EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62019TN0868

Kawża T-868/19: Rikors ippreżentat fl-20 ta’ Diċembru 2019 – Nouryon Industrial Chemicals et vs Il-Kummissjoni

ĠU C 68, 2.3.2020, p. 47–48 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

2.3.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 68/47


Rikors ippreżentat fl-20 ta’ Diċembru 2019 – Nouryon Industrial Chemicals et vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-868/19)

(2020/C 68/56)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Nouryon Industrial Chemicals BV (Amsterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi), Knoell NL BV (Maarssen, il-Pajjiżi l-Baxxi), Grillo-Werke AG (Duisburg, il-Ġermanja), PCC Trade & Services GmbH (Duisburg) (rappreżentanti: R. Cana, G. David, avukati, u Z. Romata, Solicitor)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiddikjara r-rikors ammissibbli u fondat;

tannulla d-deċiżjoni kkontestata kollha kemm hi;

tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż;

tordna kull miżura oħra meħtieġa fl-interess tal-ġustizzja.

Motivi u argumenti prinċipali

Fir-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tannulla d-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta’ Ottubru 2019 dwar il-kontroll tal-konformità ta’ reġistrazzjoni tal-etere tad-dimetil sottomessa lill-Kummissjoni mill-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi skont l-Artikolu 51(7) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (1).

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw disa’ motivi.

1.

L-ewwel motiv ibbażat fuq il-fatt li l-konvenuta aġixxiet ultra vires u kisret l-Artikolu 51(7) tar-Regolament REACH (2) billi adottat id-deċiżjoni kkontestata sabiex tkopri aspetti li dwarhom il-Kumitat tal-Istati Membri tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (iktar ’il quddiem l-“Aġenzija”) kien wasal għal ftehim unanimu, filwaqt li din id-dispożizzjoni tippermetti lill-Kummissjoni tadotta deċiżjoni biss meta l-Kumitat tal-Aġenzija “jonqos milli jilħaq ftehim unanimu”.

2.

It-tieni motiv ibbażat fuq il-fatt li l-konvenuta wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni u kisret l-Artikolu 13(3) tar-Regolament REACH, għaliex it-twettiq ta’ testijiet fuq l-etere tad-dimetil (iktar ’il quddiem is-“sustanza”) fil-konċentrazzjonijiet imposti mid-deċiżjoni kkontestata ma huwiex teknikament possibbli u jmur kontra l-metodi ta’ ttestjar preskritti fil-miżuri msemmija fl-Artikolu 13(3) tar-Regolament REACH.

3.

It-tielet motiv ibbażat fuq il-fatt li l-konvenuta wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni billi talbet testijiet li ser jipproduċu l-ebda informazzjoni rilevanti dwar is-sustanza.

4.

Ir-raba’ motiv ibbażat fuq il-fatt li l-konvenuta wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni u ma osservatx il-kolonna 2 tal-punt 8.7.3 tal-Anness X tar-Regolament REACH billi talbet iż-żieda tal-koorti 2A/2B mal-istudju estiż tat-tossiċità riproduttiva fuq ġenerazzjoni waħda.

5.

Il-ħames motiv ibbażat fuq il-fatt li l-konvenuta aġixxiet ultra vires u ma osservatx il-kolonna 1 tal-punt 8.7.3 tal-Anness X tar-Regolament REACH kif ukoll l-Artikolu 25 tal-imsemmi regolament billi talbet studju preliminari għall-individwazzjoni tad-doża.

6.

Is-sitt motiv ibbażat fuq il-fatt li l-konvenuta aġixxiet ultra vires u kisret l-Artikolu 41 tar-Regolament REACH kif ukoll l-Anness XI tar-Regolament REACH billi ma ppermettietx lir-rikorrenti, fir-rigward tal-allegat nuqqas ta’ konformità mar-rekwiżiti REACH, jippreżentaw aġġustament tar-rekwiżiti fil-qasam tat-testijiet, minflok it-tesijiet mitluba.

7.

Is-seba’ motiv ibbażat fuq il-fatt li l-konvenuta aġixxiet ultra vires u kisret l-Artikolu 41 tar-Regolament REACH billi waslet, permezz tad-deċiżjoni kkontestata, għal konklużjoni dwar aġġustament eventwali bbażat fuq l-approċċ ta’ read-across.

8.

It-tmien motiv ibbażat fuq il-fatt li l-konvenuta wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni, ma ħaditx inkunsiderazzjoni informazzjoni rilevanti u ma osservatx il-kolonna 2 tal-punt 8.7.2 tal-Anness IX tar-Regolament REACH billi talbet studju tat-tossiċità fl-iżvilupp ta’ qabel it-twelid (metodu ta’ ttestjar: B.31 tal-UE/OECD TG 414) li għandu jitwettaq fuq il-fniek permezz ta’ inalazzjoni.

9.

Id-disa’ motiv ibbażat fuq il-fatt li l-konvenuta kisret il-prinċipju ta’ proporzjonalità tad-dritt tal-Unjoni u tal-Artikolu 25 tar-Regolament REACH (a) billi talbet testijiet li huma inutli u mhux adatti, minħabba li huwa teknikament impossibbli li dawn jitwettqu kif titlob il-konvenuta u għaliex, ladarba jkunu twettqu, ma jipproduċu l-ebda informazzjoni rilevanti dwar is-sustanza, (b) billi talbet studju preliminari għall-individwazzjoni tad-doża li hija inutli wkoll fid-dawl tat-telf konsiderevoli u kbir ta’ ħajja tal-annimali li jmur kontra r-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 25 tar-Regolament REACH, u (c) billi warrbet l-għażla inqas oneruża.


(1)  C(2019) 7336 final.

(2)  Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni (ĠU 2006, L 396, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2007, L 136, p. 3, fil-ĠU 2008, L 141, p. 22 u fil-ĠU 2009, L 36, p. 84).


Top