Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52020IR4617

    Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Unjoni ta’ ugwaljanza: Pjan ta’ azzjoni tal-UE għall-ġlieda kontra r-razziżmu 2020–2025

    COR 2020/04617

    ĠU C 300, 27.7.2021, p. 19–23 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    27.7.2021   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 300/19


    Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Unjoni ta’ ugwaljanza: Pjan ta’ azzjoni tal-UE għall-ġlieda kontra r-razziżmu 2020–2025

    (2021/C 300/05)

    Relatur:

    Yoomi RENSTRÖM (SE/PSE), Membru ta’ Assemblea Lokali: Muniċipalità ta’ Ovanåkers

    Dokument ta’ referenza:

    Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Unjoni ta’ ugwaljanza: Pjan ta’ azzjoni tal-UE għall-ġlieda kontra r-razziżmu 2020–2025

    COM(2020) 565 final

    RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

    IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI

    1.

    jilqa’ b’sodisfazzjon il-Komunikazzjoni “Unjoni ta’ ugwaljanza: Pjan ta’ azzjoni tal-UE għall-ġlieda kontra r-razziżmu 2020-2025”. Il-Kumitat jenfasizza li l-ugwaljanza hija fost il-valuri fundamentali li fuqhom hija msejsa l-Unjoni Ewropea, kif rifless fit-Trattati u fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, li jagħtu lill-UE mandat u responsabbiltà għall-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni;

    2.

    jinsab imħasseb dwar is-sejbiet tar-Rapport dwar id-Drittijiet Fundamentali 2019, li sar mill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (FRA), li jikkonferma li l-minoranzi etniċi u l-migranti għadhom iħabbtu wiċċhom ma’ fastidju u diskriminazzjoni fl-UE kollha, minkejja l-liġijiet tal-UE kontra r-razziżmu li ilhom jeżistu. Skont l-istess rapport, 15 biss mis-27 Stat Membru tal-UE għandhom pjani ta’ azzjoni u strateġiji speċifiċi għall-ġlieda kontra r-razziżmu u d-diskriminazzjoni etnika, u għad hemm lakuni fil-liġijiet nazzjonali mmirati lejn il-kriminalizzazzjoni tar-razziżmu;

    3.

    huwa mħasseb ukoll dwar ir-riżultati tal-Ewrobarometru Speċjali dwar “Id-Diskriminazzjoni fl-UE” (1). Dan jirrapporta li kważi 59 % ta’ dawk li wieġbu jqisu li d-diskriminazzjoni bbażata fuq l-oriġini etnika hija mifruxa f’pajjiżhom, speċjalment fir-rigward tad-diskriminazzjoni bbażata fuq il-kulur tal-ġilda. Madankollu, il-perċezzjonijiet, il-fehmiet u l-attitudnijiet għadhom ivarjaw ħafna, skont il-grupp diskriminat kif ukoll minn pajjiż għal ieħor;

    4.

    jilqa’ b’sodisfazzjon l-impenn tal-Kummissjoni li twettaq evalwazzjoni komprensiva tal-qafas legali eżistenti tal-UE biex tiġġieled id-diskriminazzjoni, ir-razziżmu u l-ksenofobija u biex tissorvelja l-applikazzjoni tad-Direttiva dwar it-Trattament Ugwali (2) u biex tiżgura l-implimentazzjoni adatta tad-Deċiżjoni Qafas dwar ir-Razziżmu u l-Ksenofobija (3);

    5.

    jenfasizza li l-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni fl-oqsma kollha għandha tkun prijorità għall-UE. Madankollu, jinnota li bħalissa hemm lakuni fil-leġiżlazzjoni tal-UE kontra d-diskriminazzjoni fis-sens li ċerti raġunijiet għad-diskriminazzjoni huma koperti biss fl-oqsma tal-impjieg u x-xogħol. Jistieden lir-rappreżentanti tal-Istati Membri fil-Kunsill jikkonkludu n-negozjati dwar id-Direttiva orizzontali dwar it-Trattament Ugwali (4), li ġiet imblukkata minn mindu l-Kummissjoni ressqet il-proposta tagħha fl-2008;

    6.

    jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li l-Kummissjoni tirrikonoxxi għall-ewwel darba li jeżisti r-razziżmu strutturali u huwa parti mis-sistema soċjali, ekonomika u politika li fiha lkoll ngħixu, u li l-Kummissjoni tara l-ħtieġa li tindirizzah permezz ta’ politiki komprensivi. Għalhekk, tinħtieġ bidla fl-approċċ tal-UE għar-razziżmu;

    7.

    jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li l-pjan ta’ azzjoni jipproponi sensiela ta’ miżuri li jlaqqgħu flimkien il-livelli kollha tat-teħid tad-deċiżjonijiet fis-soċjetà, kif ukoll is-soċjetà ċivili u l-korpi tal-ugwaljanza, sabiex jiġġieldu r-razziżmu b’mod aktar effettiv fl-Ewropa, pereżempju permezz ta’ pjani ta’ azzjoni nazzjonali kontra r-razziżmu;

    8.

    josserva li l-pjan ta’ azzjoni huwa pass ’il quddiem biex jintlaħqu l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli fl-Aġenda 2030, b’mod partikolari l-Għan 10 dwar it-tnaqqis tal-inugwaljanzi;

    9.

    jistenna li l-pjan ta’ azzjoni li jmiss għall-Pilastru Soċjali Ewropew fl-2021 se jipprovdi aktar appoġġ għall-ugwaljanza fis-suq tax-xogħol, inkluż għal persuni minn kuntest ta’ minoranza razzjali (5) jew etnika;

    Razziżmu strutturali — l-indirizzar tal-problema sottostanti

    10.

    jenfasizza l-importanza li jiġu rikonoxxuti l-għeruq storiċi tar-razziżmu. L-iżgurar li l-kolonjaliżmu, l-iskjavitù u l-Olokawst jibqgħu fil-memorja kollettiva huwa parti importanti mit-tħeġġiġ tal-inklużjoni u l-fehim. Jitlob li jkun hemm kontronarrattivi li jikkundannaw ir-razziżmu, jippromovu l-inklużjoni soċjali u jawtonomizzaw lin-nies irrispettivament mill-oriġini razzjali jew etnika;

    11.

    jenfasizza li pass kruċjali biex ir-razziżmu strutturali jiġi indirizzat b’mod effettiv huwa li jiġu identifikati l-oqsma fejn jippersisti r-razziżmu bħall-edukazzjoni, is-settur tal-abitazzjoni, il-kura tas-saħħa, l-impjieg, l-aċċess għas-servizzi pubbliċi, il-ġustizzja, l-infurzar tal-liġi jew il-kontroll tal-migrazzjoni, u l-parteċipazzjoni u r-rappreżentanza politiċi;

    12.

    iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tikkunsidra l-Pjan ta’ Azzjoni għall-ġlieda kontra r-razziżmu minn perspettiva usa’ u b’mod konġunt mal-politika Ewropea dwar l-immigrazzjoni u l-politika komuni Ewropea dwar l-ażil;

    13.

    jenfasizza l-ħtieġa għal data komprensiva dwar id-diskriminazzjoni fuq il-bażi tal-oriġini razzjali jew etnika fl-Ewropa. Mingħajr ma jitkejjel u jiġi kkwantifikat il-livell ta’ diskriminazzjoni u inugwaljanza, isir diffiċli ħafna li dawn jiġu indirizzati b’mod effettiv. Id-data dwar l-ugwaljanza tista’ tipprovdi għodod b’saħħithom kontra d-diskriminazzjoni u l-esklużjoni u tenfasizza s-sitwazzjoni ta’ gruppi f’riskju ta’ diskriminazzjoni, u l-għan huwa li jiġu ppjanati politiki inklużivi u tiġi żgurata l-implimentazzjoni tagħhom;

    14.

    huwa tal-fehma li d-data dwar l-ugwaljanza tipprovdi għarfien dwar il-firxa tar-razziżmu strutturali u kif għandu jiġi miġġieled. Madankollu, jinħtieġu metodi ġodda ta’ ġbir ta’ data dwar id-diskriminazzjoni u l-ugwaljanza. Il-konformità sħiħa mal-istandards kostituzzjonali, il-liġi tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE hija prerekwiżit biex jittaffew ir-riskji potenzjali ta’ użu ħażin jew abbuż;

    15.

    jilqa’ d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiġbor data dwar id-diversità razzjali u etnika tal-persunal tagħha, permezz ta’ stħarriġ speċifiku fuq bażi volontarja u anonima, biex b’hekk jiġu rrispettati bis-sħiħ ir-regoli dwar il-ġbir tad-data. Jenfasizza f’dan ir-rigward il-ħtieġa li l-korpi kollha tal-UE jwettqu valutazzjonijiet simili, peress li r-rappreżentanza razzjali u etnika fil-livelli kollha tal-amministrazzjoni pubblika tal-UE hija kruċjali għall-kisba tal-ugwaljanza;

    16.

    għal darb’oħra jisħaq fuq “l-importanza li tiġi implimentata perspettiva intersezzjonali meħtieġa sabiex ikunu involuti fl-implimentazzjoni tal-istrateġija l-individwi vulnerabbli u li jistgħu jiffaċċjaw diskriminazzjoni multipla” (6), u jagħmel aċċenn speċjali għal gruppi vulnerabbli bħall-migranti nisa, l-persuni LGBTI, fost l-oħrajn. Għal din ir-raġuni, jistieden lill-Kummissjoni Ewropea biex tiżviluppa aktar dan l-approċċ intersezzjonali, f’kooperazzjoni mal-Istati Membri, u tħejji linji gwida biex tiffaċilita l-implimentazzjoni tagħhom fl-ippjanar, il-ġestjoni u l-evalwazzjoni tal-politiki pubbliċi;

    17.

    ifakkar li l-minorenni barranin mhux akkumpanjati huma grupp li huwa vulnerabbli ħafna għar-razziżmu u li jeħtieġ attenzjoni speċjali, f’konformità mal-Istrateġija tal-UE dwar id-drittijiet tat-tfal (2021-2024);

    18.

    jitlob li l-politiki kontra r-razziżmu jiġu integrati fil-politiki kollha tal-UE. Jenfasizza li kwalunkwe politika kontra d-diskriminazzjoni għandu jkollha wkoll perspettiva intersezzjonali sabiex id-diskriminazzjoni multipla tiġi indirizzata b’mod effettiv;

    19.

    huwa tal-fehma li d-dimensjoni ekonomika tar-razziżmu strutturali ta’ spiss tiġi injorata. Dan jinvolvi spejjeż ekonomiċi sostanzjali peress li jimpedixxi lin-nies milli jużaw il-potenzjal tagħhom. Soċjetà inqas razzista ssir ekonomikament aktar b’saħħitha;

    20.

    jiġbed l-attenzjoni li l-COVID-19 enfasizzat u aggravat l-inugwaljanzi, il-marġinalizzazzjoni u d-diskriminazzjoni diġà eżistenti tal-Ewropa u saħħet ir-razziżmu strutturali. Il-persuni diġà vulnerabbli qed jintlaqtu saħansitra aktar. Minbarra l-miljuni ta’ ħaddiema li tilfu l-impjieg u d-dħul tagħhom, dawk l-iżjed milqut huma l-migranti fil-fruntieri, dawk b’impjiegi prekarji, il-familji mingħajr dokumenti u bi dħul baxx, il-persuni mingħajr dar, l-anzjani, in-nisa u l-persuni b’diżabbiltà jew b’mard kroniku – inklużi ħafna minoranzi razzjali u etniċi. Għalhekk, kwalunkwe reazzjoni għall-pandemija għandha tieħu approċċ kontra d-diskriminazzjoni u jkollha effetti diretti u indiretti fuq ir-razziżmu f’oqsma differenti tas-soċjetà;

    21.

    itenni t-talba tiegħu għal “miżuri b’saħħithom għad-difiża tal-libertajiet ċivili u d-demokrazija f’era dejjem aktar diġitalizzata, fosthom li jitnaqqas ir-riskju ta’ sorveljanza diġitali ġeneralizzata u li jiġu miġġielda l-aħbarijiet foloz, il-kampanji ta’ diżinformazzjoni, id-diskors ta’ mibegħda u d-diskriminazzjoni, partikolarment ir-razziżmu, fil-qasam diġitali, irrispettivament minn jekk dawn il-fenomeni negattivi joriġinawx fl-UE jew barra minnha” (7);

    22.

    itenni wkoll li “element kruċjali ta’ kwalunkwe qafas regolatorju li japplika għall-intelliġenza artifiċjali huwa l-introduzzjoni ta’ salvagwardji sabiex jiġi żgurat li l-intelliġenza artifiċjali tkun ħielsa minn preġudizzji u ma tirriproduċix diskriminazzjoni abbażi tal-ġeneru, etniċità, età, diżabbiltà jew orjentazzjoni sesswali” (8);

    23.

    jenfasizza l-ħtieġa li jiġu indirizzati l-attitudnijiet diskriminatorji tal-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi, il-brutalità tal-pulizija u t-tfassil ta’ profili razzjali ta’ ċerti gruppi razzjali jew etniċi u jemmen li l-awtoritajiet tal-pulizija u tal-infurzar tal-liġi għandhom imexxu bl-eżempju fil-qasam tal-ġlieda kontra r-razziżmu u d-diskriminazzjoni;

    24.

    jemmen li huwa essenzjali, fl-Istati Membri fejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali huma responsabbli għall-pulizija, li jittieħdu miżuri biex jiġi miġġieled u evitat ir-razziżmu fl-infurzar tal-liġi, li jiġu skrutinizzati l-prattiki tal-pulizija, li jsir investiment fit-taħriġ u l-iżvilupp ta’ dawn l-awtoritajiet u li d-data relatata mat-tfassil ta’ profili razzjali tiġi ġestita b’mod trasparenti. L-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom jiżviluppaw ukoll programmi komunitarji komprensivi kontra l-vjolenza, ibbażati fuq is-sigurtà soċjali u r-rispett sħiħ tal-istandards tan-nondiskriminazzjoni tal-UE fil-qasam tal-pulizija;

    25.

    jenfasizza għal darb’oħra li “soċjetà fejn id-drittijiet tal-bniedem tal-popli kollha jkunu rispettati bis-sħiħ u f’konformità mal-istandards internazzjonali u reġjonali, inkluża l-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni, ir-razziżmu u forom oħra ta’ intolleranza fil-prevenzjoni u l-ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni vjolenti, ser ikollha rwol ċentrali” (9);

    L-awtoritajiet lokali u reġjonali fuq quddiem nett

    26.

    jilqa’ b’sodisfazzjon il-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE kontra r-Razziżmu 2020-2025, li jqiegħed l-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-qalba tas-soluzzjonijiet fil-ġlieda kontra r-razziżmu. Jinnota li, minħabba l-prossimità tagħhom maċ-ċittadini, l-awtoritajiet lokali u reġjonali jaqdu rwol kruċjali fil-promozzjoni u r-rispett tal-valuri Ewropej, u jinsabu fuq quddiem nett fil-ġlieda kontra r-razziżmu u r-reati ta’ mibegħda, fil-protezzjoni tal-gruppi vulnerabbli u l-minoranzi, u fil-promozzjoni tal-koeżjoni soċjali;

    27.

    jitlob li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jiġu rikonoxxuti bħala msieħba strateġiċi fit-tfassil, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-pjani nazzjonali ta’ azzjoni, minħabba r-responsabbiltajiet tagħhom u l-ħidma importanti li diġà qed iwettqu kontra r-razziżmu fl-oqsma ta’ kompetenza tagħhom;

    28.

    jenfasizza r-rwol ewlieni li jaqdu l-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-promozzjoni tas-sensibilizzazzjoni, it-taħriġ u l-edukazzjoni kontra r-razziżmu, speċjalment fost iż-żgħażagħ;

    29.

    jemmen li huwa tal-akbar importanza li jiġu allokati riżorsi finanzjarji għall-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-baġit fit-tul 2027-2021 mill-fondi tal-UE kif ukoll minn NextGenerationEU sabiex tiġi promossa l-inklużjoni soċjali u jiġu miġġielda r-razziżmu u d-diskriminazzjoni f’oqsma bħall-aċċess għas-suq tax-xogħol, l-edukazzjoni, il-kura soċjali, il-kura tas-saħħa u s-settur tal-abitazzjoni; Dan jinkludi li tingħata attenzjoni speċjali lill-gruppi aktar vulnerabbli u jiġu allokati fondi għas-salvagwardja tal-minorenni barranin mhux akkumpanjati, peress li f’ħafna każijiet din hija r-responsabbiltà tal-awtoritajiet lokali u reġjonali;

    30.

    jemmen li, minbarra l-adozzjoni ta’ pjani ta’ azzjoni kontra r-razziżmu fil-livell nazzjonali, jista’ jkun utli li jkun hemm pjani ta’ azzjoni reġjonali u lokali. Dawn jistgħu jgħinu biex ir-razziżmu strutturali jiġi indirizzat permezz ta’ miżuri konkreti. Dan jirrifletti wkoll il-pożizzjoni tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (FRA) fir-rapport tagħha tal-2019, li fih tenfasizza l-ħtieġa li jkun hemm pjani ta’ azzjoni fil-livelli kollha fil-ġlieda kontra r-razziżmu. L-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom jingħataw l-appoġġ dovut meta jfasslu pjani ta’ azzjoni sottonazzjonali, inkluż permezz ta’ inizjattivi ad hoc għall-bini tal-kapaċitajiet;

    31.

    jista’ jiġi involut f’dan u jservi bħala pjattaforma għall-iżvilupp ulterjuri ta’ miżuri kontra r-razziżmu fil-livell lokali u reġjonali, pereżempju billi tiġi appoġġjata l-inklużjoni soċjali, jiġi miġġieled il-faqar enerġetiku u jiġi promoss l-aċċess għal abitazzjoni deċenti;

    32.

    jenfasizza l-importanza li jiġu involuti l-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali kif ukoll is-soċjetà ċivili sabiex tingħata leġittimità lill-pjan nazzjonali ta’ azzjoni kontra r-razziżmu u biex ir-razziżmu fl-Ewropa jiġi miġġieled b’mod aktar effettiv; Huwa importanti wkoll li jiġu kondiviżi prattiki tajbin bejn il-pajjiżi u l-awtoritajiet lokali u reġjonali differenti, u li jiġu kondiviżi l-objettivi u l-miżuri stabbiliti fil-pjani kontra r-razziżmu żviluppati minn livelli differenti ta’ governanza;

    33.

    jemmen li sabiex jintlaħaq il-potenzjal tal-proposti li jmiss tal-Kummissjoni għal pjani nazzjonali ta’ azzjoni kontra r-razziżmu, għandu jkun hemm proċessi b’saħħithom biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni f’waqtha tagħhom b’miri ċari u li jistgħu jitkejlu, u li l-progress jiġi ssorveljat kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f’dak Ewropew, u jeħtieġ li l-Kummissjoni tieħu responsabbiltà sħiħa għall-parti tagħha tas-segwitu;

    34.

    jenfasizza li kwalunkwe evalwazzjoni tal-effettività tal-pjani nazzjonali ta’ azzjoni kontra r-razziżmu għandha tiġi ppjanata sentejn wara l-istabbiliment tagħhom, b’informazzjoni sħiħa mill-awtoritajiet lokali u reġjonali;

    Il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni, l-istituzzjonijiet tal-UE u l-inizjattivi kontra r-razziżmu

    35.

    jappoġġja l-inizjattiva tal-UNESCO “Koalizzjoni Ewropea tal-Bliet Kontra r-Razziżmu” u jilqa’ b’mod partikolari l-proġetti Ewropej relatati mal-ġlieda kontra r-razziżmu, inkluż l-aħħar proġett “SUPport Everyday Fight Against Racism” (SUPER), fi ħdan il-qafas tal- Programm ta’ Drittijiet, Ugwaljanza u Ċittadinanza tal-Kummissjoni Ewropea;

    36.

    iħeġġeġ lill-Kummissjoni tinvolvi formalment lill-Kumitat meta tinnomina, fuq bażi annwali, Belt Kapitali Ewropea – waħda jew aktar – għall-Inklużjoni u d-Diversità bħala mod kif jiġu rikonoxxuti u ċċarati l-isforzi tal-bliet biex jistabbilixxu strateġiji ta’ inklużjoni b’saħħithom fil-livell lokali;

    37.

    jesprimi x-xewqa qawwija tiegħu li jipparteċipa bħala msieħeb formali fl-organizzazzjoni tas-Summit kontra r-Razziżmu fil-21 ta’ Marzu 2021, li se jsir flimkien mal-Jum Internazzjonali għall-Eliminazzjoni tad-Diskriminazzjoni Razzjali;

    38.

    huwa tal-fehma li, peress li l-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni u l-awtoritajiet lokali u reġjonali huma fuq quddiem nett fil-ġlieda kontra r-razziżmu u d-diskriminazzjoni, huma għandhom jaqdu rwol formali fl-iskambji, fil-konsultazzjonijiet regolari u fid-djalogu mal-istituzzjonijiet tal-UE;

    39.

    jilqa’ b’sodisfazzjon l-isforzi estensivi tal-Kummissjoni biex issaħħaħ il-politiki bbażati fuq valuri fundamentali u biex tibni l-Unjoni ta’ Ugwaljanza tal-UE permezz ta’ diversi pjani ta’ azzjoni u strateġiji li jindirizzaw id-diskriminazzjoni għal raġunijiet speċifiċi (razza, ugwaljanza bejn il-ġeneri, persuni LGBTIQ, Rom, persuni b’diżabbiltà, antisemitiżmu). Madankollu, minħabba n-natura trasversali tal-istrateġiji msemmija hawn fuq, il-Kumitat iqis li huwa adatt li jkun hemm mhux biss rapporti ta’ progress individwali iżda wkoll rapporti intersezzjonali, li jevalwaw l-interazzjoni bejn l-istrateġiji differenti u l-effetti kumulattivi tagħhom fil-każ ta’ forom multipli ta’ diskriminazzjoni fil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali;

    40.

    jappoġġja l-isforzi tal-Kummissjoni biex issir Unjoni ta’ Ugwaljanza li, bl-għajnuna tat-task force interna l-ġdida għall-ugwaljanza, se tissalvagwardja l-interessi tan-nies kollha, irrispettivament mill-oriġini razzjali jew etnika, billi tintegra l-ugwaljanza u l-intersezzjonalità fil-politiki, il-leġiżlazzjoni u l-programmi ta’ finanzjament kollha tal-UE;

    41.

    jistenna bil-ħerqa li jkun involut u li jikkoopera mal-koordinatur futur kontra r-razziżmu li se jinħatar mill-Kummissjoni;

    42.

    ser isegwi s-sejħa tal-Kummissjoni Ewropea biex jingħata eżempju u tittejjeb ir-rappreżentanza tal-persunal tal-KtR permezz ta’ miżuri ta’ reklutaġġ u selezzjoni.

    Brussell, is-7 ta’ Mejju 2021.

    Apostolos TZITZIKOSTAS

    Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni


    (1)  https://data.europa.eu/euodp/en/data/dataset/S2251_91_4_493_ENG/resource/afca8c2e-a0a8-4a22-84ef-29a3a1fb9a1b

    (2)  Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE tad-29 ta’ Ġunju 2000 li timplimenta l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrespettivament mill-oriġini tar-razza jew l-etniċità

    (3)  Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/913/ĠAI

    (4)  Proposta għal Direttiva dwar il-prinċipju ta’ trattament ugwali, KUMM(2008) 426 finali

    (5)  L-użu tat-terminu “razza” f’dan id-dokument, l-istess bħal fil-pjan ta’ azzjoni, ma jimplikax l-aċċettazzjoni ta’ teoriji li jfittxu li jistabbilixxu l-eżistenza ta’ razez umani separati.

    (6)  Opinjoni tal-KtR 2016/2020 dwar Unjoni ta’ Ugwaljanza: Strateġija dwar l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri għall-2020-2025

    (7)  Opinjoni tal-KtR 2354/2020 dwar Strateġija għall-ġejjieni diġitali tal-Ewropa u Strateġija għad-data

    (8)  Opinjoni tal-KtR 2014/2020 dwar White Paper dwar l-Intelliġenza Artifiċjali Approċċ Ewropew għall-eċċellenza u għall-fiduċja

    (9)  Opinjoni tal-KtR 6329/2015 dwar Niġġieldu r-radikalizzazzjoni u l-estremiżmu vjolenti: mekkaniżmi ta’ prevenzjoni fil-livell lokali u reġjonali


    Top