EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52017AE0509

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni — Il-mexxejja li jmiss tal-Ewropa: l-Inizjattiva favur in-Negozji l-ġodda u n-Negozji li qed jespandu” (COM(2016) 733 final)

ĠU C 288, 31.8.2017, p. 20–28 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

31.8.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 288/20


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni — Il-mexxejja li jmiss tal-Ewropa: l-Inizjattiva favur in-Negozji l-ġodda u n-Negozji li qed jespandu”

(COM(2016) 733 final)

(2017/C 288/03)

Relatur:

Erik SVENSSON

Korelatur:

Ariane RODERT

Konsultazzjoni

Kummissjoni Ewropea, 27.1.2017

Bażi ġuridika

L-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum

Adottata fis-sezzjoni

4.5.2017

Adottata fis-sessjoni plenarja

31.5.2017

Sessjoni tal-plenarja Nru

526

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

194/0/0

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-KESE jilqa’ l-inizjattiva favur in-negozji l-ġodda u n-negozji li qed jespandu tal-Kummissjoni Ewropea (KE) u l-azzjonijiet proposti li għandhom l-għan li jneħħu l-ostakoli ewlenin, imma jenfasizza li mhux l-intrapriżi b’rata għolja ta’ tkabbir kollha huma intrapriżi b’teknoloġija avvanzata u li tinħtieġ azzjoni fis-setturi kollha.

1.2

Il-KESE huwa tal-opinjoni li tnedija mill-ġdid aġġornata tal-iSmall Business Act li tiġbor l-inizjattivi kollha f’aġenda unika tkun aktar rilevanti u ttejjeb il-viżibbiltà u l-konsistenza.

1.3

Il-KESE jitlob approċċ ta’ politika koordinat għan-negozji l-ġodda u n-negozji li qed jespandu li jqis id-diversità tal-mudelli tal-intrapriża, u jilqa’ l-azzjonijiet speċifiċi għall-intrapriżi tal-ekonomija soċjali. Madankollu, kwalunkwe inizjattiva għandha tistinka favur it-titjib ġenerali tal-klima intraprenditorjali, tippermetti t-teħid ta’ riskji u l-esperimentazzjoni bħala parti mill-proċess ta’ innovazzjoni.

1.4

Il-piżijiet amministrattivi u l-burokrazija għadhom ostakolu ewlieni għan-negozji l-ġodda u n-negozji li qed jespandu. Il-KESE għalhekk iħeġġeġ lill-KE timplimenta bis-sħiħ u tinfurza l-inizjattivi meħuda f’dan il-qasam.

1.5

Il-KESE jenfasizza l-importanza tal-involviment strutturali tal-imsieħba soċjali kif ukoll l-importanza tal-infurzar tal-konformità mar-regoli tal-UE dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol, il-liġijiet tax-xogħol u l-ftehimiet kollettivi.

1.6

Il-KESE jilqa’ l-azzjonijiet proposti dwar l-innovazzjoni imma jitlob li jiġu ssemplifikati r-regoli u l-kundizzjonijiet fid-dawl tar-riżorsi limitati tal-SMEs u tal-mikrokumpaniji.

1.7

It-tisħiħ tas-sħubijiet u l-bini ta’ komunitajiet ta’ riżorsi huma fattur ta’ suċċess ewlieni. Il-KE jenħtieġ li tippromovi n-netwerking, inkluż il-formazzjoni ta’ intermedjarji, faċilitaturi, aċċelleraturi u ta’ inkubaturi tan-negozju.

1.8

Sabiex jiġi sfruttat il-potenzjal tat-tkabbir tan-negozji l-ġodda u tan-negozji li qed jespandu, huwa essenzjali li jiġi żviluppat finanzjament imfassal apposta b’aċċess għal soluzzjonijiet ta’ kapital ta’ ekwità u obbligazzjonijiet, jiġi żgurat aċċess għall-kuntratti tal-akkwist u jittejjeb l-ambjent fiskali. Il-KESE esplora azzjonijiet xierqa fl-opinjonijiet tiegħu.

1.9

L-iżvilupp tal-ħiliet huwa kruċjali, u din hija r-raġuni għaliex il-fokus irid jitqiegħed fuq programmi ta’ intraprenditorija edukattiva fil-livelli kollha u fi stadju bikri tas-sistema edukattiva. Barra minn hekk, il-mentoraġġ, it-taħriġ fuq il-post tax-xogħol u l-programmi ta’ tagħlim mhux formali u nonformali jridu jitħeġġu u jiġu promossi.

1.10

Tinħtieġ azzjoni biex jonqos il-livell għoli attwali ta’ averżjoni għar-riskju fl-UE billi jiġi rivedut il-prinċipju tat-tieni opportunità u jiġi provdut appoġġ għall-iżvilupp bħal-litteriżmu/edukazzjoni finanzjarja.

1.11

Il-KESE jitlob lill-KE tlaqqa’ l-inizjattivi kollha attwali u ġodda biex tappoġġja lill-intrapriżi tal-ekonomija soċjali billi toħroġ komunikazzjoni bi Pjan ta’ Azzjoni għall-Ekonomija Soċjali. Dan jikkonforma mal-Konklużjonijiet tal-Kunsill “Il-promozzjoni tal-ekonomija soċjali bħala mutur ewlieni ta’ żvilupp ekonomiku u soċjali fl-Ewropa” (7 ta’ Diċembru 2015).

2.   Kuntest

2.1

Il-Komunikazzjoni dwar Il-mexxejja li jmiss tal-Ewropa: l-inizjattiva favur in-negozji l-ġodda u n-negozji li qed jespandu tiddikjara:

Id-ditti b’rati għolja ta’ tkabbir joħolqu ħafna aktar impjiegi ġodda minn ditti oħrajn (1). In-negozji l-ġodda li jespandu f’ditti akbar jifformaw sehem kbir ta’ dawn in-negozji. Iżidu l-innovazzjoni u l-kompetittività tal-UE, u jsaħħu l-ekonomija. Dawn in-“negozji li qed jespandu” jistgħu jipprovdu wkoll benefiċċji soċjali, inkluża l-possibbiltà ta’ arranġamenti ta’ xogħol aktar flessibbli u moderni. Fl-Istrateġija tas-Suq Uniku tagħha, il-Kummissjoni ħabbret li se tħares lejn kif tista’ tagħmel is-Suq Uniku aktar effiċjenti għan-negozji l-ġodda u għan-negozji li qed jespandu.

Skont ir-riżultati ta’ konsultazzjoni pubblika (2) li għamlet il-Kummissjoni aktar kmieni fl-2016:

negozji ġodda li jkunu qegħdin jippruvaw jespandu għadhom qed jiffaċċjaw wisq ostakoli regolatorji u amministrattivi b’mod partikolari dawk f’sitwazzjoni transfruntiera;

kemm għan-negozji l-ġodda kif ukoll għan-negozji li qed jespandu jeżistu ftit wisq opportunitajiet biex wieħed isib u jaħdem ma’ msieħba potenzjali fil-finanzi, fin-negozju u ma’ awtoritajiet lokali;

l-aċċess għall-finanzi huwa wieħed mill-akbar ostakoli għat-tkabbir.

2.2

Fil-Komunikazzjoni tagħha, il-Kummissjoni tipproponi numru ta’ azzjonijiet li għandhom jittieħdu biex jitnaqqsu u/jew jiġu eliminati dawn l-ostakoli.

2.2.1

Inneħħu l-ostakoli:

Portal Diġitali Uniku li jipprovdi aċċess onlajn faċli għall-informazzjoni,

tinħoloq Żona Unika tal-VAT,

tiġi stabbilita l-Bażi Komuni Konsolidata tat-Taxxa Korporattiva (BKKTK),

reġim għat-“tieni opportunità” u qafas ta’ ristrutturar fl-Istati Membri,

aċċess aħjar għall-akkwist pubbliku.

2.2.2

Ngħinu fil-kuntatt mal-imsieħba adattati:

il-kuntatt ma’ universitajiet, ċentri ta’ riċerka, investituri u msieħba,

l-aċċess għal opportunitajiet, ir-reklutaġġ ta’ impjegati bil-ħiliet xierqa, tisħiħ tal-opportunitajiet ta’ innovazzjoni — b’mod speċjali negozji ġodda soċjali.

2.2.3

Aċċess għall-finanzjament:

Il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (flimkien mal-Unjoni tas-Swieq Kapitali).

3.   Kummenti ġenerali

3.1

Din l-Opinjoni hija tweġiba għall-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea (KE) dwar Il-mexxejja li jmiss tal-Ewropa: l-inizjattiva favur in-negozji l-ġodda u n-negozji li qed jespandu, li tipproponi miżuri biex jiġi sfruttat il-potenzjal sħiħ tal-intrapriżi b’rata għolja ta’ tkabbir. Madankollu, il-KESE għażel li jwessa’ l-kamp ta’ applikazzjoni tal-opinjoni u jirrifletti dwar dawn l-azzjonijiet mill-perspettiva tal-forom kollha ta’ negozji ġodda, inklużi n-negozji l-ġodda u dawk li qed jespandu potenzjali.

3.2

Il-KESE jilqa’ din l-inizjattiva u l-isforz biex jiġu eliminati l-ostakli ewlenin. Il-KESE jixtieq jenfasizza x-xogħol estensiv li sar fl-opinjonijiet preċedenti tiegħu bil-għan li jinħoloq ambjent ta’ abilitazzjoni għal forom diversi ta’ intrapriża fl-UE (3), u s-sejħa preċedenti tiegħu għal aktar azzjoni fuq l-aġenda intraprenditorjali (4).

3.3

Billi l-Inizjattiva favur in-negozji l-ġodda u n-negozji li qed jespandu hija żvilupp u estensjoni tal-iSmall Business Act, il-KESE huwa tal-opinjoni li jkun aktar effiċjenti li titqies tnedija mill-ġdid aġġornata tal-iSmall Business Act pjuttost milli jkomplu jitnedew miżuri separati. Il-KESE jilqa’ u jappoġġja dan u inizjattivi oħra bil-għan li jiġu appoġġjati n-negozji l-ġodda u dawk li qed jespandu, iżda huwa diffiċli li tinkiseb ħarsa ġenerali tal-aġenda sħiħa mingħajr ma jinġabru l-inizjattivi differenti f’aġenda tal-politika konġunta u komprensiva.

3.4

Il-KESE jenfasizza l-ħtieġa għal pakkett ta’ politika ġenerali effettiv, li jqis id-diversità tal-intrapriżi u għaldaqstant jappoġġja l-għan tal-KE li tippromovi approċċ koordinat fil-politiki tal-UE.

3.5

Il-KESE jiġbed l-attenzjoni tal-KE għal opinjoni li qed ifassal il-KESE, li tinkludi numru ta’ rakkomandazzjonijiet rilevanti ferm għan-negozji l-ġodda u għan-negozji li qed jespandu:

netwerk uniku ta’ one-stop shops għall-SMEs kollha tal-UE,

il-prinċipji “Aħseb l-Ewwel fiż-Żgħir” u “ta’ darba biss” isiru legalment vinkolanti,

rispons aktar adattat għall-varjetà ta’ SMEs.

3.6

Fl-Opinjoni ta’ Diċembru 2016 (5), il-KESE jinkoraġġixxi lill-KE tippromovi l-kumpaniji b’rati għolja ta’ tkabbir billi:

timmonitorja u tikseb sinerġiji bejn politiki innovattivi mwettqa minn DĠ differenti;

issaħħaħ ir-raggruppamenti u l-ekosistemi li fihom jinħolqu negozji ġodda innovattivi;

tinkoraġġixxi aġenda akkademika li tiffoka fuq l-impjiegi għall-futur.

3.7

B’mod partikolari huwa importanti li jiġi rikonoxxut il-potenzjal kbir fil-mikrokumpaniji eżistenti, li ħafna minnhom huma negozji tal-familja, kif ukoll l-opportunitajiet ta’ żvilupp fl-isfera tal-intrapriżi tal-ekonomija soċjali. Barra minn hekk, il-KESE jħeġġeġ lill-KE tikkunsidra l-fatt li mhux l-intrapriżi b’rata għolja ta’ tkabbir kollha huma fis-settur ta’ teknoloġija avvanzata, u li s-setturi bħal dak tas-servizzi, l-industrija tal-moda u l-kummerċ elettroniku kif ukoll setturi innovattivi oħra jirrikjedu enfasi u appoġġ ukoll.

3.8

Il-KESE jħeġġeġ ukoll lill-KE tiżgura li kwalunkwe inizjattiva tqis ukoll il-fenomeni kummerċjali ġodda emerġenti, bħall-ekonomija kollaborattiva (6). Dawn kollha jikkondividu ostakoli simili u addizzjonali meta jibdew u jespandu fis-suq uniku.

3.9

Il-KESE jilqa’ l-azzjoni tal-introduzzjoni ta’ Portal Diġitali Uniku biex jitjieb l-aċċess għall-informazzjoni, imma huwa tal-opinjoni li din l-għodda se jkollha impatt limitat fuq it-tnaqqis tar-regoli u r-regolamenti onerużi. Il-KESE jissuġġerixxi wkoll li jenħtieġ li jiġi inkluż portal tal-internet dwar ir-riċerka u l-iżvilupp f’dan il-Portal Diġitali Uniku. Il-kooperazzjoni strutturali mal-organizzazzjonijiet intermedjarji hija mezz effettiv ħafna ta’ kif tittejjeb l-informazzjoni għan-negozji l-ġodda.

3.10

Il-KE tindirizza xi wħud mill-aktar ostakoli urġenti, b’mod speċjali fl-oqsma ta’ piżijiet regolatorji, tat-taxxa u amministrattivi. Il-KESE jixtieq jenfasizza li l-SMEs, inklużi l-mikrokumpaniji, l-intrapriżi tal-familja jew tal-ekonomija soċjali, spiss ikollhom ftit jew xejn kompetenza interna biex jimmaniġġjaw ir-regolamenti u l-piżijiet amministrattivi ferm kumplessi u burokratiċi, li hija r-raġuni għaliex is-semplifikazzjoni hija fundamentali.

3.11

Il-KESE jappoġġja l-evalwazzjonijiet bejn il-pari proposti biex jiġu kondiviżi l-prattiki tajba u jiġu identifikati d-differenzi bejn l-Istati Membri, bil-għan li jiġu armonizzati aħjar l-inizjattivi. Biex ikunu effettivi, is-sejbiet tal-evalwazzjonijiet bejn il-pari jridu jkunu trasparenti u mqassma fost il-partijiet ikkonċernati.

3.12

Il-KESE jappoġġja wkoll id-deċiżjoni tal-KE li tespandi s-servizz konsultattiv tan-Netwerk Enterprise Europe (EEN) b’konsulenti ddedikati għan-negozji l-ġodda u n-negozji li qed jespandu, li jagħtu pariri dwar regoli nazzjonali u Ewropej, opportunitajiet ta’ finanzjament, sħubijiet u aċċess għall-akkwist pubbliku transfruntier. F’dal-każ ukoll il-KESE jixtieq jenfasizza l-importanza u l-benefiċċji ta’ kooperazzjoni aktar strutturali mal-korpi intermedjarji u l-organizzazzjonijiet involuti, anke fi ħdan l-ekonomija soċjali.

3.13

Il-KESE jappoġġja l-intenzjonijiet tal-KE li tinkludi n-negozji l-ġodda u n-negozji li qed jespandu fi ftehimiet kummerċjali internazzjonali, billi numru dejjem jikber ta’ negozji ġodda u negozji li qed jespandu jridu jilħqu suq globali malajr (spiss f’segment limitat ħafna).

3.14

Il-KESE jirrikonoxxi u jappoġġja l-impenn tal-KE, espress f’din l-inizjattiva, li tinforza l-konformità mar-regoli tal-UE dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol, il-liġijiet tax-xogħol u l-ftehimiet kollettivi u li timmira għal impjiegi ta’ kwalità għolja.

3.15

Il-KESE jixtieq jirreaġixxi għall-frażi li ġejja fil-Komunikazzjoni tal-KE: “inkluża l-possibbiltà ta’ arranġamenti ta’ xogħol aktar flessibbli u moderni”. Din l-istqarrija tista’ twassal għal nuqqas ta’ ftehim u abbuż potenzjali.

3.16

L-involviment strutturali tal-imsieħba soċjali huwa kruċjali u għandu jitħeġġeġ sabiex tiġi garantita kompetizzjoni ġusta fost l-intrapriżi u jiġi evitat ir-riskju tad-dumping soċjali, kif enfasizza l-KESE f’diversi Opinjonijiet (7).

3.17

Il-KESE jixtieq jindirizza l-proċess attwali dwar l-imblukkar ġeografiku (8). Dan jista’ jkun ostakolu ġdid kbir għan-negozji l-ġodda u n-negozji li qed jespandu li m’għandhom l-ebda kapaċità biex jidħlu f’bosta pajjiżi b’lingwi differenti fl-istess ħin. Huwa kruċjali li tiġi kkomunikata d-differenza bejn bejgħ attiv u passiv! L-aderenza għal-leġislazzjoni nazzjonali hija meħtieġa biss għall-pajjiżi li huma mmirati b’mod attiv.

3.18

Il-KESE jappoġġja l-proposta li jittejjeb l-aċċess tal-SMEs, b’mod speċjali tan-negozji li qed jespandu, għall-programmi tal-Orizzont 2020. Il-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni u r-Radar ta’ Innovazzjoni jistgħu jkunu strumenti effettivi, sakemm ma jkunux onerużi wisq, u tabilħaqq jistgħu jilħqu l-miri maħsuba tal-SMEs. Barra minn hekk, il-KESE jirrakkomanda li dawn l-inizjattivi jagħtu attenzjoni speċifika lill-innovazzjoni soċjali, li spiss tixpruna mudelli kummerċjali ġodda.

3.19

Il-KESE jilqa’ wkoll l-indikazzjoni speċifika ta’ azzjoni biex tinbeda u titkabbar l-ekonomija soċjali u l-intrapriża soċjali, qasam li fih il-KESE għandu ħila esperta speċifika u li ħareġ opinjonijiet dwaru (9).

3.20

Il-KESE jinnota b’sodisfazzjon li l-KE tirrikonoxxi li l-SMEs għandhom diffikultajiet kbar biex jiddefendu d-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali tagħhom. L-ispiża hija estremament għolja għal kumpanija żgħira, u l-ispejjeż tal-infurzar huma għoljin ukoll, li jfisser li kważi l-ebda negozju ġdid jew negozju li qed jespandi ma jiflaħ iħallasha. Il-KESE jitlob lill-KE ssib soluzzjoni vijabbli biex tindirizza dan.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1    Imsieħba, raggruppamenti u ekosistemi

4.1.1

Klima intraprenditorjali pożittiva ġenerali hija fundamentali għat-tkabbir u l-innovazzjoni. Il-KESE iqis li din l-inizjattiva tal-KE tista’ tirnexxi biss jekk tipprova tikseb titjib ġenerali tal-klima intraprenditorjali, tippermett t-teħid tar-riskji u l-esperimentazzjoni bħala parti mill-proċess ta’ innovazzjoni.

4.1.2

Il-KESE jaqbel mal-KE li huwa importanti ħafna li n-negozji l-ġodda u b’mod speċjali n-negozji li qed jespandu jagħmlu kuntatt mal-imsieħba adattati. Peress li s-suq Ewropew ġeneralment huwa aktar tradizzjonali f’termini ta’ teħid ta’ riskji, kif ukoll primarjament nazzjonali, jeħtieġ li l-isforzi jiġu diviżi f’żewġ direzzjonijiet:

1)

L-UE u l-Istati Membri, f’kooperazzjoni permanenti ma’ organizzazzjonijiet u korpi intermedjarji, jista’ jkollhom rwol importanti biex jiffaċilitaw ir-raggruppamenti mal-universitajiet, iċ-ċentri ta’ riċerka, eċċ.

2)

Biex jinstabu l-investituri u l-imsieħba kummerċjali, is-suq biss jista’ jkollu rwol, mingħajr ma jiġu sottovalutati l-programmi Ewropej jew ir-rwol tal-BEI/FEI. Madankollu, dawn il-programmi għandhom jissaħħu u jiġu kkoordinati aħjar.

4.1.3

Il-KESE jappoġġja l-pjan tal-KE li tirrinfurza l-inizjattiva attwali Start-up Europe u tikkoordina x-xogħol tal-UE biex tgħaqqad ir-raggruppamenti u l-ekosistemi madwar l-Ewropa.

4.1.4

Il-KESE jappoġġja l-fatt li l-KE tenfasizza l-ħolqien ta’ komunitajiet ma’ sħubijiet u ekosistemi mfassla apposta bħala fatturi ewlenin għas-suċċess ta’ negozji ġodda u negozji li qed jespandu. F’dan il-kuntest, il-KESE jilqa’ l-fatt li l-KE tagħti attenzjoni speċifika lill-intrapriża tal-ekonomija soċjali, tirrikonoxxi l-karatteristiċi speċifiċi tagħha u l-kontribuzzjonijiet għas-soċjetajiet Ewropej. Il-KESE għalhekk għal darb’oħra (10) jħeġġeġ lill-KE biex tlaqqa’ l-inizjattivi kollha attwali u ġodda fi Pjan ta’ Azzjoni koerenti tal-UE għall-Ekonomija Soċjali, bil-għan li tittejjeb il-viżibbiltà u l-interkonnessjoni bejn id-diversi inizjattivi.

4.2    Opportunitajiet ta’ akkwist

4.2.1

Il-KESE jappoġġja bil-qawwi l-intenzjoni tal-KE li ttejjeb l-opportunitajiet ta’ akkwist għan-negozji l-ġodda u n-negozji li qed jespandu. Minbarra l-azzjonijiet proposti, il-KESE jistieden lill-KE timmonitorja mill-qrib it-traspożizzjoni u l-applikazzjoni tad-Direttiva dwar l-akkwist fil-livell tal-Istati Membri. Dan huwa fattur importanti biex jiżgura li l-Istati Membri jieħdu vantaġġ sħiħ mid-dispożizzjonijiet disponibbli għat-titjib tal-opportunitajiet ta’ akkwist għall-SMEs, inkluż l-intrapriżi tal-ekonomija soċjali. Il-KESE jirreferi għall-opinjoni preċedenti tiegħu dwar l-akkwist (11).

4.2.2

Il-KESE jilqa’ l-fatt li l-Komunikazzjoni tagħti attenzjoni speċifika lill-akkwist tal-innovazzjoni u lis-Sħubija għall-Innovazzjoni. Madankollu, dan jirrikjedi sett simplifikat ta’ regolamenti. L-akkwist tal-innovazzjoni, kif deskritt fid-direttiva, jidher li huwa adattat aktar għal kumpaniji kbar. Il-parteċipazzjoni fis-sħubiji għall-innovazzjoni tirrikjedi l-identifikazzjoni ta’ unità separata, li tipprevjeni lin-negozji l-ġodda u n-negozji li qed jespandu milli jkunu eliġibbli, għaliex in-negozji l-ġodda normalment ma jkollhomx dipartiment iddedikat speċifikament.

4.2.3

Il-KESE jixtieq jenfasizza li l-introduzzjoni tal-għodda tal-KE (awtodikjarazzjoni bl-użu tad-Dokument Ewropew Uniku għall-Akkwist (ESPD)) immirata biex tgħin lill-SMEs jieħdu sehem fl-akkwist pubbliku, f’ħafna każijiet kellha r-riżultat oppost u hija perċepita bħala ostakolu għall-parteċipazzjoni fl-akkwist. In-negozji l-ġodda u n-negozji li qed jespandu jitħabtu biex jiġbru l-informazzjoni u l-formoli kollha meħtieġa. Huwa għalhekk li jinħtieġ l-appoġġ u jenħtieġ li jiġi promoss mill-organizzazzjonijiet intermedjarji (organizzazzjonijiet tal-SMEs u organizzazzjonijiet relatati oħra).

4.3    Ħiliet

4.3.1

Il-KESE jaqbel li l-Aġenda Ġdida għall-Ħiliet għall-Ewropa, bil-fokus doppju tagħha fuq il-kwalità u l-ħiliet rilevanti għas-suq tax-xogħol, tindirizza xi wħud mill-aktar sfidi importanti. Madankollu, dan ikun ta’ suċċess biss jekk l-inizjattivi jilħqu l-aktar gruppi fil-mira importanti, li jeħtieġ l-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u s-segwitu biex tiġi żgurata l-effikaċja.

4.3.2

Il-KESE jenfasizza li l-Aġenda Ġdida għall-Ħiliet għall-Ewropa, u b’mod partikolari l-Koalizzjoni għall-Ħiliet u l-Impjiegi Diġitali li jmiss, hija estremament importanti u tista’ tkun pedament għall-ġejjieni.

4.3.3

jiżviluppaw risposti għall-bżonnijiet soċjali ġodda jew li ma jiġux ikkunsidrati biżżejjed Huma l-pijunieri fil-qasam tal-innovazzjoni soċjali. Għalhekk, minbarra l-inizjattivi tal-ħiliet diġitali, l-intraprendituri tal-ekonomija soċjali (u oħrajn) qed jesprimu l-ħtieġa għal azzjoni f’oqsma ta’ ħiliet oħra, bħall-iżvilupp tan-negozju u l-prontezza tal-investiment. Dawn il-ħiliet huma daqstant importanti għas-suċċess ta’ negozju ġdid.

4.3.4

Il-KESE jħeġġeġ lill-KE tinkoraġġixxi u tgħin lill-Istati Membri jistabbilixxu skemi edukattivi għall-intraprendituri iżda wkoll biex tiffaċilita l-aħjar prattiki bejn l-Istati Membri u l-partijiet interessati. Huwa rrakkomandat li tali programmi jiġu adottati minn kmieni fis-sistema edukattiva peress li dan wera li jkollu effett akbar.

4.3.5

Barra minn hekk, l-inkubaturi tan-negozju u s-servizzi ta’ one-stop shop (bħall-iżvilupp, il-mentoraġġ u l-appoġġ finanzjarju) spiss huma kruċjali fl-istadji bikrija u ta’ tkabbir. Il-KE jenħtieġ li tippromovi u tikkondividi l-aħjar prattiki f’dan il-qasam.

4.4    Tassazzjoni

4.4.1

Il-KESE jikkondividi t-tħassib tal-KE li t-tassazzjoni tista’ tikkostitwixxi ostakolu konsiderevoli għan-negozji l-ġodda u n-negozji li qed jespandu. Il-punti ewlenin li għandhom jiġu indirizzati huma l-ispejjeż għoljin tal-konformità, partikolarment dawk ikkawżati minn diversi skemi ta’ tassazzjoni nazzjonali.

4.4.2

Il-KESE jitlob lill-KE tikkunsidra l-possibbiltà li ma jitqiegħed l-ebda limitu f’termini ta’ daqs jew żmien fuq ir-riport tat-telf li jiġġarrab meta intrapriża tkun għadha kif bdiet topera jew tkun qed tespandi.

4.4.3

Il-KESE jilqa’ wkoll il-possibbiltà li l-SMEs ikunu jistgħu jagħżlu li jkunu parti mis-sistema tal-Bażi Komuni Konsolidata tat-Taxxa Korporattiva, kif deskritta fil-Komunikazzjoni tal-KE.

4.4.4

Barra minn hekk, it-tassazzjoni tal-konsum fis-sistema tal-VAT hija kumplessa ħafna għall-SMEs. Barra minn hekk, hemm piż żejjed fuq in-negozji l-ġodda biex jidentifikaw ir-rata tal-VAT applikabbli għal kull oġġett jew servizz partikolari fl-Istati Membri, li jirriżulta fi spejjeż għoljin, li finalment jiskoraġġixxu l-kummerċ transfruntier. Il-KESE għalhekk jappoġġja l-intenzjoni tal-KE li toħloq Żona Unika tal-VAT u l-pakkett ta’ semplifikazzjoni tal-VAT għall-SMEs, inkluż in-negozji l-ġodda, li tindirizza ostakolu serju għall-mikrokumpaniji.

4.4.5

It-tassazzjoni fuq id-dħul mill-investiment fil-livell individwali f’ħafna Stati Membri jiskoraġġixxi wkoll l-investiment f’negozji ġodda u negozji li qed jespandu, b’mod partikolari jekk alternattivi tal-investiment oħra jiffaċċjaw piż tat-taxxa aktar baxx jew l-ebda tassazzjoni. It-tassazzjoni ta’ opzjonijiet fuq l-ishma tista’ f’dan ir-rigward teħtieġ attenzjoni speċjali. Il-KESE għalhekk jappoġġja l-monitoraġġ kontinwu mill-KE tal-iskemi/inizjattivi tat-taxxa tal-Istati Membri għal investimenti f’negozji ġodda/li qed jespandu.

4.4.6

L-intrapriżi tal-ekonomija soċjali għandhom ikunu jistgħu jibbenefikaw minn spazju fiskali li jippermettilhom jilħqu l-potenzjal ekonomiku sħiħ tagħhom filwaqt li jitqiesu l-għanijiet soċjali u ambjentali tagħhom, u filwaqt li jiġu rispettati l-prinċipji tal-kompetizzjoni ħielsa. Dan jista’ jinkiseb permezz ta’ diversi miżuri:

l-immappjar tad-diversi inċentivi fiskali eżistenti assoċjati mal-finanzjament tal-intrapriżi tal-ekonomija soċjali, bil-għan li jixxerrdu l-aħjar prattiki;

it-trawwim tal-innovazzjoni soċjali permezz ta’:

krediti ta’ taxxa għal għotjiet jew investimenti bi gwadann iżjed baxx f’innovazzjonijiet soċjali li jissodisfaw il-prijoritajiet soċjetali;

it-tnedija ta’ krediti ta’ taxxa rimborżabbli f’riċerka u żvilupp għall-intrapriżi mingħajr skop ta’ qligħ għall-ħolqien ta’ innovazzjonijiet li jibbenefikaw lis-soċjetà u għat-titjib tal-produttività fis-servizzi għall-individwi u dawk ibbażati fil-viċinat.

4.5    Aċċess għall-finanzjament

4.5.1

In-ngozji l-ġodda u dawk li qed jespandu jiddependu fuq l-aċċess għall-kapital ta’ ekwità u l-obbligazzjonijiet. Il-KESE nnota f’opinjonijiet preċedenti (12) li l-aċċess għall-kapital ta’ riskju huwa konsiderevolment aktar baxx fl-UE milli fl-Istati Uniti tal-Amerika, bir-raġuni prinċipali tkun li l-industrija tal-kapital ta’ riskju tal-UE hija frammentata ħafna (ikkonċentrata f’ċerti Stati Membri). Il-KESE jirrikonoxxi li l-KE tindirizza din il-kwistjoni billi toħloq il-Fond ta’ Kapital ta’ Riskju pan-Ewropew, u jitlob lill-KE tieħu nota tal-proposti tal-KESE (13) u ssegwi mill-qrib l-adozzjoni u l-effetti tiegħu.

4.5.2

Fl-istess opinjoni aħna indikajna l-involviment insuffiċjenti tal-investituri privati, u rrakkomandajna inċentivi għas-sħubijiet pubbliċi-privati, fejn jistgħu jitqiesu l-fondi asimmetriċi (dawn diġà jeżistu fil-Finlandja, fir-Renju Unit, fil-Greċja u fin-Netherlands). Il-KESE issa jilqa’ soluzzjoni simili li tippermetti lill-fondi ta’ investiment bi sjieda privata li jibbenefikaw minn garanziji pubbliċi ta’ investimenti f’negozji ġodda u negozji li qed jespandu.

4.5.3

Il-KESE jilqa’ wkoll il-proposta li jiżdied il-baġit għall-FEIS u għall-COSME biex jipprovdu finanzjament addizzjonali għal politika effettiva għan-negozji l-ġodda u n-negozji li qed jespandu, billi titqies id-diversità tagħhom.

4.5.4

Madankollu, huwa importanti li jiġi enfasizzat li l-maġġoranza tan-negozji l-ġodda huma ffinanzjati minn self bankarju marbut ma’ garanziji personali u familjari. Filwaqt li s-self mill-bank huwa realtà, jinħtieġ ukoll aċċess għall-ekwità bħala għodda finanzjarja iżda dan mhuwiex żviluppat biżżejjed fl-Ewropa minħabba reġimi tat-taxxa punittivi, nuqqas ta’ kultura ta’ ekwità, litteriżmu finanzjarju dgħajjef u skemi ta’ insolvenza frammentati.

4.5.5

Il-KESE jinkoraġġixxi lill-Istati Membri tal-UE, bl-appoġġ tal-KE, jippromovu u jfittxu forom legali alternattivi ta’ kif isir in-negozju, pereżempju l-Kumpanija Ssimplifikata b’Ishma Konġunti b’potenzjal ta’ innovazzjoni għoli għat-tkabbir, tipiku ta’ negozji ġodda (Franza u s-Slovakkja).

4.5.6

Il-KESE jinkoraġġixxi wkoll lill-Istati Membri, bl-appoġġ tal-KE, jissimplifikaw u jarmonizzaw il-liġijiet dwar il-falliment, inkluża l-implimentazzjoni tal-“prinċipju tat-tieni opportunità” propost fl-Opinjoni tal-KESE dwar l-insolvenza kummerċjali (14).

4.5.7

Fil-proċedura u fil-leġislazzjoni dwar l-insolvenza, l-isfida hija biex jiġu vvalutati kif xieraq l-assi ta’ negozji ġodda li qed ifallu. F’ħafna każijiet, l-assi prinċipali huma l-għarfien aktar milli l-assi fissi, kif kien indika qabel il-KESE (15).

4.5.8

F’opinjonijiet preċedenti l-KESE esplora bis-sħiħ l-ekosistema finanzjarja (16) meħtieġa għall-intrapriżi tal-ekonomija soċjali. L-istess bħan-negozji l-ġodda l-oħra, hemm il-ħtieġa li jiġu pprovduti soluzzjonijiet ta’ kapital imħallat b’element ta’ garanzija, kif ukoll strumenti innovattivi għall-finanzjament tat-tieni stadju u edukazzjoni finanzjarja li tinkludi l-prontezza tal-investiment. Karatteristika partikolari tal-investimenti u tal-finanzjament tal-intrapriżi tal-ekonomija soċjali hija li r-redditu fuq l-investiment jinkludi wkoll l-impatt soċjali. Il-KE jenħtieġ li tappoġġja lill-Istati Membri f’impriżi f’din id-direzzjoni.

5.   Konsiderazzjonijiet speċifiċi għall-intrapriżi tal-ekonomija soċjali u għal forom emerġenti ġodda ta’ intrapriża

5.1

Il-KESE jilqa’ l-fatt li l-Komunikazzjoni b’mod partikolari tenfasizza azzjoni speċifika għas-settur tal-intrapriża tal-ekonomija soċjali, kif ukoll tesplora aktar miżuri għall-mudelli kummerċjali emerġenti.

5.2

F’dan il-kuntest huwa kruċjali li nsemmu r-rabta bejn l-innovazzjoni soċjali u l-bidu tal-intrapriżi tal-ekonomija soċjali u ta’ mudelli kummerċjali ġodda, li l-KESE esplora qabel (17). Huwa ċentrali li nifhmu li l-innovazzjoni soċjali tibni fuq proċess ta’ innovazzjoni differenti bbażat fuq kriterji u prinċipji speċifiċi. Kwalunkwe azzjoni li tappoġġja lin-negozji l-ġodda tal-intrapriżi tal-ekonomija soċjali u mudelli kummerċjali ġodda trid għalhekk tirrikonoxxi l-valuri sottostanti ewlenin bħall-kejl tal-impatti soċjali u ambjentali, l-aspetti komuni tal-valur u tas-sors miftuħ li huma marbuta mal-innovazzjoni soċjali (18). Hekk hekk biss li l-intrapriżi tal-ekonomija soċjali u dawn il-forom emerġenti ġodda ta’ intrapriża soċjali jkunu jistgħu jieħdu vantaġġ mill-miżuri ta’ appoġġ, ikunu sostenibbli u jespandu b’suċċess.

5.3

Huwa importanti wkoll li nifhmu kif u jekk l-intrapriżi tal-ekonomija soċjali u dawn il-forom ġodda ta’ intrapriża jespandux (huma jistgħu minflok jagħżlu li jikkondividu idea tajba aktar milli jespandu huma stess). Kif enfasizzat mill-KESE qabel, il-fattur fundamentali huwa li tiġi integrata bis-sħiħ il-loġika ta’ dawn il-mudelli ta’ intrapriża diversi fi kwalunkwe inizjattiva favur in-negozji l-ġodda u n-negozji li qed jespandu u li l-istrumenti ta’ appoġġ jitfasslu apposta kif xieraq. Il-mekkaniżmi ta’ appoġġ spiss huma bbażati fuq il-mudell ta’ kumpanija tradizzjonali, li llum huwa n-norma, aktar milli fuq dawn il-mudelli tal-ekonomija soċjali jew mudelli ekonomiċi emerġenti alternattivi jew ġodda.

6.   Aktar ħtiġijiet identifikati

6.1

Il-KESE enfasizza kontinwament il-ħtieġa li jiżdiedu l-viżibbiltà, ir-rikonoxximent u l-promozzjoni ta’ forom ta’ intrapriża diversi. Dan jinkludi l-ġbir aħjar ta’ statistika u riċerka fid-diversi mudelli kummerċjali u l-loġika speċifika tagħhom li jeżistu fl-UE llum.

6.2

Bażi ta’ data ta’ prattiki tajba rigward miżuri li jippromovu n-negozji l-ġodda u n-negozji li qed jespandu fid-diversità kollha tagħhom tista’ tkun utli ħafna. Il-KE tinsab fl-aħjar pożizzjoni biex tiffaċilita dan l-iskambju tal-aqwa prattiki mill-Istati Membri.

6.3

Il-valuri, il- prinċipji u r-raġunijiet għalfejn jeżistu l-intrapriżi tal-ekonomija soċjali jenħtieġ li jiġu promossi, għaliex jistgħu jkunu ta’ ispirazzjoni għall-intraprendituri. L-esperjenzi u l-metodi mis-settur tal-intrapriżi tal-ekonomija soċjali jistgħu faċilment jiġu ttrasferiti għal mudelli oħra ta’ intrapriżi, bħall-prinċipji tas-sħubija u l-affiljazzjoni bbażati fuq il-kokreazzjoni bejn setturi u partijiet ikkonċernati, ftehimiet tal-liċenzja, il-bini ta’ kapaċità, piggybacking li jippermetti l-ingranaġġ tal-iskala ta’ kumpaniji oħra, is-sors miftuħ għad-diffużjoni rapida ta’ soluzzjonijiet, netwerks intelliġenti li jibnu fuq valur komuni u kollettiv u l-istabbiliment ta’ standards ġodda bħall-movimenti mmirati lejn tibdil fil-politika. Eżempju ta’ dan tal-aħħar huwa li l-innovazzjoni soċjali normalment twassal għal innovazzjoni fil-politika soċjali. Bl-istess mod, l-intrapriżi konvenzjonali jistgħu jispiraw lill-intrapriżi tal-ekonomija soċjali, pereżempju fil-kummerċjalizzazzjoni, fil-bejgħ u fil-ġestjoni tan-negozju, biex għal darb’oħra jintwera l-valur tal-iskambju tal-aħjar prattika.

6.4

Il-KESE jinsab f’pożizzjoni tajba — billi jirrappreżenta lis-soċjetà ċivili Ewropea — biex b’mod attiv jieħu sehem fil-promozzjoni u fit-tisħiħ tal-iżvilupp intraprenditorjali fl-UE għall-benefiċċju tal-impjiegi, il-protezzjoni soċjali u t-tkabbir. Aħna għalhekk noffru l-kapaċità u l-kapaċitajiet tagħna lill-Kummissjoni għal aktar inizjattivi għall-SMEs, inklużi l-intrapriżi tal-ekonomija soċjali.

Brussell, il-31 ta’ Mejju 2017.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Georges DASSIS


(1)  Skont Henrekson u Johansson, 2010, 4 % tad-ditti jiġġeneraw 70 % tal-impjiegi l-ġodda. Ara wkoll: http://www.kauffman.org/blogs/policy-dialogue/2015/august/deconstructing-job-creation-from-startups

(2)  http://ec.europa.eu/growth/tools-databases/newsroom/cf/itemdetail.cfm?item_id=8723&lang=mt

(3)  ĠU C 318, 23.12.2009, p. 22.

(4)  ĠU C 271, 19.9.2013, p. 61.

(5)  ĠU C 75, 10.3.2017, p. 6

(6)  ĠU C 75, 10.3.2017, p. 33.

(7)  ĠU C 161, 6.6.2013, p. 14; ĠU C 303, 19.8.2016, p. 54; ĠU C 13, 15.1.2016, p. 2.

(8)  COM (2016) 289 final.

(9)  http://www.eesc.europa.eu/?i=portal.en.social-entrepreneurship-make-it-happen.

(10)  Il-Kontribut tal-KESE għall-Programm ta’ Ħidma tal-KE 2017, http://www.eesc.europa.eu/?i=portal.en.publications.40059

(11)  ĠU C 191, 29.6.2012, p. 84

(12)  ĠU C 75, 10.3.2017, p. 6

(13)  ĠU C 75, 10.3.2017, p. 48.

(14)  ĠU C 209, 30.6.2017, p. 21.

(15)  ĠU C 75, 10.3.2017, p. 6

(16)  ĠU C 13, 15.1.2016, p. 152.

(17)  ĠU C 303, 19.8.2016, p. 28.

(18)  Indiċi tal-Innovazzjoni Soċjali żviluppat minn Europe Tomorrow u ĠU C 458, 19.12.2014, p. 14.


Top