EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52017AE1181

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2003/59/KE dwar il-kwalifika inizjali u taħriġ perjodiku ta’ sewwieqa ta’ ċerti vetturi tat-triq għat-trasport ta’ prodotti jew passiġġieri u d-Direttiva 2006/126/KE dwar il-liċenzji tas-sewqan” (COM(2017) 47 final — 2017/0015 (COD))

ĠU C 288, 31.8.2017, p. 115–119 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

31.8.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 288/115


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2003/59/KE dwar il-kwalifika inizjali u taħriġ perjodiku ta’ sewwieqa ta’ ċerti vetturi tat-triq għat-trasport ta’ prodotti jew passiġġieri u d-Direttiva 2006/126/KE dwar il-liċenzji tas-sewqan”

(COM(2017) 47 final — 2017/0015 (COD))

(2017/C 288/16)

Relatur:

Pasi MOISIO

Konsultazzjoni

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, 20.2.2017

Il-Parlament Ewropew, 1.3.2017

Bażi ġuridika

L-Artikolu 91 tat-TFUE

 

 

Sezzjoni kompetenti

It-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni

Adottata fis-sezzjoni

16.5.2017

Adottata fil-plenarja

31.5.2017

Sessjoni plenarja Nru

526

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

185/0/0

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-KESE jirrikonoxxi li minkejja ċerti nuqqasijiet, id-Direttiva dwar il-kwalifika u taħriġ perjodiku ta' sewwieqa ta' vetturi tqal tal-merkanzija (1) kellha b'mod ġenerali effetti pożittivi għas-setturi tat-trasport bit-triq Ewropew. Il-ħolqien ta' sistema ta' taħriġ armonizzat għen biex ittejbet il-kapaċità tas-sewwieqa li jwettqu xogħolhom, ġie żviluppat livell komuni ta' servizz fis-settur tat-trasport bit-triq, u żdiedet l-attrazzjoni tas-settur għal min jidħol ġdid.

1.2

Il-KESE jqis li l-proposta li qed tiġi diskussa (2) biex tiġi emendata din id-Direttiva għandha l-potenzjal li tikkonsolida aktar il-prinċipju tal-UE tal-libertà ta' moviment u li tkun pass ieħor lejn suq tat-trasport tal-UE aktar b'saħħtu u aktar miftuħ li huwa bbażat fuq kompetizzjoni ġusta u jista' jiġi ssorveljat b'mod aktar effettiv u ġust.

1.3

Il-KESE japprova l-objettivi stabbiliti għall-emendar tad-Direttiva dwar il-kwalifika u taħriġ perjodiku ta' sewwieqa, jiġifieri li tittejjeb is-sikurezza fit-toroq fl-Ewropa, kif ukoll is-saħħa u s-sigurtà tas-sewwieqa professjonali waqt ix-xogħol tagħhom. Il-Kumitat innota b'mod partikolari li nkisbu riżultati eċċellenti fil-qasam tas-sikurezza fit-toroq matul dawn l-aħħar ftit snin, u għalhekk iħeġġeġ lill-Kummissjoni tkompli b'miżuri li jirrinfurzaw ix-xejra pożittiva.

1.4

Bl-istess mod, il-KESE jilqa' l-objettiv tad-Direttiva li jiġu armonizzati u semplifikati l-proċeduri amministrattivi fl-Istati Membri differenti, sabiex is-sessjonijiet u l-programmi ta' taħriġ ta' xufiera mmexxija f'kull Stat Membru skont id-Direttiva jiġu rikonoxxuti bħala tali u b'mod reċiproku jiġu approvati mingħajr lok għall-interpretazzjoni jew rekwiżiti addizzjonali separati. Madankollu, nixtiequ niġbdu l-attenzjoni li r-rikonoxximent reċiproku ta’ taħriġ jeħtieġ uniformità assoluta fir-rigward tal-ambitu u l-kwalità tat-taħriġ organizzat fl-Istati Membri differenti. Superviżjoni aktar effettiva u kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-awtoritajiet tal-Istati Membri se jkunu meħtieġa sabiex dan jiġi żgurat.

1.5

Kards iffalsifikati speċifiċi għax-xufiera li juru kwalifiki professjonali eżistenti u ċertifikati ffalsifikati għal taħriġ li fil-fatt ma jkunx ġie kkompletat jgħawġu l-kompetizzjoni fis-suq tat-trasport u jippreġudikaw l-interessi tax-xufiera professjonali fi ħdan ir-regoli. Il-KESE jitlob li tinħoloq sistema rigoruża biex jiġi żgurat li l-liċenzji tas-sewqan u kards ta’ kwalifika tax-xufiera huma awtentiċi. B’referenza għall-punt 1.4 tar-rakkomandazzjonijiet tagħna, is-sorveljanza ta’ stabbilimenti awtorizzati ta’ taħriġ li joperaw f’pajjiżi differenti għandha tissaħħaħ fil-futur b’tali mod li l-ambitu u l-kwalità tat-taħriġ ipprovdut ikunu jistgħu jiġu vverifikati f’kull każ.

1.6

Barra minn hekk, huwa ta' importanza kbira li tissaħħaħ il-konkordanza u l-konsistenza tal-leġislazzjoni tal-UE li tapplika għal grupp fil-mira u settur wieħed, f'dan il-każ is-sewwieqa professjonali ta' vetturi tqal tal-merkanzija. Dan iżid kemm il-protezzjoni legali ta' individwi li jaħdmu fil-kamp ta' applikazzjoni tar-regoli kif ukoll il-kredibbiltà ġenerali tad-dispożizzjonijiet tal-UE.

1.7

Ir-reviżjoni tad-Direttiva hija maħsuba biex tallinjaha aktar mill-qrib mal-aħħar xejriet ġenerali li huma rilevanti ħafna għat-trasport, bħad-diġitalizzazzjoni u d-dekarbonizzazzjoni. Il-KESE japprova dan l-approċċ u jinnota li għalkemm it-trasport qed jiġi awtomatizzat b'mod rapidu u r-robotizzazzjoni qed issir prevalenti fis-settur, ir-rwol ċentrali tal-fattur uman irid ukoll xorta jibqa' jiġi kkunsidrat. Il-ħtieġa dejjem tikber għal ħiliet diġitali trid għalhekk tiġi rikonoxxuta fir-rigward tat-taħriġ ta' sewwieqa, kif ukoll l-importanza tal-ħiliet ta' sewwieqa biex jiksbu l-miri ta' livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju.

1.8

Sfida ewlenija fil-qasam kopert mid-Direttiva hija li jiġi żgurat li t-taħriġ perjodiku b'mod partikolari jissodisfa l-ħtiġijiet individwali tas-sewwieqa professjonali u li l-kontenut tiegħu jitfassal sabiex jipprovdi l-akbar appoġġ għall-kompiti speċifiċi ta' kull sewwieq. Għalhekk id-Direttiva jenħtieġ li tippermetti flessibbiltà u diskrezzjoni kemm f'termini tal-kontenut tas-sessjonijiet ta' taħriġ perjodiku magħżula kif ukoll fil-metodi ta' kif jingħata t-taħriġ.

1.9

Il-KESE jenfasizza li jenħtieġ li jkun hemm opportunità uniformi matul it-taħriġ li tinstaq vettura anke qabel tkun inkisbet il-kwalifika inizjali. Huwa importanti li jiġi żgurat li dawk li qed jitgħallmu jkomplu jgawdu d-dritt li anke jsuqu vetturi użati fit-trasport kummerċjali, li huwa meħtieġ pereżempju biex jippermetti t-taħriġ fuq il-post tax-xogħol fil-kumpaniji taħt gwida u superviżjoni, u li dan jiġi aċċettat bħala parti mit-taħriġ għall-kwalifika inizjali tagħhom. Id-Direttiva riveduta jenħtieġ li ma ċċaħħadx dan id-dritt. Min-naħa l-oħra, għandu jiġi żgurat li d-dritt li jiġu magħquda operazzjonijiet tat-trasport kummerċjali u t-taħriġ ma jqanqalx kompetizzjoni dannuża fis-settur tat-trasport jew idgħajjef il-pożizzjoni tal-ħaddiema fis-settur.

1.10

Għalkemm il-proposta tal-Kummissjoni hija fil-biċċa l-kbira bbilanċjata tajjeb u pass fid-direzzjoni t-tajba, il-KESE madankollu jixtieq iressaq ċerti bidliet, żidiet u suġġerimenti speċifiċi li fl-opinjoni tagħna jkomplu jsaħħu l-mod kif tiġi implimentata fil-prattika u applikata għat-taħriġ ta' sewwieqa. Dawn il-proposti huma ppreżentati f'aktar dettall fil-kummenti ġenerali u speċifiċi hawn taħt.

2.   Sfond

2.1

Id-Direttiva 2003/59/KE ġiet implimentata madwar l-UE bejn l-2007 u l-2009. Din tirrikjedi li s-sewwieqa kollha professjonali ta' vetturi tal-merkanzija jew ta' karozzi tal-linja u ta' kowċis fit-territorju tal-UE li jaħdmu għal kumpaniji tat-trasport irreġistrati fl-Istati Membri tal-UE, kif ukoll sewwieqa li jaħdmu għal rashom li jaħdmu bħala sewwieqa professjonali fis-settur tat-trasport kummerċjali, jagħmlu taħriġ bażiku obbligatorju sabiex jiksbu l-kwalifika meħtieġa.

2.2

Id-Direttiva 2003/59/KE stabbiliet ukoll il-prinċipju tat-tagħlim tul il-ħajja bħala parti mix-xogħol tas-sewwieq professjonali billi stipulat l-ammont ta' taħriġ perjodiku f'intervalli regolari biex jinżammu l-ħiliet professjonali.

2.3

Il-Kummissjoni Ewropea tistma li hemm total ta’ madwar 3,6 miljun xufiera ta’ vetturi tal-merkanzija jew xarabanks u kowċis li jaħdmu għal kumpaniji tat-trasport (2,8 miljun xufier ta’ vetturi għall-ġarr ta’ merkanzija u 0,8 miljun tax-xarabanks u l-kowċis) fit-28 Stat Membru tal-UE li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva (3).

2.4

L-ammont ta' taħriġ bażiku huwa 140 jew 280 siegħa, skont l-età tas-sewwieq u kwalunkwe kwalifika preċedenti. Kull sewwieq irid jagħmel tal-anqas 35 siegħa ta' taħriġ perjodiku f'kull perjodu ta' ħames snin.

2.5

Ġew identifikati bosta punti li kienu jeħtieġu reviżjoni abbażi tan-numru kbir ta' rapporti fuq bażi wiesgħa u l-valutazzjoni tal-impatt mitluba mill-Kummissjoni fis-snin reċenti. Il-problemi u d-disparitajiet ġew innotati wkoll fl-applikazzjoni u fl-interpretazzjoni tad-Direttiva fi Stati Membri differenti.

2.6

F'konsultazzjoni pubblika li saret bil-għan li tiġi riveduta d-Direttiva (4), il-Kummissjoni rċeviet kważi 400 tweġiba minn sewwieqa professjonali, kumpaniji tat-trasport u ħaddiema tat-trasport, kif ukoll organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lill-impjegaturi tagħhom, fi Stati Membri differenti.

2.7

Kemm il-konsultazzjoni kif ukoll id-diversi rapporti rriżultaw eżattament fl-istess sejbiet dwar problemi bid-Direttiva. Il-Kummissjoni temmen li hemm għarfien ġenerali dwar il-problemi osservati fil-prattika ta' kuljum, fit-trasport kemm ta' merkanzija kif ukoll ta' passiġġieri bit-triq, u li tqiesu bħala fattur li jfixkel l-operazzjonijiet uniformi u ġusti fis-suq tat-trasport tal-UE.

2.8

Il-problemi jistgħu jinqasmu fi tliet tipi (5):

Mhux dejjem ikun hemm rikonoxximent reċiproku ta’ taħriġ.

Il-kontenut tat-taħriġ mhux dejjem jaqbel bis-sħiħ mal-ħtiġijiet tat-taħriġ tax-xufier individwali għall-profil tax-xogħlijiet tiegħu.

Jeżistu d-disparitajiet u l-problemi bl-interpretazzjoni ta' eżenzjonijiet permissibbli mill-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva, li ħoloq inċertezza legali għax-xufiera professjonali.

2.9

Barra mill-punti msemmija hawn fuq, joħorġu fid-dieher inkonsistenzi u kontradizzjonijiet serji fir-rigward tar-rekwiżiti tal-età minima bejn id-direttiva dwar il-kwalifika inizjali u taħriġ perjodiku ta' sewwieqa u d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar l-intitolamenti għas-sewqan stabbiliti fid-direttiva dwar il-liċenzji tas-sewqan. Dawn ħolqu problemi reali fl-Istati Membri u għandha tinstab soluzzjoni mingħajr dewmien.

2.10

Il-Kummissjoni tqis argument ieħor għar-reviżjoni tad-Direttiva li huwa l-objettiv ta' regolamentazzjoni aħjar u eħfef skont il-prinċipji REFIT.

2.11

Huwa maħsub li r-reviżjoni tad-direttiva tagħmilha aktar ċara, ittejjeb il-konsistenza u toħloq impjiegi ġodda fis-settur tat-trasport, li jinkludi l-SMEs. Billi tindirizza l-problemi identifikati u tirrevedi d-Direttiva skont dan, il-Kummissjoni temmen li jkun possibbli wkoll li jinkiseb iffrankar tal-ispejjeż konsiderevoli, kemm għas-sewwieqa kif ukoll għall-impjegaturi tagħhom.

3.   Kummenti ġenerali

3.1

Fil-preżent l-Istati Membri jridu jagħżlu bejn żewġ approċċi ta' implimentazzjoni alternattivi fil-livell nazzjonali fir-rigward tal-kwalifika inizjali tas-sewwieqa: (1) l-attendenza ta' kors u test iqsar, jew (2) test itwal biss. Biex tiżdied il-flessibbiltà u l-għażla, u tinġibed l-attenzjoni għad-differenzi f'livelli ta' kwalifika differenti, il-KESE jirrakkomanda li d-Direttiva tiġi wkoll aġġornata bl-inkorporazzjoni fiha ta' dritt espliċitu li jiġu applikati ż-żewġ mudelli b'mod parallel (6).

3.2

Huwa importanti li fit-taħriġ prattiku għas-sewwieqa professjonali jiġu enfasizzati suġġetti relatati mas-sikurezza tat-trasport u fit-toroq u mas-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol, it-titjib tal-għarfien u l-ħiliet diġitali, u t-tagħlim ta' metodi ta' sewqan favorevoli għall-ambjent, b'konsum aktar effiċjenti ta' fjuwil u antiċipatorji.

3.3

Meta titqies din il-kwistjoni, huwa importanti li wieħed iżomm f'moħħu n-nuqqas prinċipali enfasizzat mis-sewwieqa professjonali u minn parteċipanti oħra fis-settur tat-trasport matul il-konsultazzjonijiet, jiġifieri li l-kontenut tat-taħriġ mhux dejjem jaqbel mal-ħtiġijiet tat-taħriġ individwali tas-sewwieq għall-profil tax-xogħlijiet tagħhom. Il-kontenut tal-korsijiet għalhekk irid ikun imfassal sabiex ikunu adattati bl-aħjar mod għal kull xufier. Il-KESE jinnota li dan fl-istess waqt se jsaħħaħ l-attrazzjoni tat-taħriġ u jimmotiva lis-sewwieqa professjonali biex jitgħallmu.

3.4

Għalhekk jekk id-direttiva l-ġdida għandha l-għan li l-inklużjoni ta' ċerti suġġetti tkun obbligatorja fil-kwalifika inizjali u/jew fil-programmi ta' taħriġ perjodiku għas-sewwieqa professjonali, dawn jenħtieġ li jiġu ddefiniti b'mod kemm jista' jkun flessibbli, wiesa' u laxk, filwaqt li jitqiesu l-opinjonijiet tal-KESE stabbiliti fil-punt 3.1 hawn fuq.

3.5

Billi s-sewwieqa professjonali ta' vetturi tqal huma spiss meħtieġa minħabba x-xogħol tagħhom li jagħmlu tipi oħra ta' taħriġ skont id-dritt tal-Unjoni, jagħmel sens li dawn is-sessjonijiet ta' taħriġ ikunu approvati b'mod aktar komprensiv bħala parti mit-taħriġ perjodiku previst fid-Direttiva dwar il-kwalifika u r-rekwiżiti ta' taħriġ għas-sewwieqa. Dan jevita d-duplikazzjoni tat-taħriġ, inaqqas il-burokrazija żejda u jiffranka l-flus, kif ukoll jagħti spinta lill-motivazzjoni tas-sewwieqa biex jieħdu sehem fit-taħriġ.

3.6

Id-Direttiva riveduta tipprovdi l-għażla li l-korsijiet tat-taħriġ perjodiku jsiru fil-forma ta' tagħlim elettroniku. Il-KESE jara din bħala xi ħaġa pożittiva u jqisha bħala titjib essenzjali fit-taħriġ tas-sewwieqa professjonali. Din fiha nnifisha ssaħħaħ il-ħiliet diġitali u hija partikolarment ta' għajnuna għall-operaturi f'reġjuni remoti. It-tagħlim elettroniku jressaq it-taħriġ lejn dawk li qed jitgħallmu, li permezz tiegħu ma jkollhomx għalfejn jivvjaġġaw dik li spiss tkun distanza twila biex jirċievu forom tradizzjonali ta' struzzjoni.

3.7

Huwa ta' dispjaċir li l-Kummissjoni m'għamlithiex possibbli li l-ġurnata tat-taħriġ ta' seba' sigħat tinqasam f'partijiet, imma li xorta trid issir bħala sessjoni waħda f'salt. Din hija problema reali għas-sewwieqa u għall-kumpaniji tat-trasport. Il-koordinazzjoni tax-xogħol u tat-taħriġ, it-titjib fir-riżultati tat-tagħlim u l-għoti ta' għażliet ta' tagħlim elettroniku jeħtieġu aktar flessibbiltà. Dak li huwa essenzjali biex jinkisbu l-objettivi tat-taħriġ perjodiku huwa li jingħata total ta' 35 siegħa ta' taħriġ, u mhux li jkun hemm sessjonijiet ta' taħriġ ta' 7 sigħat. Din ir-rakkomandazzjoni tkun qed taqdi wkoll l-objettivi REFIT.

3.8

Il-ħiliet miksuba jintwerew b'karta tal-kwalifika separata għal kull sewwieq jew permezz ta' indikazzjoni tal-kwalifiki validi abbażi taż-żieda tal-kodiċi tal-UE li tkun prova tagħhom fil-liċenzja tas-sewqan. Dawn l-għażliet jitħallew fid-diskrezzjoni tal-Istati Membri. Id-dokumenti ffalsifikati jidhru li saru problema prattika li qed tikber. Il-KESE għalhekk jirrakkomanda li jinħoloq bażi ta' data b'urġenza fil-livell tal-UE fejn partijiet differenti jkunu jistgħu jiċċekkjaw f'ħin reali li l-kwalifiki professjonali ta' sewwieq huma verament validi. Jista' jkun possibbli li dan isir bl-inklużjoni ta' data dwar il-kwalifiki professjonali fis-sistema RESPER (7), li taqsam l-informazzjoni dwar il-liċenzji tas-sewqan nazzjonali bejn l-Istati Membri. Dan jippermetti lill-awtoritajiet tal-Istat Membru biex b'mod simultanju jistabbilixxu l-validità kemm tal-intitolamenti għas-sewqan kif ukoll tal-kwalifiki professjonali.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1

Il-KESE jħeġġeġ biex jiġu eliminati mingħajr dewmien il-kontradizzjonijiet li jikkonċernaw ir-rekwiżiti tal-età minima bejn id-Direttiva tal-UE dwar il-liċenzji tas-sewqan (8) u d-Direttiva dwar il-kwalifika inizjali u taħriġ perjodiku ta' xufiera. Biex dan iseħħ, huwa propost li tiżdied eżenzjoni fid-Direttiva dwar il-liċenzji tas-sewqan li permezz tagħha l-liċenzji tas-sewqan ikunu jistgħu jinħarġu skont il-limiti tal-età previsti fid-Direttiva 2003/59/KE.

4.2

Fl-opinjoni tal-KESE huwa essenzjali li jiġi żgurat li l-eżenzjonijiet mill-kamp ta' applikazzjoni li għandhom jiġu inkorporati fid-Direttiva jkunu wkoll f'kull aspett identiċi għall-eżenzjonijiet (9) rilevanti għas-sewwieqa ta' vetturi tqal li jinsabu fir-regolament dwar il-ħinijiet tas-sewqan u l-perjodi ta' mistrieħ (10). Għalkemm hawnhekk sar xi progress bil-proposta attwali għal emenda għad-Direttiva, xorta jibqgħu disparitajiet bejn l-eżenzjonijiet stabbiliti fir-regoli msemmija hawn fuq. Jekk il-listi tal-eżenzjonijiet ma jiġux armonizzati bis-sħiħ, l-inkonsistenzi u l-kontradizzjonijiet bejn dawn ir-regoli li japplikaw għas-sewwieqa professjonali ma jiġux eliminati kompletament lanqas.

4.3

Għalkemm l-objettiv ta' titjib fis-sikurezza fit-toroq huwa milqugħ ħafna, il-KESE għandu riżervi dwar ir-rekwiżit fil-proposta attwali għal Direttiva li tal-anqas suġġett wieħed relatat biss mas-sikurezza fit-toroq jiġi inkluż fit-taħriġ perjodiku (fil-prattika f'ġurnata waħda mill-ħamest ijiem ta' taħriġ perjodiku). Minflok, ir-rekwiżit jista' jitfassal, f'konformità mal-proposta fid-direttiva (11), u jikkumplimentaha wkoll billi jinkludi fit-taħriġ perjodiku tal-anqas ġurnata waħda ta' taħriġ “b'enfasi speċifika fuq is-sikurezza fit-toroq, is-saħħa u s-sikurezza fil-post tax-xogħol, u r-razzjonalizzazzjoni tal-konsum tal-fjuwil”. Dan jiżgura li metodi ta' sewqan b'konsum aktar effiċjenti ta' fjuwil u antiċipatorji jiġu inklużi wkoll fi kwalunkwe programm ta' taħriġ għas-sewwieqa professjonali fl-UE. Dawn l-oqsma huma parti integrali mis-sikurezza fit-toroq.

4.4

F'bosta Stati Membri t-taħriġ fuq il-post tax-xogħol huwa parti essenzjali mit-taħriġ tal-kwalifika inizjali għas-sewwieqa. Matul it-taħriġ fuq il-post tax-xogħol is-sewwieq iwettaq dmirijiet prattiċi tat-trasport kummerċjali taħt gwida u superviżjoni. Din il-possibbiltà jenħtieġ li tinżamm sabiex tiżgura li s-sewwieqa diġà jsiru familjari max-xogħol matul it-taħriġ tagħhom u b'dan il-mod jiġi ggarantit li min jidħol ġdid fis-settur ikollu ħiliet professjonali. Il-KESE għalhekk jopponi bil-qawwa l-emenda li tinsab fil-proposta għal Direttiva li tipprevjeni lis-sewwieqa milli jinvolvu ruħhom fl-operazzjonijiet tat-trasport kummerċjali matul it-taħriġ tal-kwalifika inizjali. Madankollu, nixtiequ nenfasizzaw li dan id-dritt li wieħed jieħu sehem f’operazzjonijiet tat-trasport kummerċjali għandu dejjem ikun inkorporat f’taħriġ (taħt superviżjoni), u bl-ebda mod m’għandu jwassal għal distorsjoni tal-kompetizzjoni jew dumping soċjali.

4.5

Il-KESE jilqa' l-għażla prevista fid-Direttiva emendata li jiġu approvati korsijiet ta' taħriġ obbligatorji bbażati fuq regoli oħra tal-UE (eż. taħriġ addizzjonali dwar is-sensibilizzazzjoni dwar id-diżabilità għall-ġarr ta' passiġġieri, taħriġ dwar l-ADR għas-sewqan ta' oġġetti perikolużi, u dwar it-trasport tal-annimali) li jdumu sa seba' sigħat, jew ġurnata, bħala parti mit-taħriġ perjodiku. Madankollu, huwa importanti li din l-għażla titwessa' biex tippermetti bosta ġranet ta' taħriġ sabiex tiġi evitata d-duplikazzjoni tat-taħriġ u jitnaqqsu l-ispejjeż. Ħafna rekwiżiti ta’ taħriġ mhumiex konsistenti mal-prinċipji ta’ regolamentazzjoni aħjar u eħfef, u ma jittrattawx bl-istess mod xufiera li jaħdmu f’setturi differenti tat-trasport, li wħud minnhom huma regolarment meħtieġa jlestu kemm taħriġ perjodiku skont id-Direttiva kif ukoll taħriġ statutorju ieħor rilevanti għad-doveri tagħhom.

4.6

Il-proposta li temenda d-Direttiva xorta tippermetti t-tagħlim elettroniku, bħala metodu li permezz tiegħu parti kemm mill-kwalifika inizjali kif ukoll mit-taħriġ perjodiku tkun tista' ssir b'mod indipendenti. Din il-bidla hija essenzjalment milqugħa ħafna, imma l-KESE jqis li l-ammont massimu ta' tagħlim elettroniku jenħtieġ li jiġi stipulat b'mod aktar preċiż, sabiex id-definizzjoni vaga ta' “parzjalment” fil-proposta ma twassalx għal interpretazzjonijiet u prattiki diverġenti ħafna fi Stati Membri differenti.

4.7

Fl-opinjoni tal-KESE jrid assolutament ikun possibbli li l-ġurnata waħda ta' taħriġ perjodiku tinqasam f'partijiet. Sfortunatament, il-proposta għal direttiva ma tipprevedix dan, u hemm riskju reali li se twassal għal kontradizzjonijiet. Billi parti mit-taħriġ jista' jingħata permezz tat-tagħlim elettroniku, jenħtieġ li jkun hemm soluzzjoni flessibbli pereżempju biex sessjoni waħda ta' taħriġ ta' seba' sigħat fuq l-istess suġġett tinqasam sabiex parti mit-taħriġ isir f'ġurnata f'sessjonijiet fil-klassi jew permezz ta' eżerċizzji prattiċi, u l-parti l-oħra titkompla f'ġurnata oħra permezz tat-tagħlim elettroniku. Dan huwa essenzjali anke għaliex il-faċilitajiet meħtieġa tal-istruzzjoni spiss ikunu jinsabu f'postijiet differenti.

Brussell, il-31 ta' Mejju 2017.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Georges DASSIS


(1)  Id-Direttiva 2003/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 226, 10.9.2003, p. 4).

(2)  COM(2017) 47 final.

(3)  SWD(2017) 27 final — Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni — Valutazzjoni tal-Impatt, 1 ta’ Frar 2017, p. 10 (mhux disponibbli bil-Malti).

(4)  Għall-konklużjonijiet tal-konsultazzjoni, ara: https://ec.europa.eu/transport/road_safety/sites/roadsafety/files/pdf/consultations/cpc_main_conclusions.pdf

(5)  Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni SWD(2017) 26 final, Executive Summary of the Impact Assessment accompanying the Proposal for a Directive 2003/59/EC amending Directive 2006/126/EC (mhux disponibbli bil-Malti).

(6)  COM(2012) 385 final, Tabella 1, paġna 6.

(7)  https://www.eucaris.net/kb/resper/

(8)  Id-Direttiva 2006/126/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 403, 30.12.2006, p. 18).

(9)  Ir-Regolament (KE) Nru 561/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 102, 11.4.2006, p. 1).

(10)  Ir-Regolament (KE) Nru 561/2006, l-Artikoli 3 u 13 (ĠU L 102, 11.4.2006, p. 1).

(11)  Id-Direttiva 2003/59/KE, l-Artikolu 7(1) (ĠU L 226, 10.9.2003. p. 4).


Top