EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document C2018/065/07

Sejħa għall-Proposti — L-Istitut tal-Bank Ewropew tal-Investiment jipproponi sponsorship ġdid ta’ EIBURS taħt il-Programm ta’ Tagħrif tiegħu

ĠU C 65, 21.2.2018, p. 21–25 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

21.2.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 65/21


Sejħa għall-Proposti

L-Istitut tal-Bank Ewropew tal-Investiment jipproponi sponsorship ġdid ta’ EIBURS taħt il-Programm ta’ Tagħrif tiegħu

(2018/C 65/07)

Il-Programm ta’ Tagħrif tal-Istitut tal-Bank tal-Investiment Ewropew jiffinanzja l-għotjiet għar-riċerka tiegħu permezz ta’ skemi differenti. Waħda minnhom hija:

EIBURS, il-Programm ta’ Sponsorship għar-Riċerka Universitarja tal-BEI (EIB University Research Sponsorship Programme)

EIBURS jipprovdi għotjiet lil dipartimenti universitarji jew ċentri ta’ riċerka assoċjati ma’ universitajiet fl-UE, f’pajjiżi kandidati jew f’pajjiżi kandidati potenzjali li jkunu qegħdin jaħdmu fuq suġġetti ta’ riċerka li huma ta’ interess kbir għall-Bank. L-isponsorships tal-EIBURS, li jilħqu mal-EUR 100 000 fis-sena għal perjodu ta’ tliet snin, jingħataw permezz ta’ proċess kompetittiv lil dipartimenti universitarji interessati jew ċentri ta’ riċerka b’ħila esperta rikonoxxuta fil-qasam magħżul. Proposti li jirnexxu jinvolvu t-twettiq ta’ diversi riżultati li jkunu soġġetti għal ftehim kuntrattwali mal-Bank Ewropew tal-Investiment.

Għas-sena akkademika 2018/2019, il-programm EIBURS qiegħed ifittex proposti fuq tema ta’ riċerka ġdida:

“Titjib tal-kejl tal-effetti indiretti ta’ proġetti ta’ investiment: speċifikazzjoni u kkalibrar tal-metodi ta’ EIA sabiex tiġi mmassimizzata l-kumpatibbiltà ma’ CBA”

1.   Sfond għas-suġġett tar-riċerka

Il-BEI (“il-Bank”) jevalwa l-vijabbiltà soċjoekonomika tal-proġetti li jinvesti fihom, l-aktar permezz ta’ Analiżi tal-Kostijiet-Benefiċċji (Cost Benefit Analysis - CBA) (1). Din it-teknika tista’ tiġi deskritta bħala estensjoni tal-pjan ta’ negozju ta’ operazzjoni ta’ investiment. Il-pjan ta’ negozju jiffoka fuq il-flussi finanzjarji ta’ proġett. Dan iħares lejn il-valur finanzjarju, jew fi flus kontanti, tal-infiq (kosti) u d-dħul (benefiċċji). Jekk dan tal-aħħar ikun ogħla biżżejjed minn dak tal-ewwel, l-investiment iżid valur finanzjarju u għalhekk jitqies li huwa operazzjoni mixtieqa f’termini finanzjarji.

CBA tespandi fuq dan billi twessa’ d-definizzjoni ta’ kosti u benefiċċji tal-proġett, f’żewġ aspetti. L-ewwel nett, tinkludi l-kosti u l-benefiċċji kollha, kemm jekk jieħdu l-forma ta’ flussi finanzjarji jew mod ieħor. It-tieni nett, tikkontablizza l-kosti dovuti lill-membri kollha tas-soċjetà, u mhux biss dawk dovuti lill-investitur privat.

Dan jinvolvi li wieħed iħares lejn ħafna elementi addizzjonali minbarra dawk inklużi fi pjan ta’ negozju. Forsi l-element ġdid li huwa l-aktar magħruf fosthom huwa dak imsejjaħ “esternalitajiet”. Dawn huma kosti jew benefiċċji li ma jintrefgħux mill-produtturi jew utenti ta’ proġett, iżda minn terza persuna. L-esternalitajiet jissejħu pożittivi jew negattivi skont jekk ikunux jikkonsistu f’benefiċċju jew kost għat-terza persuna. Eżempju komuni ta’ esternalità pożittiva jikkonsisti fl-effetti tal-fawrien tat-tagħrif, meta proġett li jinvesti fir-riċerka f’settur partikolari tal-ekonomija, jipproduċi tagħrif li jtejjeb ukoll il-produttività f’setturi oħrajn tal-ekonomija. Eżempju tipiku ta’ esternalità negattiva huwa t-tniġġis tal-ambjent. L-esternalitajiet b’hekk huma benefiċċji jew kosti dovuti lil partijiet barra mill-pjan tan-negozju, u li ġeneralment ma jieħdux il-forma ta’ flussi finanzjarji, għalkemm jista’ jkollhom implikazzjonijiet finanzjarji għat-terza persuna. Għalhekk, pereżempju, esternalità pożittiva ta’ tagħrif tista’ tbaxxi l-kosti operattivi f’industriji oħrajn.

Elementi oħrajn ikkunsidrati minn CBA u mhux minn pjan ta’ negozju huma bidliet fil-valur għall-flus (imkejla formalment permezz ta’ surplus għall-klijenti) offruti lill-konsumatur. Il-pjan ta’ negozju jkejjel l-element ta’ flus, iżda jħalli barra l-element tal-valur. Jekk proġett iżid il-kwalità ta’ prodott li madankollu jinbiegħ lill-pubbliku bl-istess prezz bħal qabel il-proġett, il-pjan ta’ negozju jkun qiegħed jinjora l-benefiċċji li jieħdu l-forma ta’ kwalità ogħla, u b’hekk valur, għall-konsumatur. CBA tipprova taqbad din il-bidla fil-valur. Dan il-ħin huwa benefiċċju għal waħda mill-partijiet fil-pjan ta’ negozju (il-konsumatur), iżda jinqabadx mill-kejl ta’ benefiċċju użat fi pjan ta’ negozju. Eżempju użat ħafna huwa l-valur li l-vjaġġaturi jpoġġu fuq il-ħin tal-ivvjaġġar li jirriżulta minn proġetti ta’ trasport.

Implikazzjoni tat-teħid tal-perspettiva tal-membri kollha tas-soċjetà hija li CBA trid tħares lejn ċerti flussi finanzjarji b’mod differenti minn pjan ta’ negozju. Għalhekk, pjan ta’ negozju jittratta sussidju bl-istess mod bħal benefiċċju - dħul ta’ flus fil-proġett. CBA tirrikonoxxi li dan it-tip ta’ benefiċċju għall-produttur jikkostitwixxi kost għall-kontribwent, u b’hekk tittratta s-sussidju bħala trasferiment mill-kontribwent għall-promotur privat, la bħala benefiċċju u lanqas bħala kost. Bl-istess mod, il-pjanijiet ta’ negozju jittrattaw it-taxxi mħallsa bħala ekwivalenti għal kost – ħruġ ta’ flus mill-proġett – waqt li jittrattawhom bħala trasferiment mis-settur privat għall-Istat.

Il-kritiċi tas-CBA spiss isemmu li t-teknika ma jirnexxiliex taqbad il-benefiċċji u l-kosti kollha ta’ proġett. B’mod partikolari, spiss hija kkritikata talli tħalli barra dawk li fil-letteratura tas-CBA huma magħrufa bħala “effetti indiretti”. Dawn huma benefiċċji monetarji u kosti li l-proġett jikkawża fi swieq oħrajn relatati mal-proġett – l’hekk imsejħa “swieq sekondarji.” Dawn l-effetti jistgħu jiġu ttikkettjati b’mod differenti fil-letteratura tal-impatt ekonomiku. Tabilħaqq, l-indirizzar tad-differenzi fit-terminoloġija huwa parti mill-ambitu tal-proġett ta’ riċerka propost hawnhekk.

Il-metodi ta’ CBA jikklassifikaw is-swieq sekondarji f’kumplimenti u sostituti. Proġett li jikkonsisti fit-titjib tal-produttività tat-tkabbir tal-larinġ, biex b’hekk jitnaqqas il-prezz tal-larinġ, jista’ jkun ta’ benefiċċju għal industrija kumplimentari, bħal dik tal-meraq tal-larinġ ippakkjat. CBA ma tħarisx lejn il-bejgħ u l-profitti akbar tas-suq tal-meraq tal-larinġ ippakkjat, u b’hekk jista’ jingħad li tħalli parti mill-benefiċċju tal-proġetti barra. Fl-istess ħin, il-prezz aktar baxx tal-larinġ jagħmel ħsara lill-bejgħ tat-tuffieħ, settur sostitut. Il-profitti aktar baxxi tal-kultivaturi tat-tuffieħ allegatament ma jiġux ikkunsidrati f’CBA.

Fil-fatt, CBA taqbad dawn l-effetti kollha meta s-swieq għall-prodotti kumplimentari u sostituti ma jkunux distorti (2). M’għandniex xi ngħidu, is-swieq spiss ikunu distorti, u għalhekk CBA tirriskja li tħalli barra porzjon ta’ dawn l-effetti. L-approċċ prammatiku meħud fil-prattika ta’ CBA b’hekk huwa doppju. L-ewwel nett, il-benefiċċji u l-kosti matul id-diversi swieq sostituti u kumplimentari għandhom tendenza li jikkanċellaw lil xulxin. It-tieni nett, proġett li jiddependi fuq benefiċċji fi swieq sekondarji għall-vijabbiltà soċjoekonomika tiegħu ġeneralment ikun proġett dgħajjef: proġetti u politiki alternattivi aktarx li jiġġeneraw dawk il-benefiċċji b’mod aktar effettiv. Xorta waħda, waqt li approġġ prammatiku bħal dan ġeneralment jitqies li huwa raġonevoli, ċertament hemm difett potenzjali f’CBA fir-rigward ta’ effetti indiretti.

Il-kritiċi tas-CBA jindikaw ukoll li l-infiq assoċjat ma’ proġett jiskatta effetti multiplikaturi fl-ekonomija kollha, biex b’hekk jiġġenera profitti, dħul ta’ taxxa u impjiegi f’setturi oħrajn. Dan l-effett imur lil hinn mill-effetti ta’ proġett fuq is-swieq sostituti u kumplimentari li għadhom kemm ġew deskritti, u huwa relatat mal-infiq ta’ flus attwali assoċjat mal-proġett. Il-kritiċi tas-CBA jipproponu stima tal-impatt ekonomiku (economic impact assessment - EIA) bħala kumpliment għas-CBA, jew anki bħala alternattiva. Iżda l-kritika hija bbażata fuq nuqqas ta’ fehim tan-natura u l-objettivi differenti ta’ CBA u EIA. CBA hija applikazzjoni tal-ekonomija tal-welfare għal teħid ta’ deċiżjonijiet prattiċi. Din tħares lejn il-benefiċċji u l-kosti kollha u tkejjel jekk linja ta’ azzjoni waħda żżidx valur fuq il-linja ta’ azzjoni alternattiva, biex b’hekk tipproduċi titjib fil-welfare soċjali. Hija mmirata lejn it-teħid ta’ deċiżjonijiet u bħala tali dejjem tqabbel żewġ linji ta’ azzjoni alternattivi sabiex iddaħħal il-kosti tal-opportunità fl-eżerċizzju. L-EIA tkejjel biss varjabbli monetizzati u ma tagħmilx referenza neċessarjament għall-kosti tal-opportunità. Primarjament hija għodda ta’ kejl. Tista’ tintuża għat-teħid ta’ deċiżjonijiet iżda għandha fokus aktar dejjaq minn dak meħtieġ mill-ekonomija tal-welfare.

EIA hija bbażata fuq tabelli ta’ input u output, u timmudella l-ekonomija sħiħa billi tkejjel kif l-infiq fi kwalunkwe settur individwali tal-ekonomija jaffettwa l-infiq f’setturi oħrajn. B’hekk jidher li l-EIA tindirizza simultanjament il-kwistjonijiet ta’ effetti indiretti u multiplikaturi. Iżda l-EIA għandha tliet karatteristiki li ma jagħmluhiex xierqa bħala sostitut jew anki bħala kumpliment għal CBA. Dawn it-tliet nuqqasijiet huma indirizzati wara xulxin.

L-ewwel waħda minn dawn it-tliet karatteristiki hija li l-EIA tassumi li investimenti huma flussi eżoġeni fl-ekonomija. Din tista’ tkun preżunzjoni aċċettabbli jekk wieħed iħares lejn kif proġett għandu impatt fuq l-ekonomija, jew kif l-infiq relatat mal-proġett jitkattar fl-ekonomija. Iżda mhuwiex xieraq bħala kejl ta’ jekk proġett iżidx valur, i.e. jekk huwiex użu aħjar ta’ riżorsi mill-użu li jingħata lil dawk ir-riżorsi fin-nuqqas tal-proġett. Proġetti ta’ investiment ftit li xejn huma eżoġeni: dawn iridu jiġu ffinanzjati permezz ta’ diverżjoni ta’ riżorsi minn oqsma oħrajn tal-ekonomija.

Jekk proġetti jiġu ttrattati bħala endoġeni dan jagħti riżultati radikalment differenti. Fl-aktar forma sempliċi, l-effetti multiplikaturi tal-proġett tal-larinġ jiġu għad-detriment tal-effetti multiplikaturi li jseħħu f’dawk is-setturi l-oħrajn fejn l-infiq irid jitnaqqas sabiex ikun hemm diverżjoni ta’ riżorsi għall-proġett tal-larinġ.

It-tieni mit-tliet karatteristiki li tbiegħed l-EIA mis-CBA hija li l-EIA tassumi li l-prezzijiet ma jinbidlux fl-ekonomija u li d-disponibbiltà ta’ riżorsi hija prattikament infinita. EIA hija mibnija b’tali mod li, irrispettivament kemm ikun kbir proġett meta mqabbel mad-daqs tal-ekonomija, dejjem ser ikun hemm riżorsi suffiċjenti biex jiġi implimentat mingħajr ma jinbidlu l-prezzijiet fl-ekonomija. Iżda fir-realtà, proġetti kbar fil-fatt ibiddlu l-prezzijiet, u l-prezzijiet ogħla ta’, ngħidu aħna, l-inputs, ifissru li l-produzzjoni f’setturi oħrajn ikollha titnaqqas.

Sabiex tindirizza l-ewwel żewġ nuqqasijiet tal-EIA, il-komunità akkademika żviluppat mudelli ta’ ekwilibriju ġenerali komputabbli (computable general equilibrium - CGE) bħala metodu aktar avvanzat ta’ EIA. Din it-teknika hija pjuttost elaborata u fl-aħħar mill-aħħar tikkonsisti fl-immudellar tal-ekonomija kollha, inklużi wkoll restrizzjonijiet ta’ riżorsi. Billi jagħmlu hekk, il-mudelli CGE jindirizzaw iż-żewġ żvantaġġi tal-EIA tradizzjonali diskussa s’issa. L-ewwel nett, CGE jirrikonoxxi li riżorsi ddedikati għal proġett ta’ investiment mhumiex eżoġeni iżda jiġu għad-detriment ta’ użu alternattiv ta’ riżorsi. It-tieni nett, jindirizzaw ukoll tibdil fil-prezzijiet (3). Mhuwiex sorprendenti li riżultanza komuni ta’ studji empiriċi magħmula b’dawn il-mudelli hija li l-effetti multiplikaturi huma sostanzjalment iktar baxxi minn dawk misjuba minn EIA. Madankollu, l-istudji ta’ CGE juru li skont il-produttività ta’ setturi differenti u l-limitazzjonijiet ta’ riżorsi li jiffaċċjaw, l-effett nett ta’ proġett jista’ jkun negattiv fuq l-ekonomija bħala ħaġa sħiħa.

CGE għalhekk jista’ jitqies bħala raffinar ta’ EIA. Din iġġib ukoll l-analiżi tal-impatt eqreb għal CBA. Madankollu, CGE xorta waħda jikkondividi t-tielet nuqqas ta’ EIA meta mqabbel ma’ CBA, jiġifieri li jiffoka fuq flussi relatati ma’ tranżazzjonijiet monetarji – profitti, taxxi, salarji eċċ. – waqt li jinjora ħafna mill-varjabbli inklużi f’CBA, bħal esternalitajiet, valur għall-flus, eċċ. Dan huwa għaliex studji ta’ CGE, bħal EIA, kienu ddisinjati bħala ħolqa bejn l-analiżi tal-proġett jew ta’ politika u l-makroekonomija, bl-indikatur ewlieni tal-prestazzjoni makroekonomika jkun id-dħul nazzjonali, jew il-prodott domestiku gross (PDG).

In-nuqqasijiet imsemmija m’għandhomx jgħattu l-fatti li, l-ewwel nett, CGE joffri deskrizzjoni aktar rikka tal-ekonomija fejn jopera l-proġett u li, it-tieni nett, it-tekniki CGE saru aktar sofistikati. Mudelli dinamiċi stokastiċi tal-ekwilibriju ġenerali (dynamic stochastic general equilibrium - DSGE) jindirizzaw l-imġiba dinamika tal-ekonomiji. Proġetti evalwati minn CBA jista’ jkollhom ħajjiet ta’ 20 sena jew itwal, biex b’hekk tissaħħaħ ir-rilevanza tal-perspettivi offruti minn mudelli dinamiċi. Għalhekk, pereżempju, l-eżiti ta’ proġetti li jagħtu xokk teknoloġiku lil ekonomija aktarx li jinftiehmu aħjar permezz ta’ DSGE milli permezz ta’ mudellar statiku.

L-iskop ta’ din il-proposta ta’ EIBURS huwa li tindirizza dan it-tielet nuqqas sabiex ir-riżultati ta’ mudelli ta’ impatt isiru kumpatibbli ma’ dawk ta’ CBA. Ir-riċerkaturi jipproponu l-metodu tal-valutazzjoni tal-impatt, fost dawk li jintużaw attwalment fi studji empiriċi, li juri l-aqwa wiegħda ta’ kumpatibbiltà mas-CBA, u jaħdmu biex jiddeterminaw dik il-kumpatibbiltà. Dan għandu jgħin lill-utenti ta’ CBA globalment, u l-BEI b’mod partikolari, biex jinvestigaw kemm huma preċiżi s-CBAs bħala miżura biex jiġi evalwat il-każ soċjoekonomiku sħiħ għal proġetti ta’ investiment.

2.   Kontenut tal-proġett ta’ riċerka

Il-programm ta’ riċerka għandu jikkonsisti f’erba’ kompiti.

Kompitu 1:

Ir-riċerkaturi jirrevedu l-firxa ta’ metodi ta’ valutazzjoni tal-impatt li jkunu l-aktar promettenti fil-kisba ta’ kumpatibbiltà li taħdem ma’ CBA. Għandu jintgħażel metodu fuq il-bażi tal-kriterji li ġejjin:

1.

l-aktar importanti, għandu jkollu track record sod u żviluppat sew ta’ applikazzjoni empirika;

2.

għandu jkun ta’ rilevanza attwali għall-letteratura akkademika korrispondenti; u

3.

ir-riċerkaturi għandhom ikunu konvinti mill-prospetti li jistabbilixxu kumpatibbiltà ma’ CBA fi ħdan il-limitazzjonijiet ta’ żmien u riżorsi ppreżentati mill-proġett ta’ riċerka.

Kompitu 2:

It-tieni parti tikkonsisti fl-iżvilupp ta’ żewġ mudelli ta’ impatt li jinkorporaw il-kundizzjonijiet kollha meħtieġa sabiex isiru kumpatibbli mal-miżuri ta’ valur miżjud tas-CBA. Wieħed mill-mudelli jkun għal ekonomija reġjonali fl-UE li tkun ta’ dħul relattivament għoli, effiċjenti u kompetittiva. L-ieħor ikun għal ekonomija fl-UE bi dħul relattivament baxx, mhux kompetittiva u b’rata għolja ta’ qgħad. Ir-raġunament għall-immudellar ta’ żewġ ekonomiji drastikament differenti huwa sabiex l-analiżi tixħet dawl fuq jekk riżultati differenti b’mod sinifikanti jistgħux ikunu mistennija bejn tipi ta’ kundizzjonijiet ekonomiċi. Reġjuni aktar foqra għandhom tendenza li jgawdu eliġibbiltajiet ta’ investiment aktar wesgħin mis-settur pubbliku. Ikun rilevanti li wieħed jitgħallem jekk hemmx indikazzjonijiet li evalwazzjonijiet f’reġjuni aktar foqra jimmeritaw l-ispiża żejda fit-twettiq ta’ studju tal-impatt.

Ir-riċerkaturi jistgħu jew jiddisinjaw il-mudelli tal-impatt mix-xejn jew inkella jadattaw mudelli eżistenti. Għandhom ikunu ħielsa li jsegwu kwalunkwe waħda miż-żewġ alternattivi, sakemm l-alternattiva magħżula ma tikkompromettix l-iskop ċentrali tal-programm ta’ riċerka, li huwa l-kumpatibbiltà mas-CBA.

L-adattament ta’ mudelli ta’ impatt għal miżuri CBA jkun jinvolvi ħidma fuq żewġ livelli fl-istess ħin: in-naħa “reali” u dik “finanzjarja” tal-ekonomija. Ħafna mudelli ta’ impatt eżistenti m’għandhomx settur finanzjarju. Minħabba, b’mod aktar ġenerali, is-suppożizzjonijiet magħmula f’CBA dwar il-provenjenza ta’ riżorsi investiti fil-proġett u, b’mod aktar speċifiku, minħabba l-fatt li l-BEI iwettaq l-irwol tiegħu permezz tas-settur finanzjarju, il-mudelli ta’ impatt żviluppati għandhom jagħtu attenzjoni partikolari lin-naħa finanzjarja.

Fuq in-naħa “reali”, il-mudelli ta’ impatt diġà jkejlu varjabbli bħall-PDG, l-impjiegi u l-bilanċ tal-kummerċ. Il-modifiki ewlenin previsti jinvolvu ż-żieda tal-elementi meħtieġa biex jiġi kkomputat il-benefiċċju soċjali, inkluż:

li jinqabdu l-bidliet fis-surplus għall-konsumatur fl-ekonomija kollha; u

l-inkorporazzjoni ta’ kejl ta’ esternalitajiet pożittivi u negattivi, inklużi wkoll esternalitajiet ambjentali.

Fuq in-naħa finanzjarja, il-mudelli jakkomodaw opzjonijiet alternattivi biex jinġabru finanzi għal proġett, inklużi:

tassazzjoni diretta;

tassazzjoni indiretta;

żieda fit-tfaddil privat; u

dejn miġbur minn swieq kapitali internazzjonali (ara, pereżempju (4)).

Ingredjent neċessarju tal-Kompitu 2 ser ikun li jiġu ċċarati differenzi fit-terminoloġija bejn iż-żewġ tekniċi. Pereżempju, CGE jagħmel referenza għal “effetti indotti”, u dan huwa probabbilment influwenzat mit-terminoloġija f’EIA. Dawk l-effetti mhux neċessarjament għandhom ekwivalent dirett f’CBA, li tista’ taqbad xi elementi tal-effetti indotti minn CGE bħala effetti indiretti filwaqt li tittratta elementi oħrajn bħala effetti multiplikanti, u b’hekk tinjorahom.

Kompitu 3:

Ir-riċerkaturi mbagħad jissimulaw l-effett ta’ diversi tipi ta’ proġett ta’ investiment kapitali fuq kull waħda miż-żewġ ekonomiji. In-numru ta’ proġetti li għandhom jiġu ssimulati jiġi deċiż matul il-proġett ta’ riċerka. Ir-riċerkaturi jissuġġerixxu s-setturi li għandhom jiġu ssimulati u li għandhom jiġu miftiehma mas-superviżur tal-BEI. Kandidati possibbli jinkludu proġett ta’ infrastruttura, proġett industrijali kbir u proġett fis-settur tas-servizzi bħall-edukazzjoni, id-divertiment, eċċ. Kull proġett jiġi ssimulat permezz ta’ sorsi ta’ finanzjament alternattivi.

Kompitu 4:

Ir-riċerkaturi finalment jivvalutaw il-grad safejn ir-riżultati tal-istima tal-impatt ivarjaw mir-riżultati miksuba minn “CBA tipika”. “CBA tipika” tiffoka fuq is-suq primarju u fuq l-aktar swieq sekondarji importanti biss. Ir-riċerkaturi jiġbdu l-konklużjonijiet u joħorġu rakkomandazzjonijiet dwar:

(i)

iċ-ċirkostanzi li taħthom l-evalwazzjonijiet tal-proġetti mwettqa b’metodi ta’ stima tal-impatt aktarx li ser jagħtu riżultati li jvarjaw minn dawk misjuba minn CBA; u

(ii)

iċ-ċirkostanzi li taħthom l-ispiża u l-ħin biex tiġi kkummissjonata valutazzjoni tal-impatt joffru valur għall-flus meta jiġi evalwat proġett.

3.   Interess tal-proġett ta’ riċerka għall-BEI

Is-suġġett ta’ riċerka huwa ċentrali għall-attivitajiet ta’ finanzjament tal-BEI. L-Istatut tal-BEI jispeċifika li l-BEI għandu jiffinanzja proġetti ta’ investiment li jżidu l-produttività ekonomika (Artikolu 18, 1.b) (5). Il-Bank juża CBA bħala l-għodda ċentrali tiegħu biex ikejjel il-grad safejn investiment iżid il-produttività ekonomika. Il-proġett ta’ riċerka għandu jikkontribwixxi biex jittestja l-integrità ta’ CBA u jevalwa jekk hemmx ċirkostanzi li taħthom ikun rakkomandabbli li CBA tiġi kkumplimentata b’CGE.

4.   Kontribut tal-proġett ta’ riċerka għar-riċerka akkademika

Il-mudelli tal-valutazzjoni tal-impatt li attwalment huma prodotti minn riċerkaturi akkademiċi jew ikkummissjonati minn istituti ta’ riċerka huma titjib fuq metodi ta’ impatt preċedenti. Iżda l-iskop ta’ dawk il-mudelli jibqa’ l-istess: li jkejjel l-effett nett ta’ proġett jew politika fuq id-dħul nazzjonali, jew il-PDG. Id-dħul nazzjonali huwa kejl mhux komplut tal-produzzjoni tal-pajjiż, u b’hekk huwa għodda imperfetta għall-kejl tal-produttività ekonomika totali, inkluża perspettiva tal-assistenza soċjali. Għaldaqstant il-mudelli mhumiex kumpatibbli bis-sħiħ ma’ CBA. Il-kejl tal-PDG iħalli barra elementi bħal titjib fil-valur għall-flus (surplus għall-konsumatur) u esternalitajiet ambjentali. Billi l-metodi tal-impatt jiġu adattati biex isiru kumpatibbli ma’ CBA, l-output tal-metodi ta’ impatt isir kejl aħjar tal-effett ġenerali ta’ proġett ta’ investiment fuq il-produttività u l-assistenza soċjali ta’ ekonomija. Dawk il-metodi ta’ impatt jistgħu jintużaw ukoll fl-evalwazzjoni tal-politiki, u mhux biss ta’ proġetti ta’ investiment.

Safejn jaf il-proponent, dak l-adattament ta’ metodi ta’ impatt għal CBA għadu mhuwiex disponibbli. Il-proġett ta’ riċerka għalhekk għandu jgħin biex jiżviluppa verżjonijiet ġodda ta’ mudelli ekonomiċi għall-evalwazzjoni soċjoekonomika ta’ proġetti u politiki.

Il-proposti għandhom jintbagħtu bl-Ingliż sal-15 ta’ April 2018 24:00 (CET). Proposti mibgħuta wara din id-data ma jiġux ikkunsidrati. Il-proposti għandhom jintbagħtu bl-email lil:

Events.EIBInstitute@eib.org

Għal informazzjoni aktar kompluta dwar il-proċess ta’ għażla tal-EIBURS u dwar l-Istitut tal-BEI, jekk jogħġbok żur: http://institute.eib.org/


(1)  Bank Ewropew tal-Investiment (2013), The Economic Appraisal of Transport Projects at the EIB. Il-Lussemburgu Il-Bank Ewropew tal-Investiment (Disponibbli fuq l-Internet: http://www.eib.org/infocentre/publications/all/economic-appraisal-of-investment-projects.htm)

(2)  Just, R.E., Hueth, D.L. u Schmitz, A. (2004), The Welfare Economics of Public Policy: A Practical Approach to Project and Policy Evaluation. Cheltenham: Edward Edgard.

(3)  Hosoe, N., Gasawa, K. u Hashimoto, H. (2010), Textbook of Computable General Equilibrium Modelling: Programming and Simulations. Basingstoke: Palgrave Macmillan.

(4)  Godley, W., u Marc L. (2007), Monetary Economics: An Integrated Approach to Credit, Money, Income, Production and Wealth. New York: Palgrave MacMillan.

(5)  Verżjoni konsolidata tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, Protokoll (nru 5) dwar l-Istatut tal-Bank Ewropew tal-Investiment, ĠU C 202, 7.6.2016, p. 251-264 (Disponibbli fuq l-Internet: http://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX:12016E/PRO/05)


Top