwazzjoni li jwasslu għal applikazzjoni żbaljata tal-eżenzjoni tal-protezzjoni tal-proċess deċiżjonali (l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001) minħabba li l-iżvelar ma jdgħajjifx serjament il-protezzjoni tal-pariri legali.

Il-Kunsill naqas milli juri li d-dokument mitlub fih parir legali operattiv speċifiku. Barra minn hekk, il-Kunsill ma ħax inkunsiderazzjoni d-dispożizzjonijiet u l-prinċipji legali rilevanti, kif stabbiliti fil-liġi u l-ġurisprudenza, li l-proċess leġiżlattiv tal-Unjoni Ewropea għandu jkun miftuħ u li analiżi legali tas-servizz legali ta’ istituzzjoni tal-Unjoni li jkun fiha analiżijiet legali ġenerali importanti relatati ma’ proċess leġiżlattiv għall-adozzjoni jew ir-reviżjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni għandhom (meta mitluba taħt ir-Regolament Nru 1049/2001) jiġu żvelati.

3.

It-tielet motiv, ibbażat fuq żbalji ta’ liġi u żball manifest ta’ evalwazzjoni li jirriżulta fl-applikazzjoni ħażina tal-eżenzjoni tal-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet (l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001) u l-protezzjoni tal-eżenzjoni ta’ pariri legali (it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001), minħabba li d-deċiżjoni kkontestata naqset milli tirrikonoxxi u tagħti aċċess fuq il-bażi ta’ interess pubbliku prevalenti.

Il-Kunsill naqas milli jirrikonoxxi u jagħti aċċess fuq il-bażi ta' interess pubbliku prevalenti. B'mod partikolari, jeżisti interess pubbliku prevalenti peress li r-reviżjoni tar-Regolament Nru 1367/2006 hija ta’ importanza sinjifikattiva ħafna għal-livell futur ta’ aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali u d-deċiżjoni kkontestata taffettwa lir-rikorrenti b’mod partikolari u sinjifikattiva fit-twettiq tal-missjoni tagħha bħala NGO li qed taqdi interess pubbliku.

4.

Ir-raba’ motiv, ibbażat fuq żbalji ta’ liġi u żball manifest ta’ evalwazzjoni li jirriżulta fl-applikazzjoni ħażina tal-protezzjoni tal-eċċezzjoni tar-relazzjonijiet internazzjonali (it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1049/2001).

Il-Kunsill naqas milli jilħaq il-limitu għoli stabbilit mit-test legali biex jinvoka validament l-eċċezzjoni li tinsab fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1049/2001, jiġifieri li l-iżvelar ta’ dokument għandu jkun tali li jdgħajjef speċifikament u effettivament il-protezzjoni tar-relazzjonijiet internazzjonali, u li r-riskju li l-interess jiġi mdgħajjef għandu jkun raġonevolment prevedibbli u ma jkunx purament ipotetiku.

5.

Il-ħames motiv, sussidjarjament, ibbażat fuq żbalji ta’ liġi u żball manifest ta’ evalwazzjoni li jirriżultaw fl-applikazzjoni ħażina tal-obbligu ta’ aċċess parzjali għad-dokumenti (Artikolu 4(6) tar-Regolament Nru 1049/2001).

Fl-aħħar nett, huwa argumentat li l-Kunsill ma eżaminax u ma tax aċċess parzjali għall-istandard legali meħtieġ. Applika ħażin it-test legali li jirrikjedi li l-Kunsill jevalwa jekk kull parti tad-dokument mitlub hijiex koperta minn (kwalunkwe waħda) l-eċċezzjonijiet invokati.


(1)  ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331.

(2)  ĠU 2006 L 264, p. 13. Nota editorjali: id-dokument mitlub huwa relatat mal-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet dwar ir-reviżjoni proposta tar-Regolament 1367/2006.


Início