This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62019CN0562
Case C-562/19 P: Appeal brought on 2 July 2019 by the European Commission against the judgment delivered by the General Court of the European Union (Ninth Chamber, Extended Composition) on 16 May 2019 in Cases T-836/16 and T-624/17 Republic of Poland v European Commission
Kawża C-562/19 P: Appell ippreżentat fit-2 ta’ Lulju 2019 mill-Kummissjoni Ewropea mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Id-Disa’ Awla Estiża) fis-16 ta’ Mejju 2019 fil-Kawżi magħquda T-836/16 u T-624/17, Ir-Repubblika tal-Polonja vs Il-Kummissjoni Ewropea
Kawża C-562/19 P: Appell ippreżentat fit-2 ta’ Lulju 2019 mill-Kummissjoni Ewropea mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Id-Disa’ Awla Estiża) fis-16 ta’ Mejju 2019 fil-Kawżi magħquda T-836/16 u T-624/17, Ir-Repubblika tal-Polonja vs Il-Kummissjoni Ewropea
ĠU C 328, 30.9.2019, p. 29–30
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
30.9.2019 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 328/29 |
Appell ippreżentat fit-2 ta’ Lulju 2019 mill-Kummissjoni Ewropea mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Id-Disa’ Awla Estiża) fis-16 ta’ Mejju 2019 fil-Kawżi magħquda T-836/16 u T-624/17, Ir-Repubblika tal-Polonja vs Il-Kummissjoni Ewropea
(Kawża C-562/19 P)
(2019/C 328/33)
Lingwa tal-kawża: il-Pollakk
Partijiet
Appellanti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: K. Herrmann u P.-J. Loewenthal, aġenti)
Partijiet oħra fil-proċedura: Ir-Repubblika tal-Polonja, L-Ungerija
Talbiet
L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
— |
tannulla fl-intier tagħha s-sentenza tal-Qorti Ġenerali (Id-Disa’ Awla Estiża) tas-16 ta’ Mejju 2019 fil-Kawżi magħquda T-836/16 u T-624/17, Ir-Repubblika tal-Polonja vs Il-Kummissjoni Ewropea; |
— |
tiċħad ir-rikorsi ppreżentati mir-Repubblika tal-Polonja kontra l-Kummissjoni, minn naħa, fil-Kawża T-836/16, intiż għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2016) 5596 final tad-19 ta’ Settembru 2016 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.44351 (2016/C) (ex 2016/NN), li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali fir-rigward tat-taxxa Pollakka fis-settur tal-bejgħ bl-imnut u li tordna s-sospensjoni tagħha, u, min-naħa l-oħra, fil-Kawża T-624/17, għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/160 tat-30 ta’ Ġunju 2017 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.44351 (2016/C) (ex 2016/NN) implimentata mill-Polonja għat-taxxa fuq is-settur tal-bejgħ bl-imnut, u tikkundana lir-Repubblika tal-Polonja għall-ispejjeż tal-kawża fl-ewwel istanza u għall-ispejjeż ta’ din il-proċedura tal-appell; |
— |
sussidjarjament, fil-każ li ż-żewġ rikorsi ma jiġux miċħuda fl-intier tagħhom, tibgħat il-kawża lura quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex tagħti deċiżjoni ġdida dwar il-motivi li ma tatx deċiżjoni dwarhom fl-ewwel istanza, u tirriżerva d-deċiżjoni dwar l-ispejjeż tal-ewwel istanza u ta’ din il-proċedura tal-appell għad-deċiżjoni li tagħlaq il-kawża. |
Aggravji u argumenti prinċipali
Il-Kummissjoni tinvoka żewġ aggravji.
Fil-kuntest tal-ewwel aggravju, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 107(1) TFUE sa fejn iddeċidiet li t-taxxa Pollakka fis-settur tal-bejgħ bl-imnut ma hijiex selettiva. L-iżball ta’ liġi min-naħa tal-Qorti Ġenerali huwa bbażat fuq ir-raġunijiet segwenti:
— |
L-ewwel nett, fil-punti 63 sa 68 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali wettqet żball meta kkonstatat li l-Kummissjoni wettqet żball meta fid-definizzjoni tal-qafas ta’ referenza ma ħaditx inkunsiderazzjoni r-rati progressivi tat-taxxa Pollakka fis-settur tal-bejgħ bl-imnut. Għall-kuntrarju tal-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali, il-pożizzjoni meħuda mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni finali tagħha hija konformi mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fid-definizzjoni tal-qafas ta’ referenza. |
— |
It-tieni nett, fil-punti 69 sa 78 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali wettqet żball meta ddeċidiet li l-Kummissjoni kienet iddeterminat b’mod żbaljat l-għan tat-taxxa fis-settur tal-bejgħ bl-imnut, li fid-dawl tiegħu kellha tiġi evalwata l-paragunabbiltà tal-kumpanniji. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet b’mod kostanti li, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-paragunabbiltà tal-kumpanniji huwa rilevanti biss l-għan fiskali, iddefinit bħala s-suġġett tat-taxxa jew l-avveniment li jagħti lok għat-taxxa inkwistjoni. Għanijiet oħra marbuta b’mod inseparabbli, bħall-kapaċità tal-ħlas, huma rilevanti biss għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-ġustifikazzjoni oġġettiva tad-differenza fit-trattament bejn kumpanniji paragunabbli. Għaldaqstant, il-konstatazzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali fl-istadju tal-evalwazzjoni tal-paragunabbiltà tal-kumpanniji, fis-sens li t-taxxa Pollakka fis-settur tal-bejgħ bl-imnut tikkostitwixxi — allegatament — ridistribuzzjoni, hija bbażata fuq żball ta’ liġi. |
— |
It-tielet nett, fil-punti 79 sa 93 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali wettqet żball meta ddeċidiet li l-Kummissjoni kkonstatat b’mod żbaljat li ma kien hemm ebda ġustifikazzjoni għar-rati progressivi tat-taxxa fis-settur tal-bejgħ bl-imnut ibbażata fuq l-għan ta’ ridistribuzzjoni. Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali fis-sens li t-taxxa Pollakka fis-settur tal-bejgħ bl-imnut ma hijiex diskriminatorja u għandha għan ta’ ridistribuzzjoni huma bbażati fuq il-premessa żbaljata li l-kumpanniji li jiġġeneraw dħul għoli (dħul mill-bejgħ) huma iktar profitabbli minn kumpanniji li jiġġeneraw dħul iżgħar (dħul mill-bejgħ). B’hekk, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkonstatat li l-għan ta’ ridistribuzzjoni, li ma huwiex marbut mat-taxxa fis-settur tal-bejgħ bl-imnut b’mod li jistax jiġi sseparat, jista’ jiġġustifika d-differenza fit-trattament bejn il-kumpanniji. Barra minn hekk, fuq il-bażi ta’ din il-preżunzjoni żbaljata, il-Qorti Ġenerali wettqet żball meta ttrasferixxiet l-oneru tal-prova li r-rati tat-taxxa progressivi huma ġġustifikati mill-allegat għan ta’ ridistribuzzjoni minn fuq l-Istat Membru għal fuq il-Kummissjoni, li kellha għalhekk tistabbilixxi li ma kienx hemm tali ġustifikazzjoni. |
Fil-kuntest tat-tieni aggravju, il-Kummissjoni ssostni li, fil-punti 104 sa 109 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 108(2) TFUE u l-Artikolu 13(1) tar-Regolament tal-Kunsill 2015/1589. F’dawn il-punti, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-Kummissjoni wettqet żball manifest meta ordnat il-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali u meta ordnat is-sospensjoni tat-taxxa Pollakka fis-settur tal-bejgħ bl-imnut. Din il-konstatazzjoni hija bbażata fuq analiżi tad-deċiżjoni li tagħlaq il-proċedura ta’ investigazzjoni formali. Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi sa fejn applikat l-istess kriterju ta’ stħarriġ ġudizzjarju għad-deċiżjoni li tiftaħ il-proċedura bħal dak għall-istħarriġ tal-validità tad-deċiżjoni li tagħlaq il-proċedura. B’hekk, il-Qorti Ġenerali applikat, għad-deċiżjoni tal-ewwel, kriterju ta’ stħarriġ ġudizzjarju ogħla minflok ma vverifikat jekk il-Kummissjoni setgħetx manifestament ikollha dubji dwar in-natura selettiva tat-taxxa kontenzjuża.