Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52018AE3230

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Proposta għal Regolament tal-Parlament Europew u tal-Kunsill dwar pjan pluriennali għall-irkupru tal-pixxispad tal-Mediterran u li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006 u r-Regolament (UE) 2017/2107” (COM(2018) 229 final — 2018/0109 (COD))

EESC 2018/03230

ĠU C 440, 6.12.2018, p. 174–176 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

6.12.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 440/174


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Proposta għal Regolament tal-Parlament Europew u tal-Kunsill dwar pjan pluriennali għall-irkupru tal-pixxispad tal-Mediterran u li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006 u r-Regolament (UE) 2017/2107”

(COM(2018) 229 final — 2018/0109 (COD))

(2018/C 440/30)

Relatur uniku:

Gabriel SARRÓ IPARRAGUIRRE

Konsultazzjoni mitluba mill-Parlament Ewropew

2.5.2018

Konsultazzjoni mitluba mill-Kunsill

14.5.2018

Bażi legali

Artikoli 43(2) u 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja

22.5.2018

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, Żvilupp Rurali u Ambjent

Adottata fis-sezzjoni

5.9.2018

Adottata fil-plenarja

19.9.2018

Sessjoni plenarja Nru

537

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

181/1/3

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-KESE jappoġġja, b’mod ġenerali, il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea, li timmira li tittrasponi fil-liġi tal-Unjoni r-Rakkomandazzjoni 16-05 tal-Kummissjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn Atlantiku (ICCAT), li tistabbilixxi pjan pluriennali għall-irkupru tal-pixxispad tal-Mediterran li l-għan tiegħu huwa li jilħaq bijomassa ta’ dan l-istokk li tikkorrispondi għar-rendiment massimu sostenibbli (MSY) sa mhux aktar tard mill-2031, bi probabbiltà li jintlaħaq dan l-għan b’mill-inqas 60 %.

1.2.

Il-Kumitat seta’ jivverifika li l-Kummissjoni Ewropea ma llimitatx ruħha li tittrasponi r-rakkomandazzjoni msemmija hawn fuq tal-ICCAT, iżda daħħlet fil-proposta tagħha sensiela ta’ punti li mhumiex riflessi fiha u li jistgħu jpoġġu lill-flotta Ewropea f’sitwazzjoni ta’ żvantaġġ kompetittiv fil-konfront tal-flotot minn pajjiżi terzi kostali bħall-Marokk, l-Alġerija, it-Tuneżija u t-Turkija, li huma wkoll involuti f’dan it-tip ta’ sajd. Għalhekk, u sabiex jiġu evitati konsegwenzi soċjoekonomiċi għall-impjegaturi u l-ħaddiema Ewropej li huma aktar serji minn dawk tal-pajjiżi l-oħra, il-KESE jħeġġeġ lill-koleġislaturi biex iqisu l-kummenti speċifiċi li ġejjin.

1.3.

Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-pajjiżi kostali tal-Mediterran biex jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex tintlaħaq il-qerda totali tal-għażel tat-tisqif, li l-użu tiegħu ilu pprojbit sa mill-1998, sabiex jiġi evitat il-qbid u l-bejgħ illegali tal-pixxispad tal-Mediterran, l-impatt tiegħu fuq is-suq u l-kompetizzjoni inġusta li jimplika għall-flotta li tikkonforma mar-regoli.

2.   Sommarju tal-proposta tal-Kummissjoni

2.1.

Minħabba s-sitwazzjoni allarmanti tal-pixxispad tal-Mediterran (Xiphias gladius), l-ICCAT adottat, fil-laqgħa annwali tagħha tal-2016, ir-rakkomandazzjoni 16-05, li tistabbilixxi pjan għall-irkupru ta’ 15-il sena għal din l-ispeċi. Din ir-rakkomandazzjoni tistabbilixxi r-regoli għall-konservazzjoni, għall-ġestjoni u għall-kontroll tal-istokk tal-pixxispad fil-Mediterran sabiex tintlaħaq bijomassa li tikkorrispondi mal-MSY mhux aktar tard mill-2031, bi probabbiltà li jintlaħaq dan l-għan b’mill-inqas 60 %.

2.2.

Il-Proposta għal Regolament li hija s-suġġett ta’ din l-Opinjoni tittrasponi r-rakkomandazzjoni msemmija hawn fuq fil-liġi tal-Unjoni, li ilha direttament applikabbli sa mill-2017, sabiex l-UE tkun tista’ tissodisfa l-obbligi internazzjonali tagħha u tipprovdi ċertezza legali lill-operaturi fir-rigward tar-regoli u l-obbligi li huma soġġetti għalihom.

2.3.

L-elementi prinċipali tal-pjan għall-irkupru huma: l-istabbiliment ta’ qabdiet totali permissibbli (TAC) ta’ 10 500 tunnellata, li jitnaqqsu progressivament, l-istabbiliment ta’ daqs minimu ta’ referenza għall-konservazzjoni ta’ tul ta’ 100 ċm mix-xedaq ta’ isfel sal-furketta, jew ta’ piż sħiħ ta’ 11,4 kg jew imnaddaf u mingħajr organi ta’ ġewwa ta’ 10,2 kg; l-istabbiliment ta’ numru massimu ta’ 2 500 sunnara li jistgħu jitpoġġew jew jinġarru abbord; staġun magħluq ta’ tliet xhur li jibda mill-1 ta’ Jannar sal-31 ta’ Marzu ta’ kull sena; il-limitazzjoni tan-numru ta’ bastimenti awtorizzati jistadu, u miżuri ta’ kontroll simili għal dawk eżistenti għat-tonn.

3.   Kummenti ġenerali

3.1.

Il-KESE jaqbel mal-ħtieġa li t-traspożizzjoni tar-Rakkomandazzjoni 16-05 tal-ICCAT tiġi trasposta fis-sistema legali tal-Unjoni, u għalhekk tappoġġja l-inizjattiva tal-Kummissjoni Ewropea.

3.2.

Madankollu, il-Kumitat innota li l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea tmur lil hinn mir-rakkomandazzjoni tal-ICCAT innifisha u tintroduċi rekwiżiti ġodda li mhumiex inklużi fiha. Waqt li jitqies li l-istokk inkwistjoni mhuwiex sfruttat biss mill-flotta tal-UE, peress li jipparteċipaw ukoll il-pajjiżi kostali l-oħra kollha tal-Mediterran, kemm permezz ta’ sajd immirat lejn dan l-istokk, bħall-Marokk, l-Alġerija, it-Tuneżija u t-Turkija, kif ukoll permezz ta’ qabdiet inċidentali, il-Kumitat ma jqisx li huwa adatt li jiġu introdotti dawn il-miżuri addizzjonali fuq bażi unilaterali, peress li jistgħu joħolqu sitwazzjonijiet ta’ diskriminazzjoni fil-konfront tal-flotta tal-UE u jikkawżaw konsegwenzi soċjoekonomiċi għall-operaturi tal-Unjoni differenti minn dawk ta’ pajjiżi oħra li jipparteċipaw fis-sajd.

3.2.1.

Għal negozjati futuri, il-Kumitat iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea biex taħdem b’mod aktar intensiv mal-pajjiżi terzi fi ħdan l-ICCAT biex tilħaq ftehim li, mingħajr ma jkun hemm distorsjoni tal-kompetizzjoni fost is-sajjieda, jaċċellera l-irkupru tal-bijomassa u t-tranżizzjoni tagħha għal-livell MSY.

3.3.

Il-Kumitat ifakkar lill-Kummissjoni li l-użu tal-għażel tat-tisqif għall-qbid tal-pixxispad fil-Mediterran ilu pprojibit sa mill-1998. Waqt li wieħed iżomm f’moħħu l-impatt fuq l-istat tal-istokk tal-pixxispad fil-Mediterran, li fih jeżistu l-użu illegali, min-naħa ta’ xi operaturi, ta’ dan l-irkaptu pprojbit u l-kompetizzjoni inġusta li timplika għall-operaturi li jikkonformaw mar-regoli, il-KESE jitlob lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-pajjiżi kostali biex ipoġġu l-mezzi kollha meħtieġa għall-qerda totali tagħha.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1.

L-Artikolu 8, li jistabbilixxi limitazzjoni tal-kapaċità skont it-tip ta’ rkaptu tas-sajd, mhuwiex limitat għat-traspożizzjoni ta’ dak li jissemma fl-Artikolu 6 tar-rakkomandazzjoni tal-ICCAT, li tistabbilixxi li tiġi applikata limitazzjoni tal-kapaċità għat-tul tal-pjan ta’ rkupru. FL-2017, il-PKK (1) għandhom jillimitaw in-numru ta’ bastimenti tas-sajd tagħhom awtorizzati biex jistadu għall-pixxispad tal-Mediterran għan-numru annwali medju tal-bastimenti tagħhom li stadu, żammu abbord, ittrasbordaw, ittrasportaw jew żbarkaw il-pixxispad tal-Mediterran fil-perjodu 2013-2016. Madankollu, il-PKK jistgħu jiddeċiedu li jużaw in-numru ta’ bastimenti li stadu, żammu abbord, ittrasbordaw, ittrasportaw jew żbarkaw il-pixxispad tal-Mediterran fl-2016, jekk dak in-numru huwa inqas min-numru annwali medju ta’ bastimenti tal-perjodu 2013-2016. Dan il-limitu għandu jiġi applikat skont it-tip ta’ rkaptu għall-bastimenti tal-qbid, iżda jillimitah għall-għażla li twassal għal numru iżgħar ta’ bastimenti. Għal din ir-raġuni, il-Kumitat jirrakkomanda li jintuża l-kliem tal-Artikolu 6 tar-Rakkomandazzjoni 2016-05 tal-ICCAT.

4.2.

Il-KESE jemmen li l-kliem tal-Artikolu 10(2) jista’ joħloq konfużjoni, u jista’ jiġi interpretat li qiegħed jipproponi twaqqif sħiħ tas-sajd bil-konzijiet, meta fir-realtà, dak li qed timmira lejh ir-rakkomandazzjoni tal-ICCAT huwa li tevita l-qbid tal-pixxispad prematur li jinqabad b’sunnara żgħira li jużaw il-bastimenti li jaqbdu l-alonga tal-Mediterran. Għal din ir-raġuni, il-Kumitat jissuġġerixxi l-kliem li ġej: “Sabiex jitħares il-pixxispad tal-Mediterran, għandu jkun hemm perjodu ta’ għeluq tas-sajd tal-alongi (Thunnus alalunga) fil-Mediterran mill-1 ta’ Ottubru sat-30 ta’ Novembru ta’ kull sena”.

4.3.

L-Artikolu 14(2) huwa wieħed mill-artikoli li fihom il-Kummissjoni hija aktar restrittiva mir-rakkomandazzjoni nnifisha tal-ICCAT, peress li tistabbilixxi li “il-bastimenti tas-sajd għandhom jitħallew ikollhom abbord 2 500 sunnara ta’ sostituzzjoni mhux imqabbdin mal-irkaptu għal vjaġġi ta’ iktar minn jumejn”. Min-naħa l-oħra, ir-rakkomandazzjoni, fil-punt 18 tagħha, tippermetti li jiġu mqabbdin. Il-proposta tal-Kummissjoni toħloq problema operattiva għall-ekwipaġġ tal-bastimenti, li għandhom dejjem aktar obbligi x’jissodisfaw. Il-proposta tal-Kummissjoni toħloq problema operattiva għall-ekwipaġġ tal-bastimenti, li għandhom dejjem aktar obbligi x’jissodisfaw. Għal din ir-raġuni, il-KESE jirrakkomanda li l-frażi “mhux imqabbdin” titneħħa minn dan l-artikolu u li tintuża dik użata fir-rakkomandazzjoni nnifisha: “Għal mareat li jdumu aktar minn jumejn, it-tieni sett ta’ snanar immuntati jista’ jitħalla jinġarr abbord sakemm ikun imwaħħal sew u stivat fil-gverta ta’ taħt sabiex ma jkunx jista’ jintuża faċilment”.

4.4.

L-Artikolu 18(2) jipprevedi li “Għall-finijiet tal-kontroll, it-trażmissjoni tad-dejta tas-sistema ta’ monitoraġġ tal-bastimenti (2) mill-bastimenti tal-qbid li huma awtorizzati jistadu għall-pixxispad tal-Mediterran ma għandhiex tiġi interrotta meta l-bastimenti jkunu fil-port”. Il-Kumitat jikkunsidra li din il-proposta tista’ tiġġenera spejjeż addizzjonali bla bżonn għas-sajjieda u għalhekk jipproponi li, abbażi tal-Artikolu 18(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 404/2011 tat-8 ta’ April 2011 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta’ kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd, li jippermetti li jintefa l-apparat ta’ lokalizzazzjoni permezz tas-satellita fil-port, sakemm ikun garantit li dan jintefa u jinxtegħel meta l-bastiment ikun fl-istess pożizzjoni.

4.5.

Fl-Artikolu 20(2), il-Kummissjoni tmur lil hinn mid-dispożizzjonijiet tar-Rakkomandazzjoni 2016-05 tal-ICAAT. Fil-fatt, il-Kummissjoni tipproponi li għandu jkun hemm osservaturi xjentifiċi nazzjonali fuq tal-inqas 20 % mill-bastimenti kollha tas-sajd bil-konzijiet tal-wiċċ li jkunu qed jistadu għall-pixxispad tal-Mediterran. Għall-kuntrarju, l-Artikolu 44 tar-rakkomandazzjoni tal-ICCAT jipprevedi li kull PKK għandu jiżgura li l-osservaturi xjentifiċi nazzjonali jimbarkaw mill-inqas 5 % tal-bastimenti tas-sajd bil-konzijiet tal-wiċċ tagħhom ta’ aktar minn 15-il metru fit-tul li jistadu għall-pixxispad tal-Mediterran”. Il-KESE jqis li ż-żieda fil-kopertura sa 20 % hija inġustifikata u sproporzjonata, peress li huma bastimenti żgħar, bi problemi ta’ spazju u spejjeż, li jkollhom kumplikazzjonijiet serji sabiex jikkonformaw mar-rekwiżit. Barra minn hekk, il-flotot minn pajjiżi terzi xorta jkunu jistgħu jġorru biss 5 %. Għalhekk, il-Kumitat jirrakkomanda li jinżamm il-persentaġġ ta’ 5 % obbligatorju meħtieġ mill-ICCAT.

4.6.

L-Artikolu 24(2) jipprevedi li l-kaptani tal-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni ta’ tul totali inqas minn 12-il metru għandhom, mill-inqas erba’ sigħat qabel il-ħin stmat tal-wasla fil-port, jinnotifikaw lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru b’serje ta’ informazzjoni. Minħabba l-problemi li dan ir-rekwiżit jista’ joħloq għall-flotta ta’ skala żgħira f’ħinijiet speċifiċi, il-KESE jipproponi li tiżdied sentenza li tippermetti lill-Istat Membru jimmodifika n-notifika ta’ erba’ sigħat f’każijiet eċċezzjonali. Pereżempju, jista’ jiġi applikat kliem simili għal dak li jinsab fl-Artikolu 31(3) tar-Regolament (UE) 2016/1627 tal-pjan ta’ rkupru tat-tonn: “Fejn l-Istati Membri huma awtorizzati skont il-leġiżlazzjoni applikabbli tal-Unjoni li japplikaw perijodu ta’ notifika iqsar minn dak imsemmi fil-paragrafi 1 u 2, l-istimi tal-kwantitajiet ta’ tonn miżmum abbord jistgħu jiġu nnotifikati bħala l-ħin ta’ notifika għalhekk applikabbli qabel il-wasla. Jekk il-post għas-sajd ikun inqas minn erba’ sigħat mill-port, l-istima tal-kwantitajiet ta’ tonn miżmum abbord tista’ tinbidel fi kwalunkwe ħin qabel il-wasla.”

Brussell, id-19 ta’ Settembru 2018.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Luca JAHIER


(1)  Il-partijiet kontraenti tal-Konvenzjoni ICCAT.

(2)  Sistema ta’ monitoraġġ tal-bastimenti.


Top