EUR-Lex Dostop do prava EU

Nazaj na domačo stran EUR-Lex

Dokument je izvleček s spletišča EUR-Lex.

Dokument 52018AE3799

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jikkomplimenta l-leġiżlazzjoni dwar l-approvazzjoni tat-tip tal-UE fir-rigward tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni” [COM(2018) 397 final — 2018/0220 (COD)]

EESC 2018/03799

ĠU C 440, 6.12.2018, str. 95–99 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

6.12.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 440/95


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jikkomplimenta l-leġiżlazzjoni dwar l-approvazzjoni tat-tip tal-UE fir-rigward tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni”

[COM(2018) 397 final — 2018/0220 (COD)]

(2018/C 440/15)

Relatur:

Séamus BOLAND

Konsultazzjoni

Parlament Ewropew, 2.7.2018

Kunsill, 3.7.2018

Bażi legali

Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum

Adottata fis-sezzjoni

4.9.2018

Adottata fil-plenarja

19.9.2018

Sessjoni plenarja Nru

537

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

198/0/7

1.   Konklużjonijiet

1.1.

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-Proposta tal-Kummissjoni Ewropea għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jikkomplimenta l-leġislazzjoni dwar l-approvazzjoni tat-tip tal-UE fir-rigward tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni.

1.2.

Il-KESE jemmen li l-proposta tiffoka fuq il-passi prattiċi meħtieġa biex jiġu indirizzati l-konsegwenzi reali għall-industrija tal-manifattura u d-distribuzzjoni tal-vetturi u għall-konsumaturi bħala riżultat ta’ bidliet legali inevitabbli fi kwistjonijiet marbutin maċ-ċertifikazzjoni tal-approvazzjoni tat-tip mill-awtoritajiet tar-Renju Unit abbażi tal-liġijiet tal-UE.

1.3.

F’dan il-kuntest, il-KESE jemmen li din il-proposta għandha sservi ta’ mudell għal bosta ftehimiet simili oħra meħtieġa bħala konsegwenza tal-Brexit.

1.4.

Il-KESE jirrakkomanda li l-ftehim li jintlaħaq dwar din il-proposta jirrikonoxxi li hemm bżonn ta’ żmien raġonevoli qabel ma tiġi infurzata l-implimentazzjoni sħiħa tas-sistema l-ġdida. B’mod ġenerali, l-iskadenza tad-29 ta’ Marzu għat-tmiem tas-sħubija hija restrittiva wisq u għandha tiġi estiża abbażi ta’ qbil bejn ir-Renju Unit u l-UE.

1.5.

Il-KESE jaċċetta li wara t-tmiem tas-sħubija tar-Renju Unit l-aġenziji tar-Renju Unit tal-approvazzjoni tat-tip ma jistgħux jibqgħu jiċċertifikaw vetturi skont il-leġislazzjoni tal-UE u li l-manifatturi bbażati fir-Renju Unit ser ikollhom ifittxu l-approvazzjoni minn kwalunkwe waħda mis-27 aġenzija bbażati fl-UE. Filwaqt li josserva li l-Gvern tar-Renju Unit jemmen li l-aġenzija tiegħu għandha tiġi rikonoxxut mil-lat internazzjonali bħala aġenzija tal-approvazzjoni tat-tip, il-KESE jirrakkomanda li għandha tiġi ċċarata kwalunkwe konfużjoni dwar dan il-punt.

1.6.

Il-KESE jinnota li din il-proposta se tiġi implimentata fi ħdan parametri kif stabbilit fil-ftehim globali nnegozjat dwar tmiem is-sħubija. Għalhekk jirrakkomanda li din il-proposta ma tiġix dilwita bi kwalunkwe mod.

1.7.

Il-KESE jinnota li, fi ħdan l-Unjoni, jista’ jkun hemm tibdil u emendi għad-direttivi abbażi ta’ teknoloġija ġdida, informazzjoni ġdida u l-bqija. Għalhekk, jirrakkomanda li jkun hemm il-flessibbiltà meħtieġa fi ħdan il-ftehimiet sabiex ikunu jistgħu jseħħu negozjati adatti.

1.8.

Il-KESE jirrakkomanda li l-ftehimiet globali kollha dwar il-kummerċ, kif ukoll tmiem is-sħubija, iqisu s-suq kbir li jeżisti fl-UE u fir-Renju Unit u li l-ftehimiet kollha għandhom jiżguraw li ma jkun hemm l-ebda tfixkil negattiv ta’ dan is-suq.

1.9.

Il-KESE jirrakkomanda bil-qawwa li s-sistemi ta’ informazzjoni, it-taħriġ u l-pariri meħtieġa jkollhom il-mezzi suffiċjenti u jkunu disponibbli b’mod trasparenti disponibbli għas-sezzjonijiet kollha tal-industrija inklużi l-partijiet interessati tal-konsumaturi u dawk ambjentali.

1.10.

Il-KESE jaċċetta li, filwaqt li “d-drittijiet fundamentali” mhumiex affettwati minn din il-proposta, id-drittijiet tal-konsumatur dejjem se jkunu preokkupazzjoni u għalhekk jirrakkomanda li dan jiġi rikonoxxut matul l-implimentazzjoni.

2.   Kummenti ġenerali

2.1.

Fit-23 ta’ Ġunju 2016, wara referendum dwar is-sħubija fl-UE, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq iddeċidew li joħorġu mill-Unjoni Ewropea. Din id-deċiżjoni tinkludi l-Ġibiltà.

2.2.

Fid-29 ta’ Marzu 2017, ir-Renju Unit għarraf lill-UE bl-intenzjoni tiegħu li joħroġ mill-Unjoni, abbażi tal-Artikolu 50 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Ladarba ġie attivat dan l-artikolu, ġie stabbilit proċess ta’ negozjati dwar tmiem is-sħubija, bil-għan li jkun hemm ġestjoni b’suċċess tal-arranġamenti legali kumplessi l-ġodda.

2.3.

Ladarba jkun hemm qbil dwar dan, huwa previst li mill-30 ta’ Marzu 2019 ’l quddiem, ir-Renju Unit mhux se jibqa’ membru tal-UE u se jsir pajjiż terz, sakemm il-ftehim ma jipproponix data ġdida.

2.4.

Huwa mifhum li l-ħruġ mis-sħubija se joħloq il-ħtieġa li jissolvew bosta kwistjonijiet prattiċi fir-rigward tar-regolazzjoni tal-beni u s-servizzi fil-livell tal-UE. B’mod partikolari, l-aġenziji tal-approvazzjoni tat-tip ibbażati fir-Renju Unit mhux se jibqa’ jkollhom rwol bħala regolatur tal-UE mid-data tat-tmiem tas-sħubija ’l quddiem. Dan imbagħad ikollu konsegwenzi fuq ir-regolazzjoni eżistenti u futura tal-beni, inklużi dawk li diġà ġew approvati.

2.5.

Madankollu, għandu jiġi osservat li l-pożizzjoni preċiża tar-Renju Unit fir-rigward tal-aġenzija tal-approvazzjoni tat-tip fir-Renju Unit ser tkun is-suġġett tal-ftehim globali nnegozjat li għadu għaddej.

2.6.

Fost il-ħafna implikazzjonijiet, insibu t-tfixkil tal-ktajjen tal-provvista tal-prodotti differenti, li huma sintonizzati sew biex iwasslu l-beni b’mod kosteffiċjenti u fil-ħin fl-Istati Membri kollha, inkluża l-Gran Brittanja.

2.7.

Il-proposta hija wkoll konxja ferm tal-ħtieġa li jinżammu l-istandards kollha tal-kwalità kif ukoll li jiġi żgurat li ma jiġux dilwiti l-istandards ambjentali u dawk relatati mal-konsumatur.

2.8.

Din il-proposta tista’ faċilment isservi bħala mudell għal ftehimiet oħra simili u f’dan il-kuntest huwa essenzjali li jkollha l-appoġġ tal-partijiet interessati kollha u tal-pubbliku usa’.

2.9.

Din il-proposta tgħid li ma hemmx konsegwenzi għall-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali. Madankollu, il-KESE josserva li l-bidliet fl-istrutturi tar-regolazzjoni strutturi li jaffettwaw il-beni dejjem se jkollhom implikazzjonijiet għall-konsumaturi.

2.10.

Din l-Opinjoni ser tiffoka fuq is-sitwazzjoni li tikkonċerna s-sistema tal-approvazzjoni tat-tip kif applikata għall-magni bil-mutur, il-vetturi involuti fit-trasport tal-merkanzija, kif ukoll il-magni li jintużaw f’makkinarju fiss.

3.   Kontenut essenzjali tal-proposta tal-Kummissjoni

3.1.

Il-proposta tal-Kummissjoni tfittex li tittratta l-qafas leġislattiv tal-UE li jirregola s-sistema tal-approvazzjoni tat-tip kif tapplika għal għadd ta’ prodotti, li mhux ser jibqa’ japplika għar-Renju Unit ma’ tmiem is-sħubija fl-Unjoni.

3.2.

B’mod speċifiku, u soġġetta għall-arranġamenti tranżitorji li jistgħu jsiru fil-ftehim dwar tmiem is-sħubija, il-proposta tal-Kummissjoni tgħid li l-leġislazzjoni li ġejja ser tiġi affettwata:

Id-Direttiva 2007/46/KE dwar l-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur u l-karrijiet (li trid tinbidel b’Regolament li se jkun applikabbli mill-1 ta’ Settembru 2020);

Ir-Regolament (UE) Nru 168/2013 dwar l-approvazzjoni tat-tip tas-suq ta’ vetturi b’żewġ jew tliet roti u kwadriċikli;

Ir-Regolament (UE) Nru 167/2013 dwar l-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi għall-agrikoltura u għall-forestrija; u

Ir-Regolament (UE) 2016/1628 dwar l-approvazzjoni tat-tip ta’ magni għall-użu f’makkinarju mobbli mhux tat-triq.

3.3.

Il-proposta tagħmilha ċara wkoll li l-awtorità tal-approvazzjoni tat-tip eżistenti fir-Renju Unit mhux ser tkun tista’ tkompli bħala tali skont il-leġislazzjoni tal-UE. Għalhekk, sabiex titkompla l-konformità mal-leġislazzjoni tal-UE u biex jinżamm l-aċċess għas-swieq Ewropej, il-manifatturi li kisbu l-approvazzjonijiet fir-Renju Unit ser jeħtieġu approvazzjonijiet ġodda minn kwalunkwe waħda mill-awtoritajiet tal-approvazzjoni tat-tip fl-UE 27. Dan jinkludi prodotti diġà fil-produzzjoni.

3.4.

Filwaqt li hemm implikazzjonijiet konsiderevoli għar-rwol futur tal-awtorità tal-approvazzjoni tat-tip fir-Renju Unit, hemm preokkupazzjonijiet serji dwar il-futur tal-manifattura tal-vetturi fir-Renju Unit u, min-naħa l-oħra, fi ħdan l-UE. Dawn il-preokkupazzjonijiet jirrigwardaw prinċipalment l-inċertezza legali tal-approvazzjonijiet tat-tip fir-Renju Unit u d-dilwizzjoni ta’ wieħed mill-prinċipji ewlenin tar-regolazzjoni, li huwa ż-żamma tal-konsistenza regolatorja madwar l-Unjoni Ewropea kollha.

3.5.

Il-proposta għandha l-għan li tindirizza dawn il-kwistjonijiet billi tagħmel modifika temporanja tar-regoli eżistenti, sabiex il-manifatturi milquta jkunu jistgħu japplikaw għal kwalunkwe wieħed mill-Istati Membri tal-UE-27 għall-approvazzjoni bl-inqas inkonvenjent possibbli. Il-punti ewlenin tagħha huma li:

B’mod espliċitu tippermetti lill-manifatturi kkonċernati japplikaw għand awtorità tal-approvazzjoni tat-tip mill-UE-27 għal approvazzjonijiet ġodda għal tipi eżistenti;

Tippermetti li t-testijiet li fuqhom huma bbażati l-approvazzjonijiet tat-tip tar-Renju Unit ma jkollhomx għalfejn jiġu ripetuti minħabba li s-servizz tekniku ma kienx inħatar u ma kienx ġie nnotifikat minn qabel mill-awtorità tal-approvazzjoni tat-tip tal-UE-27;

Tipprevedi li dawn l-approvazzjonijiet jistgħu jingħataw jekk jiġu ssodisfati r-rekwiżiti għall-vetturi, is-sistemi, il-komponenti u l-unitajiet tekniċi separati ġodda, u mhux ir-rekwiżiti għal tipi ġodda;

Tipproponi li tgħin biex jiġu identifikati l-awtoritajiet tal-approvazzjoni tat-tip ġodda għal dawk il-prodotti li jkunu diġà fis-suq qabel il-ħruġ, biex jiġi evitat li l-ebda awtorità ma tkun inkarigata li twettaq kontrolli ta’ konformità waqt is-servizz jew toħroġ sejħa lura ta’ prodott mis-suq possibbli fil-futur.

3.6.

Il-proposta tal-Kummissjoni tirrikonoxxi l-ħtieġa li l-konsumaturi jiġu protetti fir-rigward tas-sikurezza tal-vetturi u ż-żamma tal-istandards ambjentali.

3.7.

Il-proposta tagħmilha ċar li l-ħidma tal-awtoritajiet tal-approvazzjoni tat-tip ma tispiċċax mal-produzzjoni jew mat-tqegħid fis-suq ta’ vettura, sistema, komponent jew unità teknika separata, iżda testendi għal diversi snin wara t-tqegħid fis-suq ta’ dawk il-prodotti.

4.   Kummenti

4.1.

Il-manifatturi tal-karozzi jeħtieġu ċertifikati ġodda għal mudelli ġodda, li jiġu rilaxxati bejn wieħed u ieħor kull seba’ snin, iżda wkoll għal alterazzjonijiet sostanzjali ta’ disinn jew magna li jistgħu jseħħu aktar ta’ spiss. Dan jenfasizza b’mod ċar l-urġenza li jiġi żgurat li, wara l-Brexit, ikun hemm riallinjament bla xkiel tal-mekkaniżmi regolatorji meħtieġa għall-produzzjoni tagħhom.

4.2.

Madwar 56 % tal-esportazzjonijiet tal-vetturi tar-Renju Unit imorru lejn l-Ewropa; madwar 7 % biss tal-esportazzjonijiet Ewropej tal-vetturi jmorru lejn ir-Renju Unit. Madankollu, id-data għall-kejl tal-funzjonijiet tas-suq kif applikati għall-provvista tal-ispare parts tissuġġerixxi sensiela aktar kumpless ta’ arranġamenti li jeħtieġu reġim regolatorju bla xkiel.

4.3.

Il-KESE jinnota li minkejja l-pubblikazzjoni ta’ din il-proposta, l-effett tagħha ma jistax jiġi vvalutat minħabba l-inċertezza kbira tan-negozjati attwali bejn l-UE u r-Renju Unit.

4.4.

Il-KESE jemmen li l-proposta hija aktar adattata biex jirnexxu n-negozjati għal ftehim bejn il-Gran Brittanja u l-UE li permezz tiegħu jkun hemm ftehim suffiċjenti biex jiġu implimentati miżuri li jippermettu li l-kummerċ iseħħ f’ċerta forma fi ħdan unjoni doganali u/jew suq uniku.

4.5.

Il-KESE jaqbel mal-istqarrija ppubblikata mill-House of Commons (il-ħames rapport tas-sessjoni 2017-2019, bl-isem “The impact of Brexit on the automotive sector” – L-impatt tal-Brexit fuq is-settur tal-karozzi) li tgħid li huwa diffiċli wieħed jara kif jagħmel sens mil-lat ekonomiku li l-manifatturi multinazzjonali tal-volumi – il-biċċa l-kbira tas-settur tal-karozzi tar-Renju Unit –jibbażaw il-produzzjoni fir-Renju Unit f’każ li ma jintlaħaq l-ebda ftehim jew f’każ ta’ tariffi tad-WTO. Għalhekk, f’każ li ma jintlaħaq l-ebda ftehim, ikun jeħtieġ li l-proposta tiġi riveduta b’mod li jiġi żgurat li tkun robusta biżżejjed biex titħejja għal tali sitwazzjoni.

4.6.

Għad ma hemmx qbil s’issa bejn ir-Renju Unit u l-Unjoni Ewropea dwar is-sitwazzjoni eżatta f’dak li jikkonċerna r-rwol futur tal-korp tal-approvazzjoni tat-tip. Il-KESE jemmen li s-soluzzjoni ta’ din il-kwistjoni hija essenzjali jekk irridu li r-reġim regolatorju l-ġdid jagħmel suċċess.

5.   Sfidi

5.1.

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon l-għanijiet tal-proposta, b’mod partikolari l-intenzjoni li jitnaqqsu l-ispejjeż għall-industrija, f’dak li jirrigwarda d-dewmien fil-fruntieri u l-burokrazija mhux meħtieġa, filwaqt li jiġi żgurat li jiġu applikati l-ogħla standards. Madankollu, il-KESE jemmen li t-tilħiq ta’ dawn l-għanijiet huwa sfida enormi, filwaqt li wieħed iżomm f’moħħu li jeħtieġ li tiġi żviluppata sistema regolatorja għalkollox ġdida.

5.2.

Madankollu, il-KESE jinnota wkoll li tali sistema inevitabbilment tikkontribwixxi għal spejjeż ogħla, l-iżjed minħabba li l-Gran Brittanja se ssir Stat mhux membru u bħal pajjiżi oħra li mhumiex membri se jeħtieġ li jkun hemm arranġamenti differenti.

5.3.

Kwistjonijiet koperti taħt ir-regolamenti bħalma huma l-ambjent, id-drittijiet tal-konsumatur, il-kwalità tal-prodotti u l-bqija huma ta’ spiss soġġetti għal liġijiet interni tal-UE ġodda jew mibdula u direttivi attwalment fis-seħħ. Il-KESE jemmen li kemm l-UE kif ukoll ir-Renju Unit se jkollhom jiżguraw li l-ftehim dwar ir-reġim regolatorju se jkun flessibbli biżżejjed biex jimmaniġġja dan, sabiex ikun hemm l-anqas tfixkil possibbli.

5.4.

Fi ħdan l-UE, il-proċess għall-manifattura u d-distribuzzjoni tal-vetturi żviluppt b’mod integrat ħafna. Bħalissa qed joperaw ħafna ktajjen tal-provvista kumplessi u effiċjenti li, fil-fehma tal-esperti kollha u tal-KESE, ser jinbidlu b’mod sinifikanti wara li tintemm l-isħubija tar-Renju Unit fl-UE. Il-KESE huwa wkoll tal-fehma li tali tħarbit se jnaqqas l-effiċjenza ta’ dawn is-sistemi.

5.5.

Minħabba l-għadd kbir ta’ vetturi manifatturati fil-Gran Brittanja u esportati fi ħdan l-UE, il-KESE huwa mħasseb b’mod partikolari li kwalunkwe esklużjoni tar-Renju Unit minn dan is-suq se taffettwa b’mod negattiv il-kompetittività globali, li min-naħa tagħha se żżid l-ispejjeż għas-setturi kollha tal-ekonomija kif ukoll għall-konsumaturi. Għalhekk, jeħtieġ li l-proposta tal-Kummissjoni, li hija favur li dawn l-interessi kollha jiġu protetti, tiżgura li jkun hemm impenn kontinwu fil-konfront ta’ dan u dan għandu jiġi stabbilit fi ftehimiet futuri.

5.6.

Il-kumplessità tat-tibdil propost se jeħtieġ impenji qawwija miż-żewġ naħat biex tiġi pprovduta informazzjoni u programmi ta’ taħriġ komprensivi għall-industrija kif ukoll għal kull aġenzija tal-approvazzjoni tat-tip. Dan jirrappreżenta sfida konsiderevoli mil-lat tar-riżorsi u ser jirrikjedi ammont sinifikanti ta’ żmien. Ir-rekwiżit taż-żmien se jkun partikolarment ta’ sfida minħabba l-iskeda attwali tal-ħruġ tar-Renju Unit kif stipulat skont l-Artikolu 50.

5.7.

Minħabba ż-żmien li qed jieħu l-ftehim innegozjat u ż-żmien meħtieġ biex ikun hemm konformità ma’ sistemi differenti, il-KESE jemmen li se jinħtieġ perjodu ta’ tranżizzjoni wara d-data ta’ Marzu 2019 meta tintemm is-sħubija.

5.8.

Minħabba li r-riżultat favorevoli jkun il-kontinwazzjoni tas-sistema attwali, li tirregola l-moviment tal-vetturi u l-prodotti assoċjati bejn ir-Renju Unit u l-UE, il-KESE jemmen li se jinħtieġ li l-vetturi manifatturati fir-Renju Unit ikunu konformi mar-regolamentazzjoni tal-UE. Għalhekk josserva li, sakemm ir-Renju Unit ma jkunx b’xi mod assoċjat mal-unjoni doganali jew is-suq uniku jew it-tnejn li huma, se jkun estremament diffiċli li tiġi ġestita din il-proposta.

5.9.

Il-KESE jemmen li l-istatus il-ġdid tar-Renju Unit bħala Stat mhux membru se joħloq sfidi kontinwi għar-reġim regolatorju tal-vetturi, u l-magni mobbli u fissi. Għalhekk, in-nuqqas ta’ kapaċità li jiġu indirizzati malajr dawn il-problemi eventwalment se jġiegħel lill-manifatturi jibdlu n-natura tal-katina tal-provvista attwali tagħhom, li jista’ jaffettwa l-kontinwità tal-prodotti disponibbli u jkollha impatt fuq l-ispiża għall-konsumaturi.

Brussell, id-19 ta’ Settembru 2018.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Luca JAHIER


Na vrh