EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62020TN0024

Kawża T-24/20: Rikors ippreżentat fis-17 ta’ Jannar 2020 – Junqueras i Vies vs Il-Parlament

ĠU C 68, 2.3.2020, p. 66–67 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

2.3.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 68/66


Rikors ippreżentat fis-17 ta’ Jannar 2020 – Junqueras i Vies vs Il-Parlament

(Kawża T-24/20)

(2020/C 68/74)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Partijiet

Rikorrent: Oriol Junqueras i Vies (Sant Joan de Vilatorrada, Spanja) (rappreżentant: A. Van den Eynde Adroer, avukat)

Konvenut: Il-Parlament Ewropew

Talbiet

Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali tikkunsidra t-talba mressqa permezz ta’ rikors kontra l-atti kkontestati bid-dokumenti mehmuża tagħha, tammettiha u, fil-mertu tagħhom, tiddikjara l-atti kkontestati li huma s-suġġett ta’ din il-proċedura nulli u bla effett, bl-ispejjeż għall-konvenut.

Motivi u argumenti prinċipali

Dan ir-rikors huwa intiż kontra d-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew imħabbra mill-President Sassoli fil-Plenarja tat-13 ta’ Jannar 2020, li, meta ttieħdet inkunsiderazzjoni d-deċiżjoni tal-Junta Electoral Central (il-Kummissjoni Elettorali Ċentrali) tat-3 ta’ Jannar 2020 segwita mid-deċiżjoni tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja) tad-9 ta’ Jannar 2020, tikkonstata li s-siġġu ta’ Oriol Junqueras i Vies huwa vakanti b’effett mit-3 ta’ Jannar 2020 skont ir-Regolament tal-Parlament, kif ukoll kontra ċ-ċaħda, permezz tad-deċiżjoni preċedenti, tat-talba urġenti għall-protezzjoni tal-immunità ta’ O. Junqueras i Vies, imressqa f’isem O. Junqueras i Vies, fl-20 ta’ Diċembru 2019 (20/12/2019) minn Riba i Giner (MPE).

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka ħames motivi.

1.

L-ewwel motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikoli 41(1) u 41(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, peress li l-Artikoli 13(3) tal-Att Elettorali Ewropew (1976) u 4(7) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Parlament għandhom jiġu interpretati fis-sens li jirrikjedu proċedura li tirrispetta l-imsemmija drittijiet li tippermetti li tiġi ssostanzjata u pprovata l-eżistenza tal-eċċezzjonijiet għad-dikjarazzjoni li s-siġġu ta’ Oriol Junqueras i Vies huwa vakanti.

2.

It-tieni motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikoli 39(1) u 39(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, tal-Artikolu 4(3) TUE, tal-Artikolu 1(3) tal-Att Elettorali Ewropew (1976), tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 4 TUE (f’dan il-każ mill-Qorti Suprema), tal-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni, tal-Artikolu 9 (it-tieni paragrafu) tal-Protokoll 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet u 6 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Parlament Ewropew, wara li ma ta ebda effett prattiku għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tad-19 ta’ Diċembru 2019, mogħtija fil-Kawża C-502/19 preċiżament fir-rigward ta’ Oriol Junqueras i Vies, li kienet tirrikjedi titressaq talba (tneħħija tal-immunità) lill-Parlament Ewropew. Sussidjarjament huwa sostnut li l-interpretazzjoni li għandha tingħata skont l-Artikoli 13(3) tal-Att Elettorali Ewropew u 4(7) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Parlament Ewropew hija fis-sens li l-Parlament Ewropew jista’ jivverifika l-eċċezzjonijiet previsti fl-imsemmija artikoli għas-siġġu vakanti meta l-motiv huwa evalwat mingħajr ma jkun hemm ksur tad-dritt intern tal-Istat.

3.

It-tielet motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikoli 39(1) u 39(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u tal-Artikolu4(7) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Parlament Ewropew, peress li d-deċiżjonijiet tal-Istat li fuqhom hija bbażata d-dikjarazzjoni ta’ siġġu vakanti ma humiex finali.

4.

Ir-raba’ motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikoli 39(1) u 39(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, tal-Artikolu 3 tal-Protokoll 1 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali (KEDB) u tal-Artikolu 9 (l-ewwel paragrafu (a) u (b) tal-Protokoll 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet u l-Artikolu 6 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Parlament, billi ostakola illegalment l-effettività għal Oriol Junqueras i Vies tal-immunitajiet li r-rikorrenti huwa intitolat għalihom.

5.

Il-ħames motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 9 (l-ewwel paragrafu (a)) tal-Protokoll 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet, tal-Artikoli 39(1) u 39(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 3 tal-Protokoll 1 tal-KEDB u l-Artikoli 6 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Parlament u 13(3) tal-Att Elettorali Uniku (1976), billi tirrikjedi leġiżlazzjoni supplimentari Spanjola minn qabel sabiex jittieħdu proċeduri kontra d-deputati eletti, peress li l-ġurisprudenza kuntrarja tal-Qorti Suprema hija contra legem u maħluqa ad hoc u ad homine, mingħajr ma hemm ebda preċedent kif irikonoxxiet l-istess Qorti Suprema.


Top