EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62020TN0005

Kawża T-5/20: Rikors ippreżentat fis-6 ta’ Jannar 2020 – CP vs Il-Parlament

ĠU C 68, 2.3.2020, p. 56–57 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

2.3.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 68/56


Rikors ippreżentat fis-6 ta’ Jannar 2020 – CP vs Il-Parlament

(Kawża T-5/20)

(2020/C 68/64)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrent: CP (rappreżentanti: L. Levi u M. Vandenbussche, avukati)

Konvenut: Il-Parlament Ewropew

Talbiet

Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiddikjara dan ir-rikors ammissibbli u fondat;

konsegwentement:

tannulla r-rapport ta’ evalwazzjoni tal-2016 tar-rikorrent, iffirmat mis-Segretarju Ġenerali fis-16 ta’ Novembru 2018;

sa fejn meħtieġ, tannulla d-deċiżjoni tal-President tal-25 ta’ Settembru 2019 li tiċħad l-ilment;

tikkundanna lill-konvenut għall-ispejjeż kollha.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka ħames motivi.

1.

L-ewwel motiv ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni u tal-Artikolu 25(2) tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea, peress li, l-ewwel nett, l-evalwazzjoni tar-rikorrent ma hijiex kompluta peress li l-ebda evalwazzjoni ma tinsab taħt it-titolu “Sens ta’ responsabbiltà u integrità professjonali”, taħt “Kondotta”, fl-aħħar verżjoni tar-rapport ta’ evalwazzjoni. It-tieni nett, hemm differenza suffiċjentement sostanzjali bejn ir-rapporti ta’ evalwazzjoni tal-2016 u r-rapporti ta’ evalwazzjoni preċedenti, b’mod partikolari dak tal-2015, u din id-differenza ma ġietx immotivata b’mod regolari.

2.

It-tieni motiv ibbażat fuq l-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjonijiet tas-sitwazzjoni ta’ nuqqas ta’ persunal tad-diviżjoni tar-rikorrent u tal-attivitajiet anċillari tar-rikorrent. F’dan ir-rigward, ir-rikorrent iqis li, fl-2016, il-prestazzjoni tiegħu ġiet influwenzata minn diversi fatturi li ma ġewx meħuda inkunsiderazzjoni b’mod regolari mill-konvenut waqt it-tfassil tar-rapport ta’ evalwazzjoni, jiġifieri s-sitwazzjoni ta’ nuqqas ta’ persunal tad-diviżjoni tiegħu, il-parteċipazzjoni tiegħu fil-kumitat tal-persunal u l-parteċipazzjoni tiegħu fl-implimentazzjoni ta’ kunċett ġdid ta’ evakwazzjoni li sar prijorità tad-Direttorat B tad-DĠ SAFE, il-“PPP”.

3.

It-tielet motiv ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni, peress li l-evalwazzjonijiet li jinsabu fir-rapport ta’ evalwazzjoni tal-2016, ikkaratterizzati minn deterjorament ċar tal-prestazzjonijiet meta mqabbla mal-2015, huma manifestament żbaljati u ma jiħdux inkunsiderazzjoni l-involviment kbir tar-rikorrent fil-kompiti tiegħu u r-riżultati miksuba, minkejja ċ-ċirkustanzi partikolarment diffiċli.

4.

Ir-raba’ motiv ibbażat fuq l-assenza ta’ ambjent seren matul l-intervisti ta’ evalwazzjoni u fuq il-ksur tad-dritt għal smigħ u tal-Artikolu 6.2 tar-regoli interni dwar l-evalwazzjoni, peress li l-intervista mal-ewwel evalwatur u b’mod partikolari l-intervista mal-aħħar evalwatur ma seħħewx fl-ambjent seren meħtieġ fl-Artikolu 6.2 tar-regoli interni u ma ħallewx lir-rikorrent jippreżenta, b’mod utli, l-osservazzjonijiet tiegħu dwar ir-rimarki negattivi fir-rapport ta’ evalwazzjoni. Barra minn hekk, ir-rapport fil-biċċa l-kbira baqa’ l-istess wara dawn l-intervisti.

5.

Il-ħames motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ oġġettività u ta’ imparzjalità, fuq fastidju u fuq il-ksur tal-Artikolu 41(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u tal-prinċipju ta’ premura, kif ukoll fuq l-użu ħażin ta’ poter. F’dan ir-rigward, ir-rikorrent iqis li l-assenza ta’ ġustifikazzjoni suffiċjenti, rilevanti u fondata tal-kummenti negattivi jew dawk b’konnotazzjoni negattiva, li jinsabu fir-rapport ta’ evalwazzjoni tal-2016 wasslet lir-rikorrent iqis li dan ir-rapport huwa abbużiv u mmarkat b’nuqqas evidenti ta’ oġġettività u ta’ imparzjalità u pjuttost jammonta għal ftehim bil-miktub mill-aħħar evalwatur bl-assistenza tal-ewwel evalwatur. Kull element tal-evalwazzjoni huwa skredtu meta mqabbel mas-snin ta’ qabel, b’mod partikolari mal-2015, għall-ebda raġuni. Huwa ma fih l-ebda element pożittiv. Il-biċċa l-kbira tar-riżultati miksuba mir-rikorrent fl-2016 huma injorati, u kwalunkwe xogħol li għamel huwa miċħud. Dan ir-rapport huwa kkaratterizzat minn użu ħażin ta’ poter peress li l-uniku għan li għandu huwa li jagħmel ħsara lir-rikorrent billi jippreżenta verżjoni mgħawġa tar-realtà tal-prestazzjonijiet tiegħu, li hija protetta fid-dehra mis-setgħa diskrezzjonali wiesgħa rriżervata għall-evalwaturi. Dan l-approċċ abbużiv, li jikkonsisti mill-użu abbużiv tas-sistema ta’ evalwazzjoni taħt il-pretensjoni qarrieqa ta’ setgħa diskrezzjonali wiesgħa, għandu l-effett li jirrendi d-difiża tar-rikorrent diffiċli peress li dan isib ruħu fid-dehra wiċċ imb wiċċ ma’ ġudizzji ta’ valur li l-istħarriġ tagħhom huwa limitat. Fl-aħħar nett, il-konvenut lanqas ma osserva d-dmir tiegħu ta’ premura peress li l-interessi tar-rikorrent manifestament ma ġewx meħuda inkunsiderazzjoni.


Top