Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52019AE1772

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva Nru 1313/2013/UE dwar Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili”(COM(2019) 125 final — 2019/0070(COD))

    EESC 2019/01772

    ĠU C 282, 20.8.2019, p. 49–50 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    20.8.2019   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 282/49


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva Nru 1313/2013/UE dwar Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili”

    (COM(2019) 125 final — 2019/0070(COD))

    (2019/C 282/08)

    Relatur: Panagiotis GKOFAS

    Konsultazzjoni

    Il-Parlament, 14.3.2019

    Il-Kunsill, 27.3.2019

    Bażi legali

    Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

    Sezzjoni kompetenti

    Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent

    Adottata fis-sezzjoni

    23.5.2019

    Adottata fil-plenarja

    19.6.2019

    Sessjoni plenarja nru

    544

    Riżultat tal-votazzjoni

    (favur/kontra/astensjonijiet)

    171/01/04

    1.   Kuntest

    1.1.

    Mekkaniżmu tal-Unjoni ġdid għall-Protezzjoni Ċivili ġie approvat fit-13 ta’ Marzu 2019 permezz tad-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Deċiżjoni 1313/2013/UE. Il-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili jipprovdi qafas għall-kooperazzjoni u l-assistenza f’każ ta’ emerġenzi kbar fl-UE u barra l-UE. Il-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili ġie attivat iktar minn 300 darba mill-2001 ’il hawn. L-Istati Membri kollha tal-UE, żewġ pajjiżi taż-ŻEE (l-Iżlanda u n-Norveġja), kif ukoll il-Montenegro, is-Serbja, ir-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq u t-Turkija, huma partijiet għall-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili, kif ukoll in-Nazzjonijiet Uniti (Qafas ta’ Sendai għat-għat-Tnaqqis tar-Riskju ta’ Diżastri 2015-2030) u organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti. L-att jipprevedi t-twaqqif ta’ riżerva addizzjonali ta’ riżorsi, rescEU, biex tipprovdi assistenza f’sitwazzjonijiet fejn il-kapaċitajiet eżistenti ġenerali ma jkunux suffiċjenti. RescEU se tinkludi b’mod partikolari mezzi tal-ajru għall-ġlieda kontra n-nirien fil-foresti, kif ukoll riżorsi għar-rispons għal emerġenzi mediċi u għal inċidenti kimiċi, bijoloġiċi, radjoloġiċi u nukleari. In-Netwerk ta’ Għarfien għall-Protezzjoni Ċivili għat-taħriġ u l-kondiviżjoni tal-għarfien se jkun ukoll fattur strateġiku għat-tħejjija u l-prevenzjoni.

    1.2.

    B’din l-emenda, il-prevenzjoni tar-riskju għandha tittejjeb billi l-Istati Membri se jkunu meħtieġa jiżviluppaw ulterjorment il-valutazzjoni tagħhom tal-kapaċità tal-ġestjoni tar-riskju tagħhom kif ukoll l-ippjanar tal-ġestjoni tar-riskju tagħhom, b’mod partikolari meta l-Istati Membri jkunu affettwati simultanjament mill-istess tip ta’ diżastri, kemm jekk naturali jew ikkawżati mill-bniedem, jew marbuta ma’ bidliet klimatiċi mhux mistennija jew imprevedibbli, terremoti qawwija b’rata għolja ta’ rikorrenza, li jikkawżaw telf ta’ ħajjiet umani u qerda massiva ta’ ekosistemi, infrastrutturi ċivili u pubbliċi, attivitajiet ekonomiċi u negozji żgħar (1).

    2.   Konklużjonijiet

    2.1.

    Il-KESE jilqa’ din il-proposta biex jiġi rivedut u msaħħaħ il-qafas attwali tal-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili.

    2.2.

    Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tal-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili u fid-dawl tal-istabbiliment u l-organizzazzjoni tan-Netwerk Ewropew ta’ Għarfien għall-Protezzjoni Ċivili, il-KESE jista’ jikkontribwixxi fi gruppi konsultattivi speċifiċi għar-reviżjoni perjodika tal-linji gwida dwar l-immappjar tar-riskji u permezz ta’ inizjattivi interistituzzjonali xierqa (pereżempju “Forum Annwali tas-Soċjetà Ċivili dwar il-Valutazzjoni tar-Riskji, il-Mitigazzjoni, il-Prevenzjoni u t-Tħejjija”), fi sħubija ma’ msieħba soċjali u ekonomiċi rikonoxxuti u rappreżentattivi, u netwerks reġjonali ta’ bliet transfruntiera reżiljenti.

    2.3.

    Il-KESE jistieden lill-Kunsill, lill-Parlament u lill-Kummissjoni jesploraw il-fattibbiltà u jippjanaw l-implimentazzjoni ta’ Ċentru Ewropew ta’ Taħriġ u Għarfien b’rabta mal-istrutturi nazzjonali u sottonazzjonali eżistenti, inklużi ċentri ta’ eċċellenza, netwerks ta’ riċerka speċjalizzati u indipendenti, u esperti oħra, li jkunu kapaċi jwettqu analiżi immedjata tal-intervent dwar diżastri mhux tas-soltu. Dan iċ-ċentru ta’ taħriġ u għarfien jista’ jkun għodda aġġornata b’mod permanenti, tanġibbli u aċċessibbli għall-kompetenzi bażiċi fil-qasam tal-mitigazzjoni effettiva tar-riskju għal professjonisti żgħażagħ kif ukoll għal voluntiera b’esperjenza fil-qasam tat-taħriġ fil-ġestjoni tal-emerġenzi għal komunitajiet lokali reżiljenti u, fejn possibbli, jiġi estiż biex jinvolvi pajjiżi terzi, b’mod partikolari pajjiżi ġirien, gruppi vulnerabbli f’żoni iżolati, atturi tal-mobbiltà u tat-turiżmu, midja, eċċ.

    2.4.

    Il-KESE jqis li hemm bżonn li jiġu integrati b’mod xieraq l-approċċ u l-objettivi l-ġodda tal-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili fil-qafas tal-politiki strutturali u ta’ investiment eżistenti. Huwa essenzjali li tiġi żgurata dimensjoni territorjali u mmexxija mill-komunità adegwata (b’mod partikolari f’żoni remoti, insulari, muntanjużi u rurali). Azzjoni tal-komunità lokali hija l-mod l-iktar veloċi u effettiv biex tkun limitata l-ħsara kkawżata minn diżastru.

    Brussell, id-19 ta’ Ġunju 2019.

    Il-President

    tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    Luca JAHIER


    (1)  Nirreferu għas-sessjoni ta’ ħidma li saret f’Napli fl-10 ta’ Frar 2018 bi sħubija bejn il-KESE u l-Kummissjoni Ewropea (DĠ ECHO) bil-kollaborazzjoni tar-rappreżentanti tal-KETU u SMEUnited, rappreżentanti tal-KtR, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili (WWF, CIME), l-organizzazzjonijiet nazzjonali tal-SMEs (GSEVEE, CMA Corse, CNA) u trade unions, akkademiċi speċjalizzati nazzjonali u tal-UE, netwerks ta’ riċerka u taħriġ (Università Sapienza, Università Feredico II, l-Istitut INGV tal-Vulkanoloġija ta’ Napli, SMEs Academy Avignon, Anodos Centre), netwerks ta’ bliet u reġjuni reżiljenti tal-UE (Ateni, Napli u Tessaloniki), midja u stampa speċjalizzata.


    Top