Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52018IR2515

    Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Mudelli ta’ sjieda tal-enerġija lokali u r-rwol tal-komunitajiet tal-enerġija lokali fit-tranżizzjoni enerġetika fl-Ewropa

    COR 2018/02515

    ĠU C 86, 7.3.2019, p. 36–40 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    7.3.2019   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 86/36


    Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Mudelli ta’ sjieda tal-enerġija lokali u r-rwol tal-komunitajiet tal-enerġija lokali fit-tranżizzjoni enerġetika fl-Ewropa

    (2019/C 86/05)

    Relatur:

    Mariana GÂJU (RO/PSE), sindku ta’ Cumpăna fil-kontea ta’ Constanța

    Dokument ta’ referenza:

    Ittra ta’ konsultazzjoni mill-Presidenza Awstrijaka

    RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

    IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI

    Sejbiet ewlenin

    1.

    jirrikonoxxi li s-settur tal-enerġija jaqdi rwol essenzjali fl-iżvilupp ekonomiku u soċjali u li l-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini, it-tkabbir ekonomiku u l-kompetittività tal-ekonomija nazzjonali jirrikjedu enerġija bi prezzijiet affordabbli u b’impatt minimu fuq l-ambjent;

    2.

    jafferma mill-ġdid li l-enerġija hija fattur importanti fl-ekonomija tal-komunitajiet lokali, peress li tagħmel parti mill-ispejjeż ta’ produzzjoni tal-industrija u tas-servizzi fil-livell lokali, u peress li hija riflessa fil-kapaċità tal-akkwist tal-unitajiet domestiċi billi l-forniment ta’ servizz tal-enerġija jfisser li jiġu koperti l-ħtiġijiet bażiċi bħat-tisħin, l-ilma sħun, l-arja kkundizzjonata, it-tħejjija u l-konservazzjoni tal-ikel, l-aċċess għall-informazzjoni;

    3.

    jinnota li l-inizjattivi komunitarji bbażati fuq soluzzjonijiet kollaborattivi lokali jistgħu jinħolqu minn individwi jew gruppi ta’ individwi, intrapriżi żgħar, awtoritajiet lokali jew unitajiet domestiċi, li jaġixxu għal rashom jew bħala parti minn grupp ikkoordinat; komunitajiet tal-enerġija lokali jistgħu jaqdu rwol importanti fit-tranżizzjoni tal-enerġija u jħeġġu l-iżvilupp ta’ teknoloġiji sostenibbli tal-enerġija, li huma ta’ benefiċċju għall-komunitajiet lokali u l-Unjoni Ewropea kollha kemm hi;

    4.

    jinnota li t-tranżizzjoni lejn kustodja (anke parzjali) tas-sistemi tal-enerġija min-naħa ta’ entitajiet reġjonali u amministrattivi sseħħ biss permezz tal-muniċipalizzazzjoni mill-ġdid, id-deċentralizzazzjoni tas-servizzi jew il-governanza parteċipattiva fil-forma ta’ sħubijiet jew kooperattivi tal-enerġija li jagħtu prova tal-valur tagħhom billi jippromovu inizjattivi pubbliċi fil-qasam tal-enerġija;

    5.

    jinnota li l-istruttura organizzattiva tal-inizjattivi tal-enerġija komunitarji tista’ tieħu, fost l-oħrajn, il-forma ta’ sħubijiet mal-awtoritajiet lokali (inklużi sħubijiet pubbliċi-privati, jew PPPs), kooperattivi, fondazzjonijiet komunitarji, kumpaniji b’responsabbiltà limitata, kumpaniji mingħajr skop ta’ qligħ immexxija mill-utenti tagħhom, assoċjazzjonijiet tas-sidien ta’ proprjetà jew proprjetà muniċipali;

    6.

    jirrimarka li komunitajiet tal-enerġija lokali jistgħu jikkostitwixxu mezz effiċjenti ta’ ġestjoni tal-enerġija fil-livell komunitarju permezz tal-produzzjoni, id-distribuzzjoni u l-konsum tal-enerġija elettrika, jew it-tisħin u t-tkessiħ ċentralizzat, b’konnessjoni għas-sistemi ta’ distribuzzjoni lokali jew mingħajrha;

    7.

    huwa tal-fehma li l-komunitajiet tal-enerġija jistgħu jaġixxu bħala xprun biex iċ-ċittadini jiġu involuti fil-proċess tat-tranżizzjoni tal-enerġija u, għaldaqstant, fl-ekonomija sostenibbli, u jiffaċilitaw l-implimentazzjoni ta’ teknoloġiji tal-enerġija sostenibbli, bil-benefiċċji li dan iġib miegħu għall-komunitajiet lokali u s-sjieda tar-responsabbiltà tal-marka tal-karbonju;

    8.

    ifakkar għal darb’ oħra li s-sjieda tal-enerġija fil-livell lokali hija parti minn impenn politiku favur it-tranżizzjoni tal-enerġija, b’sistema ta’ politiki speċifiċi għall-iżvilupp ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli fil-livelli kollha ta’ governanza;

    9.

    jilqa’ li qafas regolatorju biex jirregola l-istabbiliment u l-funzjonament ta’ komunitajiet tal-enerġija lokali u l-aċċess tagħhom għas-suq tal-enerġija qed jibda jitħaddem fil-livell tal-UE; ifakkar li hu importanti li jiġi żgurat li definizzjonijiet u regoli ċari jiżguraw li l-komunitajiet tal-enerġija lokali jista’ jkollhom rwol pożittiv fi tranżazzjoni tal-enerġija ġusta u jfakkar lill-Istati Membri biex jużaw bis-sħiħ il-potenzjal tagħhom. Dan jinkludi li huma jkollhom aċċess għall-istrumenti finanzjarji u/jew skemi ta’ sħubija sabiex jitnaqqsu r-riskji marbutin mal-investimenti f’komunitajiet tal-enerġija lokali, kif ukoll biex jitnaqqsu l-ideat negattivi kontrihom;

    10.

    jinnota li l-kooperattivi tal-enerġija (inizjattiva Komunitarja, li hija forma ta’ struttura organizzattiva), li huma mudell ta’ sjieda uniku mill-perspettiva ekonomika u legali, għandhom l-għan li joħolqu vantaġġi fil-livell lokali. Dawn il-kooperattivi jistgħu jipprovdu servizzi fis-settur tal-enerġija, bħall-produzzjoni tal-enerġija mis-sorsi rinnovabbli tagħhom jew minn sorsi akkwistati, għal skopijiet ta’ awtokonsum jew ta’ bejgħ, iż-żamma u l-operat ta’ sistemi ta’ ħażna, mikrogrilji u infrastruttura ta’ distribuzzjoni, u l-implimentazzjoni ta’ miżuri ta’ effiċjenza fl-enerġija;

    11.

    huwa tal-fehma li l-kooperattivi tal-enerġija jistgħu jikkontribwixxu għad-deċentralizzazzjoni, il-ftuħ u d-demokratizzazzjoni tas-sistemi tal-enerġija u għalħekk jista’ jkollhom impatt pożittiv fuq l-iżvilupp ekonomiku u soċjali lokali sostenibbli, u b’hekk jistgħu jikkontribwixxu wkoll għall-indirizzar tal-faqar enerġetiku u l-ħolqien tal-impjiegi fi ħdan il-komunità;

    12.

    jinnota li l-iżvilupp ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovvabbli huwa mħeġġeġ minn skemi ta’ appoġġ li jiffukaw fuq il-livell lokali u reġjonali fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri. Xi pajjiżi jippermettu aċċess prijoritarju għall-enerġija rinnovabbli, filwaqt li oħrajn jiggarantixxu l-aċċess taħt kundizzjonijiet raġonevoli. Hemm ukoll modi differenti ta’ kif jiġu appoġġjati u ssemplifikati l-proċeduri tal-permessi amministrattivi għal impjanti iżgħar tal-enerġija rinnovabbli, filwaqt li jkunu fil-qafas ta’ programmazzjoni reġjonali u nazzjonali;

    13.

    jirrakkomanda li ssir razzjonalizzazzjoni tad-diversi skemi ta’ appoġġ nazzjonali sa fejn hu meħtieġ fil-livell Ewropew sabiex jiġi żgurat li huma jistgħu jikkontribwixxu biex jintlaħqu l-Għanijiet tal-Iżvilupp Sostenibbli, l-objettivi tal-Ftehim ta’ Pariġi u l-objettivi tal-Unjoni tal-Enerġija Ewropea;

    14.

    jirrikonoxxi l-ħtieġa li tiġi żviluppata politika mtejbasabiex isir l-aqwa użu effiċjenti tal-bijomassa, li jikkontribwixxi għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra; jirrakkomanda li jiġi mħeġġeġ l-użu ottimali ta’ skart tal-bijomassa mis-setturi ekonomiċi u setturi kollha għall-fini tal-produzzjoni tal-enerġija fuq medda medja u twila ta’ żmien;

    15.

    jirrakkomanda li jiġi żviluppat aktar il-qafas politiku u leġislattiv u li jkun hemm djalogu bejniethom għall-konverżjoni tal-infrastruttura tal-enerġija, sabiex jiġu mwessgħin il-konnessjonijiet fil-livell lokali, reġjonali u transkonfinali, potenzjal akbar ta’ ħżin tal-enerġija u grilji intelliġenti għall-ġestjoni tad-domanda għall-provvista tal-enerġija f’sistema b’sehem għoli tal-enerġija rinnovabbli;

    Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

    16.

    jappella għal politiki iktar stabbli dwar l-enerġija rinnovabbli u t-tranżizzjoni tal-enerġija, filwaqt li jiġu żgurati mekkaniżmi ta’ appoġġ finanzjarju għall-enerġija rinnovabbli, sabiex is-sjieda tal-enerġija fil-livell lokali tkun aktar sikura;

    17.

    jitlob li jkun hemm koordinament eqreb bejn l-UE u l-politiki reġjonali u tal-enerġija tal-Istati Membri sabiex jiġu sfruttati l-benefiċċji sostanzjali għall-iżvilupp reġjonali sostenibbli li jistgħu jinkisbu mit-tranżizzjoni għall-enerġija rinnovabbli inkluż id-deċentralizzazzjoni tas-sistemi ta’ enerġija, u t-tnaqqis tad-dipendenza fuq il-fjuwils fossili (l-biċċa l-kbira importati);

    18.

    jitlob għall-introduzzjoni ta’ regoli mhux diskriminatorji dwar l-aċċess għas-suq għal komunitajiet tal-enerġija lokali, li jiġu promossi permezz ta’ politiki u leġislazzjoni li jirrikonoxxu r-rwol tagħhom u l-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom, li jiġu promossi politiki u regoli li jħeġġu l-kooperazzjoni lokali u reġjonali, għall-adozzjoni ta’ proċeduri regolatorji u amministrattivi semplifikati u proporzjonati, u li jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-informazzjoni teknika u ekonomika, linji gwida u finanzjament;

    19.

    jistieden lill-Istati Membri jipproponu u jimplimentaw forom differenti kondiviżi ta’ sjieda tal-enerġija fil-livell lokali, peress li l-komunitajiet tal-enerġija lokali f’għadd ta’ Stati Membri qed jiffaċċjaw sfidi mil-lat tal-funzjonament u l-kisba ta’ vantaġġi fil-livell lokali. Dawn l-isfidi jinkludu regoli mhux koerenti u atipiċi b’relazzjoni mal-iżviluppi tas-suq, strateġiji u programmi nazzjonali mhux kompluti fir-rigward tal-għajnuna favur il-komunitajiet lokali jew reġjonali tal-enerġija, u l-kumplessità tal-qafas amministrattiv u regolatorju għall-parteċipanti ġodda fis-suq tal-enerġija;

    A.    Rakkomandazzjonijiet għal dawk li jfasslu l-politika fil-livell tal-UE

    20.

    jirrikonoxxi li l-leġislazzjoni Ewropea trid tistabbilixxi kundizzjonijiet ekwi u rekwiżiti minimi sabiex tiġi promossa l-komunità tal-enerġija lokali, bil-għan li l-UE tkun tista’ tkun xempju f’dan il-qasam;

    21.

    jirrakkomanda li l-istrumenti tal-politika fil-livell tal-UE u l-leġislazzjoni nazzjonali li tittrasponi jew tikkompleta l-leġislazzjoni tal-UE għandu jkollhom effetti pożittiv fuq l-iżvilupp tal-komunitajiet tal-enerġija lokali, inklużi l-kooperattivi tal-enerġija;

    22.

    jirrakkomanda li d-definizzjonijiet ta’ “komunità tal-enerġija rinnovabbli” u ta’ “komunità tal-enerġija lokali” jew ta’ kunċetti funzjonali oħrajn bħalma huma l-kumpaniji tal-enerġija muniċipali, kooperattivi, assoċjazzjonijiet eċċ. ikunu trasposti b’mod kostruttiv u effettiv fil-livell tal-Istati Membri, biex jiġi żgurat li dawn l-organizzazzjonijiet ikollhom aċċess għas-suq tal-enerġija u li jiġu kkunsidrati l-ħtiġijiet tagħhom (pereżempju wħud minnhom jaf ikollhom bżonn appoġġ u inċentivi addizzjonali);

    Iż-żamma ta’ ambjent politiku stabbli għall-promozzjoni tal-enerġija rinnovabbli

    23.

    jinnota li l-komunitajiet tal-enerġija lokali ta’ spiss huma involuti fil-produzzjoni, il-forniment, id-distribuzzjoni u l-użu tal-enerġija rinnovabbli;

    24.

    jirrikonoxxi li l-komunitajiet tal-enerġija lokali joperaw sistematikament abbażi ta’ mekkaniżmi pubbliċi ta’ appoġġ għall-enerġija rinnovabbli sabiex jiġu finanzjati l-operazzjonijiet tagħhom u jiġi ġestit ir-riskju, għalkemm dawk li jfasslu l-politika fl-UE ħabbru li se jkun hemm bidla minn mekkaniżmi ta’ appoġġ li ma jissejsux fuq primjums u huma indipendenti mis-suq (pereżempju, it-tariffi fissi);

    25.

    huwa konxju li l-bidla għal skemi ta’ għajnuna u ta’ sejħiet għall-offerti tista’ tnaqqas ir-riżorsi finanzjarji disponibbli għall-komunitajiet tal-enerġija lokali, jew saħansitra teskludihom mis-suq, jekk jiġu introdotti rekwiżiti kumplessi fil-proċeduri ta’ sejħa għall-offerti;

    26.

    huwa favur li l-istabbiliment ta’ mekkaniżmi ta’ appoġġ speċifiċi jibqa’ r-responsabbiltà ta’ kull Stat Membru, u jaħseb li l-leġislazzjoni u l-politiki tal-UE ċertament m’għandhomx jillimitaw l-appoġġ għall-enerġija rinnovabbli fl-Istati Membri permezz ta’ mekkaniżmi finanzjarji msejsa fis-suq u indipendenti minnu;

    L-istabbiliment ta’ regoli tas-suq tal-enerġija biex jappoġġjaw it-tranżizzjoni tal-enerġija matul is-sistema kollha

    27.

    jappella biex is-swieq bl-imnut tal-elettriku jsiru aktar dinamiċi u kompetittivi u jenfasizza li sabiex il-konsumaturi tal-enerġija jkunu jistgħu jibbenefikaw mid-deregolamentazzjoni tas-suq tal-enerġija, u li l-komunitajiet tal-enerġija lokali jkunu jistgħu jikkontribwixxu għal suq diversifikat u flessibbli, huwa importanti li jiġu monitorjati l-livelli ta’ konċentrazzjoni tas-swieq bl-ingrossa u bl-imnut tal-elettriku u jiġi limitat l-poter u l-influwenza ekonomika u finanzjarja ta’ atturi differenti tas-suq;

    28.

    huwa kuntent li minħabba titjib tal-qafas leġislattiv attwali tal-UE bis-saħħa tal-proposti tal-pakkett leġislattiv il-ġdid dwar l-enerġija nadifa, inklużi l-proposti dwar id-Direttiva l-ġdida dwar is-suq intern tal-enerġija, jiġu rikonoxxuti r-rwol u l-involviment tal-komunitajiet tal-enerġija lokali fit-tħaddim tas-sistema tal-enerġija, bħala produtturi, distributuri u konsumaturi tal-enerġija. Barra minn hekk, ir-regoli se jiġu estiżi biex ikopru l-firxa sħiħa ta’ servizzi pprovduti mill-komunitajiet tal-enerġija lokali, bħalma huma l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, il-ħżin tal-enerġija, il-ġestjoni tal-grilji lokali tal-enerġija u s-servizzi ta’ bbilanċjar tas-sistema tal-enerġija;

    29.

    jirrakkomanda li r-regoli u l-proċeduri amministrattivi applikabbli għall-produtturi ż-żgħar tal-enerġija rinnovabbli u għall-komunitajiet tal-enerġija lokali jkunu semplifikati, sabiex jiġi żgurat li l-piżijiet amministrattivi u l-ispejjeż espliċiti jew impliċiti ma jiddiskriminawx dawn il-parteċipanti fis-suq, li huma, bħala regola ġenerali, kumpaniji tal-enerġija differenti;

    30.

    huwa tal-fehma li r-regoli u r-regolamenti ma għandhomx jirrestrinġu, għad-detenturi ta’ kapaċità tal-enerġija rinnovabbli u l-komunitajiet tal-enerġija lokali, il-possibbiltajiet li tiġi aggregata l-produzzjoni tagħhom u li jipprovdu l-enerġija, bħal fil-każ ta’ kumpaniji speċjalizzati, inkluż permezz ta’ inizjattivi innovattivi, bħall-impjanti tal-enerġija virtwali;

    L-iżgurar tal-konsistenza u l-koerenza bejn politiki differenti

    31.

    jappella biex id-dispożizzjonijiet tad-diversi atti leġislattivi tal-UE jkunu konsistenti fit-trattament u l-promozzjoni tal-komunitajiet tal-enerġija lokali, sabiex jiġu integrati d-definizzjonijiet ta’ “komunità tal-enerġija lokali” u ta’ “komunità tal-enerġija rinnovabbli”;

    B.    Rakkomandazzjonijiet għal dawk li jfasslu l-politika fil-livell nazzjonali

    32.

    jirrakkomanda bil-qawwa li ssir traspożizzjoni rapida tal-leġislazzjoni tal-UE u l-implimentazzjoni ta’ politika komuni tal-enerġija, u li dawk li jfasslu l-politika fil-livell nazzjonali jistabbilixxu għanijiet nazzjonali u inċentivi speċifiċi għall-komunitajiet tal-enerġija lokali;

    Ir-rikonoxximent tar-rwol u l-ħtiġijiet speċifiċi tal-komunitajiet tal-enerġija lokali fil-leġislazzjoni u l-politiki nazzjonali rilevanti

    33.

    jirrikonoxxi li l-proposti tal-pakkett leġislattiv dwar l-enerġija b’mod ġenerali, u l-enerġija nadifa b’mod partikolari, jixħtu dawl fuq miżuri favur ir-rikonoxximent tar-rwol tal-komunitajiet tal-enerġija lokali fit-tranżizzjoni tal-enerġija fil-livell tal-UE u li, f’dan il-kuntest, l-Istati Membri għandhom jadottaw dispożizzjonijiet leġislattivi simili dwar il-komunitajiet tal-enerġija lokali, iżda li jqisu l-ħtiġijiet nazzjonali speċifiċi;

    L-istabbiliment ta’ politiki u regoli għall-promozzjoni tal-komunitajiet tal-enerġija lokali u l-kooperazzjoni lokali

    34.

    jappella biex dawk li jfasslu politika nazzjonali jistabbilixxu politiki/regoli aċċessibbli għall-promozzjoni tal-komunitajiet tal-enerġija lokali; dawn ir-regoli jistgħu:

    (a)

    jiżguraw li produtturi tal-enerġija żgħar ikollhom aċċess garantit għas-suq tal-enerġija u l-infrastruttura speċifika;

    (b)

    jippromovu fil-livell lokali proġetti tal-enerġija mmexxija minn produtturi żgħar lokali/reġjonali;

    35.

    jenfasizza li regoli jistgħu jiġu definiti dwar il-benefiċċji potenzjali, sabiex ikun żgurat li dawn jibqgħu fil-livell tal-komunità lokali u jiffavorixxu l-iżvilupp soċjali u ekonomiku tal-komunità minflok l-azzjonisti tal-proġetti;

    36.

    jirrikonoxxi li l-politiki nazzjonali jistgħu jħeġġu l-aspetti ta’ sostenibbiltà u ambjentali tal-proġetti tal-enerġija komunitarji, billi jkunu pprovduti inċentivi finanzjarji (pereżempju, eżenzjonijiet mit-taxxa, għajnuna għall-investimenti) jew tnaqqis fil-kontijiet tal-enerġija. Jistgħu jiġu pprovduti wkoll inċentivi addizzjonali għal proġetti awtonomi jew li joffru servizzi u benefiċċji multipli;

    L-adozzjoni ta’ proċeduri regolatorji u amministrattivi ssemplifikati u proporzjonati għall-komunitajiet tal-enerġija lokali

    37.

    huwa favur ir-rekwiżiti dwar l-istabbiliment ta’ punt uniku għall-proċeduri ta’ permessi għal proġetti proposti mid-direttiva l-ġdida dwar l-enerġija rinnovabbli; dawn huma bażi xierqa li fuqha l-Istati Membri jistgħu jibnu soluzzjonijiet adattati għall-kuntest nazzjonali u lokali;

    L-iżgurar tal-aċċess tal-komunitajiet tal-enerġija lokali għal informazzjoni teknika, linji gwida u finanzjament

    38.

    jirrikonoxxi li l-proġetti tal-komunitajiet tal-enerġija lokali u l-kooperattivi tal-enerġija bbenefikaw minn opportunitajiet ta’ finanzjament disponibbli fil-qafas ta’ skemi ta’ għajnuna mill-Istat, ta’ fondi disponibbli taħt l-inizjattivi tal-UE jew mill-banek kummerċjali;

    39.

    jirrakkomanda li jiġu stabbiliti skemi speċifiċi ta’ appoġġ finanzjarju għall-komunitajiet tal-enerġija lokali, b’mod partikolari fil-fażi tal-ippjanar u tat-tnedija tal-proġetti (pereżempju, it-trasformazzjoni tal-għotjiet f’self, il-garanziji jew l-opportunitajiet ta’ self bi prezz imnaqqas), b’aċċess faċli għal informazzjoni teknika u għal linji gwida dwar it-tnedija, il-finanzjament u l-implimentazzjoni tal-proġetti komunitarji;

    C.    Rakkomandazzjonijiet lill-awtoritajiet lokali u reġjonali

    L-adozzjoni ta’ politiki lokali favur l-iżvilupp tal-komunitajiet tal-enerġija lokali

    40.

    jinnota li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jistgħu jikkompletaw il-politiki tal-UE u nazzjonali billi jadottaw għanijiet supplimentari dwar il-kontribut tal-komunitajiet tal-enerġija lokali għall-għanijiet tal-livell lokali fil-qasam tal-enerġija. Pereżempju, ħafna bliet qed jipparteċipaw fl-inizjattiva tal-Patt tas-Sindki, fejn ġew stabbiliti pjani ta’ azzjoni lokali sostenibbli tal-enerġija u l-klima;

    41.

    jistieden lill-awtoritajiet lokali u reġjonali jidentifikaw il-komunitajiet tal-enerġija lokali u reġjonali li jistgħu jikkontribwixxu biex jintlaħqu l-għanijiet tal-enerġija lokali u fil-qasam tal-politika soċjali, u jidentifikaw mekkaniżmi ta’ appoġġ għall-iżvilupp tagħhom u servizzi ta’ konsulenza, fejn dan huwa meħtieġ u jista’ jinkiseb b’mod mhux diskriminatorju;

    L-analiżi tal-possibiltajiet ta’ sħubijiet mal-komunitajiet tal-enerġija lokali jew il-ħolqien ta’ komunitajiet tal-enerġija lokali

    42.

    jemmen li, sabiex jissaħħaħ il-kontribut tal-komunitajiet tal-enerġija lokali għall-għanijiet lokali fil-qasam tal-politiki lokali, l-awtoritajiet lokali u reġjonali jistgħu jiżviluppaw sħubijiet mal-komunitajiet eżistenti jew jiżviluppaw oħrajn ġodda bil-kooperazzjoni taċ-ċittadini lokali;

    43.

    jenfasizza li l-komunitajiet tal-enerġija lokali u l-awtoritajiet lokali u reġjonali huma msieħba li jikkompletaw lil xulxin bħala l-awtoritajiet li joffru qafas għall-proġetti maħsuba għall-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli, għajnuna amministrattiva u tariffi preferenzjali, filwaqt li l-komunitajiet tal-enerġija lokali jipprovdu għarfien espert tekniku u l-assistenza ekonomika u finanzjarja matul l-implimentazzjoni tal-proġetti;

    44.

    jemmen li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jaqdu rwol importanti fit-tranżizzjoni tal-enerġija, billi jassumu responsabbiltajiet dwar il-grilji lokali ta’ distribuzzjoni tal-enerġija u s-sjieda u l-ġestjoni tagħhom permezz ta’ servizzi sussidjarji u kumpaniji speċjalizzati ta’ servizzi ta’ utilità pubblika; l-awtoritajiet lokali u reġjonali jaqdu rwol ewlieni fis-sensibilizzazzjoni taċ-ċittadini għall-possibilitajiet ta’ parteċipazzjoni fis-settur tal-enerġija fil-livell lokali, kif ukoll fit-tixrid ta’ informazzjoni rilevanti.

    Brussell, is-6 ta’ Diċembru 2018.

    Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni

    Karl-Heinz LAMBERTZ


    Top