Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62018TN0640

    Kawża T-640/18: Rikors ippreżentat fid-29 ta’ Ottubru 2018 – Intercontact Budapest vs CdT

    ĠU C 4, 7.1.2019, p. 35–36 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    7.1.2019   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 4/35


    Rikors ippreżentat fid-29 ta’ Ottubru 2018 – Intercontact Budapest vs CdT

    (Kawża T-640/18)

    (2019/C 4/47)

    Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż

    Partijiet

    Rikorrenti: Intercontact Budapest Fordító és Pénzügyi Tanácsadó Kft. (Intercontact Budapest Kft.) (Budapest, l-Ungerija) (rappreżentant: É. Subasicz, avukat)

    Konvenut: Iċ-Ċentru tat-Traduzzjoni għall-Korpi tal-Unjoni Ewropea (CdT)

    Talbiet

    Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

    Prinċipalment, tiddikjara jekk il-punti ta’ evalwazzjoni mogħtija lid-diversi offerenti humiex realistiċi abbażi ta’ paragun tal-offerti ppreżentati, u jekk humiex konformi mal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament, ta’ nondiskriminazzjoni, ta’ proporzjonalità u ta’ trasparenza.

    Sussidjarjament, tiddikjara li l-interpretazzjoni legali tal-konvenut dwar l-Artikolu 113(3) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002, hija żbaljata u li r-reklamar tal-prezzijiet tal-offerti magħmula mill-parteċipanti fis-sejħa pubblika għall-offerti ma jmurx kontra r-regolament invokat.

    Iktar sussidjarjament, tannulla r-riżultat li għalih wasal il-konvenut fir-rigward tal-Lott 12 tal-proċedura FL/FIN17, kif ukoll il-proċedura amministrattiva f’dak li jirrigwarda dan l-istess lott.

    Iktar sussidjarjament, tistabbilixxi liema huwa l-att proċedurali (att ġuridiku fis-seħħ), fil-proċedura ta’ sejħa pubblika għall-offerti li hija s-suġġett tar-rikors, li min-notifika tiegħu jibda’ jiddekorri t-terminu għal preżentata ta’ rikors stabbilt fl-Artikolu 263 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

    tikkundanna lill-konvenut għall-ispejjeż.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka erba’ motivi.

    1.

    L-ewwel motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament, ta’ nondiskriminazzjoni, ta’ proporzjonalità u ta’ trasparenza, sa fejn fil-proċedura ta’ sejħa pubblika għall-offerti l-konvenut applika kriterji differenti ta’ evalwazzjoni skont l-offerent. (1)

    2.

    It-tieni motiv ibbażat fuq abbuż ta’ poter sa fejn il-konvenut ma kkomunikax lir-rikorrenti l-informazzjoni meħtieġa fil-proċedura ta’ sejħa pubblika għall-offerti. (2)

    3.

    It-tielet motiv ibbażat fuq il-fatt li billi ma nnotifikax it-termini għall-preżentata ta’ rikors u b’dan il-mod illimita l-possibbiltà li jitressaq rikors, il-konvenut kiser id-direttiva tal-Unjoni dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi. (3)

    4.

    Ir-raba’ motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-konvenut ostakola l-eżerċizzju tad-dritt tar-rikorrenti li tippreżenta rikors kontra istituzzjoni tal-Unjoni. (4)


    (1)  Premessi 1 u 90 tad-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (ĠU 2014, L 94, p. 65).

    (2)  Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU 2012, L 298, p. 1).

    (3)  Punt 16 tal-Parti D tal-Anness V tad-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2018 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (ĠU 2014, L 94, p. 65).

    (4)  Is-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.


    Top