Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52018AR3765

    Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Il-Programm tas-Suq Uniku

    COR 2018/06261

    ĠU C 86, 7.3.2019, p. 259–271 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    7.3.2019   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 86/259


    Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Il-Programm tas-Suq Uniku

    (2019/C 86/13)

    Relatur:

    Deirdre FORDE (IE/EPP), Kunsillier, Kunsill tal-Kontea ta’ Cork

    Dokument ta’ referenza:

    Proposta għal Regolament Tal-Parlament Ewropew U Tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Programm għas-suq uniku, għall-kompetittività tal-intrapriżi, inkluż l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju, u għall-istatistika Ewropea u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 99/2013, (UE) Nru 1287/2013, (UE) Nru 254/2014, (UE) Nru 258/2014, (UE) Nru 652/2014 u (UE) 2017/826

    COM(2018) 441 final

    Proposta għal Regolament Tal-Parlament Ewropew U Tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Programm għas-suq uniku, għall-kompetittività tal-intrapriżi, inkluż l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju, u għall-istatistika Ewropea u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 99/2013, (UE) Nru 1287/2013, (UE) Nru 254/2014, (UE) Nru 258/2014, (UE) Nru 652/2014 u (UE) 2017/826

    COM(2018) 441 final, Annessi 1 sa 4

    I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET SABIEX JITRESSQU EMENDI

    Emenda 1

    Premessa 7

    Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

    Emenda tal-KtR

    Għalhekk huwa xieraq li jiġi stabbilit Programm għas-suq intern, għall-kompetittività tal-intrapriżi, inkluż l-intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju, u għall-istatistika Ewropea (il-“Programm”). Jenħtieġ li l-Programm jiġi stabbilit għal tul ta’ żmien ta’ seba’ snin mill-2021 sal-2027.

    Għalhekk huwa xieraq li jiġi stabbilit il- Programm tas-Suq Uniku, għat-tisħiħ tas- suq intern u għat-titjib tal-funzjonament tiegħu , fl-oqsma tal -kompetittività tal-intrapriżi, speċjalment l-intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju, l-istandardizzazzjoni , il-protezzjoni tal-konsumatur u l-istatistika Ewropea (il-“Programm”). Jenħtieġ li l-Programm jiġi stabbilit għal tul ta’ żmien ta’ seba’ snin mill-2021 sal-2027.

    Emenda 2

    Premessa 9

    Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

    Emenda tal-KtR

    Suq intern modern jippromwovi l-kompetizzjoni u huwa ta’ benefiċċju għall-konsumaturi, għan-negozji u għall-impjegati. L-użu aħjar tas-suq intern għas-servizzi li dejjem jevolvi huwa mistenni li jgħin lin-negozji Ewropej joħolqu l-impjiegi u jespandu lil hinn mill-fruntieri tagħhom, joffru għażla usa’ ta’ servizzi bi prezzijiet aħjar, filwaqt li jżommu standards għoljin għall-konsumaturi u l-ħaddiema. Biex jiksbu dan, il-Programm jenħtieġ li jikkontribwixxi għat- tneħħija tal-ostakli, u jiżgura qafas regolatorju li jista’ jakkomoda mudelli ta’ negozju innovattivi ġodda.

    Suq intern modern huwa bbażat fuq il-prinċipji tal-korrettezza u t-trasparenza, li jippromovi l-kompetizzjoni u huwa ta’ benefiċċju għall-konsumaturi, għan-negozji u għall-impjegati. L-użu aħjar tas-suq intern għas-servizzi li dejjem jevolvi huwa mistenni li jgħin lin-negozji Ewropej joħolqu l-impjiegi u jespandu lil hinn mill-fruntieri tagħhom, joffru għażla usa’ ta’ servizzi bi prezzijiet aħjar, filwaqt li jżommu standards għoljin għall-konsumaturi u l-ħaddiema. Biex jiksbu dan, il-Programm jenħtieġ li jikkontribwixxi għall-monitoraġġ aħjar tal-iżviluppi tas-suq intern, inkluż l-impatt tat-teknoloġiji ġodda u mudelli ta’negozju innovattivi, l-identifikazzjoni u t- tneħħija tal-ostakli, u jiżgura qafas regolatorju li jista’ jakkomoda mudelli ta’ negozju innovattivi ġodda , inkluża l-intrapreditorija soċjali .

    Emenda 3

    Premessa 15

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda tal-KtR

    L-akkwist pubbliku jintuża mill-awtoritajiet pubbliċi biex jiżguraw valur għall-flejjes pubbliċi minfuqa u biex jikkontribwixxu għal suq intern aktar innovattiv, sostenibbli, inklużiv u kompetittiv. Id-Direttiva 2014/23/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill49, id-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill50 u d-Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill51 jipprovdu l-qafas legali għall-integrazzjoni u l-funzjonament effettiv tas-swieq tal-akkwist pubbliku li jirrappreżentaw 14 % tal-prodott domestiku gross tal-Unjoni, għall-benefiċċju tal-awtoritajiet pubbliċi, tan-negozji kif ukoll taċ-ċittadini, inkluż il-konsumaturi. Għalhekk, il-Programm jenħtieġ li jappoġġa miżuri li jiżguraw adozzjoni usa’ tal-akkwist pubbliku strateġiku, il-professjonalizzazzjoni ta’ xerrejja pubbliċi, aċċess imtejjeb għas-swieq tal-akkwist għall-SMEs , aktar trasparenza, integrità u data mtejba, it-titjib tat-trasformazzjoni diġitali tal-akkwist u l-promozzjoni ta’ akkwist konġunt, permezz tat-tisħiħ tal-approċċ ta’ sħubija mal-Istati Membri, it-titjib tal-ġbir tad-data u tal-analiżi tad-data, inkluż permezz tal-iżvilupp ta’ għodod tal-IT iddedikati, l-appoġġ għall-iskambju ta’ esperjenzi u prattiki tajbin, l-għoti ta’ gwida, it-tiftix ta’ ftehimiet kummerċjali ta’ benefiċċju, it-tisħiħ tal-kooperazzjoni fost l-awtoritajiet nazzjonali u t-tnedija ta’ proġetti pilota

    L-akkwist pubbliku jintuża mill-awtoritajiet pubbliċi biex jiżguraw valur għall-flejjes pubbliċi minfuqa u biex jikkontribwixxu għal suq intern aktar innovattiv, sostenibbli, inklużiv u kompetittiv. Id-Direttiva 2014/23/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill49, id-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill50 u d-Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill51 jipprovdu l-qafas legali għall-integrazzjoni u l-funzjonament effettiv tas-swieq tal-akkwist pubbliku li jirrappreżentaw 14 % tal-prodott domestiku gross tal-Unjoni, għall-benefiċċju tal-awtoritajiet pubbliċi, tan-negozji kif ukoll taċ-ċittadini, inkluż il-konsumaturi. Għalhekk, il-Programm jenħtieġ li jappoġġa miżuri li jiżguraw adozzjoni usa’ tal-akkwist pubbliku strateġiku, il-professjonalizzazzjoni ta’ xerrejja pubbliċi, it-tisħiħ tal-kapaċità tal-SMEs għall-aċċess għas-swieq tal-akkwist permezz tal-integrazzjoni u tas-simplifikazzjoni tal-proċessi tal-akkwist , aktar trasparenza, integrità u data mtejba, it-titjib tat-trasformazzjoni diġitali tal-akkwist u l-promozzjoni ta’ akkwist konġunt, permezz tat-tisħiħ tal-approċċ ta’ sħubija mal-Istati Membri, it-titjib tal-ġbir tad-data u tal-analiżi tad-data, inkluż permezz tal-iżvilupp ta’ għodod tal-IT iddedikati, l-appoġġ għall-iskambju ta’ esperjenzi u prattiki tajbin, l-għoti ta’ gwida, l-implimentazzjoni ta’ dispożizzjonijiet reċiproċi u relatati mal-akkwist pubbliku fil- ftehimiet kummerċjali, it-tisħiħ tal-kooperazzjoni fost l-awtoritajiet nazzjonali u, fejn ikun rilevanti, fost dawk reġjonali u t-tnedija ta’ proġetti pilota.

    Raġuni

    Ir-referenza għal “(twettiq) ta’ ftehimiet kummerċjali ta’ benefiċċju” hija fformulata b’mod ambigwu u ma tirreferix għall-kwistjoni indirizzata hawnhekk, jiġifieri l-akkwist pubbliku.

    Emenda 4

    Premessa 16

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda tal-KtR

    Sabiex jintlaħqu l-objettivi tal-Programm u biex jiġu ffaċilitati l-ħajjiet tan-negozji u taċ-ċittadini, iridu jiġu stabbiliti servizzi pubbliċi ta’ kwalità għolja ċċentrati fuq l-utent. Dan jimplika li l-amministrazzjonijiet pubbliċi se jkollhom jibdew jaħdmu b’modi ġodda, iwaqqgħu s-sajlos bejn il-partijiet differenti tal-amministrazzjonijiet tagħhom, u jinvolvu ruħhom fil-ħolqien konġunt ta’ dawn is-servizzi pubbliċi maċ-ċittadini u man-negozji. Barra minn hekk, iż-żieda kontinwa u kostanti tal-attivitajiet transfruntiera fis-suq intern tirrikjedi l-provvediment ta’ informazzjoni aġġornata dwar id-drittijiet tan-negozji u taċ-ċittadini, iżda wkoll informazzjoni li tispjega l-formalitajiet amministrattivi. Isir ukoll essenzjali li jingħataw pariri legali u għajnuna biex jissolvew problemi li jinqalgħu bejn il-fruntieri. Minbarra dan, huwa meħtieġ li ssir konnessjoni sempliċi u effiċjenti bejn l-amministrazzjonijiet nazzjonali kif ukoll li jiġi evalwat kif is-suq intern jaħdem fuq il-post. Għalhekk il-Programm jenħtieġ li jappoġġa l-għodod eżistenti ta’ governanza tas-suq intern, jiġifieri: il-Portal l-Ewropa Tiegħek li jenħtieġ li jkun is-sinsla tal-Portal Diġitali Uniku li ġej, il-Pariri tal-Ewropa Tiegħek, SOLVIT, is-sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern u t-Tabella ta’ Valutazzjoni tas-Suq Uniku biex titjieb il-ħajja ta’ kuljum taċ-ċittadini u l-kapaċità tan-negozji li jinnegozjaw bejn il-fruntieri

    Sabiex jintlaħqu l-objettivi tal-Programm u biex jiġu ffaċilitati l-ħajjiet tan-negozji u taċ-ċittadini, iridu jiġu stabbiliti servizzi pubbliċi ta’ kwalità għolja ċċentrati fuq l-utent. Dan jimplika li l-amministrazzjonijiet pubbliċi se jkollhom jibdew jaħdmu b’modi ġodda, iwaqqgħu s-sajlos bejn il-partijiet differenti tal-amministrazzjonijiet tagħhom, u jinvolvu ruħhom fil-ħolqien konġunt ta’ dawn is-servizzi pubbliċi maċ-ċittadini u man-negozji. Barra minn hekk, iż-żieda kontinwa u kostanti tal-attivitajiet transfruntiera fis-suq intern tirrikjedi l-provvediment ta’ informazzjoni aġġornata dwar id-drittijiet tan-negozji u taċ-ċittadini, iżda wkoll informazzjoni li tispjega l-formalitajiet amministrattivi. Isir ukoll essenzjali li jingħataw pariri legali u għajnuna biex jissolvew problemi li jinqalgħu bejn il-fruntieri. Minbarra dan, huwa meħtieġ li ssir konnessjoni sempliċi u effiċjenti bejn l-amministrazzjonijiet nazzjonali kif ukoll li jiġi evalwat kif is-suq intern jaħdem fuq il-post. Għalhekk il-Programm jenħtieġ li jappoġġa l-għodod eżistenti ta’ governanza tas-suq intern, jiġifieri: il-Portal l-Ewropa Tiegħek li jenħtieġ li jkun is-sinsla tal-Portal Diġitali Uniku li ġej, il-Pariri tal-Ewropa Tiegħek, SOLVIT, is-sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern u t-Tabella ta’ Valutazzjoni tas-Suq Uniku biex titjieb il-ħajja ta’ kuljum taċ-ċittadini u l-kapaċità tan-negozji li jinnegozjaw bejn il-fruntieri Sabiex jiġi żgurat li dawn l-għodod ta’ governanza jintużaw fil-potenzjal sħiħ tagħhom, għandhom isiru sforzi biex tiżdied is-sensibilizzazzjoni, b’mod partikolari tal-Portal “L-Ewropa Tiegħek”, fost awtoritajiet lokali u reġjonali u organizzazzjonijiet oħrajn li jappoġġjaw liċ-ċittadini u n-negozji fuq il-post.

    Raġuni

    Sforzi biex jissaħħu l-użu u l-effikaċja tal-għodod ta’ governanza tas-suq intern, bħall-portali online mmirati lejn iċ-ċittadini u n-negozji jridu jiġu akkumpanjati minn sforzi biex tiżdied is-sensibilizzazzjoni tal-eżistenza u d-disponibilità tagħhom. Is-sensibilizzazzjoni fost l-awtoritajiet lokali u reġjonali u r-rappreżentanti eletti tagħhom għandha tkun fil-qalba ta’ dawn l-isforzi minħabba r-rwol tagħhom fl-indirizzar tagħhom u fl-appoġġ għan-negozji u ċ-ċittadini fuq bażi ta’ kuljum.

    Emenda 5

    Premessa 23

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda tal-KtR

    L-SMEs jikkondividu sfidi komuni li ma jaffettwawx ditti akbar bl-istess mod biex jiksbu finanzjament, biex isibu forza tax-xogħol bl-aqwa ħiliet, biex itaffu l-piż amministrattiv, biex jadottaw il-kreattività u l-innovazzjoni, biex jaċċessaw is-swieq u biex irawmu attivitajiet ta’ internazzjonalizzazzjoni. Jenħtieġ li l-Programm jindirizza t-tali fallimenti tas-suq b’mod proporzjonat, filwaqt li ma jfixkilx il-kompetizzjoni fis-suq intern bla bżonn.

    L-SMEs jikkondividu sfidi komuni li ma jaffettwawx ditti akbar bl-istess mod biex jiksbu finanzjament, biex isibu forza tax-xogħol bl-aqwa ħiliet, biex itaffu l-piż amministrattiv, biex jadottaw il-kreattività u l-innovazzjoni, biex jaċċessaw is-swieq u biex irawmu attivitajiet ta’ internazzjonalizzazzjoni. Dawn l-isfidi huma partikolarment sinifikanti għall-SMEs ibbażati f’żoni rurali jew reġjuni periferiċi u ultraperiferiċi. Jenħtieġ li l-Programm jindirizza t-tali fallimenti tas-suq b’mod proporzjonat , filwaqt li jagħti attenzjoni speċjali għall-azzjonijiet li huma direttament ta’ benefiċċju għall-SMEs u n-netwerks tal-intrapriżi , filwaqt li ma jfixkilx il-kompetizzjoni fis-suq intern bla bżonn.

    Raġuni

    Filwaqt li l-SMEs kollha huma ffaċċjati bl-isfidi deskritti fil-premessa 23, l-SMEs ibbażati f’reġjuni rurali u/jew periferiċi jirrapportaw aktar sfidi fis-sejba ta’ ħaddiema tas-sengħa u fl-aċċess għall-infrastruttura bħall-broadband u forom oħrajn ta’ konnettività li huma meħtieġa biex tiġi adottata l-innovazzjoni u jitrawwmu attivitajiet ta’ internazzjonalizzazzjoni.

    Emenda 6

    Premessa 39

    Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

    Emenda tal-KtR

    In- Netwerk taċ-Ċentri Ewropej tal-Konsumaturi qed jgħin lill-konsumaturi jiksbu l-benefiċċju tad-drittijiet tal-konsumatur tal-Unjoni meta jixtru oġġetti u servizzi bejn il-fruntieri fis-Suq Intern u fiż-ŻEE, kemm online kif ukoll meta jkunu qed jivvjaġġaw. In-netwerk li jikkonsisti fi 30 ċentru u li ilu ffinanzjat b’mod konġunt mill-programmi tal-Unjoni għall-konsumaturi għal aktar minn 10 snin wera l-valur miżjud tiegħu biex isaħħaħ il-fiduċja tal-konsumaturi u tan-negozjanti fis-Suq Intern. Huwa jindirizza t-talbiet ta’ aktar minn 100 000 konsumatur fis-sena u jilħaq miljuni ta’ ċittadini permezz tal-attivitajiet ta’ informazzjoni tiegħu fuq il-ġurnali u online. Huwa wieħed mill-aktar netwerks ta’ assistenza liċ-ċittadini apprezzati tal-Unjoni u ħafna miċ-ċentri tiegħu jospitaw punti ta’ kuntatt għal-liġi dwar is-suq intern bħad-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (59) u l-evalwazzjoni tiegħu tenfasizza l-importanza li jkompli jopera. In-netwerk għandu wkoll l-intenzjoni li jiżviluppa arranġamenti ta’ reċiproċità ma’ korpi simili f’pajjiżi terzi.

    Il-Programm għandu jappoġġja wkoll in -Netwerk taċ-Ċentri Ewropej tal-Konsumaturi li jgħin lill-konsumaturi jiksbu l-benefiċċju tad-drittijiet tal-konsumatur tal-Unjoni meta jixtru oġġetti u servizzi bejn il-fruntieri fis-Suq Intern u fiż-ŻEE, kemm online kif ukoll meta jkunu qed jivvjaġġaw. In-netwerk li jikkonsisti fi 30 ċentru u li ilu ffinanzjat b’mod konġunt mill-programmi tal-Unjoni għall-konsumaturi għal aktar minn 10 snin wera l-valur miżjud tiegħu biex isaħħaħ il-fiduċja tal-konsumaturi u tan-negozjanti fis-Suq Intern. Huwa jindirizza t-talbiet ta’ aktar minn 100 000 konsumatur fis-sena u jilħaq miljuni ta’ ċittadini permezz tal-attivitajiet ta’ informazzjoni tiegħu fuq il-ġurnali u online. Huwa wieħed mill-aktar netwerks ta’ assistenza liċ-ċittadini apprezzati tal-Unjoni u ħafna miċ-ċentri tiegħu jospitaw punti ta’ kuntatt għal-liġi dwar is-suq intern bħad-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (59) u l-evalwazzjoni tiegħu tenfasizza l-importanza li jkompli jopera . In-Netwerk taċ-Ċentri Ewropej tal-Konsumaturi jista’ jkun ukoll sors importanti ta’ informazzjoni dwar l-isfidi u l-problemi li l-konsumaturi jiltaqgħu magħhom fil-livell lokali, li huma rilevanti għat-tfassil tal-politika tal-Unjoni u għall-protezzjoni tal-interessi tal-konsumaturi. Għalhekk, il-Programm għandu jippermetti l-bini u t-titjib ta’ sinerġiji bejn ir-rappreżentanza tal-konsumaturi fil-livell lokali u tal-Unjoni sabiex jissaħħaħ il-ħarsien tal-konsumaturi. In-netwerk għandu wkoll l-intenzjoni li jiżviluppa arranġamenti ta’ reċiproċità ma’ korpi simili f’pajjiżi terzi.

    Raġuni

    Evidenti.

    Emenda 7

    Premessa 41

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda tal-KtR

    Iċ-ċittadini huma partikolarment affettwati mill-funzjonament tas-swieq tas-servizzi finanzjarji. Dawn huma komponent ewlieni tas-suq intern u jirrikjedu qafas solidu għar-regolamentazzjoni u s-superviżjoni li jiżgura mhux biss stabbiltà finanzjarja u ekonomija sostenibbli, iżda jipprovdi wkoll livell għoli ta’ ħarsien lill-konsumaturi u lil utenti aħħarin oħrajn tas-servizzi finanzjarji, inklużi l-investituri individwali, dawk li jfaddlu, id-detenturi tal-poloz ta’ assigurazzjoni, il-membri u l-benefiċjarji ta’ fondi ta’ pensjoni, l-azzjonisti individwali, il-mutwatarji u l-SMEs. Huwa importanti li titjieb il-kapaċità tagħhom li jipparteċipaw fit-tfassil ta’ politiki għas-settur finanzjarju.

    Iċ-ċittadini huma partikolarment affettwati mill-funzjonament tas-swieq tas-servizzi finanzjarji. Dawn huma komponent ewlieni tas-suq intern u jirrikjedu qafas solidu għar-regolamentazzjoni u s-superviżjoni li jiżgura mhux biss stabbiltà finanzjarja u ekonomija sostenibbli, iżda jipprovdi wkoll livell għoli ta’ ħarsien lill-konsumaturi u lil utenti aħħarin oħrajn tas-servizzi finanzjarji, inklużi l-investituri individwali, dawk li jfaddlu, id-detenturi tal-poloz ta’ assigurazzjoni, il-membri u l-benefiċjarji ta’ fondi ta’ pensjoni, l-azzjonisti individwali, il-mutwatarji u l-SMEs. Huwa importanti li titjieb il-kapaċità tagħhom li jipparteċipaw fit-tfassil ta’ politiki għas-settur finanzjarju u li jiġu apoġġjati attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni għad-drittijiet tal-konsumatur f’dan il-qasam, inkluża s-sensibilizzazzjoni ta’ proċeduri ta’ rimedju fejn xieraq .

    Raġuni

    L-isforzi sabiex tissaħħaħ il-parteċipazzjoni tal-konsumaturi u l-utenti finali fit-tfassil ta’ politiki għas-settur finanzjarju għandhom jintlaqgħu tajjeb. Madankollu, minħabba l-potenzjal li kwalunkwe abbuż jew ġestjoni ħażina fis-settur finanzjarju jkollu impatt fuq il-ħajjiet taċ-ċittadini, il-kwistjoni tas-sensibilizzazzjoni f’dan il-qasam ta’ protezzjoni tal-konsumaturi għandha tingħata kunsiderazzjoni partikolari.

    Emenda 8

    Premessa 58

    Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

    Emenda tal-KtR

    L-azzjonijiet implimentati taħt il-programmi preċedenti u l-linji baġitarji wrew li huma adegwati u jenħtieġ li jinżammu. L-azzjonijiet il-ġodda introdotti taħt dan il-Programm għandhom l-għan li jsaħħu b’mod partikolari s-suq intern li qed jiffunzjona tajjeb. L-azzjonijiet jenħtieġ li jkunu definiti biss f’termini ta’ kategoriji globali u ġeneriċi sabiex jipprovdu aktar sempliċità u flessibbiltà fit-twettiq tal-Programm u b’hekk jilħaq l-objettivi tiegħu. Jenħtieġ li jiġu inklużi wkoll fil-Programm listi ta’attivitajiet indikattivi li jikkonċernaw l-objettivi speċifiċi fil-qasam tal-kompetittività, jew attivitajiet speċifiċi li ġejjin mir-rekwiżiti regolatorji, bħal fil-qasam tal-istandardizzazzjoni, ir-regolamentazzjoni tal-katina alimentari u l-Istatistika Ewropea.

    L-azzjonijiet implimentati taħt il-programmi preċedenti u l-linji baġitarji wrew li huma adegwati u jenħtieġ li jinżammu. L-azzjonijiet il-ġodda introdotti taħt dan il-Programm għandhom l-għan li jsaħħu b’mod partikolari s-suq intern li qed jiffunzjona tajjeb. L-azzjonijiet jenħtieġ li jkunu definiti biss f’termini ta’ kategoriji globali u ġeneriċi sabiex jipprovdu aktar sempliċità u flessibbiltà fit-twettiq tal-Programm u b’hekk jilħaq l-objettivi tiegħu. Jenħtieġ li jiġu inklużi wkoll fil-Programm listi ta’attivitajiet indikattivi li jikkonċernaw l-objettivi speċifiċi fil-qasam tal-kompetittività, jew attivitajiet speċifiċi li ġejjin mir-rekwiżiti regolatorji, bħal fil-qasam tas-sorveljanza tas-suq u tas-sigurtà tal-prodotti, tal-konsumaturi, tal-istandardizzazzjoni, ir-regolamentazzjoni tal-katina alimentari u l-Istatistika Ewropea.

    Raġuni

    Evidenti.

    Emenda 9

    Artikolu 1(1)

    Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

    Emenda tal-KtR

    Is-suġġett

    Is-suġġett

    Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-programm għat-titjib tal-funzjonament tas-suq intern u l-kompetittività tal-intrapriżi, inkluż l-intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju u  l-intrapriżi soċjali, netwerks tal-intrapriżi, l-istandardizzazzjoni, il-protezzjoni tal-konsumatur, u l-qafas għall-finanzjament tal-iżvilupp, il-produzzjoni u d-disseminazzjoni tal-istatistika Ewropea fit-tifsira tal-Artikolu 13 tar-Regolament (KE) Nru 223/2009 (il-“Programm”).

    Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-programm għat-titjib tal-funzjonament tas-suq intern u l-kompetittività tal-intrapriżi, inkluż l-intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju u l-qafas għall-finanzjament tal-iżvilupp, il-produzzjoni u d-disseminazzjoni tal-istatistika Ewropea fit-tifsira tal-Artikolu 13 tar-Regolament (KE) Nru 223/2009 (il-“Programm”).

    Jistabbilixxi l-għanijiet tal-Programm, il-baġit għall-perjodu 2021 – 2027, il-forom ta’ finanzjament tal-Unjoni u r-regoli għall-għoti ta’ dan it-tip ta’ finanzjament.

     

    Raġuni

    L-iżgurar tal-konsistenza dwar il-kamp ta’ applikazzjoni tal-programm (ara b’mod partikolari l-emenda għall-premessa 7).

    Emenda 10

    Artikolu 3(1)(a)

    Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

    Emenda tal-KtR

    (a)

    li jtejjeb il-funzjonament tas-suq intern, u b’mod speċjali li jipproteġi u jagħti s-setgħa liċ-ċittadini, lill-konsumaturi u lin-negozji, b’mod partikolari lill-intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju (SMEs), permezz tal-infurzar tad-dritt tal-Unjoni, l-iffaċilitar tal-aċċess għas-suq, l-iffissar ta’ standards, u bil-promozzjoni tas-saħħa tal-bniedem, tal-annimali u tal-pjanti u tal-benessri tal-annimali; kif ukoll li jtejjeb il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u l-Kummissjoni u l-aġenziji deċentralizzati tal-Unjoni;

    li joħloq impjiegi sostenibbli, jindirizza l-fallimenti tas-suq u li jtejjeb il-funzjonament tas-suq intern, u b’mod speċjali li jsaħħaħ l-ekonomija lokali u jippromovi l-ekonomija ċirkulari, li jipproteġi u jagħti s-setgħa liċ-ċittadini, lill-konsumaturi u lin-negozji, b’mod partikolari lill-intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju (SMEs), permezz tal-infurzar tad-dritt tal-Unjoni, l-iffaċilitar tal-aċċess għas-suq, l-iffissar ta’ standards, u bil-promozzjoni tas-saħħa tal-bniedem, tal-annimali u tal-pjanti u tal-benessri tal-annimali; kif ukoll li jtejjeb il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u l-Kummissjoni u l-aġenziji deċentralizzati tal-Unjoni;

    Raġuni

    Mhux applikabbli

    Emenda 11

    Artikolu 3(2)(a)

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda tal-KtR

    li jagħmel is-suq intern aktar effettiv, jiffaċilita l-prevenzjoni u t-tneħħija tal-ostakli, jappoġġa l-iżvilupp, l-implimentazzjoni u l-infurzar tad-dritt tal-Unjoni fl-oqsma tas-suq intern għall-oġġetti u s-servizzi, l-akkwist pubbliku, is-sorveljanza tas-suq kif ukoll fl-oqsma tad-dritt soċjetarju u l-liġi kuntrattwali u extra-kuntrattwali, il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus, il-moviment liberu tal-kapital, is-servizzi finanzjarji u l-kompetizzjoni, inkluż l-iżvilupp ta’ għodod ta’ governanza;

    li jagħmel is-suq intern aktar effettiv, jippromovi l-iżvilupp ekonomiku lokali, jiffaċilita l-prevenzjoni u t-tneħħija tal-ostakli, jappoġġa l-iżvilupp, l-implimentazzjoni u l-infurzar tad-dritt tal-Unjoni fl-oqsma tas-suq intern għall-oġġetti u s-servizzi , inkluż l-ekonomija soċjali , l-akkwist pubbliku, is-sorveljanza tas-suq kif ukoll fl-oqsma tad-dritt soċjetarju u l-liġi kuntrattwali u extra-kuntrattwali, il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus, il-moviment liberu tal-kapital, is-servizzi finanzjarji u l-kompetizzjoni, inkluż l-iżvilupp ta’ għodod ta’ governanza;

    Raġuni

    Mhux applikabbli

    Emenda 12

    Artikolu 8(3)

    Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

    Emenda tal-KtR

    (e)

    li jappoġġaw il-kompetittività tal-intrapriżi u ta’ setturi sħaħ tal-ekonomija, u li jappoġġaw tal-adozzjoni mill-SMEs tal-innovazzjoni u l-kollaborazzjoni fil-katina tal-valur permezz tal-konnessjoni strateġika tal-ekosistemi u r-raggruppamenti, inkluż l-inizjattiva tar-raggruppamenti konġunti;

    (e)

    li jappoġġaw il-kompetittività tal-intrapriżi u ta’ setturi sħaħ tal-ekonomija, u li jappoġġaw tal-adozzjoni mill-SMEs tal-innovazzjoni , u b’mod partikolari l-adozzjoni tagħhom ta’ mudelli ġodda ta’ negozju, inklużi dawk assoċjati mal-ekonomija soċjali kollaborattiva, kif ukoll l-adozzjoni tagħhom tal- kollaborazzjoni fil-katina tal-valur permezz tal-konnessjoni strateġika tal-ekosistemi u r-raggruppamenti, inkluż l-inizjattiva tar-raggruppamenti konġunti;

    II.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

    IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI

    1.

    jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni li jiġi stabbilit Programm ġdid tas-Suq Uniku biex jittejjeb il-funzjonament tas-suq intern għall-perjodu 2021-2027, immirat lejn it-tisħiħ tal-governanza tiegħu, l-appoġġ tal-kompetittività tal-SMEs, it-titjib tal-protezzjoni tal-konsumatur u l-infurzar tad-drittijiet tal-konsumatur, il-promozzjoni tas-saħħa tal-bniedem, tal-annimali u tal-pjanti u l-benessri tal-annimali u l-iżgurar ta’ qafas statistiku Ewropew xieraq;

    2.

    jirrikonoxxi li s-suq intern huwa wieħed mis-suċċessi prinċipali tal-UE iżda li jrid ikompli jiġi adattat f’ambjent li qed jinbidel b’mod rapidu karatterizzat mid-diġitalizzazzjoni u l-globalizzazzjoni. Jinnota li għad hemm ostakoli sinifikanti għal suq intern li jiffunzjona tajjeb u qed joħorġu fid-dieher ostakoli ġodda.

    3.

    jirrikonoxxi l-importanza vitali għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern li ċ-ċittadini u n-negozji jiġu provduti b’informazzjoni dwar id-drittijiet tagħhom, l-awtoritajiet pubbliċi jiġu provduti b’għarfien dwar kif japplikaw ir-regoli, u l-qrati jiġu provduti bl-għarfien espert u l-kompetenza biex jinfurzawhom; f’dan il-kuntest, huwa importanti li s-sistemi tal-edukazzjoni fil-pajjiżi differenti jinkorporaw għarfien bażiku dwar l-UE b’mod li jiġi garantit li, progressivament, iċ-ċittadini żgħażagħ kollha jkunu konxji tad-drittijiet tagħhom u jistgħu jagħmlu użu aħjar mill-vantaġġi offruti mis-suq intern;

    4.

    jenfasizza l-isfida kontinwa li l-SMEs jiffaċċjaw fl-aċċess għall-finanzi, il-piż amministrattiv kontinwu tan-negozju, id-diffikultajiet li jiffaċċjaw fl-użu ta’ opportunitajiet permezz tal-internazzjonalizzazzjoni u n-nuqqas ta’ kapaċità tagħhom li jiksbu b’mod suffiċjenti l-benefiċċji tas-suq intern; dan iwassal għal frammentazzjoni kontinwa u anomaliji fis-suq f’ħafna setturi u reġjuni għad-detriment ta’ kemm in-negozji kif ukoll il-konsumaturi; jilqa’ l-enfasi tal-Kummissjoni fuq it-tisħiħ tal-appoġġ għas-settur tal-SMEs permezz ta’ dan il-programm;

    5.

    jirrikonoxxi li l-iżvilupp ta’ għodod ta’ informazzjoni u programmi ta’ taħriġ huwa tal-akbar importanza għall-funzjonament tajjeb tas-suq uniku u jrid ikun ibbażat fuq l-analiżi tad-data, l-istudji u l-evalwazzjonijiet robusti li jitwettqu f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri u l-awtoritajiet kompetenti tagħhom, inklużi l-awtoritajiet reġjonali u lokali;

    6.

    jirrikonoxxi l-kamp ta’ applikazzjoni wiesa’ tal-programm u l-għan li jiġu ssimplifikati sforzi biex tiġi promossa koordinazzjoni aħjar fil-ġestjoni tas-suq uniku, iżda jinnota li l-iżgurar tal-koordinazzjoni effettiva tiegħu se tkun eżiġenti mill-perspettiva tal-governanza;

    7.

    jenfasizza l-ħtieġa li l-programm ikollu l-flessibbiltà li jirreaġixxi malajr u b’mod proattiv għal kwalunkwe tfixkil fil-funzjonament tas-suq intern jew tfixkil fil-kummerċ għal SMEs li jista’, pereżempju, jirriżulta mill-impatti negattivi possibbli tal-Brexit.

    Is-Suq Uniku

    8.

    jirrikonoxxi li s-suq uniku huwa fil-qalba tal-integrazzjoni ekonomika u politika tal-UE, u jikkonsisti minn 500 miljun konsumatur u 21 miljun negozju u huwa appoġġjat minn korp sostanzjali ta’ leġislazzjoni li jiggarantixxi l-moviment liberu ta’ persuni, oġġetti, kapital u servizzi fl-UE kollha u fiż-Żona Ekonomika Ewropea aktar wiesgħa (1);

    9.

    ifakkar li s-suq intern tal-Unjoni għandu, skont l-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, “jaħdem għall-iżvilupp sostenibbli tal-Ewropa mibni fuq tkabbir ekonomiku bilanċjat u stabbiltà tal-prezzijiet, ekonomija soċjali tas-suq kompetittiva ħafna, intiża li twassal għal livell massimu ta’ mpjieg u progress soċjali, u livell għoli ta’ protezzjoni u ta’ titjib tal-kwalità tal-ambjent. Għandu jippromovi l-iżvilupp xjentifiku u teknoloġiku”;

    10.

    jirrikonoxxi li l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea hija konformi mal-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità;

    11.

    Il-kompetizzjoni fis-suq uniku għandha tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni ta’ dawn l-għanijiet, i.a. billi toffri l-aktar prezz ekonomikament vantaġġjuż għall-konsumaturi u l-intrapriżi, b’mod partikolari permezz ta’ spejjeż ta’ tranżazzjoni aktar baxxi u suq akbar li jipprovdi ekonomiji ta’ skala, tinkoraġġixxi l-innovazzjoni u tiżgura rispons aktar mgħaġġel għall-ħtiġijiet tal-konsumatur f’kundizzjonijiet ekwi u ġusti filwaqt li tevita kull forma ta’ dumping. Madankollu, iqis li l-benefiċċji tas-suq uniku jeħtieġ li jiġu kkomunikati aħjar liċ-ċittadini, lin-negozji u lill-operaturi ekonomiċi l-oħra u jirrikonoxxi li l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom rwol importanti x’jaqdu fil-komunikazzjoni ta’ dan il-messaġġ importanti;

    12.

    jirrikonoxxi li s-suq uniku huwa proċess kontinwu u jibqa’ inkomplet f’aspetti importanti u li suq uniku li jiffunzjona aħjar, u t-tneħħija tal-ostakoli għall-kummerċ li fadal, prinċipalment fl-oqsma tas-settur tas-servizzi u s-Suq Uniku Diġitali, tistimula t-tkabbir ekonomiku b’mod konsiderevoli;

    Is-Suq Uniku fis-Servizzi

    13.

    jirrikonoxxi l-isforzi tal-Kummissjoni biex tkompli ssaħħaħ il-libertà li jiġu pprovduti servizzi fl-Ewropa, b’mod partikolari fil-kuntest tal-pakkett tas-servizzi (2), billi jeħtieġ li jsir ħafna aktar xogħol kif muri fir-Reviżjoni bejn il-Pari tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar is-Servizzi, li tikkonferma li għad hemm wisq ostakoli, inklużi restrizzjonijiet fuq id-dritt ta’ stabbiliment (3). Iqis fl-istess ħin li aktar ċarezza regolatorja hija meħtieġa fil-livell tal-UE fir-rigward ta’ servizzi relatati mal-ekonomija kollaborattiva;

    14.

    iqis li huwa importanti li programmi ġodda jikkontribwixxu għat-titjib tal-funzjonament tas-suq intern fis-servizzi u jistaqsi kif l-għodod tas-suq intern jistgħu jintużaw b’mod aktar effettiv biex ikun żgurat suq tas-servizzi aktar integrat;

    Is-Suq Uniku fl-Oġġetti

    15.

    jirrikonoxxi li għad hemm problema serja fir-rigward tal-infurzar tar-regoli dwar il-prodotti tal-UE, b’wisq prodotti mhux konformi fis-suq. Jissuġġerixxi li hemm ħtieġa urġenti għall-immarkar u l-viżibbiltà ċara u l-evitar tad-duplikazzjoni fl-għadd kbir ta’ strumenti li jeżistu jew li huma proposti, biex jiġi żgurat li ċ-ċittadini u n-negozji jifhmu r-regoli applikabbli u d-drittijiet u l-obbligi tagħhom u anke l-mezzi li huma disponibbli għalihom meta jaħsbu li qed jinkisru r-regoli;

    16.

    jinnota li hemm aktar minn 500 awtorità tas-sorveljanza tas-suq fl-Ewropa kollha, ħafna minnhom b’limitazzjoni tar-riżorsi, u b’deterrenza baxxa ta’ ksur ta’ regoli attwali. Jirrakkomanda li, flimkien maż-żieda fil-kooperazzjoni u fl-iżgurar ta’ netwerks integrati aħjar, jeħtieġ li jiġi allokat aktar finanzjament dirett għal dawn l-oqsma. Jirrakkomanda b’mod qawwi li l-Awtoritajiet Nazzjonali tal-Kompetizzjoni jingħataw ir-riżorsi xierqa u jkunu indipendenti mill-gvern biex iwettqu l-ħidma tagħhom b’mod effettiv, u dan irid ikun appoġġjat b’mod effettiv mis-sistema tal-ġustizzja u l-qrati, filwaqt li jiġu rispettati l-kompetenzi varji ta’ dawn l-awtoritajiet fl-Istati Membri. Din hija neċessità assoluta jekk trid tinkiseb l-implimentazzjoni effettiva tal-liġijiet tal-UE fuq il-post.

    L-istandards

    17.

    jilqa’ l-impenn kontinwu tal-Kummissjoni biex it-28 standard nazzjonali jiġu sostitwiti bi standard Ewropew wieħed. Jilqa’ wkoll iktar użu ta’ sistemi u proċeduri tal-IT biex jitnaqqas il-piż amministrattiv u tiġi kondiviża l-informazzjoni mal-partijiet ikkonċernati. Jirrakkomanda li jittieħdu passi adegwati biex jiġi żgurat li l-SMEs ikunu involuti kif suppost fl-iżvilupp tal-istandards biex tiġi żgurata trasparenza adegwata u tiġi evitata d-dominanza possibbli fil-proċess minn kumpaniji jew strutturi akbar;

    L-Akkwist Pubbliku

    18.

    jissottolinja li l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom responsabbiltajiet importanti għall-implimentazzjoni tal-politiki u l-leġislazzjoni tal-UE, inkluż fl-oqsma tat-trattament xieraq tal-konsumatur (fejn ikunu qrib taċ-ċittadin) u l-akkwist pubbliku;

    19.

    jappoġġja l-objettiv tat-titjib tal-kapaċità ta’ awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali biex jimplimentaw aħjar ir-regoli attwali, iżda jissuġġerixxi li l-kumplessità tal-liġi dwar l-akkwist tista’ tkun ostakolu għall-parteċipazzjoni akbar tal-SMEs fil-proċess tal-akkwist pubbliku;

    20.

    jenfasizza li huma importanti li l-Kummissjoni tikkoopera mal-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali jekk irid jintlaħaq l-objettiv ta’ suq tal-akkwisti li huwa kompetittiv, miftuħ u regolat sew. Dan huwa essenzjali jekk il-fondi pubbliċi jridu jintużaw aħjar;

    L-Għodod ta’ Governanza tas-Suq Uniku

    21.

    jilqa’ l-impenn tal-Kummissjoni għal investiment kontinwu fl-Għodod ta’ Governanza tas-Suq Intern eżistenti, bħall-portal “L-Ewropa Tiegħek” u n-netwerk SOLVIT; jemmen li tinħtieġ aktar ħidma biex jiġi promoss l-użu ta’ dawn l-għodod fuq il-post, fost iċ-ċittadini, il-konsumaturi u l-awtoritajiet f’livelli differenti, biex tittejjeb il-faċilità tat-tisjib online ta’ dawn l-għodod u tissaħħaħ il-kapaċità tagħhom li jipprovdu informazzjoni aġġornata; jirrakkomanda aktar involviment minn awtoritajiet lokali u reġjonali fl-implimentazzjoni ta’ dawn l-għodod ta’ governanza bħala mezz kif jittejjeb il-funzjonament tagħhom; fl-istess ħin jinnota li t-titjib fl-għodod imsemmija ma għandux jagħti lok għal piżijiet finanzjarji u amministrattivi għall-awtoritajiet lokali u reġjonali;

    L-SMEs u l-Kompetittività

    22.

    jirrikonoxxi li l-SMEs huma s-sinsla tal-ekonomija Ewropea, jirrappreżentaw 99 % tan-negozji kollha fl-UE u huma responsabbli għall-ħolqien ta’ aktar minn 85 % tal-impjiegi ġodda f’dawn l-aħħar 5 snin, u li flimkien mal-intraprenditorja jirrappreżentaw is-soluzzjoni għat-tkabbir ekonomiku, l-innovazzjoni u l-ħolqien tal-impjiegi. Jappoġġja talbiet għal qafas stabbli tal-UE wara l-2020 u għall-involviment akbar tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-appoġġ tal-ambjent tan-negozju u l-iżvilupp ta’ sħubijiet pubbliċi jew privati (4);

    23.

    jirrikonoxxi li l-iżgurar li d-diversi programmi tal-UE jikkomplementaw, iżda ma jikkompetux ma’, miżuri ta’ appoġġ tal-intrapriżi disponibbli fil-livell tal-Istat Membru huwa kwistjoni ewlenija. Għalhekk, jirrakkomanda b’mod qawwi li l-miżuri ta’ appoġġ għall-SMEs skont il-Programm tas-Suq Uniku u dawk disponibbli minn korpi nazzjonali u reġjonali jitwettqu permezz ta’ Approċċ ta’ Punt Uniku ta’ Servizz;

    24.

    jinnota l-proposta li l-faċilità ta’ garanzija ta’ self, li attwalment topera bħala parti mill-Programm COSME, għandha tiġi allokata taħt il-Fond InvestEU fil-perjodu ta’ finanzjament li jmiss. F’dan il-kuntest, jirrakkomanda l-użu kontinwu ta’ intermedjarji li għandhom relazzjoni fit-tul ma’ SMEs iżda jinsab imħasseb li l-Istati Membri kollha jista’ ma jkollhomx l-istrutturi fil-livell nazzjonali jew reġjonali biex jippermettu aċċess għall-fondi ta’ garanzija taħt InvestEU. L-SMEs jistgħu jsibuha diffiċli li jaċċessaw il-fondi ta’ garanzija ta’ self fl-InvestEU jekk il-korpi intermendjarji ma jkollhomx preżenza sostanzjali fit-territorji kollha tal-Istati Membriu jirrakkomanda li l-istituzzjonijiet Ewropej jaħdmu mal-Istati biex jiżguraw li l-SMEs jista’ jkollhom aċċess uniform għal dan il-finanzjament fl-Istati Membri kollha;

    25.

    jistieden lill-UE tiżgura li hemm element ta’ bilanċ reġjonali integrat fil-fondi ta’ garanzijia taħt l-inizjattiva InvestEU billi dan ikun ta’ interess speċjali għall-awtoritajiet lokali u reġjonali, b’mod partikolari dawk li jirrappreżentaw reġjuni żvantaġġati;

    26.

    jitlob aktar kjarifika fir-rigward tal-baġit li huwa allokat għall-garanzija għall-SMEs taħt il-programm COSME u li jsir disponibbli għall-fond ta’ garanzija marbut mal-programm InvestEU u kif se jappoġġja l-finanzjament tal-SMEs ta’ riskju għoli, b’mod speċjali f’reġjuni aktar remoti u periferiċi;

    27.

    jenfasizza bis-sħiħ il-bżonn li l-Att dwar in-Negozji ż-Żgħar jissemma b’mod speċifiku, li jibqa’ qafas kumplessiv għall-politika tal-UE dwar l-SMEs. Il-linji gwida strateġiċi tiegħu għandhom jitqiesu meta jiġu adottati l-programmi ta’ ħidma annwali li jipprovdu appoġġ lill-SMEs. F’dan il-kuntest, iqis li huwa daqstant importanti li jkun hemm referenza għan-Netwerk tar-Rappreżentanti tal-SMEs, fid-dawl tar-rwol tiegħu fl-allinjament tal-politiki kollha fil-livell tal-UE li għandhom impatt fuq l-SMEs. Jenfasizza li l-prinċipju “Aħseb l-Ewwel fiż-Żgħir”, li jiżgura li l-interessi tal-SMEs jitqiesu fl-istadju bikri ħafna tat-tfassil ta’ politiki, għandu japplika għall-Programm tas-Suq Uniku u l-programmi rilevanti kollha tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali l-ġdid;

    28.

    jitlob aktar dettall dwar ir-rwol u l-ambizzjoni futura tan-Netwerk Enterprise Europe (EEN), meta jitqiesu l-isfidi għall-SMEs kif stabbiliti mill-Kummissjoni, u kif inhu propost li jiġi adattat in-netwerk biex jilħaq dawn l-isfidi f’era ta’ diġitalizzazzjoni u globalizzazzjoni sabiex ikun adattat aħjar għall-ħtiġijiet tan-negozji u aktar allinjat ma’ appoġġ provdut mill-Istati Membri;

    29.

    Jilqa’ l-kontinwazzjoni ta’ dak li kien jissejjaħ Erasmus għal Imprendituri Żgħażagħ (EYE), filwaqt li jinnota li t-titolu nbidel għal “skema ta’ mentoring għal imprendituri ġodda” fid-dawl tal-kontribuzzjoni sinifikanti tiegħu għat-tisħiħ tal-ambjent kummerċjali u l-inkoraġġiment ta’ mentalità intraprenditorjali. Jappoġġja bis-sħiħ il-possibbiltà li l-ambitu ġeografiku tal-programm jiġi estiż sabiex jipprovdi aktar opportunitajiet għal imprendituri żgħażagħ;

    30.

    jappoġġja b’mod qawwi l-iżvilupp ta’ netwerks ta’ ekosistemi u raggruppamenti intraprenditorjali fl-Ewropa, kif iddikjarat preċedentement mill-KtR (5); jilqa’ għalhekk l-impenn tal-Kummissjoni li tkompli tavvanza l-Inizjattivi ta’ Raggruppamenti Konġunti u tappoġġja l-iżvilupp ta’ attivitajiet konġunti u strateġiji ta’ sħubijia transnazzjonali, filwaqt li tipprovdi wkoll il-konnessjonijiet neċessarji maċ-ċentri ta’ innovazzjoni diġitali tal-UE;

    31.

    jindika li l-kwistjoni tal-iffaċilitar tal-aċċess għall-finanzi għall-firxa ta’ SMEs l-aktar wiesgħa li joperaw f’territorji differenti hija ta’ importanza kruċjali u li l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom rwol fit-tixrid ta’ informazzjoni u komunikazzjoni mmirata lill-benefiċjarji dwar strumenti differenti u skemi ta’ appoġġ disponibbli għall-SMEs, f’kooperazzjoni mal-istituzzjonijiet intermedjarji.

    32.

    jirrikonoxxi l-isfidi addizzjonali ffaċċjati mill-SMEs ibbażati f’reġjuni rurali u/jew periferiċi jew f’reġjuni li jridu jindirizzaw sfidi demografiċi, pereżempju, fl-aċċess għal xogħol tas-sengħa u għall-infrastruttura bħall-broadband u forom oħra ta’ konnettività, li huma meħtieġa biex tiġi adottata l-innovazzjoni u jiġu mrawwma attivitajiet ta’ internazzjonalizzazzjoni. Jitlob aktar ċarezza mill-Kummissjoni dwar kif dawn l-isfidi sinifikanti se jiġu indirizzati mill-programm;

    33.

    ifakkar fl-impenn tal-Kummissjoni Ewropea mar-reġjuni ultraperiferiċi li jitqiesu l-ħtiġijiet speċjali tal-intrapriżi tagħhom fil-pjani futuri ta’ appoġġ għall-SMEs biex itejbu l-kompetittività tagħhom fis-swieq internazzjonali, u biex jiġi appoġġjat il-proċess ta’ integrazzjoni tagħhom fis-suq intern tal-UE;

    Politika dwar il-Kompetizzjoni

    34.

    jilqa’ l-impenn kontinwu tal-Kummissjoni biex tiġi żgurata l-kompetizzjoni ġusta fis-suq intern billi tinvesti fl-għodod u fl-għarfien espert biex ir-regoli dwar il-kompetizzjoni fl-ekonomija diġitali jkunu jistgħu jiġu infurzati b’mod effettiv. Jenfasizza b’mod aktar ġenerali l-ħtieġa għal involviment kontinwu u effettiv bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni;

    L-Istatistika

    35.

    jirrikonoxxi l-importanza tad-disponibilità tal-istatistika ta’ kwalità għolja biex jiġi sostnut it-teħid tad-deċiżjonijiet ibbażat fuq l-evidenza, u jixħet dubju fuq l-integrazzjoni tal-Programm Ewropew tal-Istatistika (ESP) fil-Programm tas-Suq Uniku minħabba l-importanza tal-viżibbiltà u l-indipendenza tal-programm statistiku. Jinnota li, fil-livell lokali u reġjonali, hemm nuqqas ta’ statistika ta’ granularità u tempestività suffiċjenti u jistieden lill-Eurostat, f’assoċjazzjoni ma’ istituti statistiċi nazzjonali, biex jindirizza din il-kwistjoni;

    36.

    jirrakkomanda li l-Programm Ewropew futur tal-Istatistika jżomm il-forma legali attwali tiegħu, jiġifieri li jiġi stabbilit permezz ta’ regolament individwali u indipendenti;

    37.

    jilqa’ b’sodisfazzjon li l-indikaturi dwar ir-reġjuni, b’mod partikolari dwar ir-reġjuni ultraperiferiċi, ġew inklużi fl-azzjonijiet eliġibbli għall-finanzjament taħt il-Programm Ewropew tal-Istatistika; jitlob li minbarra l-forniment tal-informazzjoni diġà disponibbli, tinġabar data addizzjonali u jitfasslu indikaturi ġodda u iżjed adatti u li huma iktar indikattivi taċ-ċirkustanzi tar-reġjuni ultraperiferiċi, sabiex ikunu wkoll eliġibbli għall-finazjament taħt il-Programm;

    Il-Konsumaturi, il-Protezzjoni tal-Konsumatur u l-Politika dwar l-Ikel

    38.

    jilqa’ l-impenn fil-programm il-ġdid li jiġu infurzati d-drittijiet tal-konsumatur u jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur, is-sigurtà tal-prodott u l-assistenza għall-konsumaturi meta jiffaċċjaw problemi. Jinnota li l-għodod stabbiliti fil-programm se jwissu lill-konsumaturi dwar prodotti perikolużi u se jipprovdu ċentri tal-konsumaturi online biex jgħinu liċ-ċittadini jsolvu l-problemi iżda jissuġġerixxi li rappreżentanza effettiva u msaħħa għall-konsumaturi permezz ta’ finanzjament adegwat ta’ korpi indipendenti ssaħħaħ il-kapaċità ta’ dawn il-korpi biex jinvolvu ruħhom b’mod effettiv fi kwistjonijiet tas-suq uniku li jaffettwaw il-konsumaturi, inkluż l-aċċess għall-ġustizzja;

    39.

    japprezza r-rikonoxximent li ċ-ċittadini huma partikolarment affettwati mill-funzjonament tas-swieq tas-servizzi finanzjarji u jenfasizza l-ħtieġa li l-Programm jappoġġja b’mod effettiv id-drittijiet tal-konsumatur u s-sensibilizzazzjoni f’dan il-qasam. Jinnota l-impenn li jkompli jiġi appoġġjat l-involviment imsaħħaħ tal-konsumaturi fit-tfassil ta’ politiki tal-Unjoni fis-servizzi finanzjarji u miżuri biex jiġi promoss fehim aħjar tas-settur finanzjarju. Jistieden lill-Kummissjoni tkompli tibni fuq din il-ħidma f’kooperazzjoni mal-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi mill-UE kollha;

    40.

    jenfasizza, barra minn hekk, il-ħtieġa li jiġi żgurat finanzjament adegwat għall-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi sabiex ikunu jistgħu jiddefendu b’mod effettiv l-interessi tal-konsumaturi u jaġixxu bħala entitajiet kwalifikati fi ħdan proċeduri ta’ rimedju kollettiv. Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi, b’mod speċjali fi Stati Membri iżgħar, huma partikolarment ikkonċernati;

    41.

    jilqa’ l-introduzzjoni ta’ “Food strand” (fergħa tal-ikel) speċifiku fil-Programm tas-Suq Uniku l-ġdid. Bħala l-akbar settur tal-manifattura fl-UE, l-industrija tal-ikel u x-xorb teħtieġ katina ta’ provvista b’saħħitha, kompetittiva u sostenibbli, sostnuta minn qafas regolatorju stabbli u minn funzjonament imtejjeb ta’ rikonoxximent reċiproku f’oqsma mhux armonizzati;

    42.

    itenni t-talba tiegħu għal miżuri ta’ politika biex jiġi stimulat u sostnut l-iżvilupp tal-produzzjoni tal-ikel u sistemi tal-konsum li jappoġġjaw prattiki tal-produzzjoni sostenibbli, u għaldaqstant inaqqsu l-impatt fuq l-ambjent u jsaħħu s-sigurtà alimentari bi prodotti ta’ kwalità bi prezzijiet raġjonevoli, kif espress fl-opinjonijiet preċedenti tiegħu (6); jixtieq jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-akkwist pubbliku tal-ikel jista’ jkun katalista għat-tmexxija tal-produzzjoni tal-ikel lejn triq aktar sostenibbli; jirrakkomanda għalhekk miżuri biex jiġi faċilitat it-taħriġ tal-uffiċjali tal-akkwist pubbliku tal-ikel u l-ħolqien ta’ netwerks biex jiġu appoġġjati awtoritajiet kompetenti nazzjonali, reġjonali u lokali;

    Approċċ ta’ Programmazzjoni

    43.

    jirrikonoxxi li l-approċċ ta’ programmazzjoni l-ġdid propost mill-Kummissjoni għandu, fi prinċipju, iġib effiċjenzi u ffrankar tal-ispejjeż, jipprovdi grad ta’ flessibbiltà fil-linji baġitarji b’reazzjoni għal ċirkostanzi li qed jinbidlu u jtejjeb it-twassil u t-twettiq; jinnota li din hija primarjament kwistjoni ta’ koordinazzjoni amministrattiva interna u mhuwiex ċar li approċċ ta’ programm uniku jiġġenera waħdu s-sinerġiji u l-iffrankar tal-ispejjeż neċessarji;

    44.

    jinnota li l-linji baġitarji inklużi fil-programm jinvolvu numru ta’ Direttorati Ġenerali u jsaqsi kif dan se jaħdem fil-prattika. Jinnota li l-objettiv tal-ilħuq tal-flessibbiltà tal-linji baġitarji jaf ikun diffiċli fil-prattika billi l-istrutturi għal dan għadhom ma ġewx definiti;

    45.

    jenfasizza li hemm nuqqas ta’ trasparenza fil-linji baġitarji billi f’xi każijiet l-ispejjeż amministrattivi huma delineati b’mod ċar iżda f’każijiet oħra mhumiex. Jipproponi li tip ta’ baġit ta’ assistenza teknika għandu jiġi stabbilit b’mod aktar ċar sabiex l-ispejjeż ta’ programmazzjoni jiġu sseparati minn dawk assoċjati mat-twettiq ta’ miżuri attwali.

    Brussell, il-5 ta’ Diċembru 2018.

    Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni

    Karl-Heinz LAMBERTZ


    (59)  Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċemrbu 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern (ĠU L 376, 27.12.2006, p. 36).

    (59)  Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċemrbu 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern (ĠU L 376, 27.12.2006, p. 36).

    (1)  Opinjoni tal-KtR – Naġġornaw is-Suq Uniku: (ECON-VI/010)

    (2)  Opinjoni tal-KtR – Il-pakkett tas-servizzi: ekonomija tas-servizzi li taħdem favur l-Ewropej (ECON-VI/022)

    (3)  http://ec.europa.eu/growth/single-market/services/services-directive/implementation/evaluation_en

    (4)  Opinjoni tal-KtR – Il-futur tal-programm COSME wara l-2020: il-perspettiva reġjonali u lokali (ECON-VI/027).

    (5)  Opinjoni tal-KtR – Spinta lin-negozji l-ġodda u n-negozji li qed jespandu fl-Ewropa: perspettiva reġjonali u lokali (ECON-VI/021)

    (6)  Opinjoni tal-KtR – Lejn politika dwar ikel sostenibbli fl-UE (NAT-VI/014),


    Top