Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62019CN0482

    Kawża C-482/19: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Juzgado de Primera Instancia e Instrucción no 6 de Ceuta (Spanja) fl-24 ta’ Ġunju 2019 — JF u KG vs Bankia S.A.

    ĠU C 328, 30.9.2019, p. 17–17 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    30.9.2019   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 328/17


    Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Juzgado de Primera Instancia e Instrucción no 6 de Ceuta (Spanja) fl-24 ta’ Ġunju 2019 — JF u KG vs Bankia S.A.

    (Kawża C-482/19)

    (2019/C 328/18)

    Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

    Qorti tar-rinviju

    Juzgado de Primera Instancia e Instrucción no 6 de Ceuta

    Partijiet fil-kawża prinċipali

    RikorrentiM JF u KG

    Konvenuta: Bankia S.A.

    Domandi preliminari

    1)

    Sabiex jiġu ggarantiti l-protezzjoni tal-konsumaturi u tal-utenti u l-osservanza tal-ġurisprudenza tal-Unjoni li timplementaha, huwa konformi mad-dritt tal-Unjoni, mad-Direttiva tal-Kunsill 93/13 KEE tal-5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (1) u, b’mod iktar partikolari, mal-Artikolu 6(1) u mal-Artikolu 7(1) ta’ din tal-aħħar l-iffissar bħala kriterju inekwivoku mit-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja), fis-sentenzi tagħha Nri 44 sa 49 tat-23 ta’ Jannar 2019 tad-determinazzjoni tan-natura inġusta, fil-kuntratti ta’ self b’garanzija ipotekarja konklużi ma’ konsumaturi, ta’ klawżola mhux innegozzjata li tipprovdi li l-ispejjeż li jirriżultaw mill-ħolqien tat-tranżazzjoni ta’ self ipotekarju għandhom jitħallsu minn min jissellef u li taqsam ir-responsabbiltà għad-diversi spejjeż li jinsabu f’din il-klawżola inġusta li n-nullità tagħha ġiet ikkonstatata bejn l-istabbiliment bankarju li żied din il-klawżola u l-konsumatur li jissellef, sabiex jiġi llimitat il-ħlas lura tal-ammonti mħallsa indebitament b’applikazzjoni tal-liġi nazzjonali?

    Sabiex tiġi ggarantita l-protezzjoni tal-konsumaturi u tal-utenti u l-osservanza tal-ġurisprudenza tal-Unjoni li timplementaha, hija konformi mad-dritt tal-Unjoni, mad-Direttiva 93/13 u, b’mod iktar partikolari, mal-Artikolu 6(1) u mal-Artikolu 7(1) ta’ din tal-aħħar li t-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) tagħmel interpretazzjoni awżiljarja ta’ klawżola nulla minħabba n-natura inġusta tagħha, meta t-tħassir ta’ din il-klawżola u l-effetti ta’ dan it-tħassir ma jipprekludux li l-kuntratt ta’ self b’garanzija ipotekarja jibqa’ jeżisti?

    2)

    Bl-istess mod, għandu jiġi kkunsidrat, fid-dawl tal-Artikolu 394 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Spanjol, li jistabbilixxi l-kriterju tal-kundanna oġġettiva għall-ispejjeż, li, fl-ipoteżi fejn klawżola inġusta fil-qasam tal-ispejjeż tiġi annullata iżda l-effetti ta’ dan l-annullament huma llimitati għall-qsim tal-ispejjeż imsemmija iktar ’il fuq, jinkisru l-prinċipji tan-natura mhux vinkolanti [tal-klawżoli inġusti fil konfront tal-konsumatur] u ta’ effettività tad-dritt tal-Unjoni Ewropea jekk jintlaqgħu parzjalment it-talbiet tal-partijiet, u dan jista’ jiġi interpretat bħala li għandu effett dissważiv oppost li jwassal għall-assenza ta’ protezzjoni tal-interessi leġittimi tal-konsumaturi u tal-utenti?


    (1)  ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288


    Top