EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62019TN0850

Kawża T-850/19: Rikors ippreżentat fit-13 ta’ Diċembru 2019 – Ir-Repubblika Ellenika vs Il-Kummissjoni Ewropea

ĠU C 68, 2.3.2020, p. 43–44 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

2.3.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 68/43


Rikors ippreżentat fit-13 ta’ Diċembru 2019 – Ir-Repubblika Ellenika vs Il-Kummissjoni Ewropea

(Kawża T-850/19)

(2020/C 68/52)

Lingwa tal-kawża: il-Grieg

Partijiet

Rikorrent: Ir-Repubblika Ellenika (rappreżentanti: E. Τsaousi, E. Leftheriotou u A. Vasilopoulo)

Konvenut: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea C(2019) 7094 final, tas-7 ta’ Ottubru 2019, dwar il-miżuri SA.39119 (2016/C) (ex 2015/NN) (ex 2014/CP) li r-Repubblika Ellenika implimentat fil-forma ta’ tnaqqis tal-interessi u ta’ garanziji, konnessi man-nirien tal-2017, li tirrigwarda unikament is-settur agrikolu; u

tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi.

1.

L-ewwel motiv ibbażat fuq l-ineżistenza ta’ għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 107(1) TFUE: applikazzjoni u interpretazzjoni żbaljata tal-kundizzjonijiet li taħthom l-għajnuna mill-Istat hija inkompatibbli mas-suq intern, żball ta’ fatt, nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata u ksur mill-Kummissjoni tal-prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi.

2.

It-tieni motiv ibbażat fuq il-fatt li l-għajnuna inkwistjoni hija kompatibbli mas-suq intern, peress li tikkostitwixxi għajnuna intiża sabiex ittaffi d-danni kkawżati minn katastrofi naturali. Applikazzjoni u interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 107(2)(b) TFUE, żball ta’ fatt u nuqqas ta’ motivazzjoni.

3.

It-tielet motiv ibbażat fuq il-fatt li d-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata barra mill-kompetenza ratione temporis tal-Kummissjoni, skont id-delimitazzjoni fl-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 2015/1589 (1), u preċedentement fl-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 659/1999 (2), u, fi kwalunkwe każ, bi ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, tat-terminu raġonevoli tal-proċedimenti, tad-drittijiet tad-difiża u tal-amministrazzjoni tajba. It-talba għall-ħlas lura tmur kontra l-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ ċertezza tad-dritt.


(1)  Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 tat-13 ta’ Lulju 2015 li jistabblixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2015, L 248, p. 9).

(2)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta’ Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339).


Top