EUR-Lex Dostop do prava EU

Nazaj na domačo stran EUR-Lex

Dokument je izvleček s spletišča EUR-Lex.

Dokument 52018AE2328

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar l-iffaċilitar tat-trasformazzjoni diġitali tal-kura u tas-saħħa fis-Suq Uniku Diġitali, l-għoti tas-setgħa liċ-ċittadini u l-bini ta’ soċjetà aktar b’saħħitha” [COM(2018) 233 final]

EESC 2018/02328

ĠU C 440, 6.12.2018, str. 57–65 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

6.12.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 440/57


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar l-iffaċilitar tat-trasformazzjoni diġitali tal-kura u tas-saħħa fis-Suq Uniku Diġitali, l-għoti tas-setgħa liċ-ċittadini u l-bini ta’ soċjetà aktar b’saħħitha”

[COM(2018) 233 final]

(2018/C 440/09)

Relatur:

Diego DUTTO

Korelatur:

Thomas KATTNIG

Konsultazzjoni

Kummissjoni Ewropea, 18.6.2018

Bażi legali

L-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni responsabbli

Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum

Adottata fis-sezzjoni

4.9.2018

Adottata fil-plenarja

19.9.2018

Sessjoni plenarja Nru

537

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

193/0/3

1.   Konklużjonijiet

1.1.

Matul il-bidliet li jirriżultaw mit-trasformazzjoni diġitali, il-persuni jeħtieġ ikunu fil-qalba tal-kura.

1.2.

Il-proċessi ta’ diġitalizzazzjoni għandhom jgħinu lill-professjonisti fil-kura tas-saħħa jgħaddu aktar ħin mal-pazjenti. Għandu jiġi żgurat li l-professjonijiet tal-kura tas-saħħa jkollhom biżżejjed persunal bi kwalifiki u b’ħiliet diġitali adatti.

1.3.

It-tranżizzjoni diġitali qed tbiddel in-natura tax-xogħol fis-saħħa u l-kura. Kull min hu involut jeħtieġ iħares lejn din it-trasformazzjoni professjonalment u b’moħħ miftuħ biex jintlaħqu standards ta’ kwalità għolja.

1.4.

Id-djalogu soċjali fil-livell Ewropew fir-rigward tal-isptarijiet u l-kura tas-saħħa kif ukoll is-servizzi soċjali jeħtieġ jissaħħu. Hemm bżonn ta’ programmi ta’ taħriġ u edukazzjoni ulterjuri adatti, il-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-kwalità tal-impjiegi jeħtieġ jittejbu u l-protezzjoni tad-data tal-persunal jeħtieġ tiġi msaħħa.

1.5.

Il-KESE huwa konxju li l-Istati Membri huma responsabbli għall-organizzazzjoni u l-provvediment tal-kura tas-saħħa u l-kura soċjali. Skont id-Direttiva dwar id-drittijiet tal-pazjenti fil-qasam tal-kura tas-saħħa transkonfinali (id-Direttiva 2011/24/UE), irid jiġi stabbilit netwerk tal-kura tas-saħħa onlajn (in-netwerk tas-Saħħa-e) sabiex jippromovi l-interoperabbiltà tas-soluzzjonijiet tas-Saħħa-e.

1.6.

L-għodod diġitali għandhom jintużaw bħala effett ta’ lieva għall-iżvilupp ta’ forom ġodda ta’ organizzazzjoni fis-sistemi tas-saħħa u l-kura. Dawn jappoġġjaw il-potenzjal tal-individwi, il-komunitajiet lokali u l-ekonomija soċjali. Permezz ta’ investiment pubbliku adatt, il-valuri tas-solidarjetà u tal-universalità jridu jiġu affermati mill-ġdid bħala l-bażi ta’ dawn is-sistemi.

1.7.

Il-proċessi ta’ diġitalizzazzjoni ma għandhomx jiġu interpretati ħażin bħala pakkett ta’ tfaddil għall-baġits tal-kura tas-saħħa. Dawn ma għandhomx iwasslu għal tnaqqis tal-persunal jew tnaqqis fis-servizzi. Il-kura trid titqies bħala servizz personali u, speċjalment bil-popolazzjonijiet li qed jixjieħu, hemm bżonn jiġu żviluppati kunċetti ġodda ta’ kura fit-tul.

1.8.

Il-KESE jaqbel mal-viżjoni deskritta fil-Komunikazzjoni, jiġifieri l-promozzjoni tas-saħħa, il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-mard, l-għajnuna biex jiġu trattati l-ħtiġijiet mhux indirizzati tal-pazjenti, u l-iffaċilitar għaċ-ċittadini biex ikollhom aċċess ugwali għal kura ta’ kwalità għolja permezz tal-użu adatt tal-innovazzjonijiet diġitali u l-ekonomija soċjali.

1.9.

Il-litteriżmu dwar is-saħħa fil-kuntest soċjali u tas-saħħa jirrigwarda l-kapaċità ta’ persuna li tikseb, tifhem u tuża informazzjoni b’mod responsabbli sabiex tippromovi l-benesseri tagħha u tibqa’ f’saħħitha.

1.10.

Iċ-ċittadini għandu jkollhom id-dritt li jaċċessaw id-data dwar is-saħħa tagħhom. Huma jiddeċiedu jekk jikkondividux id-data tagħhom u meta. Huwa kruċjali li jiġi kkunsidrat ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data li jiggarantixxi liċ-ċittadini kontroll fuq l-użu tad-data personali tagħhom, speċjalment id-data dwar is-saħħa..

1.11.

Il-KESE jissuġġerixxi li “d-dritt għal ikkupjar (b’xejn)” jista’ jkun forma attiva ta’ protezzjoni. Dan jikkonċerna d-data kollha ġġenerata mill-utenti meta jinteraġixxu ma’ pjattaformi diġitali tas-saħħa u jippermetti liċ-ċittadini jerġgħu jużaw id-data tagħhom stess.

1.12.

Id-data oriġinali tal-utenti hija ta’ valur siewi għal algoritmi u pjattaformi; din għandha titqies bħala prodott oriġinali ġġenerat mill-utenti u għandha tkun protetta skont il-liġijiet tal-proprjetà intelletwali.

1.13.

Id-“dritt għall-ikkupjar (b’xejn)” jgħin ukoll fil-ħidma ta’ protezzjoni u promozzjoni tal-kompetizzjoni, li issa qed taffaċċja sfidi kbar mis-sistemi li l-pjattaformi diġitali qegħdin jużaw bħalissa sabiex jesproprjaw id-data u l-istejjer personali.

1.14.

Il-KESE jappoġġja (1) l-proċess ta’ erba’ pilastri għal ħidma konġunta transkonfinali dwar it-trasformazzjoni diġitali tas-saħħa u tal-kura tas-saħħa, inklużi valutazzjonijiet kliniċi konġunti, konsultazzjonijiet xjentifiċi konġunti, l-identifikazzjoni ta’ teknoloġiji emerġenti tas-saħħa u kooperazzjoni volontarja fost l-Istati Membri.

1.15.

Il-KESE jissuġġerixxi li tittieħed azzjoni adatta biex jiġu mistħarrġa oqfsa ġodda etiċi, legali u soċjali li jqisu r-riskji assoċjati mal-estrazzjoni tad-data.

1.16.

Il-KESE jissuġġerixxi li jiġu promossi r-riċerka u l-innovazzjoni dwar l-integrazzjoni ta’ teknoloġiji diġitali sabiex iġeddu l-proċessi tal-kura tas-saħħa, eż. l-intelliġenza artifiċjali, l-Internet tal-oġġetti u l-interoperabbiltà. Il-KESE jagħti l-appoġġ sħiħ tiegħu biex il-pubbliku jkollu aċċess transfruntier sigur għal data affidabbli dwar is-saħħa, sabiex isiru avvanzi fir-riċerka u l-prevenzjoni tal-mard.

1.17.

Il-KESE japprova wkoll l-appoġġ tal-UE lill-impriżi żgħar u medji u ‘l-intrapriżi soċjali li qegħdin jiżviluppaw soluzzjonijiet diġitali għall-kura ċċentrata fuq il-persuna u għar-rispons tal-pazjenti.

1.18.

Il-KESE jappoġġja “l-ibbilanċjar mill-ġdid” tal-asimmetrija soċjoekonomika f’ekonomiji mmexxija mid-data permezz ta’ promozzjoni tal-iżvilupp ta’ pjattaformi siguri u permezz ta’ appoġġ lil organizzazzjonijiet kooperattivi mingħajr skop ta’ qligħ biex jaħżnu, jimmaniġġjaw u jikkondividu kopji diġitali tad-data personali kollha.

2.   Kuntest u kummenti ġenerali

2.1.

Fil-25 ta’ April 2018 il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat il-Komunikazzjoni tagħha dwar it-trasformazzjoni diġitali tal-kura u tas-saħħa fis-Suq Uniku Diġitali (2), li tirrigwarda r-riformi u s-soluzzjonijiet innovattivi meħtieġa biex is-sistemi tal-kura u tas-saħħa jkunu aktar reżiljenti, aċċessibbli u effettivi biex tiġi pprovduta kura ta’ kwalità liċ-ċittadini Ewropej u biex tinħoloq soċjetà aktar b’saħħitha. Meta jkunu mfassla kif suppost u implimentati b’mod kosteffettiv, is-soluzzjonijiet diġitali tal-kura u tas-saħħa jistgħu jtejbu l-benesseri ta’ miljuni ta’ ċittadini u jtejbu radikalment l-effikaċja li biha jitwasslu s-servizzi tal-kura u tas-saħħa lill-pazjenti. Id-diġitalizzazzjoni tista’ tappoġġja l-kontinwità tal-kura bejn il-fruntieri (id-Direttiva 2011/24/UE), fattur importanti għal dawk li jgħaddu xi żmien barra minn pajjiżhom għan-negozju jew għad-divertiment. Id-diġitalizzazzjoni tista’ tgħin ukoll fil-promozzjoni tas-saħħa u l-prevenzjoni tal-mard, inkluża s-saħħa okkupazzjonali fuq il-post tax-xogħol. Tista’ tappoġġja r-riforma tas-sistemi tas-saħħa u t-tranżizzjoni tagħhom lejn mudelli ġodda ta’ kura, ibbażati fuq il-ħtiġijiet tan-nies, u tippermetti bidla minn sistemi ċċentrati fl-isptar għal faċilitajiet ta’ benesseri integrati u bbażati aktar fil-komunità. Matul dawn il-bidliet, irid jiġi żgurat li ċ-ċittadini jkunu fiċ-ċentru tal-kura. Il-proċessi ta’ diġitalizzazzjoni għandhom jgħinu lill-professjonisti fil-kura medika jgħaddu aktar ħin mal-pazjent. Għalhekk, għandu jiġi żgurat li l-professjonijiet tal-kura tas-saħħa jkollhom biżżejjed persunal bi kwalifiki u b’ħiliet diġitali adatti.

2.2.

It-tranżizzjoni lejn il-kura u s-saħħa diġitali qed tibdel in-natura tax-xogħol f’dawn l-oqsma. Dan jista’ jinkiseb biss bi standard ta’ kwalità għolja jekk kull min ikun involut jiffaċċja t-trasformazzjoni b’mod professjonali u b’moħħ miftuħ. Id-djalogu soċjali fis-settur tas-saħħa u s-servizzi soċjali fil-livell Ewropew għandu għalhekk ikompli jissaħħaħ, u għalhekk iridu jiġu żviluppati programmi ta’ taħriġ u ta’ żvilupp ulterjuri adatti, u għandhom jittejbu l-kondizzjonijiet tax-xogħol, b’mod partikolari l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, il-protezzjoni tad-data tal-persunal u l-kwalità tal-impjiegi.

2.3.

Il-Kummissjoni Ewropea tirrimarka li s-sistemi tal-kura u tas-servizzi soċjali tal-Ewropa qed jiffaċċjaw sfidi kbar, bħat-tixjiħ, il-multimorbożità, it-tilqim, nuqqas ta’ professjonisti fil-qasam tal-kura tas-saħħa minħabba kundizzjonijiet diffiċli ta’ xogħol, u l-problema dejjem tikber ta’ mard li ma jitteħidx u li jista’ jiġi evitat u li huwa kkawżat minn fatturi ta’ riskju bħat-tabakk, l-alkoħol u l-obeżità u mard ieħor, fosthom mard newrodeġenerattiv u mard rari. Theddida addizzjonali u li qed tiżdied ġejja mill-mard infettiv minħabba reżistenza akbar għall-antibijotiċi u patoġeni ġodda jew li qegħdin jerġgħu jitfaċċaw. L-ispejjeż pubbliċi relatati mas-saħħa u l-kura fit-tul qed jiżdiedu fl-Istati Membri tal-UE u din ix-xejra hija mistennija li tkompli. Huwa partikolarment importanti li l-ispejjeż assoċjati għandhom jintużaw biex itejbu l-kwalità tax-xogħol għall-professjonisti tal-kura tas-saħħa, filwaqt li tiġi evitata l-promozzjoni ta’ paga baxxa u kundizzjonijiet tax-xogħol onerużi. Bil-popolazzjonijiet li qed jixjieħu, għandhom jiġu żviluppati kunċetti ġodda ta’ kura fit-tul.

2.4.

Anki fejn teżisti, id-data dwar is-saħħa spiss tiddependi fuq teknoloġiji li ma jaħdmux bejniethom, u b’hekk ifixklu l-użu wiesa’ tagħha.

2.5.

Minħabba dan, is-sistemi tas-saħħa huma nieqsa minn informazzjoni essenzjali biex jottimizzaw is-servizzi tagħhom, u l-fornituri tas-servizzi jsibuha diffiċli li joħolqu ekonomiji ta’ skala sabiex joffru soluzzjonijiet diġitali effiċjenti ta’ kura u ta’ saħħa u sabiex jappoġġjaw l-użu transkonfinali tas-servizzi tas-saħħa. Ir-riżultati kwantifikati bbażati fuq id-data dwar is-saħħa għandhom jiġġeneraw għarfien personalizzat dwar is-saħħa u jkunu aċċessibbli għall-prattikanti ġenerali u għall-ispeċjalisti mediċi u x-xjenzati sabiex ikunu jistgħu jaġixxu fuqhom, biex jagħmlu raggruppamenti u mudellar ta’ tbassir u biex jużaw l-aħjar prattiki.

2.6.

Kif juru l-konklużjonijiet tar-rapport dwar L-Istat tas-Saħħa fl-UE, l-użu ta’ data tas-saħħa ffukata fuq il-pazjent għadu mhuwiex żviluppat biżżejjed fl-UE.

2.7.

L-organizzazzjoni u l-provvediment ta’ kura tas-saħħa u kura soċjali huma r-responsabbiltà tal-Istati Membri. F’xi Stati Membri, b’mod partikolari dawk b’sistemi federali, l-awtoritajiet reġjonali huma responsabbli għall-iffinanzjar u l-provvediment tal-kura tas-saħħa.

2.8.

Taħt id-Direttiva dwar id-drittijiet tal-pazjenti fil-qasam tal-kura tas-saħħa transkonfinali (id-Direttiva 2011/24/UE), ġie stabbilit netwerk tal-kura tas-saħħa onlajn (in-netwerk tas-Saħħa-e) sabiex jippromovi l-interoperabbiltà tas-soluzzjonijiet tas-Saħħa-e.

2.9.

Ġew żviluppati wkoll strutturi ta’ kooperazzjoni, bħas-Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni dwar it-Tixjiħ Attiv u b’Saħħtu, il-programm konġunt biex tiġi appoġġjata ħajja attiva u awtonoma (il-Programm dwar il-Ħajja Attiva u Mgħejuna), u s-sħubiji pubbliċi-privati bħall-Inizjattiva dwar Mediċini Innovattivi u l-Inizjattiva “Il-Komponenti u s-Sistemi Elettroniċi għat-Tmexxija Ewropea”. L-istrateġiji ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti reġjonali u nazzjonali wkoll għandhom rwol ċentrali fl-iżvilupp ta’ ekosistemi reġjonali aktar b’saħħithom fil-qasam tal-kura tas-saħħa. Mill-2004 ’l hawn, żewġ Pjanijiet ta’ Azzjoni ta’ Saħħa-e pprovdew qafas ta’ politika għall-Istati Membri u għall-Kummissjoni, u l-Grupp ta’ Partijiet Ikkonċernati tas-Saħħa-e qeda rwol importanti.

2.10.

B’referenza wkoll għall-pożizzjonijiet tiegħu stabbiliti f’opinjonijiet preċedenti (3), il-KESE jqis li l-azzjoni proposta tal-Kummissjoni fi tliet oqsma għandha tkun appoġġjata. Dawn huma: l-aċċess transfruntier sigur – u l-kondiviżjoni – tad-data dwar is-saħħa għall-pubbliku; data affidabbli biex isiru avvanzi fir-riċerka, fil-prevenzjoni tal-mard u fil-kura u s-saħħa personalizzati, u għodod diġitali għall-għoti tas-setgħa liċ-ċittadini u għall-kura ċċentrata fuq il-persuni. Kif intqal aktar ’il fuq, għandu jkun żgurat li l-proċessi ta’ diġitalizzazzjoni ma jiġux interpretati ħażin bħala pakkett ta’ ffrankar għall-baġits tal-kura tas-saħħa u ma jwasslux għal tnaqqis fil-persunal jew tnaqqis ta’ servizzi. Nuqqas ta’ persunal iwassal għal kura fqira u riskju akbar ta’ morbożità. Għandu jitfakkar li t-trasformazzjoni diġitali hija fenomenu bidimensjonali li jinkludi direzzjoni u proċess. F’termini ta’ direzzjoni, niffukaw fuq il-fatturi esterni għall-organizzazzjonijiet, waqt li dejjem inħarsu lejn “dak” li qed tindirizza t-trasformazzjoni. F’termini ta’ proċess, l-enfasi hija fuq il-ħsieb fl-organizzazzjonijiet, b’attenzjoni partikolari dwar “kif” qed issir it-trasformazzjoni diġitali. Għaldaqstant dan l-approċċ għandu assolutament jitqies fl-analiżi tas-suġġett tal-opinjoni sabiex jiġi żgurat approċċ orjentat lejn il-pazjent.

2.11.

Proprju għal din ir-raġuni, il-KESE jinnota, kif għamel fl-Opinjoni preċedenti tiegħu (4), li biex jisfruttaw it-trasformazzjoni diġitali, in-netwerks tal-UE u l-miżuri ta’ appoġġ ippjanati għandhom jużaw għodod diġitali sabiex id-drittijiet fundamentali tagħna f’dak li jirrigwarda l-kura u s-saħħa jiġu implimentati u jissaħħu, mhux jiddgħajfu. L-għodod diġitali għandhom jappoġġjaw l-iżvilupp tal-potenzjal individwali u tal-komunitajiet lokali u tal-ekonomija soċjali; għandhom ikunu lieva b’saħħitha fil-promozzjoni tad-drittijiet u fl-iżvilupp ta’ forom ġodda ta’ organizzazzjoni u governanza għall-kura u s-saħħa; u għandhom jgħinu fl-affermazzjoni mill-ġdid tal-valuri tas-solidarjetà u tal-universalità li huma l-bażi tas-sistema tal-kura tas-saħħa tagħna. Dan għandu jiġi żgurat permezz ta’ investiment pubbliku adatt, kif stipulat f’Opinjoni preċedenti (5).

2.12.

B’konformità mal-opinjonijiet preċedenti, il-KESE jqis li l-aċċess ugwali għall-kura tas-saħħa, li huwa wieħed mill-għanijiet essenzjali tal-politiki tas-saħħa, jista’ jibbenefika mill-appoġġ tad-diġitalizzazzjoni ladarba jiġu rrispettati ċerti kundizzjonijiet:

kopertura territorjali ugwali li tqis żoni li ma tantx jiġu servuti mill-operaturi diġitali (aċċess, broadband);

tnaqqis fid-distakk diġitali fir-rigward tal-użu miċ-ċittadini, mill-professjonisti tas-saħħa, u mill-partijiet involuti fl-iskemi ta’ assigurazzjoni tas-saħħa;

interoperabbiltà bejn id-diversi komponenti tal-arkitettura diġitali (il-bażijiet tad-data, l-apparat mediku) li tiffaċilita l-kontinwità tal-kura f’kull struttura u bejn dawn l-istrutturi;

protezzjoni tad-data tas-saħħa li f’ebda każ ma tista’ tintuża għad-detriment tal-pazjenti;

distribuzzjoni elettronika tal-informazzjoni dwar il-prodott approvata mill-awtoritajiet li jagħtu l-liċenzji għall-mediċini biex jittejjeb l-aċċess (kif intqal f’Opinjoni preċedenti tal-KESE (6)).

2.13.

L-espansjoni rapida tat-telemediċina, tal-oġġetti konnessi u tan-nanoteknoloġiji, tal-bijoteknoloġiji, tal-informatika u tax-xjenzi konjittivi (NBIC) m’għandha qatt twassal biex l-individwi jitqiesu bħala sempliċement iġsma konnessi, li jistgħu jiġu analizzati, ikkontrollati u ssorveljati mill-bogħod minn programm informatiku omnipotenti. L-iżvilupp tekniku tas-saħħa fil-fatt iħeġġeġ l-oppost, jiġifieri iqiegħed mill-ġdid ir-relazzjonijiet interpersonali u r-rabtiet soċjali fiċ-ċentru tal-prattika u tal-kura medika.

3.   L-impatti tat-trasformazzjoni diġitali

3.1.   L-impatt tat-trasformazzjoni diġitali fuq is-saħħa u l-kura

3.1.1.

Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tispjega kif l-UE tista’ tgħin biex jinkisbu l-għanijiet tal-konklużjonijiet tal-Kunsill, b’mod partikolari bl-iżvilupp tal-kooperazzjoni u tal-infrastruttura meħtieġa fl-UE u b’hekk tgħin lill-Istati Membri jirrispettaw l-impenn politiku tagħhom f’dawn l-oqsma. L-azzjonijiet proposti wkoll jappoġġjaw l-impenn tal-Kummissjoni li tikseb il-mira ta’ żvilupp sostenibbli tan-NU li jiġu żgurati ħajjiet b’saħħithom u jiġi promoss il-benesseri għal kulħadd f’kull età u li timplimenta l-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali.

3.1.2.

Il-KESE jaqbel mal-viżjoni deskritta fil-Komunikazzjoni, jiġifieri l-promozzjoni tas-saħħa, il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-mard, l-għajnuna biex jiġu trattati l-ħtiġijiet mhux indirizzati tal-pazjenti, u l-iffaċilitar biex iċ-ċittadini jkollhom aċċess ugwali għal kura ta’ kwalità għolja permezz tal-użu adatt tal-innovazzjonijiet diġitali u l-intrapriżi soċjali.

3.1.3.

Il-KESE jemmen li huwa essenzjali li tiżdied is-sostenibbiltà tas-sistemi Ewropej tal-kura u tas-saħħa, li tgħin fl-immassimizzar tal-potenzjal tas-suq uniku diġitali permezz ta’ użu akbar ta’ prodotti u servizzi diġitali fl-oqsma tal-kura u tas-saħħa. Għan ieħor tal-azzjonijiet proposti għandu jkun l-istimolu tat-tkabbir u l-promozzjoni tal-industrija Ewropea f’dan il-qasam, kif ukoll tan-negozji, kemm dawk bi skop ta’ qligħ kif ukoll dawk mingħajr skop ta’ qligħ, li jfasslu u jiġġestixxu s-servizzi tal-kura u tas-saħħa.

3.1.4.

It-trasformazzjoni diġitali tiffaċilita b’mod partikolari l-aċċess għad-data u l-użu tagħha li jistgħu jgħinu biex jonqsu l-ispejjeż tal-kura tas-saħħa waqt li l-popolazzjoni tkompli tikber u l-istennija tal-għomor tkompli tiżdied, billi jappoġġjaw l-ottimizzazzjoni tal-azzjoni governattiva fil-livell nazzjonali u Ewropew.

3.1.5.

Id-diġitalizzazzjoni tas-saħħa se tikkontribwixxi mhux biss biex jitnaqqas il-ħin mgħoddi fl-isptar, b’impatt pożittiv dirett fuq il-kura tas-saħħa fl-isptarijiet, iżda wkoll se tgħin l-irkupru tal-pazjenti nnifishom. Fil-kuntest ta’ rikonoxximent internazzjonali, l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, f’kooperazzjoni mal-Unjoni Internazzjonali tat-Telekomunikazzjoni (ITU), ipproponiet is-Sett ta’ Għodod għall-Istrateġija Nazzjonali tas-Saħħa elettronika, li essenzjalment jipprovdi metodu biex isiru aġġornamenti u titjib fl-istrateġiji nazzjonali tas-Saħħa elettronika, fil-pjani ta’ azzjoni u fl-oqfsa ta’ monitoraġġ.

3.2.   L-impatt tat-trasformazzjoni diġitali fuq in-nies

3.2.1.

It-trasformazzjoni diġitali tagħti liċ-ċittadini l-opportunità ta’ aċċess wiesa’ għal għarfien, għal infrastruttura u għal servizzi li jkunu personalizzati, innovattivi u aktar effiċjenti dwar il-kura tas-saħħa, u l-opportunità li jikkontribwixxu wkoll – bħala fornituri tas-servizzi, produtturi tal-informazzjoni u produtturi tad-data – sabiex tittejjeb is-saħħa ta’ oħrajn.

3.2.2.

Jista’ wkoll jitqies li ċ-ċittadini għandhom id-dritt għall-aċċess għad-data dwar is-saħħa tagħhom u jiddeċiedu jekk u meta jaqsmu din id-data. Il-KESE jemmen ukoll li huwa kruċjali li jitqies ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data, li daħal fis-seħħ fil-25 ta’ Mejju 2018 u se jiżgura liċ-ċittadini kontroll fuq l-użu tad-data personali tagħhom, inkluża d-data dwar is-saħħa. Barra minn hekk, għandha titqies id-dikjarazzjoni li saret mill-Assoċjazzjoni Medika Dinjija (WMA) dwar kunsiderazzjonijiet etiċi rigward il-bażijiet tad-data tas-saħħa u l-bijobanek fid-Dikjarazzjoni tagħha ta’ Tajpej, adottata mit-53 Assemblea Ġenerali tad-WMA, f’Washington DC, l-Istati Uniti, f’Ottubru 2002, u riveduta mis-67 Assemblea Ġenerali tad-WMA, f’Taipei, it-Tajwan, f’Ottubru 2016.

3.2.3.

F’dan ir-rigward huwa essenzjali li wieħed jindirizza r-riskju ta’ disparità dejjem akbar fil-livelli ta’ litteriżmu diġitali tan-nies. Il-litteriżmu dwar is-saħħa fil-kuntest soċjali u tas-saħħa jirrigwarda l-kapaċità ta’ persuna li tikseb, tifhem u tuża informazzjoni b’mod responsabbli biex tippromovi l-benesseri tagħha u tibqa’ f’saħħitha. Għal dan il-għan, jenħtieġ li jiġi żgurat livell ta’ ħiliet u familjarità mal-għodod il-ġodda li jippermettu lin-nies itejbu l-benesseri tagħhom stess u tal-komunità permezz ta’ miżuri li jtejbu l-istil ta’ ħajja u l-kundizzjonijiet tal-għajxien.

3.2.4.

Peress li l-utenti huma fiċ-ċentru tat-tfassil u tas-servizz, id-data li jiġġeneraw għandha titqies ukoll kruċjali, b’regolamenti xierqa stipulati rigward is-sjieda tad-data u d-dritt tal-utent innifsu u ta’ partijiet oħrajn li jużawha. Il-mistoqsijiet li għandhom isiru huma “min hu sid id-data?”, “min għandu d-dritt jużaha?”“taħt liema kundizzjonijiet jistgħu partijiet oħrajn li jipprovdu xi servizz jużaw id-data?”, “l-utent jista’ juża d-data liberament?”, eċċ. F’dan ir-rigward, għandha ssir distinzjoni ċara bejn it-tipi ta’ data: data mhux ipproċessata, minn naħa, u data ġġenerata minn servizzi ta’ algoritmi u ta’ intelliġenza artifiċjali, min-naħa l-oħra. Jekk parti oħra tiġġenera data aggregata ġdida permezz ta’ algoritmi proprjetarji, kif għandha tiġi ġestita s-sjieda tal-informazzjoni? Kif huma mfassla l-mudelli ta’ negozju biex tiġi ġestita l-preżenza ta’ diversi partijiet ikkonċernati, li kull waħda minnhom tipprovdi parti fundamentali tas-servizz? Għandha ssir distinzjoni wkoll bejn il-mudelli ta’ negozju bbażati fuq is-servizzi biss (aktar tradizzjonali, eż. appoġġ għall-attivitajiet tal-ħajja ta’ kuljum), u dawk ibbażati fuq data ċċentrata fuq il-pazjent bil-possibbiltà li jiġu żviluppati servizzi ġodda f’termini ta’ saħħa telematika (eż. servizzi ta’ prevenzjoni, ta’ appoġġ għat-trattamenti u ta’ adattament).

3.2.5.

Id-data awtentika – jiġifieri, oriġinali – ta’ kull utent hija l-uniku valur utli għall-algoritmi/is-servizzi/il-pjattaformi, li jfisser li tista’/għandha titqies bħala prodott oriġinali ġġenerat mill-utenti (u minnhom u mill-karatteristiċi bijoloġiċi, konjittivi, kulturali u ta’ mġiba tagħhom biss) u bħala tali hija “kontribut oriġinali” li għandu jiġi protett skont regoli simili, għalkemm ibbażati ad hoc fuq il-proprjetà intellettwali. Suġġeriment wieħed jista’ jkun forma attiva ta’ protezzjoni permezz ta’ “dritt għall-ikkupjar (b’xejn)” tad-data kollha ġġenerata mill-utenti meta jinteraġixxu mal-pjattaformi diġitali tas-saħħa, biex ikunu jistgħu jerġgħu jużawha – jekk ikun meqjus xieraq – billi jaggregawha mill-ġdid permezz ta’ servizzi/algoritmi oħrajn. Id-“dritt għall-ikkupjar (b’xejn)” jgħin ukoll bi problema oħra li tinvolvi l-protezzjoni u l-promozzjoni tal-kompetizzjoni, li issa qed tkun ittestjata ferm mis-sistemi li l-pjattaformi diġitali qegħdin jużaw bħalissa – fuq il-bażi ta’ kuntratti jew mod ieħor – sabiex jesproprjaw id-data u l-istejjer personali.

3.2.6.

L-UE nnifisha indirizzat il-kwistjoni msemmija fil-punt 3.2.5 f’diversi okkażjonijiet u f’ċerti każijiet għażlet id-dritt li tagħmel id-data disponibbli (ikkupjar) (ara l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2012/27/UE dwar l-effiċjenza fl-enerġija: “jekk il-klijenti aħħarin jagħmlu talba, id-data mill-arloġġi dwar l-elettriku li jitfgħu (l-input) u li jieħdu (l-off-take) tkun disponibbli għalihom jew għal parti terza li tkun qed taġixxi f’isem il-klijent aħħari f’format li jista’ jiftiehem faċilment li jistgħu jużaw sabiex iqabblu l-ftehimiet b’mod identiku”).

3.2.7.

Il-KESE jissuġġerixxi li tinħoloq infrastruttura tal-IT konnessa biex il-pazjenti b’mard rari jkunu jistgħu jiġu kkuntattjati malajr u jkunu jistgħu jagħmlu d-data medika u dwar is-saħħa tagħhom disponibbli għal riċerka globali mingħajr skop ta’ qligħ. L-Unjoni Ewropea qed tippromovi l-ħolqien ta’ sistema ta’ rekords elettroniċi tas-saħħa billi tappoġġja l-iskambju ta’ informazzjoni u standardizzazzjoni u l-iżvilupp ta’ netwerks għall-iskambju ta’ informazzjoni bejn il-fornituri tal-kura tas-saħħa sabiex jikkoordinaw azzjonijiet f’każ ta’ riskju għas-saħħa pubblika.

3.2.8.

Dan jippermetti lin-nies/liċ-ċittadini/lill-pazjenti/lill-utenti jiksbu lura l-kontroll sħiħ tal-identità diġitali tagħhom. Dan jippermettilhom jipparteċipaw fil-kisba ta’ għarfien miksub mid-data aggregata dwar is-saħħa għal mediċina personalizzata u għall-prevenzjoni, u wkoll biex igawdu minn benefiċċji ekonomiċi konsiderevoli miksuba minn dik id-data aggregata.

3.3.   L-impatt tat-trasformazzjoni diġitali fuq is-sistemi soċjali u tas-saħħa

3.3.1.

Il-KESE jappoġġja (kif jissemma fl-Opinjoni tal-KESE (7)) l-proċess fuq erba’ pilastri għall-ħidma konġunta transkonfinali dwar it-trasformazzjoni diġitali fil-kura u fis-saħħa.

3.3.1.1.

Il-proposta tistabbilixxi grupp ta’ koordinazzjoni, magħmul minn rappreżentanti mill-korpi ta’ Valutazzjoni tat-Teknoloġija tas-Saħħa (HTA) tal-Istati Membri, u tiddeskrivi erba’ pilastri għal kooperazzjoni futura. Il-ħidma konġunta titmexxa mill-Istati Membri permezz tal-grupp ta’ koordinazzjoni u tinkludi:

valutazzjonijiet kliniċi konġunti;

konsultazzjonijiet xjentifiċi konġunti;

identifikazzjoni tat-teknoloġiji tas-saħħa emerġenti;

kooperazzjoni volontarja bejn l-Istati Membri.

3.3.1.1.1.

Il-valutazzjonijiet kliniċi konġunti jikkonċernaw l-aktar teknoloġiji innovattivi li jinkludu: i) mediċini li jkunu għaddejjin mill-proċedura ċentrali ta’ awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq, u ii) ċerti kategoriji ta’ apparat mediku u apparat mediku dijanjostiku in vitro li jagħmilha possibbli li jiġu trattati bżonnijiet mediċi mhux indirizzati, b’impatt potenzjali fuq il-pazjenti, is-saħħa pubblika jew is-sistemi tal-kura tas-saħħa, u b’dimensjoni transfruntiera sinifikanti. Dawn il-valutazzjonijiet jiġu abbozzati u definiti mill-korpi tal-Valutazzjoni tat-Teknoloġija tas-Saħħa tal-Istati Membri, il-kumpaniji farmaċewtiċi jew dawk li jimmanifatturaw (“jiżviluppaw”) l-apparat mediku, il-pazjenti, l-esperti kliniċi u partijiet interessati oħra. Ladarba jiġi vverifikat mill-Kummissjoni, ir-rapport jiġi ppubblikat u mbagħad jintuża mill-Istati Membri.

3.3.1.1.2.

Il-konsultazzjonijiet xjentifiċi konġunti, magħrufa wkoll bħala “djalogi bikrija”, jippermettu lil żviluppatur tat-teknoloġija tas-saħħa jitlob il-parir tal-korpi tal-HTA dwar id-data u l-evidenza li aktarx tkun meħtieġa bħala parti minn valutazzjoni klinika konġunta futura. L-iżviluppaturi jkollhom il-possibbiltà li jitolbu konsultazzjoni xjentifika konġunta lill-grupp ta’ koordinazzjoni. Ladarba jiġu approvati mill-grupp ta’ koordinazzjoni, ir-rapporti dwar il-konsultazzjoni xjentifika konġunta jiġu indirizzati lill-iżviluppatur tat-teknoloġija tas-saħħa, iżda ma jiġux ippubblikati.

3.3.1.1.3.

“L-iskenjar tal-orizzont”, jew l-identifikazzjoni ta’ teknoloġiji tas-saħħa emerġenti (teknoloġiji tas-saħħa li għadhom ma ġewx adottati fis-sistema tal-kura tas-saħħa), jgħin biex jiġi żgurat li t-teknoloġiji tas-saħħa li huma mistennija li jkollhom impatt kbir fuq il-pazjenti, is-saħħa pubblika jew is-sistemi tal-kura tas-saħħa jiġu identifikati fi stadju bikri fl-iżvilupp tagħhom u inklużi fix-xogħol konġunt.

3.3.1.1.4.

L-Istati Membri jkollhom il-possibilità li jkomplu l-kooperazzjoni volontarja fil-livell tal-UE f’oqsma mhux koperti minn kooperazzjoni obbligatorja. Fost affarijiet oħrajn, dan jippermetti l-possibbiltà li jsiru HTAs fuq teknoloġiji tas-saħħa oħrajn li mhumiex prodotti mediċinali jew apparat mediku (bħal proċeduri kirurġiċi), kif ukoll il-valutazzjoni ta’ aspetti mhux kliniċi (pereżempju, l-impatt tal-apparat mediku fuq l-organizzazzjoni tal-kura).

3.3.2.

L-użu ta’ soluzzjonijiet tal-kura tas-saħħa ġodda megħjun mit-trasformazzjoni diġitali jqajjem għadd ta’ kwistjonijiet multidixxiplinari importanti, fosthom kwistjonijiet etiċi, legali u soċjali. Għalkemm diġà jeżisti qafas legali għall-protezzjoni tad-data u għas-sigurtà tal-pazjenti, hemm bżonn li jiġu indirizzati kwistjonijiet oħra, bħall-aċċess għall-broadband, ir-riskji assoċjati mal-estrazzjoni tad-data u t-teħid awtomatiku tad-deċiżjonijiet, l-iżgurar ta’ standards u leġislazzjonijiet xierqa għal kwalità adegwata ta’ servizzi tas-Saħħa-e jew tas-Saħħa-m, u aċċessibbiltà u kwalità tas-servizzi. Bl-istess mod, fil-livell tas-servizzi, għalkemm hemm regoli fil-livell tal-UE u f’dak nazzjonali li jirregolaw l-akkwist pubbliku, il-kompetizzjoni u s-suq intern, għandhom jiġu diskussi u adottati approċċi ġodda li jikkunsidraw it-trasformazzjoni diġitali.

3.3.3.

It-trasformazzjoni diġitali se tinvolvi riorganizzazzjoni tas-sistema tal-kura tas-saħħa, b’modi u standards ġodda biex jingħataw servizzi (eż. bl-użu ta’ robots flimkien mal-persuni li joffru l-kura). Barra minn hekk, il-persuni li jaħdmu fis-servizz tal-kura jeħtieġ isegwu programmi ta’ taħriġ adatti u speċifiċi (eż. inklużi dwar il-kuntest soċjali, mediku u tekniku), u jeħtieġ jitħejjew għal profili tax-xogħol ġodda u trasformazzjonijiet fl-ambjent tax-xogħol. Dan ser iwassal għad-definizzjoni ta’ mudelli ta’ servizz ġodda, politiki ta’ appoġġ, ċertifikazzjonijiet u standards adattati għall-introduzzjoni ta’ servizzi u teknoloġiji diġitali f’kuntesti reali u swieq tal-kura. Id-disinn u l-iżvilupp tagħhom għandu jsegwi l-prinċipji tad-disinn iċċentrat fuq l-utent, tal-inġinerija bbażata fuq il-faċilità tal-użu, tad-disinn universali, eċċ. filwaqt li l-utenti u l-ħtiġijiet tagħhom ikunu fil-qalba tal-proċess u jiġu evitati d-disparità diġitali u l-esklużjoni tal-persuni mis-servizzi.

3.3.4.

Il-KESE japprova l-isforzi tal-Kummissjoni biex tappoġġja l-iżvilupp u l-adozzjoni tal-format ta’ skambju tar-rekords elettroniċi dwar is-saħħa Ewropej u li tiżviluppa miżuri ta’ identifikazzjoni u awtentikazzjoni komuni, kif stabbilit fl-Artikolu 14(2) tad-Direttiva 2011/24/UE.

3.4.   L-impatt tat-trasformazzjoni diġitali fuq is-suq diġitali

3.4.1.

L-isfida hija dik ta’ “l-ibbilanċjar mill-ġdid tal-asimmetrija soċjoekonomika f’ekonomija xprunata mid-data” (8) permezz ta’:

dritt legali għal kopja diġitali tad-data personali kollha (medika u mhux medika); il-portabbiltà tad-data (l-Artikolu 20, Direttiva tal-UE dwar il-Protezzjoni tad-Data);

pjattaforma sigura fejn in-nies jistgħu jaħżnu, jiġġestixxu u jikkondividu b’mod attiv data fuq il-kundizzjonijiet tagħhom stess;

struttura organizzattiva kooperattiva ta’ pjattaformi tad-data personali mhux bi skop ta’ qligħ sabiex ikunu proprjetà taċ-ċittadini;

dħul finanzjarju minn użu sekondarju ta’ data kkontrollat miċ-ċittadini investit fi proġetti u servizzi li jkunu ta’ benefiċċju għall-membri u għas-soċjetà inġenerali.

3.4.2.

Il-valutazzjonijiet kliniċi konġunti jiffaċilitaw aċċess aktar mgħaġġel, jevitaw id-duplikazzjoni fil-livell nazzjonali u jipprovdu konsistenza, ċarezza u prevedibbiltà akbar għal kull min ikun involut fil-proċess. L-industrija tal-apparat mediku b’mod ġenerali hija aktar xettika dwar il-proposta. Il-kooperazzjoni obbligatorja fil-valutazzjonijiet kliniċi tal-HTA tista’ tnaqqas l-aċċess għas-suq għall-apparat minflok tissemplifikah.

3.4.3.

Peress li qed jiżdied id-dħul ta’ apparat mobbli, is-soluzzjonijiet tas-Saħħa-e jew tas-Saħħa-m se joffru servizzi ġodda bi proċessi ottimizzati. Il-proċessi se jinkludu l-iffaċilitar tal-mobilità għall-professjonisti tal-kura u tas-saħħa.

3.4.4.

It-trasformazzjoni diġitali se tippromovi l-iżvilupp ta’ mudelli ta’ negozju aġli ġodda, trawwem il-parteċipazzjoni fin-negozju minn diversi partijiet ikkonċernati u toħloq benefiċċji mill-kwantifikazzjoni tal-esperjenzi tal-utenti. Is-suċċess tagħha jiddependi fuq li tkun iċċentrata fuq il-klijent (jew fuq l-utent), sabiex tiżgura li l-perspettiva tal-utent tkun ikkunsidrata mill-bidu nett tal-proċess tad-disinn (ħsieb tad-disinn).

3.4.5.

It-trasformazzjoni diġitali se tippermetti l-użu mifrux ta’ data tas-saħħa u data soċjali, filwaqt li trawwem l-integrazzjoni tas-sistemi u tal-apparat flimkien mas-servizzi tat-tagħlim awtomatiku u mal-ħtieġa tal-interoperabbiltà u l-kapaċità ta’ interazzjoni (M2M) li jeħtieġ iqisu l-varjetà ta’ ħtiġijiet u preferenzi tal-utenti, l-iżvilupp ta’ sistemi “validi għall-futur”, il-possibbiltà ta’ integrazzjoni ma’ infrastruttura eżistenti u ma’ fornituri ta’ servizzi lokali, u kwalunkwe teknoloġiji u servizzi li joħolqu tfixkil jew li mhumiex ippjanati fir-rigward ta’ rekwiżiti ġodda ta’ standardizzazzjoni.

3.4.6.

Teknoloġiji abilitanti essenzjali ġodda, bħall-5G, se joħolqu opportunitajiet għal prodotti u servizzi tal-broadband mobbli msaħħa, u b’hekk jappoġġjaw l-użu ta’ miljuni ta’ konnessjonijiet għall-apparat tal-Internet tal-Oġġetti (IoT) fuq skala massiva. Bil-proliferazzjoni tal-5G u tal-IoT, l-istrateġiji tat-trasformazzjoni diġitali huma kruċjali għal ħafna partijiet ikkonċernati li jaġixxu fil-qasam tal-kura tas-saħħa, b’mod partikolari peress li mġiba u ħtiġijiet ġodda tal-konsumaturi se jeħtieġu offerti diġitalizzati ġodda.

3.4.7.

Il-KESE jappoġġja servizzi relatati ma’: l-informazzjoni dwar is-saħħa, il-prevenzjoni tal-mard, l-iżvilupp ta’ sistemi ta’ telekonsulenza, il-preskrizzjonijiet onlajn, ir-riferimenti, u r-rimborż ta’ spejjeż mediċi. Il-pjattaformi eżistenti bħal Alfred, Big White Wall, Medicine Patient Portal, Empower eċċ. jistgħu jitqiesu li jiffaċilitaw it-trasformazzjoni diġitali fis-suq uniku diġitali. Huwa interessanti li, fid-29 ta’ Mejju 2018, tħabbar li l-Cloud Ewropew tax-Xjenza Miftuħa kien se jappoġġja lix-xjenza tal-UE fl-ogħla pożizzjoni billi joħloq ambjent fdat fejn tiġi ospitata u pproċessata data ta’ riċerka. Il-Cloud għandu jkun federazzjoni pan-Ewropea wiesgħa ta’ infrastrutturi eżistenti u emerġenti eċċellenti li tirrispetta l-mekkaniżmi ta’ governanza u finanzjament tal-partijiet komponenti tagħha; is-sħubija f’din il-federazzjoni tkun volontarja; u l-istruttura ta’ governanza tinkludi l-ministeri tal-Istati Membri, il-partijiet ikkonċernati u x-xjenzati.

3.5.   L-impatt tat-trasformazzjoni diġitali fuq il-fornituri tas-servizz

3.5.1.

F’dan il-kuntest, il-KESE jaqbel dwar dawn l-għanijiet li ġejjin:

enfasi fuq dawk li jipprovdu l-kura tas-saħħa;

enfasi fuq il-pazjenti meta jidħlu fis-sistema tal-kura tas-saħħa;

trasferiment ta’ data effiċjenti fil-kura primarja (Saħħa-e, Dossier Elettroniku tal-Pazjent/EPD);

pazjenti jagħtu l-kunsens tagħhom biex id-data dwarhom tintuża għar-riċerka; inċentivi biex tingħata data addizzjonali (Saħħa-m);

tnaqqis tad-diffikultajiet biex il-pazjenti jiġu involuti fir-riċerka.

3.5.2.

Studji teknoloġiċi, soċjali u ekonomiċi reċenti jenfasizzaw li l-intelliġenza artifiċjali, l-Internet tal-Oġġetti u r-robotika se jagħmluha possibbli li jiġu ddisinjati u żviluppati approċċi ġodda fl-oqsma tal-mediċina personalizzata u ta’ preċiżjoni, tal-fraġilità konjittiva u tar-robotika kooperattiva. L-adozzjoni tagħhom fil-kura tas-saħħa se tfisser l-adattament u l-iżvilupp tal-proċessi kollha relatati mad-disinn, il-provvediment u l-evalwazzjoni tas-servizzi. F’dan il-kuntest, it-trasformazzjoni diġitali tirrappreżenta fattur fundamentali iżda wkoll abilitanti (jew “aċċeleratur”) fl-integrazzjoni ta’ teknoloġiji innovattivi fil-qasam tal-kura tas-saħħa.

3.5.3.

It-trasformazzjoni diġitali għandha l-potenzjal li tagħmel disponibbli ammont kbir ta’ data li tippermetti l-investigazzjoni u l-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet ta’ servizzi ġodda u ambizzjużi bbażati fuq l-intelliġenza artifiċjali. Dan jista’ jkun il-bażi għall-ħolqien ta’ qafas biex jiġi kkwantifikat mard kroniku b’mod oġġettiv u jiġu identifikati opportunitajiet ta’ dijanjożi bikrija u monitoraġġ tat-terapiji. Barra minn hekk, l-avvanzi reċenti fl-intelliġenza artifiċjali se jieħdu vantaġġ mid-disponibilità tad-data sabiex jiġu żviluppati sistemi li jistgħu jitgħallmu u mbagħad jadattaw għall-modi li bihom jevolvi l-mard.

3.5.4.

L-użu mifrux ta’ data, u l-kapaċità tal-partijiet interessati biex jużawhom u jittrasformawhom skont il-ħtiġijiet tal-utenti, joħloq xenarji ġodda għall-kondiviżjoni tad-data, l-għarfien u l-għarfien espert, kif diġà appoġġjat permezz tan-Netwerks ta’ Referenza Ewropej, li jipprovdu struttura ta’ governanza għall-kondiviżjoni tal-għarfien u għall-koordinazzjoni tal-kura madwar l-UE fil-qasam tal-mard rari. Jekk post speċifiku (żona jew pajjiż) ma jkollux għarfien espert f’marda speċifika, in-netwerk jista’ jgħin lit-tobba jiksbu informazzjoni minn ċentri ta’ għarfien espert oħrajn f’postijiet oħrajn. Bl-istess mod, l-isptarijiet madwar l-Ewropa kollha jistgħu jużaw is-sistemi ta’ konnessjoni diġitali sabiex jaqsmu l-għarfien u jipprovdu appoġġ lil xulxin.

3.5.5.

Konsegwenza waħda ovvja tal-punti preċedenti hija li ċ-ċibersigurtà hija prijorità ewlenija. Kif indikat f’rapport tal-ENISA (Ir-Rapport dwar ix-Xenarju tat-Theddid tal-ENISA 2017: l-ogħla 15-il-Theddida u Tendenza Ċibernetika, Aġenzija tal-Unjoni Ewropea dwar is-Sigurtà tan-Netwerks u l-Informazzjoni), il-kumplessità tal-attakki u s-sofistikazzjoni ta’ azzjonijiet malizzjużi fiċ-ċiberspazju qed ikomplu jiżdiedu. Fix-xenarju tal-kura tas-saħħa, fejn bosta sistemi pervażivi huma konnessi u assi sinifikanti jinsabu f’riskju, pereżempju l-ħajja tal-pazjenti, informazzjoni personali sensittiva, riżorsi finanzjarji, eċċ., is-sigurtà tal-informazzjoni hija kwistjoni ewlenija. Fil-kuntest tat-trasformazzjoni diġitali, jenħtieġu metodi ġodda u gwida għall-immudellar tal-oqfsa ta’ valutazzjoni taċ-ċibersigurtà, ta’ kontromiżuri organizzattivi u tal-konformità tal-interoperabbiltà bbażati fuq iċ-ċibersigurtà.

3.5.6.

Il-KESE japprova wkoll l-appoġġ tal-UE lill-impriżi żgħar u medji li qegħdin jiżviluppaw soluzzjonijiet diġitali għall-kura ċċentrata fuq il-persuna u r-rispons tal-pazjenti. Il-kooperazzjoni naturalment se tinvolvi lill-awtoritajiet pubbliċi u partijiet ikkonċernati oħrajn impenjati biex jippromovu prinċipji kondiviżi jew rikonoxxuti reċiprokament għall-validazzjoni u ċ-ċertifikazzjoni ta’ soluzzjonijiet diġitali għall-adozzjoni fis-sistemi tas-saħħa (pereżempju, Saħħa-m u għajxien indipendenti).

3.5.7.

Il-KESE jemmen ukoll li l-inizjattivi preċedenti biex jinħarġu kards tal-kura tas-saħħa mill-Istati Membri Ewropej jridu jkomplu taħt il-priżma tat-trasformazzjoni diġitali tal-kura u tas-saħħa fis-suq diġitali. Minħabba n-natura sensittiva tad-data medika li tista’ tinħażen f’kards tas-Saħħa-e bħal dawn, huma jridu joffru protezzjoni soda tal-privatezza.

Brussell, id-19 ta’ Settembru 2018.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Luca JAHIER


(1)  ĠU C 283, 10.8.2018, p. 28.

(2)  COM(2018) 233 final.

(3)  ĠU C 434, 15.12.2017, p. 1; ĠU C 13, 15.1.2016, p. 14, u ĠU C 458, 19.12.2014, p. 54.

(4)  ĠU C 434, 15.12.2017, p. 1.

(5)  ĠU C 173, 31.5.2017, p. 33

(6)  ĠU C 13, 15.1.2016, p. 14.

(7)  ĠU C 283, 10.8.2018, p. 28.

(8)  Forum Ekonomiku Dinji – Ir-Rapport dwar it-Teknoloġija tal-Informatika Globali 2014.


Na vrh