EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52017AE1086

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi pjan pluriennali għall-istokkijiet pelaġiċi ż-żgħar fil-Baħar Adrijatiku u għas-sajd li jisfrutta dawk l-istokkijiet” (COM(2017) 97 final — 2017/0043 (COD))

ĠU C 288, 31.8.2017, p. 68–74 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

31.8.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 288/68


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi pjan pluriennali għall-istokkijiet pelaġiċi ż-żgħar fil-Baħar Adrijatiku u għas-sajd li jisfrutta dawk l-istokkijiet”

(COM(2017) 97 final — 2017/0043 (COD))

(2017/C 288/09)

Relatur:

Emilio FATOVIC

Konsultazzjoni

Parlament Ewropew, 1.3.2017

Kunsill, 4.4.2017

Bażi ġuridika

Artikoli 43(2), 114(1) u 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

 

 

Deċiżjoni tal-Assemblea tal-Plenarja

24.1.2017

 

 

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent

Adottata fis-sezzjoni

17.5.2017

Adottata fil-plenarja

31.5.2017

Sessjoni plenarja Nru

526

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

187/0/2

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-KESE jaqbel mal-bżonn enfasizzat mill-GFCM-FAO (1) ta’ intervent biex jiġu protetti l-istokkijiet pelaġiċi ż-żgħar li qed ibatu minħabba l-isfruttar eċċessiv, u jaqbel mal-għan ġenerali li tiġi implimentata sistema ta’ sajd sostenibbli malajr kemm jista’ jkun u li jintlaħaq Rendiment Massimu Sostenibbli (2) f’konformità mal-Politika Komuni tas-Sajd (3) (PKS).

1.2

Il-Kumitat jappoġġja l-għażla tal-Kummissjoni li tagħmel użu mill-istrument leġislattiv tar-Regolament biex jiġi stabbilit pjan pluriennali għall-protezzjoni tal-istokkijiet pelaġiċi ż-żgħar bl-għan li jkun hemm uniformità fir-regoli eżistenti u biex jissaħħu l-proċessi ta’ governanza.

1.3

Il-KESE, filwaqt li jikkondividi l-għanijiet tal-protezzjoni ambjentali u tal-bijodiversità, iqis li l-proposta tal-Kummissjoni tirriżulta li hija inkompleta u kontradittorja f’għadd ta’ aspetti. Dawn il-problemi huma l-konsegwenza naturali ta’ għadd ta’ kontradizzjonijiet tal-PKS li diġà huma enfasizzati mill-Kumitat fl-Opinjonijiet preċedenti tiegħu (4). B’mod partikolari, il-KESE jesprimi tħassib serju dwar il-possibbiltà li l-Proposta inkwistjoni, jekk ma tiġix integrata u mmodifikata mill-ġdid kif imiss, ikun hemm riskju li ma jintlaħqux l-għanijiet ambjentali kif ukoll li ssir ħsara serja għall-intrapriżi u għall-ħaddiema fis-settur (5).

1.4

Il-Kumitat iqis li l-mudell ta’ ġestjoni propost mill-Kummissjoni, abbażi tal-issettjar tal-opportunitajiet annwali tas-sajd min-naħa tal-Kunsill, mhuwiex adattat għall-karatteristiċi bijoloġiċi tal-pelaġiċi ż-żgħar fl-Adrijatiku u għall-għadd ta’ speċifiċitajiet tal-ħut (6) li huma preżenti hawnhekk, għat-tekniki tas-sajd, għat-tipoloġiji ta’ inġenji u ekwipaġġi (sajd artiġjanali fuq skala żgħira) (7) kif ukoll għan-numru u għad-daqs tal-portijiet. Rigward dak li kollu ntqal, il-Kumitat iqis li l-proposta tal-MEDAC (Kunsill Konsultattiv tal-Baħar Mediterran) (8) relatata mat-tisħiħ tal-miżuri tal-isforz tas-sajd skont approċċ “bis-sistema tad-dawl tat-traffiku” (traffic light approach) hija aktar adatta fil-mertu u fil-metodu, peress li hija riżultat ta’ kondiviżjoni wiesgħa min-naħa tas-soċjetà ċivili organizzata kollha.

1.5

Il-KESE jinsab sorpriż li l-Proposta tal-Kummissjoni mhijiex ibbażata fuq valutazzjoni bir-reqqa tal-impatt ekonomiku u soċjali (9). Dan in-nuqqas huwa aggravat mill-fatt li s-settur tas-sajd fil-Mediterran kollu ilu fi kriżi għal aktar minn għoxrin sena (10) u regoli ġodda stretti u mhux meqjusin tajjeb jirriskjaw li jwasslu għat-tmiem definittiv tas-settur. Barra minn hekk, il-KESE jinnota li m’hemm l-ebda miżura ta’ sostenn finanzjarju u/jew konverżjoni tal-intrapriżi u l-ħaddiema fid-dawl tal-Proposta li jitnaqqsu l-qabdiet tas-sardin u l-inċova minkejja li dawn jirrappreżentaw riżorsa fundamentali għall-ekonomija tal-komunitajiet lokali żgħar (insulari ħafna) u għall-industrija relatata (11).

1.6

Għalhekk, il-Kumitat jitlob li jkun hemm involviment immedjat mid-DĠ Impjiegi u t-tnedija tal-proċessi ta’ djalogu soċjali settorjali permezz tal-konsultazzjoni tal-Kumitat tad-Djalogu Soċjali għas-Sajd Marittimu (EUSSDC) sabiex jiġu identifikati l-miżuri l-aktar adatti biex jagħmlu tajjeb għall-impatti ekonomiċi u soċjali. F’dan ir-rigward, il-KESE jqis li l-FEMS (Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd) huwa l-istrument finanzjarju l-aktar adatt biex jappoġġja lill-intrapriżi u ‘l-ħaddiema fit-tranżizzjoni lejn sajd sostenibbli. Għaldaqstant il-Kumitat iqis li l-konverżjoni tal-intrapriżi fis-sajd relatat mat-turiżmu (Ekonomija Blu (12)) jew fl-akkwakultura (13) tista’ ċertament tirrappreżenta alternattiva valida, iżda dan bl-ebda mod ma jista’ jissostitwixxi l-prinċipju li s-sajd tradizzjonali, b’mod partikolari minħabba l-karatteristiċi bijoloġiċi tal-ħut (pereżempju l-bżonn ta’ spazju tagħhom), la jista’ jerġa’ jiġi mmodifikat fid-daqs u lanqas ma jista’ jiġi eliminat.

1.7

Minħabba l-effetti negattivi rilevanti fuq l-ambjent, l-ekonomija u l-impjiegi li għandha l-miżura, il-Kumitat iqis li l-pjan ta’ ġestjoni tas-sajd il-ġdid ma jistax jiġi stabbilit b’atti delegati, u jitlob li dan jiġi dikjarat minnufih mill-Kummissjoni b’mod ċar u trasparenti fl-interess tal-partijiet kollha kkonċernati (14).

1.8

Il-Kumitat itenni li kull miżura ta’ ħarsien tal-ambjent x’aktarx li tirriżulta inutli jekk ma jiġu indirizzati minn qabel il-problemi ta’ kompetizzjoni inġusta u tas-sajd illegali, filwaqt li jiġu rinforzati l-kontrolli, jissaħħu l-penali, u tiġi imposta sistema ta’ traċċabbiltà integrali “mill-baħar sal-mejda (15)” b’kontrolli eżawrjenti tas-sanità kemm fil-fruntiera kif ukoll fil-pajjiż ta’ oriġini. B’mod partikolari, il-Kumitat iqis fundamentali li titnieda mill-ġdid il-kollaborazzjoni fost il-pajjiżi kollha li jinsabu fil-Baħar Mediterran, abbażi tal-programm u tal-għanijiet stabbiliti fid-Dikjarazzjoni Ministerjali li ġiet iffirmata f’Malta fit-30 ta’ Marzu 2017 (16).

1.9

Il-Kumitat iqis li l-għan tal-MSY għandu jintlaħaq f’perjodi taż-żmien raġonevoli. Id-data ta’ skadenza tal-31 ta’ Diċembru 2020 ma tidhirx prattikabbli. Din il-Proposta hija bbażata fuq l-għarfien tat-tul ta’ żmien naturali għar-ripopolament tal-istokkijiet pelaġiċi ż-żgħar kif ukoll fuq l-aġġustament tal-awtoritajiet ta’ kontroll, tal-intrapriżi u tal-ħaddiema għar-regoli l-ġodda (speċjalment f’każ li dawn ikunu tbiddlu b’mod drastiku bit-tranżizzjoni mill-isforz għall-kwoti). B’żieda ma’ dan, il-KESE jqis li l-użu possibbli ta’ klawsoli ta’ salvagwardja mhuwiex alternattiva valida minħabba l-impatt eċċessiv li jkollhom f’termini soċjali u ekonomiċi.

1.10

Il-Kumitat jistieden lill-Kummissjoni biex tiddefinixxi aħjar l-aspetti operattivi tar-reġjonalizzazzjoni filwaqt li torbot mill-bidu l-għanijiet tas-sostenibbiltà tar-riżorsi tas-sajd mal-livelli effettivi tal-ispiża mġarrba mill-intrapriżi sabiex b’hekk tiġi żgurata s-sopravivenza.

1.11

Fl-interess tal-konsumaturi Ewropej, il-KESE jitlob mill-ġdid li titwettaq kemm jista’ jkun malajr valutazzjoni dettaljata tal-impatt fuq l-evoluzzjoni tal-prezzijiet tal-ispeċijiet li huma soġġetti għall-ħarsien, kemm rigward il-ħut destinat għall-bejgħ dirett kif ukoll dwar dak maħsub għall-ipproċessar. Barra minn hekk, il-Kumitat jistieden lill-Kummissjoni tidentifika sistemi ta’ ċertifikazzjoni tal-kwalità ta’ “sajd sostenibbli”, sabiex jiżdied l-għarfien tal-konsumaturi u jinħoloq valur miżjud għall-intrapriżi (17).

2.   Introduzzjoni

2.1

Il-Baħar Adrijatiku (18) huwa sottoreġjun tal-Mediterran li fih isir ħafna sajd, u fejn il-pelaġiċi tal-ispeċijiet iż-żgħar (19), primarjament l-inċova u s-sardin (20), huma fost dawk li joffru l-aktar qligħ. Skont id-data riċenti tal-GFCM-FAO (21) u tal-STECF (22), l-istokkijiet tal-inċova u tas-sardin qed ibatu minħabba l-isfruttar eċċessiv u għandhom bżonn ta’ protezzjoni akbar.

2.2

Il-maġġoranza ta’ dawn il-qabdiet isiru minn sajjieda Taljani u Kroati fil-parti tat-Tramuntana tal-Baħar Adrijatiku. Is-Slovenja tipparteċipa f’din l-attività b’mod residwu (anqas minn 1 %) l-istess bħall-Albanija, il-Bożnija-Ħerzegovina u l-Montenegro li jirrappreżentaw kwota ta’ qabdiet żgħar simili (madwar 1 %) (23).

2.3

Il-qafas ta’ ġestjoni eżistenti huwa bbażat fuq il-limitazzjoni tal-isforz tas-sajd (24), flimkien ma’ diversi miżuri addizzjonali bħal, pereżempju, il-projbizzjonijiet ġeotemporali tas-sajd u d-daqsijiet minimi għall-ħatt l-art. Madankollu, dawn il-miżuri ma ġewx implimentati b’mod ikkoordinat, kontinwu u uniformi mill-Istati Membri (b’mod partikolari l-perjodi ta’ għeluq bijoloġiku tas-sajd (25)), u dan wassal għal konfużjoni fost l-operaturi u t-tfixkil fir-ripopolament tal-istokkijiet.

2.4

Il-MEDAC, f’konformità mal-mandat tiegħu, fassal opinjoni dwar il-pelaġiċi ż-żgħar fl-Adrijatiku li jiġbor fih proposti ta’ ħidma li huma riżultat tal-konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati kollha li damet sentejn (intraprendituri, ħaddiema, kooperattivi, ambjentalisti, konsumaturi) li ġiet ippubblikata fil-11 ta’ Marzu 2016 li għadda (26).

3.   Sommarju tal-proposta tal-Kummissjoni

3.1

Il-Kummissjoni Ewropea, sabiex tipproteġi l-istokkijiet tal-pelaġiċi ż-żgħar tal-Baħar Adrijatiku, b’mod partikolari l-inċova u s-sardin, fasslet Regolament li għandu l-għan li jistabbilixxi pjan pluriennali li jindirizza din l-emerġenza ambjentali. L-għan finali huwa li sal-2020 jintlaħaq ir-Rendiment Massimu Sostenibbli (27) (MSY) kif previst mill-Politika Komuni tas-Sajd (PKS). Fit-totalità tiegħu, il-pjan pluriennali jenħtieġ li jiġi evalwat kull ħames snin.

3.2

Il-proposta għal Regolament, b’nuqqas ta’ kontinwità mal-miżuri kollha ta’ ġestjoni li s’issa ġew applikati fiż-żona, tistabbilixxi sistema unika ta’ governanza, filwaqt li tillimita d-derogi nazzjonali (b’mod partikolari l-perjodi ta’ għeluq bijoloġiku u l-modalitajiet ta’ kontroll) u, b’mod partikolari tipprevedi li s-sistema ta’ ġestjoni tibbaża fuq il-limitazzjoni tal-qabdiet (28) (TAC) u mhux aktar fuq it-tnaqqis tal-isforz tas-sajd.

3.3

Din il-proposta, li hija msejsa fuq il-mudell u fuq il-kontenut tal-pjan pluriennali għal ċerti stokkijiet tal-ħut fil-Baħar Baltiku (29), hija bbażata fuq l-opinjoni tal-STECF u fl-istess ħin, hija f’kuntrast ċar ma’ dik issuġġerita mill-MEDAC li hija bbażata fuq rimodulazzjoni aktar stretta tal-isforz tas-sajd (sistema tad-dawl tat-traffiku – traffic light approach (30)).

3.4

B’mod partikolari, il-Kummissjoni tipproponi l-istabbiliment ta’ valuri ta’ referenza għall-konservazzjoni, li jiġu kkalkulati f’tunnellati ta’ bijomassa tal-istokk riproduttur, u firxa ta’ valuri tal-mortalità mis-sajd. Meta l-opinjonijiet xjentifiċi jindikaw li stokk huwa taħt il-valur ta’ referenza, il-qabdiet ikollhom jitnaqqsu. Fir-rigward tal-implimentazzjoni effettiva tas-sistema l-ġdida ta’ ġestjoni, il-Kummissjoni tħalli kollox għall-atti delegati.

3.5

Il-proposta tipprevedi kooperazzjoni reġjonali bejn l-Istati Membri, sabiex jiġu adottati miżuri speċifiċi ta’ konservazzjoni. Permezz tar-“reġjonalizzazzjoni” jistgħu jiġu mmodifikati wkoll miżuri tekniċi partikolari (eż: id-daqs tal-malji tax-xbieki u l-karatteristiċi tat-tagħmir).

3.6

Barra minn hekk, il-Proposta tipprovdi li l-awtoritajiet kompetenti jkunu kapaċi jidentifikaw, jillokalizzaw u jikkontrollaw b’mod sistematiku l-attivitajiet u l-qabdiet tal-bastimenti kollha tal-istess daqs jew ta’ dawk li jaqbżu t-tmien metri, permezz ta’ strumentazzjoni diġitali adatta (eż. ġurnal ta’ abbord elettroniku). Barra minn hekk, il-portijiet kollha jkollhom jiġu mgħammra bi strumenti diġitali li jivverifikaw il-qabdiet ta’ kull inġenju ladarba jinħattu. Għal dan il-għan kull dgħajsa għandha tħabbar il-wasla tagħha fil-port lill-awtoritajiet kompetenti mill-inqas erba’ sigħat qabel.

4.   Kummenti ġenerali

4.1

Il-KESE, filwaqt li jieħu nota tal-istudji xjentifiċi ppubblikati f’dan il-qasam, jaqbel dwar il-bżonn ta’ intervent biex jiġu protetti l-istokkijiet tal-pelaġiċi ż-żgħar tal-Adrijatiku li bħalissa qed isofru.

4.2

Barra minn hekk, il-Kumitat jikkondividi l-bżonn li jintuża regolament bħala strument leġislattiv biex tissaħħaħ il-governanza u biex ir-regoli jkunu uniċi u vinkolanti għall-pajjiżi u l-partijiet ikkonċernati involuti kollha, sabiex jingħelbu l-problemi ta’ impatt ambjentali tas-sajd li jirriżultaw l-aktar minn applikazzjoni inkonsistenti u mhux koordinata tal-miżuri ta’ ġestjoni attwali.

4.3

Il-KESE, f’konformità mal-PKS u mal-opinjonijiet preċedenti tiegħu, iqis li hija prijorità li jintlaħaq il-livell ta’ Rendiment Massimu Sostenibbli (MSY) sabiex jiġu protetti b’mod konġunt ir-rekwiżiti ambjentali, tal-ikel, ekonomiċi u dawk produttivi (31).

4.4

Madankollu, il-KESE jqis li l-Proposta tal-Kummissjoni tidher li mhix kompleta u hija kontradittorja f’ħafna aspetti ewlenin, u jibża’ li dawn in-nuqqasijiet jistgħu kemm jipperikolaw l-ilħuq tal-għanijiet ta’ sostenibbiltà ambjentali kif ukoll jagħmlu ħafna ħsara lill-ħaddiema, ‘l-intrapriżi u ‘l-komunitajiet lokali.

5.   Kummenti

5.1   Bżonn ta’ valutazzjoni adatta tal-impatt ekonomiku u soċjali u ta’ miżuri li jikkumpensaw l-effetti tal-pjan pluriennali fuq l-intrapriżi u l-impjiegi

5.1.1

B’kuntrast għax-xewqat tal-GFCM-FAO u tal-MEDAC, il-Proposta hija nieqsa minn valutazzjoni ddettaljata tal-impatt soċjoekonomiku (32). Dan l-aspett għandu rwol ewlieni peress li s-settur tas-sajd fil-Mediterran ilu għal bosta snin fi kriżi serja (33) u peress li riforma mhux meqjusa sew jista’ jkollha effetti ħżiena fuq l-intrapriżi u l-ħaddiema.

5.1.2

Huwa nnutat ukoll li l-Kummissjoni approvat il-Proposta tagħha mingħajr ma stenniet ir-riżultati tal-grupp ta’ ħidma tal-GFCM-FAO, stabbilit mill-paragrafu 14 tar-Rakkomandazzjoni 40/2016/3 u li għandu l-kompitu li jivvaluta l-impatt ta’ għadd ta’ miżuri li jinkludu kemm il-limiti ta’ qabda kif ukoll l-iskema tal-isforz għall-ġestjoni sostenibbli tas-sajd ta’ pelaġiċi żgħar fl-Adrijatiku.

5.1.3

Madankollu, il-KESE jqis li l-miżuri proposti ma jistgħux ikunu “bla spejjeż” fid-dawl ta’ tnaqqis ta’ 30 % fil-qabdiet, tnaqqis ta’ 25 % fid-dħul għall-intrapriżi u t-telf ta’ 10 % fl-impjiegi. Minbarra l-problema metodoloġika msemmija hawn fuq dwar il-ġbir tad-data, il-Kummissjoni ma tistabbilixxi ebda miżura biex jitnaqqsu l-effetti tar-Regolament, u b’hekk titfa’ l-ispiża ekonomika u soċjali tal-pjan pluriennali esklużivament fuq l-Istati Membri.

5.1.4

Il-KESE jinnota li l-Kummissjoni ma vvalutatx bis-sħiħ l-impatt fuq l-industrija, fuq il-komunitajiet lokali tradizzjonalment attivi fis-sajd (ħafna minnhom insulari), fuq iż-żieda probabbli tal-prezzijiet u fuq il-kwalità dubjuża u s-sostenibbiltà tal-prodotti ċertament importati minn pajjiżi terzi (fuq kollox l-Afrika ta’ Fuq) biex tiġi kkumpensata d-domanda interna.

5.1.5

Ir-Regolament ma jipprevedi ebda mekkaniżmu ta’ appoġġ finanzjarju għall-intrapriżi jew għall-konverżjoni tagħhom (eż. akkwakultura), kif ukoll mhija prevista l-ebda miżura ta’ sussidji għall-pagi, attività ta’ taħriġ u/jew kollokament mill-ġdid għall-ħaddiema (sajjieda jew ħaddiema tal-industrija) li se jitilfu xogħolhom.

5.2   Speċifiċitajiet bijoloġiċi tal-Adrijatiku

5.2.1

Il-KESE jqis li l-mudell tal-pjan pluriennali li rnexxa għal ċerti stokkijiet ta’ ħut fil-Baħar Baltiku mhuwiex adattat għall-Adrijatiku. Kif jidher mill-GFCM-FAO, il-Baltiku huwa baħar monospeċifiku, li fih huwa faċli li jsir sajd dirett għaliex hawnhekk jgħixu ftit tipi ta’ ħut, u għalhekk huwa aktar sempliċi li jiġu stabbiliti limiti għall-qabdiet. Madankollu l-Adrijatiku, bħall-Mediterran kollu, huwa baħar multispeċifiku li fih ħixu ħafna speċitajiet ta’ ħut fl-istess żona (34). L-uniku preċedent fil-Mediterran ta’ limitu għall-qabdiet huwa dak tat-tonn, proposta appoġġjata mill-KESE (35), għaliex kienet tintervjeni fuq speċi li l-karatteristiċi (l-ewwel nett id-daqs) u t-tekniki ta’ sajd tagħha jagħmluha differenti ħafna mill-pelaġiċi ż-żgħar.

5.2.2

Madankollu, il-KESE jinnota li tradizzjonalment is-sajd fl-Adrijatiku jsir skont modalitajiet differenti ħafna meta mqabbla ma’ dawk tal-Baltiku. L-intrapriżi tal-Adrijatiku huma azjendi tal-familja u jużaw bastimenti żgħar (8 sa 12-il metru). Is-sidien ta’ spiss huma sajjieda huma wkoll, u n-numru medju ta’ ekwipaġġ huwa ta’ madwar 3 persuni. Għalhekk, il-ħut jinħatt f’ħafna portijiet żgħar, iżda ilu għal ħafna mijiet ta’ snin jirrappreżenta fattur ekonomiku importanti għall-komunitajiet (ta’ spiss iżolati) involuti.

5.3   Sistema ta’ ġestjoni u atti delegati

5.3.1

Is-sistema ġdida ta’ ġestjoni bbażata fuq il-qabdiet ma tibbaża fuq l-ebda approfondiment ċar u speċifiku fil-Proposta, u tinvolvi biss qafas leġislattiv li se jiġi kkompletat aktar tard permezz ta’ atti delegati. Peress li din hija tema delikata ħafna minħabba l-komponenti marbuta mal-ambjent, l-ekonomija u l-impjiegi involuti, dan ikun jirrappreżenta limitazzjoni kbira għall-intrapriżi biex jippjanaw l-attività tas-sajd tagħhom li ħajjithom tiddependi fuqha.

5.4   Il-bżonn ta’ perjodi taż-żmien proporzjonali għall-għan tar-Rendiment Massimu Sostenibbli (MSY)

5.4.1

Ir-Regolament fis-seħħ għall-Baħar Baltiku, li ġie approvat fl-2016, ta perjodu ta’ ħames snin (sal-2020) lill-intrapriżi iżda anke lill-istokkijiet tal-ħut biex jilħqu livelli ta’ sajd sostenibbli. Din id-data taħbat mad-data ta’ skadenza tal-PKS. Minflok, għall-Adrijatiku, il-Kummissjoni tipprevedi impożizzjoni ta’ pjan direzzjonali aktar strett ta’ anqas minn sentejn (2019-2020), bl-għan waħdieni li tiġi rispettata l-iskadenza mill-PKS, mingħajr ma jiġu kkunsidrati ż-żminijiet bijoloġiċi naturali ta’ riproduzzjoni tal-pelaġiċi ż-żgħar (li jvarjaw minħabba ħafna fatturi), flimkien maż-żminijiet meħtieġa għall-intrapriżi u għall-awtoritajiet lokali biex jadattaw ruħhom għal miżuri ta’ ġestjoni aktar restrittivi u kompletament differenti minn dawk implimentati fl-aħħar 30 sena, bir-riskju konkret li ma jintlaħaqx l-għan ambjentali stabbilit minn qabel u bir-riskju li jinqered settur (kif ukoll l-industrija tiegħu) li minnu jiddependu mijiet ta’ komunitajiet tal-kosta.

5.5   Kompetizzjoni inġusta minn pajjiżi terzi u sajd illegali

5.5.1

Is-settur tas-sajd tal-Mediterran, inkluż l-Adrijatiku, ilu għal aktar minn għoxrin sena fi kriżi serja u dan minħabba bosta raġunijiet, fosthom il-kompetizzjoni inġusta li tirriżulta minn pajjiżi terzi (b’mod partikolari mill-Afrika ta’ Fuq fejn jinqabad ħut u jinbiegħ mingħajr kontroll) u s-sajd illegali (li ta’ spiss jaħbi anke sitwazzjonijiet ta’ xogħol illegali). Sal-lum, il-maġġoranza tal-intrapriżi legali jinsabu fil-limitu tas-sopravivenza tagħhom (36) u huma r-relazzjonijiet personali jew familjari li jorbtu s-sid u l-ekwipaġġ imnaqqas li evitaw il-kollass totali tas-settur.

5.5.2

Għaldaqstant, il-KESE jqis li l-bidla minn sistema bbażata fuq l-isforz għal waħda bbażata fuq il-qabdiet (bi tnaqqis ta’ 30 %), mingħajr miżuri adatti biex jiġu miġġielda l-prattiki inġusti jew illegali, se jikkawżaw b’mod esklużiv l-għeluq minnufih ta’ numru kbir ħafna ta’ azjendi li jaħdmu legalment u t-telf ta’ impjiegi u mhux bilfors se jiġu solvuti l-problemi ambjentali.

5.6   Ir-reġjonalizzazzjoni

5.6.1

Il-Proposta ma tistabbilixxix fid-dettall il-modalitajiet ta’ “teħid”. Din il-lakuna tista’ tiġġenera problema serja ta’ kompetizzjoni fost l-Istati minħabba l-eżistenza ta’ spejjeż differenti għall-intrapriżi bejn pajjiż u ieħor, u dawn huma marbutin ma’ diversi fatturi, fosthom: remunerazzjoni, kontribuzzjonijiet soċjali u assigurazzjonijiet, swieq.

5.6.2

B’mod partikolari, il-KESE jinnota li jekk ir-reġjonalizzazzjoni tiġi definita biss f’termini ta’ protezzjoni tar-riżorsa tal-ħut, l-UE ssib ruħha f’pożizzjoni fejn ikollha timmaniġġja kunflitti ġodda u kbar fejn il-qligħ tas-soċjetà jkun ivarja skont l-ispiża tal-azjenda minflok il-prodott tas-sajd.

5.7   Tagħmir teknoloġiku u kontrolli

5.7.1

Il-KESE jaqbel mal-bżonn li l-kontrolli jsiru aktar effiċjenti bl-użu tat-teknoloġiji diġitali, madankollu jisħaq li, b’differenza mill-Baltiku, il-kosti tal-Adrijatiku huma kkaratterizzati minn ħafna portijiet żgħar (FAO-ADRIAMED tirreġistra 238 port li jintużaw għas-sajd fl-Italja, is-Slovenja u l-Kroazja (37)) u ħafna inġenji żgħar. Għal din ir-raġuni l-awtoritajiet kompetenti u l-intrapriżi(li huma diġà fi kriżi) se jkollhom bżonn ta’ żmien u riżorsi biex jadattaw ruħhom għall-pjan leġislattiv il-ġdid.

5.7.2

Barra minn hekk, b’differenza minn dak preżunt mill-Kummissjoni, il-KESE jqis li l-għażla bejn il-portijiet biex jinħatt il-ħut (bl-esklużjoni ta’ dawk iżgħar) tkun tirrappreżenta ħsara kbira għall-komunitajiet lokali. B’żieda ma’ dan, għall-Kumitat l-impatt ekonomiku ta’ din il-miżura fuq l-inġenji ta’ daqs iżgħar jeħtieġ jiġi eleaborat aktar, peress li skont ir-Regolament dan jeħtieġ japplika għal dgħajjes li huma 8 metri jew akbar.

5.8   Ċertifikazzjoni tal-kwalità

5.8.1

Il-proposta ma tipprovdix mekkaniżmi ta’ ċertifikazzjoni tal-kwalità/tikkettar biex tappoġġja s-settur produttiv affettwat mir-riforma. Dan l-element jiġi apprezzat ħafna mill-konsumaturi li jfittxu dejjem prodotti tajbin għas-saħħa, ta’ kwalità u li huma sostenibbli. Barra minn hekk, dawn il-miżuri jkunu effettivi fil-ġlieda kontra prattiki illegali u kompetizzjoni inġusta.

5.9   Varjazzjoni tal-prezzijiet

5.9.1

Il-proposta tal-Kummissjoni ma tqisx b’mod adatt l-adozzjoni ta’ miżuri sabiex tiġi miġġielda ż-żieda naturali fil-prezzijiet tal-pelaġiċi ż-żgħar minħabba t-tnaqqis fil-qabdiet li, barra minn hekk, se twassal biex dawn jinxtraw minn pajjiżi terzi, li huma nieqsa minn kontrolli u garanziji adatti, b’mod partikolari ta’ natura ambjentali.

5.10   L-involviment tas-soċjetà ċivili organizzata

5.10.1

Il-KESE huwa sorpriż li l-opinjoni pprovduta mill-MEDAC bħala riżultat tas-sintesi tal-partijiet kollha kkonċernati (intraprendituri, ħaddiema, kooperattivi, ambjentalisti, konsumaturi) li ġiet ippubblikata fil-11 ta’ Marzu 2016 li għadda (38) u li hija riżultat ta’ ħidma li damet għaddejja għal aktar minn sentejn, ma ġietx ikkunsidrata sew, tant li l-Proposta tal-Kummissjoni tidher totalment differenti u f’ċerti aspetti kontradittorja.

Brussell, il-31 ta’ Mejju 2017.

President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Georges DASSIS


(1)  Il-Kummissjoni Ġenerali għas-Sajd fil-Mediterran.

(2)  Ir-Rendiment Massimu Sostenibbli (Maximum, Sustainable Yield — MSY) jindika l-kwantità massima ta’ ħut li jista’ jinqabad f’perjodu ta’ żmien indefinit mingħajr ma ssir xi ħsara lill-istokk. Dan il-prinċipju jirrappreżenta wieħed mill-prinċipji fundamentali tal-PKS.

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013.

(4)  Opinjoni tal-KESE dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fil-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura (ĠU C 181, 21.6.2012, p. 183).

(5)  Opinjoni tal-KESE dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fil-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura (ĠU C 181, 21.6.2012, p. 183) il-punt 1.17: “Il-KESE jilmenta dwar il-fatt li d-dimensjoni soċjali, ikkunsidrata fil-fażijiet kollha tas-settur tas-sajd u tal-akkwakultura (produzzjoni, proċessar u kummerċjalizzazzjoni), mhijiex preżenti fil-proposta b’miżuri konkreti għat-titjib tal-kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol, u jemmen li għandha tiġi inkoraġġuta l-parteċipazzjoni tal-imsieħba soċjali fil-livell adegwat”.

(6)  Opinjoni tal-KESE dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fil-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura (ĠU C 181, 21.6.2012, p. 183) il-punt 1.6: “Il-KESE jappoġġja l-proposta li jiġu stabbiliti pjani multiannwali bil-għan li, fejn possibbli, l-istokkijiet kollha tal-ħut jiġu rkuprati u jinżammu ’l fuq mil-livelli li jistgħu jipproduċu r-rendiment massimu sostenibbli. Minkejja li huwa ta’ min ifaħħru, dan il-għan diffiċli jiġi applikat fil-każ tas-sajd imħallat, u għaldaqstant il-KESE jitlob lill-Kummissjoni tipprovdi soluzzjonijiet prattiċi biex jissolvew il-problemi li jistgħu jinqalgħu f’dan it-tip ta’ sajd.”

(7)  Opinjoni tal-KESE dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fil-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura (ĠU C 181, 21.6.2012, p. 183) il-punt 1.19: “Il-KESE jemmen li definizzjoni tas-sajd fuq skala żgħira bbażata fuq il-kriterju tat-tul tal-bastiment biss hija simplistika wisq u tassimila parti enormi mill-flotta fuq skala żgħira mas-sajd industrijali.”

(8)  Il-MEDAC huwa l-korp konsultattiv li jgħaqqad flimkien lill-organizzazzjonijiet Ewropej u nazzjonali tas-soċjetà ċivili li jirrappreżentaw is-settur li jaħdem fiż-żona tal-Mediterran. Ir-rwol tal-MEDAC huwa dak li jipprovdi opinjonijiet dwar il-ġestjoni tas-sajd u dwar l-aspetti soċjoekonomiċi marbutin mal-konservazzjoni tas-sajd fil-Mediterran u li huma indirizzati lill-Istati Membri u lilll-istituzzjonijiet Ewropej, biex permezz ta’ dan jitwettqu l-għanijiet tal-PKS filwaqt li jiġu offruti soluzzjonijiet tekniċi u suġġerimenti fuq talba tal-Istati Membri.

(9)  Opinjoni tal-KESE dwar ir-Riforma tal-Politika Komuni tas-Sajd (Green Paper) (ĠU C 18, 19.1.2011, p. 53), il-punt 3.1.2.2: “It-titjib kontinwu tar-riżorsi tas-sajd u l-istabbilizzazzjoni tagħhom f’livelli sostenibbli għandhom jimxu id f’id ma’ studji tal-impatt soċjoekonomiku li jippromovu miżuri ta’ appoġġ finanzjarju għas-settur, immirati b’mod partikolari għall-ħarsien tal-impjiegi, sabiex l-intrapriżi jinvestu fl-innovazzjoni u l-iżvilupp kif ukoll għat-taħriġ professjonali. Fil-fatt jeħtieġ li jiġi garantit dħul deċenti għas-sajjieda matul il-perjodu ta’ rkupru tal-istokkijiet”.

(10)  Skont l-STECF (Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd) (2016), fil-perjodu bejn l-2008 u l-2014 fil-Mediterran intilfu aktar minn 10 000 impjieg, bi tnaqqis ta’ 14 % fl-inġenji u ta’ 8 % fin-numru ta’ impjegati. Jekk imbagħad jitqies fid-dettall “is-sajd fuq skala żgħira” (inġenji iżgħar minn 12-il metru), li jirrappreżenta aktar minn 50 % tas-settur, kien hemm tnaqqis ta’ 16 % fl-inġenji filwaqt li l-impjegati naqsu bi 13 %. Barra dan jeħtieġ jiġi kkunsidrat li, fil-pajjiżi involuti direttament, il-pjan jista’ jħalli impatt devastanti jekk ma jitqiesx b’mod adatt. Prova ta’ dan hija l-Kroazja fejn il-pelaġiċi ż-żgħar jirrappreżentaw id-90 % tal-qabdiet. Barra minn hekk, fl-Italja fil-perjodu bejn l-2004 u l-2015, il-kapaċità tal-flotta tas-sajd naqset bi 17 % f’termini ta’ għadd ta’ bastimenti, u ntilfu aktar minn 20 % tal-impjiegi.

(11)  Opinjoni tal-KESE dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fil-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura (ĠU C 181, 21.6.2012, p. 183) il-punt 3.3.6: “Barra minn hekk, il-Kumitat iqis li l-applikazzjoni tal-miżuri biex l-istokkijiet tal-ħut jiġu rkuprati u jinżammu ’l fuq mil-livelli li jistgħu jipproduċu r-rendiment massimu sostenibbli sal-2015 ser taffettwa l-kapaċità tas-sajd tal-flotot tal-Istati Membri(…). Għaldaqstant, il-Kummissjoni għandha tipprevedi miżuri ta’ aġġustament billi toffri alternattivi soċjoprofessjonali għas-settur tas-sajd li jevitaw it-telf attwali tal-impjiegi minħabba l-istat ħażin tal-istokkijiet tal-ħut”.

(12)  Opinjoni tal-KESE dwar l-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea għar-reġjun Adrijatiku u Jonju (ĠU C 458, 19.12.2014, p. 27), il-punti 3.3; 3.4; 3.5.

(13)  Opinjoni tal-KESE dwar it-tneħħija tal-ostakli għall-akkwakultura sostenibbli fl-Ewropa (ĠU C 34, 2.2.2017, p. 73).

Opinjoni tal-KESE dwar l-innovazzjoni u l-ekonomija blu (ĠU C 12, 15.1.2015, p. 93), il-punt 1.7.

(14)  Opinjoni tal-KESE dwar atti delegati (ĠU C 13, 15.1.2016, p. 145), il-punt 1.8.

(15)  Opinjoni tal-KESE dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fil-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura (ĠU C 181, 21.6.2012, p. 183) il-punt 1.21.

(16)  IP/17/770, Il-Kummissjoni Ewropea tiżgura impenn ta’ għaxar snin biex jiġu salvati l-istokkijiet tal-ħut fil-Mediterran.

(17)  Opinjoni tal-KESE dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fil-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura (ĠU C 181, 21.6.2012, p. 183) il-punt 4.5.

(18)  Il-Baħar Adrijatiku jikkorrispondi għas-Subżoni ġeografiċi 17 u 18 tal-GFCM.

(19)  Dawn huma speċijiet ta’ daqs żgħir li jgħumu qrib il-wiċċ (eżempju, kavall, aringa, sawrell, stokkafixx, minfaħ, inċova, arġentina, sardin, laċċa kaħla…).

(20)  Fil-Kroazja, is-sajd ta’ pelaġiċi żgħar jikkorrispondi għal 90 % tat-total ta’ qabdiet.

(21)  Il-Kummissjoni Ġenerali għas-Sajd fil-Mediterran ġiet stabbilita fl-1949 fi ħdan l-FAO. Kompitu fundamentali tal-GFCM huwa l-promozzjoni tal-iżvilupp, tal-konservazzjoni u tal-ġestjoni tajba tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar.

(22)  Il-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd ġie stabbilit fl-1993 u huwa korp konsultattiv li jirrapporta direttament lill-Kummissjoni Ewropea. Huma magħmul minn grupp ta’ esperti li huma msejħa biex jagħtu opinjonijiet lill-Kummissjoni dwar il-ġestjoni tas-sajd.

(23)  GFCM, The State of Mediterranean and Black Sea Fisheries, (L-Istat tal-Mediterran u s-Sajd fil-Baħar l-Iswed) 2016, p. 25.

(24)  Il-ġestjoni tal-isforz tas-sajd tgħaqqad ir-restrizzjonijiet dwar il-kapaċità tal-flotta mat-tul ta’ żmien li din tal-aħħar tista’ tqatta’ fil-baħar.

(25)  L-għeluq bijoloġiku huwa perjodu ta’ żmien li fih is-sajd f’xi żoni partikolari huwa pprojbit. Dan huwa strument li ilu fis-seħħ għal 30 sena fl-UE u huwa maħsub biex iħares il-patrimonju tal-ħut fl-ibħra, filwaqt li jippromovi r-riproduzzjoni naturali tal-ispeċijiet li jinqabdu l-aktar. Il-fatt li s-sajd jitwaqqaf għal numru partikolari ta’ ġranet konsekuttivi, fil-fatt ifisser li jingħata ż-żmien lill-ħut biex itemmu ċ-ċiklu riproduttiv tagħhom mingħajr periklu, u b’hekk jiġu ssalvagwardati l-istokkijiet tal-ħut.

(26)  MEDAC, Medac advice on LTMP for small pelagics in GSA 17 (Northern Adriatic) [Parir tal-Medac dwar l-LTMP għall-pelaġiċi ż-żgħar f’GSA 17 (It-Tramuntana tal-Adrijatiku)], Prot. 94/2016, Marzu 2016.

(27)  Ir-Rendiment Massimu Sostenibbli (MSY) jindika l-kwantità massima ta’ ħut li jista’ jinqabad f’perjodu ta’ żmien indefinit mingħajr ma ssir xi ħsara lill-istokkijiet.

(28)  Il-qabdiet totali permissibbli (TAC) huma limiti għas-sajd ta’ stokkijiet tal-ħut partikolari, li jiġu kkalkulati f’tunnellati. Il-Kummissjoni tistabbilixxi dawn il-limiti billi tibbaża fuq l-opinjonijiet xjentifiċi dwar l-istat tal-istokkijiet pprovduti minn korpi konsultattivi bħall-ICES u l-STECF.

(29)  Fost dawn il-bakkaljaw, l-aringa, il-laċċa kaħla u s-salamun.

(30)  MEDAC, Medac advice on LTMP for small pelagics in GSA 17 (Northern Adriatic) [Parir tal-Medac dwar l-LTMP għall-pelaġiċi ż-żgħar f’GSA 17 (It-Tramuntana tal-Adrijatiku)], Prot. 94/2016, Marzu 2016, pp. 7-8.

(31)  Opinjoni tal-KESE dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fil-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura (ĠU C 181, 21.6.2012, p. 183).

(32)  SWD(2017) 63 final.

(33)  Ministero delle Politiche Agricole e Forestali Italiano, Piano Nazionale Pesca [Ministeru Taljan tal-Politika Agrikola u Forestali, Pjan Nazzjonali għas-Sajd 2017-2019]. Fil-perjodu bejn l-2004 u l-2015, il-kapaċità tal-flotta tas-sajd Taljana naqset bi 17 % f’termini ta’ għadd ta’ bastimenti, b’26 % f’termini ta’ tunnellaġġ u b’21 % f’termini ta’ saħħa tal-magna (kW). It-tnaqqis fil-kapaċità tas-sajd kien partikolarment konsiderevoli bejn l-2010 u l-2012, minn naħa minħabba l-kriżi ekonomika u min-naħa l-oħra minħabba t-tluq f’daqqa ta’ għadd ta’ bastimenti li kien inċentivat mill-miżura relatata mal-waqfien permanenti tal-Fond Ewropew għas-Sajd (FES).

(34)  GFCM, The State of Mediterranean and Black Sea Fisheries [L-Istat tal-Mediterran u s-Sajd fil-Baħar l-Iswed], 2016, p. 26.

(35)  Opinjoni tal-KESE dwar pjan multiannwali għall-irkupru tat-tonn fil-Lvant tal-Atlantiku u fil-Mediterran (GU C 24, 28.1.2012, p. 116), il-punt 1.1: “Il-KESE jappoġġja l-proposti tal-Kummissjoni Ewropea u jirrikonoxxi l-isforz li qed jagħmlu kemm l-Istati Membri kif ukoll is-sajjieda biex iwettqu l-pjan ambizzjuż għall-irkupru tat-tonn tal-Kummissjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn tal-Atlantiku (ICCAT). Dan il-pjan qed iħalli l-frott, iżda l-implimentazzjoni tiegħu qed toħloq konsegwenzi soċjoekonomiċi kbar li għandhom jiġu kkunsidrati”.

(36)  Il-qligħ medju għal kull sajjied huwa ta’ EUR 18-20 elf fis-sena, filwaqt li fil-Baltiku u fil-Baħar tat-Tramuntana l-qligħ huwa ta’ bejn is-EUR 60-80 elf fis-sena.

(37)  B’mod partikolari, għal kull pajjiż huwa rreġistrat in-numru ta’ portijiet li ġejjin: il-Kroazja 147; l-Italja 89; is-Slovenja 3(www.faoadriamed.org).

(38)  MEDAC, Medac advice on LTMP for small pelagics in GSA 17 (Northern Adriatic) [Parir tal-MEDAC dwar l-LTMP għall-pelaġiċi ż-żgħar f’GSA 17 (It-Tramuntana tal-Adrijatiku)], Prot. 94/2016, Marzu 2016.


Top