Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32019H0905(16)

    Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tad-9 ta’ Lulju 2019 dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-Lussemburgu għall-2019 u li tagħti l-opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Stabbiltà tal-Lussemburgu għall-2019

    ST/10169/2019/INIT

    ĠU C 301, 5.9.2019, p. 97–100 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    5.9.2019   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 301/97


    RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

    tad-9 ta’ Lulju 2019

    dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-Lussemburgu għall-2019 u li tagħti l-opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Stabbiltà tal-Lussemburgu għall-2019

    (2019/C 301/16)

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 121(2) u 148(4) tiegħu,

    Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta’ pożizzjonijiet ta’ budget u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta’ politika ekonomika (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 5(2) tiegħu,

    Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,

    Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,

    Billi:

    (1)

    Fil-21 ta’ Novembru 2018, il-Kummissjoni adottat l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir, li ta bidu għas-Semestru Ewropew 2019 biex tiġi kkoordinata l-politika ekonomika. Qies kif dovut il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, kif ipproklamat mill-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni fis-17 ta’ Novembru 2017. Il-prijoritajiet tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir ġew approvati mill-Kunsill Ewropew fil-21 ta’ Marzu 2019. Fil-21 ta’ Novembru 2018, abbażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), il-Kummissjoni adottat ukoll ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta’ Twissija, li fih hija ma identifikatx lil-Lussemburgu bħala wieħed mill-Istati Membri li dwaru kellha titwettaq analiżi fil-fond. Fl-istess data, il-Kummissjoni adottat ukoll rakkomandazzjoni għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro, li ġiet approvata mill-Kunsill Ewropew fil-21 ta’ Marzu 2019. Fid-9 ta’ April 2019, il-Kunsill adotta r-Rakkomandazzjoni dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro (3) (“Rakkomandazzjoni għaż-Żona tal-Euro għall-2019”) li tistabbilixxi ħames rakkomandazzjonijiet għaż-żona tal-euro (“rakkomandazzjonijiet għaż-żona tal-euro”).

    (2)

    Bħala Stat Membru li l-munita tiegħu hija l-euro, u fid-dawl tar-rabtiet mill-qrib bejn l-ekonomiji fl-unjoni ekonomika u monetarja, il-Lussemburgu jenħtieġ li jiżgura l-implimentazzjoni sħiħa u f’waqtha tar-Rakkomandazzjoni għaż-żona tal-euro għall-2019, kif riflessa fir-rakkomandazzjonijiet minn (1) sa (4) hawn isfel. B’mod partikolari, l-iffokar ta’ politika ekonomika relatata mal-investiment f’oqsma speċifiċi u l-indirizzar ta’ pagamenti ’l barra mill-pajjiż ser jgħinu jindirizzaw t-tielet rakkomandazzjoni għaż-żona tal-euro fir-rigward tal-appoġġ għall-investiment u l-ippjanar aggressiv tat-taxxa, u miżuri għat-titjib tal-parteċipazzjoni tal-persuni akbar fl-età fis-suq tax-xogħol ser jgħinu biex jindirizzaw it-tielet rakkomandazzjoni għaż-żona tal-euro fir-rigward tal-iżgurar ta’ sistema ta’ protezzjoni soċjali adegwata u sostenibbli.

    (3)

    Ir-rapport speċifiku għall-pajjiż tal-2019 għal-Lussemburgu ġie ppubblikat fis-27 ta’ Frar 2019. Dan ivvaluta l-progress li għamel il-Lussemburgu biex jindirizza r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż adottati mill-Kunsill fit-13 ta’ Lulju 2018 (4), is-segwitu mogħti għar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż adottati fis-snin preċedenti u l-progress li għamel il-Lussemburgu biex jilħaq il-miri nazzjonali tiegħu ta’ Ewropa 2020.

    (4)

    Fit-30 ta’ April 2019, il-Lussemburgu ppreżenta l-Programm Nazzjonali ta’ Riforma għall-2019 tiegħu u l-Programm ta’ Stabbiltà għall-2019 tiegħu. Biex jiġu kkunsidrati r-rabtiet ta’ bejniethom, iż-żewġ Programmi ġew ivvalutati fl-istess żmien.

    (5)

    Ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi relevanti għall-pajjiż ġew indirizzati waqt l-ipprogrammar tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (“Fondi SIE”) għall-perjodu 2014-2020. Kif previst fl-Artikolu 23 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), fejn ikun meħtieġ li jingħata sostenn għall-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet rilevanti tal-Kunsill, il-Kummissjoni tista’ titlob lil Stat Membru li jirrieżamina l-Ftehim ta’ Sħubija u l-programmi rilevanti tiegħu u jipproponi emendi għalihom. Il-Kummissjoni pprovdiet iktar dettalji dwar kif tista’ tagħmel użu minn din id-dispożizzjoni fil-linji gwida dwar l-applikazzjoni tal-miżuri li jorbtu l-effettività tal-Fondi SIE ma’ governanza ekonomika tajba.

    (6)

    Bħalissa l-Lussemburgu qiegħed fil-parti preventiva tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. Fil-Programm ta’ Stabbiltà tiegħu għall-2019, il-Gvern qed jippjana tnaqqis fis-surplus nominali minn 2,4 % tal-prodott domestiku gross (PDG) fl-2018 għal 1,0 % tal-PDG fl-2019, segwit minn kważi żieda kostanti minn hemm ’il quddiem, sakemm jintlaħaq surplus ta’ 2,2 % tal-PDG fl-2023. Abbażi tal-bilanċ strutturali rikalkolat (6), l-objettiv baġitarju fuq terminu medju ta’ żmien - li nbidel minn defiċit strutturali ta’ 0,5 % tal-PDG fl-2019 għal surplus, f’termini strutturali, ta’ 0,5 % tal-PDG mill-2020 - inqabeż matul il-perjodu tal-programm. Skont il-Programm ta’ Stabbiltà għall-2019, il-proporzjon tad-dejn tal-amministrazzjoni pubblika għall-PDG mistenni li jibqa’ ferm taħt il-valur ta’ referenza tat-Trattat ta’ 60 % tal-PDG. Ix-xenarju makroekonomiku li jirfed dawn il-projezzjonijiet baġitarji huwa favorevoli matul il-perjodu kopert mill-Programm ta’ stabbiltà għall-2019, ħlief għall-2023 meta huwa plawżibbli. Abbażi tat-tbassir tar-rebbiegħa tal-2019 tal-Kummissjoni, il-bilanċ strutturali huwa previst li jirreġistra surplus ta’ 0,9 % tal-PDG fl-2019 u 0,5 % tal-PDG fl-2020, inqas, b’mod partikolari għall-2020, milli fil-Programm ta’ Stabbiltà għall-2019, iżda xorta ogħla jew konformi mal-objettiv baġitarju ta’ terminu medju. Fl-istess ħin, l-iżviluppi fin-nefqa jenħtieġ li jkunu segwiti b’attenzjoni fit-terminu qasir u medju, b’mod partikolari fid-dawl ta’ riskji futuri eventwali għar-robustezza tad-dħul. B’mod ġenerali, il-Kunsill huwa tal-opinjoni li hu previst li l-Lussemburgu jikkonforma mad-dispożizzjonijiet tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir fl-2019 u fl-2020.

    (7)

    Minkejja r-riformi riċenti, in-nefqa tal-Lussemburgu relatata mal-età (relatata mal-pensjonijiet, mal-kura tas-saħħa u mal-kostijiet tal-kura fit-tul) hija mistennija li tiżdied b’mod sinifikanti fuq medda twila ta’ żmien. Jekk wieħed jassumi li ma ssir l-ebda bidla fil-politika għas-sistema attwali, dan jista’ jpoġġi f’riskju s-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi fuq medda twila ta’ żmien. Dan minkejja l-livell baxx attwali ta’ dejn pubbliku u r-riżervi akkumulati tas-sistema tas-sigurtà soċjali, li huma mistennija li jiżguraw il-vijabbiltà tas-sistema sal-2041. Ir-rakkomandazzjonijiet dwar din l-isfida ġew indirizzati lil-Lussemburgu mill-2011 ’l hawn, iżda sal-lum sar progress limitat. Fir-rapport tiegħu tal-2018, il-grupp ta’ ħidma dwar il-pensjonijiet tal-gvern iddiskuta diversi modi biex tittejjeb is-sostenibbiltà fit-tul tas-sistema tal-pensjonijiet, inkluż li tiżdied gradwalment ir-rata tal-kontribuzzjoni, tiżdied l-età tal-pensjoni biex tkun ikkunsidrata l-istennija tal-għomor itwal u jiġi mħeġġeġ l-irtirar progressiv. Ir-rapport jissuġġerixxi strateġija fuq diversi binarji ta’ riformi kkalibrati biex jiggarantixxu s-sostenibbiltà fit-tul tas-sistema filwaqt li jimminimizzaw l-impatti kemm fuq l-ekonomija kif ukoll fuq il-pensjonanti. Żidiet previsti fin-nefqa marbuta mal-età jheddu wkoll is-sostenibbiltà fit-tul tal-kura tas-saħħa u s-sistemi tal-kura fit-tul. Aktar minn tliet kwarti tan-nefqa fuq il-kura fit-tul tiġi minn sorsi pubbliċi. Is-sistema tal-assigurazzjoni għall-kura fit-tul għandha tibqa’ finanzjarjament stabbli sal-2030 jekk ir-rata ta’ kontribuzzjoni tiżdied b’mod gradwali minn 1,4 % għal 1,7 %, skont analiżi mwettqa fl-2013 mill-Ispettorat Ġenerali għas-Sigurtà Soċjali, sabiex l-ispejjeż jinżammu f’konformità mal-proporzjon tan-nies dipendenti. Madankollu, l-impatti f’termini ta’ sostenibbiltà fiskali fit-tul għadhom mhumiex ċari. Biex jiġu sostnuti l-koeżjoni soċjali u l-finanzi pubbliċi fuq terminu twil, il-politiki demografiċi jeħtieġ li jaqblu mal-politiki dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ, filwaqt li jieħdu approċċ olistiku biex jikkunsidraw kemm l-isfidi kif ukoll l-opportunitajiet ta’ bidliet fid-demografija kif ukoll fl-ekonomija diġitali, minħabba l-impatt mistenni tat-tixjiħ tal-popolazzjoni fuq il-provvista tax-xogħol fil-futur qrib. Dan l-aħħar tfaċċaw nuqqasijiet ta’ ħaddiema f’ċerti setturi, li jistgħu jfixklu t-tkabbir tal-produttività u jnaqqsu l-potenzjal ta’ tkabbir fit-tul.

    (8)

    Minkejja rendiment tajjeb fis-suq tax-xogħol kumplessiv, ir-rata tal-impjiegi qed tistaġna u gruppi speċifiċi għadhom qed iħabbtu wiċċhom ma’ diffikultajiet fis-suq tax-xogħol. B’mod partikolari, ir-rata ta’ impjieg ta’ persuni anzjani għadha partikolarment baxxa, u hemm bżonn ta’ miżuri ulterjuri biex itejbu l-parteċipazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol. Skemi ta’ rtirar kmieni li jħeġġu l-ħaddiema biex jitilqu l-impjieg għadhom mifruxa ħafna, b’57,5 % tal-pensjonijiet ġodda attribwiti huma pensjonijiet bikrin tax-xjuħija fl-2017. Fl-2018, il-gvern ħassar waħda mill-iskemi ta’ qabel l-irtirar li tippermetti lin-nies jirtiraw mill-età ta’ 57 sena, iżda l-effett ta’ din ir-riforma ddgħajjef billi tnaqqsu r-restrizzjonijiet fuq skemi oħra ta’ qabel l-irtirar. Ir-rati baxxi ta’ attività għax-xjuħ ukoll jirriżultaw minn diżinċentivi finanzjarji għax-xogħol li jirriżultaw mis-sistema ta’ benefiċċji tat-taxxa li huma komparattivament għoljin għal dan il-grupp ta’ età. L-inkoraġġiment tal-impjieg tal-ħaddiema kbar fl-età jeħtieġ strateġija komprensiva li tinkludi miżuri biex jgħinuhom jibqgħu jaħdmu għal żmien itwal. Il-“Patt tal-Età”, abbozz ta’ liġi ppreżentat lill-Parlament f’April 2014, li għandu l-għan li jħeġġeġ lill-kumpaniji b’aktar minn 150 impjegat biex jimpjegaw u jżommu l-ħaddiema aktar avvanzati fl-età permezz ta’ miżuri ta’ ġestjoni, għadu ma ġiex adottat.

    (9)

    Filwaqt li l-Lussemburgu għadu impenjat li jtejjeb l-ambjent regolatorju għas-settur tas-servizzi tan-negozju, l-ostakli regolatorji għadhom għoljin f’diversi setturi, bħas-servizzi legali, tal-kontabilità, tal-arkitettura u tal-inġinerija, skont l-indikatur ta’ restrizzjoni tal-Kummissjoni (7). L-indiċi tar-Restrittività għall-Kummerċ fis-Servizzi fiż-ŻEE tal-OECD, ippubblikat f’Diċembru 2018, ikkonferma wkoll li l-livell ta’ restrizzjoni regolatorja tal-Lussemburgu fir-rigward ta’ Stati Membri oħra huwa ogħla mill-medja tas-Suq Uniku għal dawn is-setturi.

    (10)

    Il-mudell ekonomiku tal-Lussemburgu jippreżenta prestazzjonijiet b’saħħithom li huma konsistenti mal-ħolqien robust u sostnut ta’ impjiegi bi kwalifiki għoljin. Dan huwa appoġġat minn livelli għoljin ta’ produttività, li jirriflettu l-aktar it-titjib fl-effiċjenza mill-parteċipazzjoni fis-swieq globali, b’mod partikolari fis-settur finanzjarju. Madankollu, it-tkabbir tal-produttività staġna f’dawn l-aħħar snin, imxekkel minn livelli baxxi ta’ investiment tan-negozju fl-innovazzjoni u l-integrazzjoni diġitali. L-istrateġija tal-Lussemburgu biex jiddiversifika l-ekonomija tiegħu, billi jiżviluppa setturi ewlenin b’għarfien intensiv fi tranżizzjoni għal ekonomija mmexxija mid-data, juri potenzjal qawwi biex jistimula investiment b’valur miżjud għoli u biex jagħti spinta lit-tkabbir tal-produttività. F’dak il-kuntest, l-investiment pubbliku għadu għoli u ffukat fuq dawk is-setturi, inkluż is-settur b’saħħtu tat-Teknoloġija tal-Informazzjoni u tal-Komunikazzjoni. Madankollu, dan ma għenx biex jiġi stimulat l-investiment privat fl-innovazzjoni u d-diġitalizzazzjoni. Aktar investiment fir-riċerka u l-innovazzjoni, kif ukoll fl-integrazzjoni diġitali, speċjalment f’kumpaniji u b’mod speċifiku f’intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju, huwa importanti għat-titjib tat-tkabbir tal-produttività u għad-diversifikazzjoni ulterjuri tal-ekonomija tal-Lussemburgu. L-iżvilupp ta’ qafas nazzjonali koerenti u integrat għal politiki ta’ riċerka u innovazzjoni u strumenti ta’ appoġġ, inkluża l-prijoritizzazzjoni bbażata fuq valutazzjoni robusta tal-impatti ekonomiċi mistennija, huwa essenzjali biex jippermetti lil-Lussemburgu jisfrutta l-potenzjal sħiħ tal-ekosistema tal-innovazzjoni tiegħu.

    (11)

    Żieda fl-investiment fil-ħiliet, b’mod partikolari l-ħiliet tat-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni, l-impjegabbiltà, l-edukazzjoni u t-taħriġ, inkluż allinjament aħjar tal-kurrikuli tal-edukazzjoni mal-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol u t-trawwim tat-trasformazzjonijiet teknoloġiċi u diġitali, huma importanti għat-titjib tal-produttività, l-impjiegi u l-potenzjal tat-tkabbir fit-tul tal-Lussemburgu, u għat-trawwim tal-opportunitajiet indaqs.

    (12)

    It-tniġġis tal-arja u l-konġestjoni tat-traffiku fil-ħinijiet l-aktar intensivi xorta waħda jikkostitwixxu problemi kbar għal-Lussemburgu, kemm mil-lat tal-kompetittività kif ukoll mil-lat ambjentali. Barra minn hekk, l-emissjonijiet tas-CO2 mit-trasport bit-triq jikkontribwixxu għat-tibdil fil-klima. Skont il-projezzjonijiet nazzjonali tal-2017 sottomessi lill-Kummissjoni, huwa mistenni li fin-nuqqas ta’ miżuri addizzjonali, il-Lussemburgu mhux se jissodisfa l-mira tiegħu ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra għall-2020 bi 3 punti perċentwali u l-mira tiegħu għall-2030 b’20 punt perċentwali. In-numru ta’ ħaddiema transfruntiera, li bħalissa jirrappreżentaw madwar 45 % tal-forza lavorattiva tal-Lussemburgu, it-tassazzjoni baxxa tal-fjuwil għat-trasport u l-prezzijiet għoljin tad-djar jistimulaw użu akbar tal-karozzi u huma ostaklu għat-titjib tal-kwalità tal-arja u għall-kundizzjonijiet tat-traffiku. Sadanittant, l-użu ta’ fjuwils alternattivi f’karozzi ġodda tal-passiġġieri mibjugħa fil-Lussemburgu żdied matul dawn l-aħħar ftit snin.

    (13)

    Provvista ta’ akkomodazzjoni insuffiċjenti tista’ taffettwa b’mod negattiv l-attraenza tal-Lussemburgu. Id-domanda qawwija tiegħu għall-akkomodazzjoni għadha xprunata mit-tkabbir tal-popolazzjoni, minn kundizzjonijiet ta’ finanzjament favorevoli u minn forza lavorattiva transfruntiera kbira. Il-provvista u l-investiment fl-akkomodazzjoni jidhru insuffiċjenti, ristretti mid-disponibbiltà insuffiċjenti ta’ art u minn densità baxxa ta’ akkomodazzjoni, l-aktar minħabba nuqqas ta’ inċentivi għas-sidien tal-art biex jibnu djar ġodda jew biex ibigħu. Il-provvista ta’ akkomodazzjoni soċjali wkoll tidher insuffiċjenti u tindika l-ħtieġa għal investiment sinifikanti biex jittaffew it-tensjonijiet li qed jiżdiedu fis-suq tal-akkomodazzjoni. F’dak ir-rigward, il-miżuri ta’ politika stabbiliti fil-programm governattiv għall-perijodu 2018-2023 għandhom l-għan li jżidu l-provvista tad-djar. Dawn jinkludu bidliet fil-liġijiet tal-ippjanar urban biex jiżdiedu ż-żoni ta’ bini u tiġi żviluppata akkomodazzjoni affordabbli u soċjali.

    (14)

    Il-ġlieda kontra l-ippjanar aggressiv tat-taxxa hija essenzjali biex is-sistemi tat-taxxa jsiru aktar effiċjenti u ġusti kif rikonoxxut fir-Rakkomandazzjoni għaż-żona tal-euro għall-2019. L-effetti sekondarji tal-istrateġiji ta’ ppjanar aggressiv tat-taxxa mill-kontribwenti bejn l-Istati Membri jirrikjedu azzjoni kkoordinata ta’ politiki nazzjonali biex jikkomplementaw il-leġislazzjoni tal-Unjoni. Il-Lussemburgu ħa miżuri kontra l-ippjanar aggressiv tat-taxxa, iżda l-livell għoli tal-imgħax tad-dividendi u ta’ pagamenti tar-royalties bħala perċentwal tal-PDG jindika li r-regoli tat-taxxa tal-pajjiż jistgħu jintużaw mill-kumpaniji li jieħdu sehem fl-ippjanar aggressiv tat-taxxa. Il-biċċa l-kbira tal-investiment dirett barrani huwa miżmum mill-entitajiet bi skop speċjali. In-nuqqas ta’ taxxi miżmuma fuq interessi u royalties li jħallu l-pajjiż (jiġifieri minn residenti tal-Unjoni għal residenti ta’ pajjiż terz) u l-eżenzjoni minn taxxi minn ras il-għajn fuq ħlasijiet ta’ dividendi taħt ċirkostanzi speċifiċi jista’ jwassal biex dawk il-pagamenti jevadu t-taxxa kompletament, jekk huma wkoll mhux soġġetti għat-taxxa fil-ġurisdizzjoni riċeventi.

    (15)

    L-ipprogrammar tal-fondi tal-Unjoni għall-perjodu 2021-2027 jista’ jgħin biex jiġu indirizzati xi wħud mil-lakuni identifikati fir-rakkomandazzjonijiet, b’mod partikolari fl-oqsma koperti mill-Anness D tar-rapport tal-pajjiż tal-2019. Dan jippermetti li l-Lussemburgu jagħmel l-aqwa użu ta’ dawn il-fondi fir-rigward tas-setturi identifikati.

    (16)

    Fil-kuntest tas-Semestru Ewropew tal-2019, il-Kummissjoni wettqet analiżi komprensiva tal-politika ekonomika tal-Lussemburgu u ppubblikatha fir-rapport tal-pajjiż tal-2019. Hija vvalutat ukoll il-Programm ta’ Stabbiltà għall-2019, il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma għall-2019 u s-segwitu li ngħataw ir-rakkomandazzjonijiet indirizzati lil-Lussemburgu fis-snin preċedenti. Il-Kummissjoni ma qiesitx biss ir-rilevanza tagħhom għall-politika fiskali u soċjoekonomika sostenibbli fil-Lussemburgu iżda qieset ukoll il-konformità tagħhom mar-regoli u mal-gwida tal-Unjoni, fid-dawl tal-ħtieġa li tissaħħaħ il-governanza ekonomika kumplessiva tal-Unjoni billi jingħata kontribut fil-livell tal-Unjoni għad-deċiżjonijiet nazzjonali fil-futur.

    (17)

    Fid-dawl ta’ din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm ta’ Stabbiltà għall-2019 u huwa tal-opinjoni (8) li l-Lussemburgu huwa mistenni jikkonforma mal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir,

    B’DAN JIRRAKKOMANDA li l-Lussemburgu jieħu azzjoni fl-2019 u l-2020 biex:

    1.   

    Iżid ir-rata tal-impjieg tal-ħaddiema akbar fl-età billi jsaħħaħ l-opportunitajiet ta’ impjieg tagħhom u l-impjegabbiltà. Itejjeb is-sostenibbiltà fit-tul tas-sistema tal-pensjonijiet, inkluż billi jkompli jillimita l-irtirar bikri.

    2.   

    Inaqqas l-ostakli għall-kompetizzjoni fis-servizzi tan-negozju professjonali regolati.

    3.   

    Jiffoka l-politika ekonomika, marbuta mal-investiment, biex jippromwovi d-diġitalizzazzjoni u l-innovazzjoni, jistimola l-iżvilupp tal-ħiliet, itejjeb it-trasport sostenibbli, u jżid il-provvista tal-akkomodazzjoni, anki billi jżid l-inċentivi u jneħħi l-ostakoli għall-bini.

    4.   

    Jindirizza karatteristiċi fis-sistema tat-taxxa li jistgħu jiffaċilitaw ippjanar aggressiv tat-taxxa, b’mod partikolari permezz ta’ pagamenti diretti ’l barra mill-pajjiż.

    Magħmul fi Brussell, id-9 ta’ Lulju 2019.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    M. LINTILÄ


    (1)  ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1.

    (2)  Ir-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi (ĠU L 306, 23.11.2011, p. 25).

    (3)  ĠU C 136, 12.4.2019, p. 1.

    (4)  ĠU C 320, 10.9.2018, p. 68.

    (5)  Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320).

    (6)  Il-bilanċ aġġustat b’mod ċikliku nett għal miżuri ta’ darba u temporanji, kif ikkalkolat mill-ġdid mill-Kummissjoni bl-użu tal-metodoloġija maqbula b’mod komuni.

    (7)  SWD(2016) 436 final

    (8)  Skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KE) Nru 1466/97.


    Top