Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52017AE0955

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Tfassil mill-ġdid possibbli tal-Politika Agrikola Komuni” (Opinjoni esploratorja)

    ĠU C 288, 31.8.2017, p. 10–19 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    31.8.2017   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 288/10


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Tfassil mill-ġdid possibbli tal-Politika Agrikola Komuni”

    (Opinjoni esploratorja)

    (2017/C 288/02)

    Relatur:

    John BRYAN

    Konsultazzjoni

    Kummissjoni, 10.2.2017

    Bażi legali

    Artikolu 302 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

    Opinjoni esploratorja

    Deċiżjoni tal-Bureau

    21.2.2017

    Sezzjoni kompetenti

    Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent

    Adottata fis-sezzjoni

    17.5.2017

    Adottata fil-plenarja

    1.6.2017

    Sessjoni plenarja Nru

    526

    Riżultat tal-votazzjoni

    (favur/kontra/astensjonijiet)

    229/4/5

    1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

    1.1

    Il-KESE jemmen li l-Politika Agrikola Komuni (PAK) hija politika essenzjali tal-UE, li għaċ-ċittadini Ewropej u għas-settur agrikolu għandha tipprovdi politika verament komuni, u li laħqet l-objettivi ewlenin tagħha stabbiliti fit-Trattat ta’ Ruma. Filwaqt li t-talba għal Opinjoni esploratorja titkellem dwar tfassil mill-ġdid tal-PAK, il-KESE jagħmel enfasi fuq l-aġġornar tal-PAK fl-interess tal-partijiet interessati, permezz ta’ approċċ kawt u organiku. It-tfassil mill-ġdid tal-PAK għandu jitqies b’mod pożittiv u l-baġit tal-PAK għandu jkun adatt biex jindirizza l-ħtiġijiet ġodda u dawk eżistenti, kemm fir-rigward tal-ekonomija agrikola kif ukoll kriterji soċjali u ambjentali.

    1.2

    PAK imfassla mill-ġdid għandha tissodisfa l-ħtiġijiet tal-isfidi ġodda li qed tiffaċċja l-Ewropa, inklużi l-impenji tal-UE skont l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs) tan-Nazzjonijiet Uniti u l-impenji għat-tibdil fil-klima skont il-21 Konferenza tal-Partijiet (COP21), ftehimiet kummerċjali bilaterali u l-volatilità tas-suq.

    1.3

    Il-PAK għandha tappoġġja bil-qawwa l-Mudell Ewropew tal-Agrikoltura bl-azjendi agrikoli tradizzjonali mmexxija mill-familji, u l-kooperattivi u l-kumpaniji agrikoli, kif ukoll tindirizza l-inugwaljanza kbira fl-introjtu kemm bejn żoni rurali u urbani kif ukoll fi ħdan l-agrikoltura, bl-involviment ta’ organizzazzjonijiet settorjali agrikola.

    1.4

    Peress li jipprovdi provvista sostenibbli ta' ikel sikur ta' kwalità għolja għal aktar minn 500 miljun ċittadin tal-UE, u esportazzjonijiet b’valur ta’ EUR 131 biljun li jirrappreżentaw 7,5 % tal-esportazzjonijiet totali tal-UE, il-baġit tal-PAK li jammonta għal 38 % tal-baġit totali tal-UE għandu jilħaq bilanċ filwaqt li jipprovdi valur għall-flus. L-iffinanzjar futur għandu jkun suffiċjenti biex jindirizza d-domandi finanzjarji addizzjonali li jirriżultaw mill-Brexit, il-pressjoni fuq id-dħul tal-azjendi agrikoli u ż-żieda fid-domanda għall-beni pubbliċi.

    1.5

    Il-KESE jappoġġja ż-żamma tal-mudell ta' żewġ pilastri tal-PAK. Il-pagamenti diretti fil-Pilastru 1 għandhom jappoġġjaw id-dħul mill-biedja, il-miżuri għall-ġestjoni tas-swieq, u t-twassil tal-beni pubbliċi. Il-pagamenti għall-Iżvilupp Rurali fil-Pilastru 2 għandhom jiffokaw fuq programmi ekonomiċi, ambjentali u soċjali skont l-objettivi stabbiliti f'Cork 2.0 biex jappoġġjaw reġjuni u setturi vulnerabbli, u għandhom jiżguraw approċċ immirat għat-twassil ta’ beni pubbliċi.

    1.6

    Il-kontribut siewi li l-agrikoltura tagħti lill-ambjent huwa sottovalutat. Il-bjar tal-karbonju fil-bwar, il-forestrija, it-torbieri u r-ringieli ta' sġajriet jeħtieġ li jittieħdu inkunsiderazzjoni, jiġu protetti u mtejba kemm taħt il-pagamenti tal-Pilastru 1 kif ukoll taħt dawk tal-Pilastru 2 tal-PAK.

    1.7

    Għandhom jiġu implimentati programmi mmirati u robusti li jiffokaw fuq bdiewa żgħażagħ, speċjalment in-nisa, u l-irtirar biex jindirizzaw il-kwistjoni importanti tat-tiġdid ġenerazzjonali. Barra minn hekk, jenħtieġ li jiġu adottati programmi mmirati biex isaħħu r-rwol tan-nisa b’mod ġenerali fl-agrikoltura.

    1.8

    Is-semplifikazzjoni jenħtieġ li tkun parti ewlenija ta’ PAK imfassla mill-ġdid bl-użu ta’ teknoloġija moderna biex jiġi semplifikat u jitnaqqas il-piż burokratiku dejjem jikber li l-bdiewa jiffaċċjaw. Jenħtieġ li jsiru bidliet fil-proċess ta' awditjar/spezzjonijiet biex ikun jinkludi mudell ta' trasferiment (close out model), sistema tal-karta safra, rekwiżiti ta' kundizzjonalità mnaqqsa u tolleranzi akbar, ilkoll iffokati fuq semplifikazzjoni u twettiq aħjar tal-pagamenti.

    1.9

    PAK imfassla mill-ġdid jenħtieġ li żżomm il-prinċipju tal-preferenza komunitarja u tas-sovranità tal-ikel ibbilanċjat bejn it-territorji, b’ikel tal-UE għaċ-ċittadini tal-UE. Il-potenzjal għall-agrikoltura għandu jiġi enfasizzat fi kwalunkwe ftehim kummerċjali bilaterali jew multilaterali mingħajr ma jiġi sagrifikat is-settur sabiex jinkisbu benefiċċji f’oqsma oħrajn. L-importazzjonijiet kollha tal-ikel tal-UE – filwaqt li jirrispettaw il-prinċipju tal-konformità – għandhom jissodisfaw l-istandards kollha tal-UE fuq il-kundizzjonijiet sanitarji, fitosanitarji (SPS), tax-xogħol u ambjentali.

    1.10

    Il-pożizzjoni tal-bidwi fil-katina tal-ikel għandha tissaħħaħ. Ir-rakkomandazzjonijiet pożittivi mit-Task Force dwar is-Swieq tal-Agrikoltura tal-UE jenħtieġ li jiġu adottati u implimentati. Hija kruċjali aktar promozzjoni, u promozzjoni aktar b’saħħitha, orjentata lejn is-setturi u r-reġjuni, tal-kooperazzjoni bejn il-produtturi u l-kooperattivi u l-organizzazzjonijiet tal-produtturi eżistenti, l-iżjed dawk żgħar. B’mod partikolari, trid issir enfasi speċifika fuq dawk is-setturi u r-reġjuni fejn il-kooperazzjoni hija baxxa.

    1.11

    Pilastru 1 kif ukoll Pilastru 2 b’saħħithom huma essenzjali għal PAK ġdida mfassla mill-ġdid bi Programmi tal-Iżvilupp Rurali flessibbli disponibbli fl-Istati Membri kollha inklużi żoni b’restrizzjonijiet naturali (ANC) u li jagħmlu enfasi fuq reġjuni u setturi vulnerabbli.

    1.12

    Il-livell ta’ għajnuna diretta mħallsa lill-bdiewa fl-Istati Membri individwali tal-UE jeħtieġ li jiġi armonizzat aktar, sabiex jinħolqu kondizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni għall-bdiewa fl-Istati Membri kollha u biex jiġi żgurat żvilupp bilanċjat taż-żoni rurali madwar l-UE.

    2.   Introduzzjoni

    2.1

    L-agrikoltura hija integrata fl-UE aktar minn kwalunkwe settur ekonomiku ieħor. Hija l-uniku settur ewlieni b'politika komuni, iffinanzjat b'mod ċentrali mill-baġit tal-UE. Is-settur tal-biedja u agroalimentari huwa impjegatur importanti immens fl-ekonomija bi 11-il miljun bidwi, 22 miljun ħaddiem agrikolu u 22 miljun impjieg relatat ieħor fl-ipproċessar, il-bejgħ bl-imnut u s-servizzi tal-ikel (1). Ħafna mill-impjiegi jinsabu f'reġjuni rurali aktar foqra. Il-biedja tikkontribwixxi għal attività ekonomika f'kull Stat Membru u fir-reġjuni kollha. Matul l-aħħar 10 snin, il-valur tal-esportazzjonijiet agroalimenti u tax-xorb tal-UE kiber b'medja ta' 8 % fis-sena, u fl-2016 laħaq EUR 131 biljun (2).

    2.2

    Il-PAK hija politika tal-UE essenzjali li tipprovdi provvista sostenibbli ta' ikel sikur ta' kwalità għal 500 miljun ċittadin tal-UE bi prezzijiet affordabbli. Il-PAK għandha wkoll a) tiżgura wkoll livell raġonevoli ta' dħul għall-bdiewa tal-UE u b) twassal għal żvilupp soċjali, ambjentali u ekonomiku fiż-żoni rurali. Il-bdiewa u l-forestiera jiġġestixxu 'l fuq minn 82 % taż-żona tal-art tal-UE (3) u għaldaqstant jifformaw parti essenzjali minn ekonomija agrikola sostenibbli u li għandha tkun multifunzjonali.

    2.3

    B'baġit ta' EUR 59 biljun, il-PAK tipprovdi appoġġ essenzjali lill-bdiewa u ’l-intrapriżi tagħhom permezz tal-pagamenti diretti, il-miżuri ta' appoġġ għas-suq u l-programmi ta' żvilupp rurali. Għandu jiġi nnotat li l-appoġġ tal-PAK huwa marbut mal-forniment tal-beni pubbliċi u l-issodisfar ta’ standards Ewropej ogħla. Dawn il-pagamenti diretti tal-Pilastru 1 huma tabilħaqq marbutin mal-kundizzjonalità u mar-rekwiżiti statutorji ta' ġestjoni (statutory management requirements – SMRs) dwar is-sikurezza alimentari, l-istandards tas-saħħa tal-annimali u l-pjanti u tat-trattament xieraq, u l-kontrolli ambjentali, u huma essenzjali biex jgħinu lill-bdiewa jistabbilizzaw id-dħul u jindirizzaw il-volatilità tas-suq. Bħalissa 30 % tal-pagamenti diretti huma marbuta mar-rekwiżiti tal-ekoloġizzazzjoni ffokati fuq il-kwalità tal-ħamrija, il-bijodiversità, u s-sekwestru tal-karbonju; madankollu għad hemm problemi ambjentali u soċjali li għad iridu jiġu solvuti. Il-miżuri għas-suq, filwaqt li tnaqqsu b'mod serju fl-aħħar riforma tal-PAK, għadhom importanti, b'mod partikolari fi żminijiet ta' kriżi tas-suq. Jinħtieġu miżuri ġodda biex tiġi indirizzata l-volatilità. Il-Programm tal-Iżvilupp Rurali kkofinanzjat jipprovdi t-tieni pilastru kruċjali għall-programmi ekonomiċi, ambjentali u soċjali li huma implimentati kemm f'livell tal-azjenda agrikola individwali kif ukoll f'żoni rurali.

    2.4

    Matul dawn l-aħħar sitt deċennji, minkejja n-nuqqasijiet tagħha, il-PAK ipprovdiet benefiċċji sinifikanti għaċ-ċittadini tal-UE, il-produtturi, il-konsumaturi, il-kontribwenti u s-soċjetà usa' tal-UE. Madankollu, f’xi oqsma qed niffaċċjaw problemi marbutin mal-bijodiversità, l-ambjent u l-pajsaġġi, u dawn jeħtieġ li jiġu indirizzati. Din uriet li hija adattabbli u flessibbli għad-domandi taż-żminijiet. L-istruttura unika tal-Pilastru 1 u tal-Pilastru 2 tal-PAK ippermettiet li l-politika tinbidel u tiffoka fuq miri differenti filwaqt li żżomm l-objettiv ġenerali tagħha li trawwem il-mudell Ewropew tal-agrikoltura u l-biedja mmexxija mill-familji.

    2.5

    Il-pagamenti ta' kumpens taħt il-PAK inbidlu b'mod drammatiku matul is-snin minn prinċipalment appoġġ għas-suq u għal-prezzijiet għal appoġġ diżakkoppjat b'element ambjentali sostanzjali. Pilastru 2 kien introdott biex jappoġġja reġjuni u setturi vulnerabbli. Il-Pilastru II jiżgura li l-iżvilupp rurali intelliġenti u sostenibbli jkun fil-qalba tal-politika agrikola tal-UE. L-agrikoltura irid ikollha politika tal-iżvilupp rurali integrata.

    2.6

    Il-biedja u l-agrikoltura taħt PAK imfassla mill-ġdid b'mod pożittiv, immodernizzata u ssemplifikata, għandhom rwol essenzjali x’jaqdu biex jintlaħqu l-miri Ewropej dwar is-sostenibbiltà, l-ambjent u n-natura, il-kompetittività, l-investiment, it-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi.

    2.7

    PAK imfassla mill-ġdid għandha żżomm l-aspetti pożittivi tal-politika attwali u tadotta miżuri ġodda biex tindirizza l-isfidi l-ġodda li jinkludu d-domanda tas-soċjetà għall-forniment tal-beni pubbliċi, l-impenji tal-UE skont l-SDGs tan-Nazzjonijiet Uniti, l-impenji għat-tibdil fil-klima skont il-COP21, ftehimiet kummerċjali bilaterali u l-volatilità tas-suq. PAK imfassla mill-ġdid għandha tilħaq ukoll bilanċ tajjeb bejn il-ħtiġijiet tal-konsumatur, il-kontribwenti u l-produtturi.

    2.8

    Taħt PAK imfassla mill-ġdid, l-UE għandha tkompli tappoġġja bil-qawwa l-mudell Ewropew tal-agrikoltura u n-negozji agrikoli sostenibbli mmexxija mill-familji, minflok bħal fil-każ tal-mudell industrijali ta’ produzzjoni agrikola żviluppat f’żoni oħrajn bħall-Mercosur, l-Istati Uniti u l-Oċeanja. Għandha tingħata attenzjoni speċjali lill-azjendi agrikoli żgħar u ta’ daqs medju. Fir-rigward tas-sikurezza alimentari, il-bdiewa Ewropej joperaw taħt il-prinċipju tal-prekawzjoni, u b’hekk għandhom żvantaġġ kompetittiv fil-kummerċ dinji fi prodotti agrikoli bażiċi u prodotti alimentari meta mqabbla mal-bdiewa fl-Amerika ta’ Fuq/t’Isfel, l-Oċeanja u żoni oħrajn, li jużaw sustanzi bħal ormoni u beta-agonisti, li huma kollha pprojbiti fl-UE.

    2.9

    Il-mudell Ewropew tal-agrikoltura huwa kuntratt soċjali bejn il-bdiewa u s-soċjetà tal-UE fejn il-bdiewa jipproduċu ikel ta' kwalità għolja u beni pubbliċi oħrajn b'mod sostenibbli, filwaqt li jiżguraw protezzjoni ambjentali u ġestjoni tal-pajsaġġ. Ta’ dan, il-PAK għandha tipprovdi appoġġ għall-kontinwazzjoni tal-azjendi agrikoli tal-familji, il-kooperattivi u l-kumpaniji li għandhom mudelli agrikoli sostenibbli, u għaż-żoni rurali. Dan il-mudell ipprovda beni ta' valur enormi lis-soċjetà Ewropea bħala fornitur ta' ikel differenti, tajjeb għas-saħħa, sikur, affordabbli u ta' kwalità għolja, filwaqt li jikkontribwixxi għall-bilanċ territorjali, għaż-żamma taż-żoni rurali u jgħin biex jiġu protetti l-ambjent u l-pajsaġġ.

    2.10

    Barra minn hekk, l-UE jeħtieġ li taħdem aktar biex jiġi żgurat li l-PAK u l-benefiċċji assoċjati tagħha jinftiehmu kif xieraq u jkollhom l-appoġġ tal-bdiewa u ċ-ċittadini tal-UE.

    3.   L-isfidi li qed jiffaċċjaw l-agrikoltura u l-PAK

    Id-dħul tal-irziezet

    3.1

    Il-PAK serviet lill-Ewropa u liċ-ċittadini tal-UE tajjeb matul dawn l-aħħar 60 sena, fejn ipprovdiet benefiċċji sostanzjali lis-settur agrikolu u valur tajjeb għall-flus lill-kontribwenti. Madankollu, f'ħafna pajjiżi tal-UE hija evidenti inugwaljanza dejjem tikber fid-dħul bejn iż-żoni rurali u ż-żoni urbani, kif ukoll fi ħdan is-settur agrikolu. Id-dħul tal-irziezet f'bosta mill-Istati Membri mhuwiex biżżejjed u huwa sostanzjalment aktar baxx mill-medja nazzjonali jew reġjonali. Il-prezzijiet agrikoli ma żdiedux f'konformità mal-inflazzjoni, u maż-żidiet fil-prezzijiet tal-fatturi produttivi bħall-fertilizzanti u l-enerġija. F’dawn l-aħħar snin, il-volatilità tal-prezzijiet ikkawżat problemi fid-dħul tal-irziezet agrikoli.

    Investiment fiż-żoni rurali

    3.2

    Il-politika tal-iżvilupp rurali attwali bil-firxa wiesgħa ta' strumenti flessibbli tagħha wriet li hija essenzjali biex tappoġġja ż-żoni rurali u r-reġjuni b’żoni ta’ restrizzjonijiet naturali. Il-Pjan ta’ Żvilupp Rurali b’saħħtu stabbilit skont id-dikjarazzjoni ta’ Cork 2.0 dwar Ħajja Aħjar fiż-Żoni Rurali għandu jkun prijorità ewlenija għall-PAK imfassla mill-ġdid. L-investiment fil-vijabbiltà u l-vitalità rurali kif ukoll it-titjib tal-ħolqien tal-impjiegi f’'żoni ekonomikamnet vulnerabbli u remoti, kif ukoll l-appoġġ tad-diversifikazzjoni tal-agrikoltura huma sfidi ewlenin għal PAK imfassla mill-ġdid (4).

    Il-baġit

    3.3

    Bħala perċentwal tal-baġit tal-UE, l-infiq tal-PAK naqas minn 65-75 % fit-tmeninijiet għal 38 % fil-preżent. Madankollu, l-agrikoltura hija mistennija li tagħti kontribut dejjem aktar sinifikanti biex jintlaħqu l-miri tal-UE fil-COP21 u fl-SDGs, minbarra li tipprovdi ikel ta' kwalità għolja bi prezz affordabbli. Il-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE jippreżenta sfida kbira għall-finanzjament futur tal-PAK.

    Is-sigurtà alimentari

    3.4

    Bil-popolazzjoni dinjija mbassra li se tikber minn 7 biljuni għal 9,5 biljuni sal-2050, hemm ħtieġa urġenti biex fis-snin li ġejjin il-produzzjoni tal-ikel tad-dinja tiżdied b'mod sostanzjali. Wieħed mill-SDGs ewlenin stabbiliti min-Nazzjonijiet Uniti huwa li l-prevalenza tan-nuqqas ta' nutrizzjoni titnaqqas drastikament, bi studji mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) li jistmaw li bħalissa persuna waħda minn kull sebgħa b'mod globali mhijiex mitmugħa biżżejjed. Huwa ċar li l-produzzjoni globali tal-ikel se tkun teħtieġ li tikber b'mod sostenibbli sabiex tissodisfa din iż-żieda fid-domanda għall-ikel u tgħin biex jinqered il-ġuħ. L-UE u l-PAK imfassla mill-ġdid għandhom rwol kritiku x’jaqdu bħala forza dinjija responsabbli fil-produzzjoni tal-ikel. Il-politika tal-PAK għandha wkoll tkun responsabbli f’termini ta’ esportazzjonijiet u tkompli tinkoraġġixxi lill-pajjiżi fil-fażi ta’ żvilupp biex itejbu l-produzzjoni domestika.

    L-isfida ambjentali

    3.5

    L-agrikoltura tal-UE u l-PAK huma ċentrali għall-impenji tal-UE għall-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-NU u l-miri ambizzjużi tal-UE taħt il-ftehim globali dwar il-klima tal-COP21. Sa mill-1990, l-emissjonijiet tal-karbonju agrikoli tal-UE naqsu bi 23 %, u sa mill-1992, in-nitrati fix-xmajjar naqsu bi 17,7 % (5). Filwaqt li sar progress sinifikanti taħt il-PAK mil-lat tar-rendiment ambjentali, għad hemm aktar sfidi marbutin mat-tfassil mill-ġdid tal-PAK sabiex l-agrikoltura tkun tista’ tagħti aktar riżultati u taqdi r-rwol kruċjali tagħha li tgħin lill-Ewropa tilħaq il-miristabbiliti mill-COP21 u l-SDGs.

    Servizzi tal-ekosistemi

    3.6

    Is-settur agrikolu jipprovdi servizzi tal-ekosistema kruċjali, u jikkontribwixxi għall-ġestjoni tal-ħabitats, il-preservazzjoni tal-bijodiversità, l-istandards tat-trattament xieraq tal-annimali u għall-estetika tal-pajsaġġ u l-protezzjoni tal-ħamrija u l-ilma. Għandu jiġi rikonoxxut ukoll li s-settur agrikolu għandu jikkontribwixxi aktar fir-rigward tal-bijodiversità, l-ambjent u l-pajsaġġ. Ammont sinifikanti ta’ ikel tal-UE jiġi prodott bl-użu ta’ ilma naturali, li kieku jinħela. Hemm ukoll proporzjon kbir tal-agrikoltura tal-UE ddedikat għall-bwar u l-forestrija u żoni ta' torbieri, li kollha kemm huma jipprovdu bjar tal-karbonju siewja. Dawn l-attributi kollha vitali tal-ekosistema tal-agrikoltura għandhom jiġu kkunsidrati u mħeġġa f’PAK imfassla mill-ġdid.

    Ikel li jipprovdi valur għall-flus

    3.7

    Taħt il-PAK, iċ-ċittadini tal-UE jgawdu minn sigurtà alimentari qawwija u provvista abbundanti ta' ikel sikur ipprezzat b'mod affordabbli. Il-perċentwal tad-dħul li jintefaq miċ-ċittadini tal-UE fuq l-ikel naqas minn 50 % fil-perjodu ta' wara t-Tieni Gwerra Dinjija għal 10 % llum, minkejja ż-żieda sinifikanti fl-ispejjeż tal-produzzjoni. PAK imfassla mill-ġdid għandha tiżgura li l-konsumaturi jibqa’ jkollhom aċċess għal ikel affordabbli, ta’ kwalità għolja u sikur, u prodott b’konformità mal-istandards Ewropej attwali.

    Tiġdid ġenerazzjonali

    3.8

    Minħabba li l-maġġoranza tal-bdiewa għandhom aktar minn 55 sena, hemm sfida kbira biex iż-żgħażagħ jinġibdu lejn l-agrikoltura, u s-settur qed isofri minn kwistjonijiet ta' tiġdid ġenerazzjonali. L-aċċess għall-finanzjament u għall-art, id-dħul baxx kif ukoll it-trasferiment tal-għarfien u l-aċċess għall-edukazzjoni huma problemi prattiċi reali għaż-żgħażagħ. Barra minn hekk, id-dħul baxx tal-irziezet ma jipprovdix tfaddil għall-irtirar. F'xi żoni l-abbandun tal-art qed jiżdied, fejn huma evidenti kemm konsegwenzi soċjali kif ukoll ambjentali, b'mod partikolari f'żoni remoti. Enfasi qawwija fuq it-tiġdid ġenerazzjonali, inklużi l-bdiewa żgħażagħ, il-bdiewa ġodda u l-ħaddiema kwalifikati fl-azjendi agrikoli, speċjalment dawk li diġà jaħdmu fl-azjenda, kif ukoll enfasi fuq l-iffaċilitar tal-irtirar, huma ingredjenti essenzjali f’PAK imfassla mill-ġdid.

    In-nisa fl-agrikoltura

    3.9

    In-nisa għandhom rwol importanti ħafna fis-settur agrikolu: jagħmlu ħafna xogħol fl-azjendi agrikoli u jġorru sehem dejjem jikber mill-piż burokratiku. F’ħafna każijiet, in-nisa huma sottorappreżentati f’dak li jirrigwarda l-istatus tagħhom ta’ sidien ta’ azjendi agrikoli. Barra minn hekk, in-nisa jagħtu kontribut enormi għall-vijabbiltà tal-intrapriża agrikola permezz tal-introjtu li jdaħħlu barra mill-azjenda agrikola, permezz ta’ xogħol bi ħlas jew bħala intraprendituri indipendenti. F’każijiet fejn iż-żewġ konjuġi jaħdmu full time fl-azjenda agrikola, dan il-kontribut għandu jiġi rifless u inċentivat fis-sjieda tal-azjenda agrikola.

    Il-migrazzjoni

    3.10

    L-agrikoltura u s-settur agroalimentari jistgħu jaqdu rwol importanti fl-integrazzjoni tal-immigranti fid-dinja tax-xogħol kif ukoll billi jgħinu gruppi żvantaġġati permezz ta’ programmi soċjali.

    Semplifikazzjoni

    3.11

    L-immodernizzar u s-semplifikazzjoni tal-PAK huma essenzjali fit-tfassil mill-ġdid tal-politika għall-futur. Ir-riformi preċedenti identifikaw il-ħtieġa ta' semplifikazzjoni iżda r-realtà prattika hija li l-PAK saret ħafna iżjed ikkumplikata u burokratika fil-livell tar-razzett. Dan huwa b'mod partikolari l-każ f'termini tal-proċess ta' spezzjoni u awditjar, u f’termini tal-applikazzjoni tar-rekwiżiti ta' eliġibbiltà u ta' kundizzjonalità skont ir-rekwiżiti statutorji ta' ġestjoni u l-Kundizzjonijiet Agrikoli u Ambjentali Tajba (GAEC).

    Il-kummerċ u l-globalizzazzjoni

    3.12

    Il-KESE jirrikonoxxi l-benefiċċji sinifikanti u l-impjieg li jirriżultaw mill-kummerċ agrikolu u l-esportazzjonijiet. Madankollu, l-isfida li ġejja mill-globalizzazzjoni u minn ftehimiet kummerċjali tista’ tagħmel ħsara serja lill-agrikoltura u tipperikola l-livell għoli ta' sikurezza alimentari u ta' standards ta' kwalità tal-UE. Huwa essenzjali li jinstab il-bilanċ tajjeb bejn il-ftuħ ta' swieq u opportunitajiet ġodda, u l-protezzjoni ta' setturi u oqsma sensittivi kif ukoll l-istandards tal-UE. Barra minn hekk, il-prinċipju tal-preferenza Komunitarja u s-sovranità tal-ikel jeħtieġ li jżomm bilanċ territorjali (6).

    Il-volatilità tal-prezzijiet u t-tisħiħ tal-pożizzjoni tal-bdiewa fil-katina alimentari

    3.13

    Fil-katina tal-provvista tal-ikel hemm żbilanċ kbir tal-poter bejn il-bejjiegħa bl-imnut u l-proċessuri kbar u l-bidwi, li jirriżulta fi pressjoni 'l isfel fuq il-prezzijiet spiss orħos mill-ispejjeż tal-produzzjoni. Il-pożizzjoni tal-bidwi fil-katina tal-ikel għandha tissaħħaħ permezz ta’ kooperattivi ta’ kummerċjalizzazzjoni li jiffunzjonaw tajjeb. Għandu jiġi stabbilit qafas legali Ewropew biex jindirizza l-prattiki kummerċjali inġusti tal-ikel u l-katini ta’ bejgħ bl-imnut. Barra minn hekk, bit-tnaqqis tal-appoġġ għas-suq tal-UE u esponiment akbar għas-swieq dinjija u l-kriżi ġeopolitika bħalma hi l-projbizzjoni Russa, il-volatilità tal-prezzijiet u d-dħul saret sfida sinifikanti għall-bdiewa tal-UE. Ix-xogħol tat-Task Force dwar is-Swieq tal-Agrikoltura tal-UE f'dan il-qasam għandu jiġi mfaħħar u jitmexxa 'l quddiem. Għandhom jiġu indirizzati prattiki kummerċjali inġusti u bejgħ bi prezzijiet inqas mill-kost tal-produzzjoni (below cost selling).

    Żvilupp territorjali bbilanċjat

    3.14

    Il-biedja, l-agrikoltura u l-forestrija huma fundamentali għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali fiż-żoni rurali. Dawn għandhom ukoll rwol importanti f'intrapriżi u servizzi ekonomiċi oħrajn relatati maż-żoni rurali bħat-turiżmu, l-impjieg jew l-attivitajiet kulturali rurali. PAK imfassla mill-ġdid b’komponent b’saħħtu tal-Pilastru 2 hija essenzjali biex tindirizza l-isfidi tal-iżvilupp rurali li jiffaċċjaw iż-żoni rurali u biex il-biedja u l-attività agrikola jinżammu f’saħħithom f’kull reġjun tal-UE. L-objettiv għandu jkun li jinżamm l-għadd massimu ta’ bdiewa.

    4.   Proposti għal PAK aġġornata, immodernizzata u semplifikata

    4.1

    PAK imfassla mill-ġdid, li tappoġġja b’mod qawwi l-mudell tal-UE tal-agrikoltura, għandha tibqa’ tħaddan l-objettivi ewlenin stabbiliti fil-Politika Agrikola Komuni stabbilita fit-Trattat ta’ Ruma fl-1957. Għandhom jiġu inkorporat miri ġodda li jinvolvu l-impenji skont l-SDGs u l-COP21. L-Artikolu 39 tat-TFUE jistabbilixxi l-objettivi speċifiċi tal-PAK sabiex:

    1)

    Tiżdied il-produttività agrikola billi jiġi promoss il-progress tekniku u jiġi żgurat li jsir l-aħjar użu mill-fatturi tal-produzzjoni, b’mod partikolari x-xogħol;

    2)

    Jiġi żgurat livell ta’ għajxien ġust għall-bdiewa;

    3)

    Jiġu stabilizzati s-swieq;

    4)

    Tiġi żgurata d-disponibbiltà tal-provvisti;

    5)

    Jiġu żgurati prezzijiet raġonevoli għall-konsumaturi.

    4.2

    PAK imfassla mill-ġdid għandha tindirizza wkoll l-isfidi kritiċi tal-protezzjoni ambjentali, il-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-protezzjoni tal-bijodiversità.

    4.3

    Dawn l-objettivi essenzjali jiġu ssodisfati bl-aħjar mod billi tinżamm l-istruttura attwali tal-mudell ta’ żewġ pilastri tal-PAK, fejn il-Pilastru 1 tal-PAK huwa bbażat fuq pagamenti diretti għal bdiewa attivi bl-appoġġ ta’ miżuri ta’ ġestjoni tas-swieq, u l-Pilastru 2 tal-PAK huwa bbażat fuq miżuri ta’ Żvilupp Rurali, u bl-adattament tal-politika biex jitqiesu t-talbiet ġodda dwar il-forniment tal-beni pubbliċi. Il-pagamenti diretti tal-Pilastru 1 huma essenzjali f'termini ta' appoġġ għad-dħul tal-irziezet u għajnuna b'rabta mal-volatilità, marbutin ma' miżuri ta' kundizzjonalità dwar is-sikurezza alimentari, l-istandards tas-saħħa tal-annimali u l-pjanti u tat-trattament xieraq, u l-kontrolli ambjentali. Il-miżuri tal-Pilastru 2 tal-PAK jipprovdu programmi ta' appoġġ ekonomiku, ambjentali u soċjali essenzjali u addizzjonali.

    4.4

    Il-baġit tal-PAK wara l-2020 għandu ikun suffiċjenti biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet finanzjarji addizzjonali li jirriżultaw mid-deċiżjoni tal-Brexit, il-pressjonijiet fuq id-dħul tal-irziezet u ż-żieda fid-domanda għall-beni pubbliċi.

    4.5

    Abbażi tal-mudell tal-pagament bażiku, huwa propost li l-pajjiżi li jkunu adottaw mudell għajr is-sistema ta' pagament bażiku fiss jenħtieġ li jitħallew iżommu dan il-mudell wara l-2020 peress li huwa adattat aħjar għaċ-ċirkostanzi f'dawn il-pajjiżi. Għal ċerti pajjiżi, il-mudell ta' pagament fiss ma jirriflettix id-differenzi fil-livell tal-investiment, l-attività tal-biedja u t-twassil tal-beni pubbliċi.

    4.6

    Il-livell ta’ għajnuna diretta mħallsa lill-bdiewa fl-Istati Membri individwali tal-UE jeħtieġ li jiġi armonizzat aktar, sabiex jitqiesu d-differenzi fil-kondizzjonijiet u b’hekk jinħolqu kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni għall-bdiewa fl-Istati Membri kollha u biex jiġi żgurat żvilupp bilanċjat taż-żoni rurali madwar l-UE.

    4.7

    Il-pagamenti diretti għandhom jingħataw biss lil bdiewa attivi li jipprovdu servizzi pubbliċi u beni pubbliċi.

    4.8

    Sabiex jiġu appoġġjati u protetti l-pagamenti diretti għall-bdiewa taħt Pilastru 1 b’saħħtu, fil-kuntest ta’ PAK imfassla mill-ġdid, bidwi attiv irid jaħdem skont programm annwali jew pluriennali, li jiffoka fuq l-ambjent, it-tibdil fil-klima u l-bijodiversità, u li jista’ jinkludi navigatur tal-karbonju u pjan ta’ ġestjoni tan-nutrijenti. Dan il-programm annwali jew pluriennali jkun jinkludi l-forniment ta’ beni pubbliċi li jistgħu jitkejlu u joffri iżjed flessibbiltà lill-bdiewa. Il-kejl għandu jibbaża fuq kriterji oġġettivi u standardizzati fil-livell tal-UE.

    4.9

    Il-pagamenti diretti tal-Pilastru 1 għandhom jiġu limitati għal livell ġust u raġonevoli għal bdiewa individwali (eż. ugwali għal paga komparabbli ta’ ħaddiem kwalifikat). Għandhom ikunu possibbli aġġustamenti u għandhom jiġu kkunsidrati s-sħubijiet, il-kooperattivi, il-kumpaniji u l-għadd ta’ impjegati li jeħtieġu assigurazzjoni.

    4.10

    Il-pagamenti diretti akkoppjati għandhom ikunu ffokati fuq setturi u reġjuni vulnerabbli. It-tnejn li huma għandhom jevitaw l-abbandun tal-art u jipproteġu l-bijodiversità, prinċipalment permezz taż-żamma tal-intrapriżi tal-bhejjem u tas-setturi li sejrin lura.

    4.11

    Fil-PAK attwali, 30 % tal-pagament fil-Pilastru 1 huma marbutin mal-ekoloġizzazzjoni u 70 % ma’ 15-il Rekwiżit Statutorju ta’ Ġestjoni u ħames Kundizzjonijiet Agrikoli u Ambjentali Tajba li jridu jiġu ssodisfati sabiex ikunu eliġibbli. Għal semplifikazzjoni vera tal-PAK, ikun preferibbli li jkun hemm rabta bejn il-pagament kollu tal-Pilastru 1 u l-forniment tal-beni pubbliċi. Biex jintlaħaq dan l-għan, huwa neċessarju li ssir evalwazzjoni adatta tal-ekoloġizzazzjoni u tar-Rekwiżiti Statutorji ta’ Ġestjoni sabiex jinżammu l-aktar miżuri effiċjenti u li jistgħu jitwettqu kif ukoll biex jiġu introdotti miri ġodda, bħat-tibdil fil-klima u l-ħtieġa li jiżdied is-sekwestru tal-karbonju fil-ħamrija.

    4.12

    Dawn il-programmi ta’ kundizzjonalità li jinvolvu Rekwiżiti Statutorji ta’ Ġestjoni jkunu jinvolvu riżultati li jistgħu jitkejlu relatati mal-protezzjoni ambjentali, il-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-protezzjoni tal-bijodiversità abbażi tal-implimentazzjoni tal-kundizzjonalità rilevanti attwalment.

    4.13

    PAK imfassla mill-ġdid jenħtieġ li tħaddan il-kunċett ta’ Biedja Intelliġenti (Smart Farming), li jipprovdi d-dividend doppju li jtejjeb il-qligħ mill-azjendi agrikoli filwaqt li jiġu pprovduti benefiċċji ambjentali. Dan ikun jinvolvi l-użu tat-trasferiment tal-għarfien u t-teknoloġija biex tingħata għajnuna lill-biedja ta’ preċiżjoni bl-għan li jitnaqqsu l-inputs tal-ilma, l-enerġija, il-fertilizzanti industrijali u inputs oħrajn bħall-pestiċidi, speċjalment il-fungiċidi u l-insettiċidi.

    4.14

    Il-miżuri għas-suq inkluż l-intervent u l-għajnuna għall-ħżin privat jenħtieġ li jinżammu. Huwa essenzjali li l-livelli tal-iskattar għal dan l-appoġġ jiġu stabbiliti f'livelli realistiċi sabiex il-produtturi jingħataq appoġġ tad-dħul sinifikanti meta jkun meħtieġ.

    4.15

    L-aktar protezzjoni effettiva kontra l-volatilità tad-dħul huma l-pagamenti diretti sikuri u adegwati kif ukoll l-istrumenti għall-ġestjoni tas-swieq tal-Pilastru 1. Madankollu, fi żminijiet ta' volatilità estrema tal-prezzijiet, huma meħtieġa u jenħtieġ li jiġu kkunsidrati għodod oħrajn, inklużi skemi bl-għan li jnaqqsu l-produzzjoni. L-alternattiva li jintużaw fondi tal-Pilastru 2 għal miżuri bħal skemi volontarji ta' assigurazzjoni jenħtieġ li tiġi ffaċilitata.

    4.16

    Għal dawn l-aħħar 140 sena, il-kooperattivi tal-produtturi wrew b’mod ċar li huma aktar reżiljenti għat-turbolenzi fis-swieq agrikoli u jgħinu jevitaw ir-rilokazzjoni tal-produzzjoni tal-ikel. Għalhekk, hija kruċjali aktar promozzjoni, u promozzjoni aktar b’saħħitha – orjentata lejn is-setturi u r-reġjuni – tal-kooperazzjoni bejn il-produtturi u l-kooperattivi u l-organizzazzjonijiet tal-produtturi eżistenti, l-iżjed dawk żgħar. B’mod partikolari, trid issir enfasi speċifika fuq dawk is-setturi u r-reġjuni fejn il-kooperazzjoni hija baxxa.

    4.17

    L-elementi ewlenin identifikati fit-Task Force dwar is-Swieq tal-Agrikoltura tal-UE dwar titjib tal-pożizzjoni tal-bdiewa fil-katina tal-provvista, aktar trasparenza, rapportar tal-prezzijiet obbligatorju, miżuri ta’ mmaniġġjar tar-riskji, indirizzar ta' prattiki kummerċjali inġusti u kwistjonijiet oħrajn kollha għandhom jiġu avvanzati. Ir-regolamenti f’dawn l-oqsma għandhom jiġi adotatti u inkorporati b’mod sħiħ f’PAK imfassla mill-ġdid. Huwa propost li jiġi adottat regolament aktar b'saħħtu biex jipprojbixxi prattiki kummerċjali inġusti, jipprojbixxi l-bejgħ bi prezzijiet orħos mill-kost tal-produzzjoni, u jintroduċi rapportar tal-prezzijiet obbligatorju li jkopri l-livelli tal-produttur, tal-proċessur u tal-bejgħ bl-imnut. Barra minn hekk, il-pożizzjoni tal-bdiewa għandha tissaħħaħ billi jiġi appoġġjat it-twaqqif ta' organizzazzjonijiet tal-produtturi b'saħħithom.

    4.18

    Iż-żamma ta’ suq uniku tal-UE effettiv u li jiffunzjona kif suppost għandha tkun fil-qalba ta’ PAK imfassla mill-ġdid. Ix-xejriet reċenti ta’ rinazzjonalizzazzjoni mifruxin mas-suq uniku huma l-kawża ta’ tħassib kbir u jirriżultaw f’diverġenza akbar tal-prezzijiet u s-swieq. Huwa essenzjali wkoll li jiġu introdotti regoli, fejn dawn ma jeżistux, rigward it-tikkettar mandatorju dwar l-oriġini ta’ prodotti agrikoli u prodotti alimentari, ħaġa li hija neċessarja sabiex jiġu evitati l-frodi u biex il-konsumaturi jkunu jistgħu jagħmlu għażliet infurmati, u b’hekk dawn ir-regoli ma jipperikolawx jew ifixklu l-moviment liberu tal-beni fis-suq uniku tal-UE.

    4.19

    Il-Brexit hija theddida maġġuri għall-UE u se jkollha impatt sinifikanti fuq il-PAK u s-suq uniku. Kwalunkwe tnaqqis baġitarju tal-PAK minħabba l-Brexit għandu jiġi kkumpensat b'mod sħiħ mill-Istati Membri. Barra minn hekk, huwa essenzjali li jinżamm il-kummerċ bla tariffi għall-prodotti tal-agrikoltura u l-ikel bejn l-UE u r-Renju Unit u jinżammu l-istandards ekwivalenti għas-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali, u l-ambjent kif ukoll l-applikazzjoni ta' Tariffa Esterna Komuni għal importazzjonijiet kemm lejn l-UE kif ukoll ir-Renju Unit.

    4.20

    Objettiv fundamentali tal-PAK għandu jkun Preferenza Komunitarja, bl-ikel tal-UE għaċ-ċittadini tal-UE. Prinċipju ewlieni ta' din il-politika għandu jkun iż-żamma u l-protezzjoni tal-istandards tal-UE dwar it-traċċabbiltà, is-sikurezza alimentari, il-kontrolli tas-saħħa tal-annimali u l-pjanti u l-protezzjoni ambjentali, kif ukoll protezzjoni sħiħa għal Indikazzjonijiet Ġeografiċi Protetti (IĠP). Fi kwalunkwe negozjar dwar il-politiki kummerċjali, għall-konsumaturi tal-UE huwa essenzjali li l-UE tirrikjedi li l-ikel kollu importat jissodisfa dawn l-istess standards. Barra minn hekk, fi kwalunkwe negozjar kummerċjali futur huwa essenzjali li l-UE żżomm protezzjoni tat-tariffi b'saħħitha u adatta għal setturi sensittivi u oqsma vulnerabbli.

    4.21

    It-tiġdid ġenerazzjonali għandu jkun karatteristika ewlenija ta’ PAK ġdida mfassla mill-ġdid. Huwa propost li jenħtieġ li tkompli ż-żieda eżistenti fil-pagamenti tal-Pilastru 1 tal-PAK għal bdiewa żgħażagħ taħt l-40 sena. Huwa propost li r-regola ta' ħames snin tiġi eżaminata mill-ġdid biex jitneħħew l-inflessibbiltajiet li jċaħħdu lill-bdiewa żgħażagħ milli jkollhom aċċess għal livelli ta' pagament ogħla. Barra minn hekk, huwa propost li jenħtieġ li jkunu applikabbli rati ta' pagament ogħla għal bdiewa żgħażagħ taħt il-miżuri ġenerali tal-iskema tal-pjan ta' żvilupp rurali. Il-livelli ta' pagament għal programmi ta' għotjiet strutturali għal bdiewa żgħażagħ jenħtieġ li jiżdiedu għal 70 %. Dan l-appoġġ għandu jkun disponibbli wkoll għall-bdiewa żgħażagħ u l-professjonisti żgħażagħ fi sħubijiet, kooperattivi u kumpaniji. Riżerva nazzjonali effettiva biex il-bdiewa żgħażagħ u bdiewa ġodda jkollhom aċċess għal appoġġ fuq bażi kontinwa hija importanti ħafna. L-alternattiva li jiġi implimentat programm ta' rtirar effettiv taħt il-Pilastru 2 jenħtieġ li tkun disponibbli. L-Istati Membri għandu jkollhom il-flessibbiltà li jintroduċu miżuri addizzjonali għall-bdiewa żgħażagħ, speċjalment in-nisa. Huwa essenzjali li ssir enfasi qawwija fuq l-edukazzjoni u t-titjib tal-ħiliet. Biex tissaħħaħ il-pożizzjoni tan-nisa fl-agrikoltura, jenħtieġ li għan-nisa jkunu disponibbli inċentivi simili għal dawk disponibbli għall-bdiewa żgħażagħ, sabiex jiġi żgurat aċċess ugwali għall-art, il-kreditu, it-taħriġ u l-istatus.

    4.22

    Semplifikazzjoni pożittiva taħt il-kundizzjonalità/GAEC (kundizzjoni agrikola u ambjentali tajba) u SMRs jistgħu jiġu introdotti għall-bdiewa permezz ta' tranżizzjoni mill-approċċ ta' spezzjoni/awditjar għall-adozzjoni ta’ użu akbar tat-teknoloġija. Is-sistema jenħtieġ li tiġi adattata b'lista ta' kontroll li tinvolvi punti pożittivi u negattivi għall-konformità. L-applikanti li jissodisfaw ir-rekwiżiti kritiċi ewlenin u jiksbu livell limitu ta' punti jiġu approvati għall-ħlas mingħajr l-ebda penali. Dan ikun estensjoni tal-approċċ il-ġdid tal-karta s-safra li diġà ġie introdott. In-numru ta' SMRs ta' kundizzjonalità jenħtieġ li jitnaqqas bit-tneħħija ta' xi miżuri ta' SMR li m'għadhomx adatti jew rilevanti. Eżempju tajjeb ta' dan ikun li titneħħa l-ħtieġa li tiġi vverifikata l-identifikazzjoni tal-annimali fl-irziezet u li l-verifiki jitwettqu bl-użu ta' teknoloġija fil-punti tal-bejgħ bħall-biċċeriji, il-punti ta' raggruppament u s-swieq tal-bhejjem.

    4.23

    Ir-reġim ta' spezzjoni taħt ir-rekwiżiti ta' kundizzjonalità jenħtieġ li jipprovdi wkoll id-dritt għal rettifika f'approċċ ta' konklużjoni (close out approach) f'perjodu ta' żmien stipulat, mingħajr penali. Jenħtieġ li japplika approċċ aktar proporzjonat u aktar ġust rigward il-penali u t-tolleranzi. Is-semplifikazzjoni m’għandhiex twassal għal tnaqqis fl-ambizzjonijiet, speċjalment fil-protezzjoni ambjentali (ekoloġizzazzjoni) jew fl-iskema ta' pagament uniku (SPS).

    4.24

    L-ispezzjonijiet jenħtieġ li ma jipposponux il-pagamenti u jenħtieġ li tapplika politika ta' applikazzjoni ta' kwalunkwe penali fis-sena ta' wara għall-eliġibbiltà u l-SMRs tal-kundizzjonalità kollha.

    4.25

    Pilastru 2 b’saħħtu, imtejjeb u aktar effettiv, li jissodisfa r-rekwiżiti ekonomiċi, ambjentali u soċjali tar-reġjuni, huwa ta’ importanza kritika għal PAK ġdida mfassla mill-ġdid li tiffoka fuq il-vijabbiltà, il-vitalità u l-ħolqien tal-impjiegi fiż-żoni rurali. Dan jenħtieġ li jkun ibbażat fuq l-objettivi stabbiliti f'Cork 2.0. Barra minn hekk, huwa importanti li l-Istati Membri jikkofinanzjaw il-miżuri kollha tal-pjan ta' żvilupp rurali, inklużi pagamenti għal żoni b'restrizzjonijiet naturali (ANC).

    4.26

    B’aktar sfidi biex jiġu ssodisfati l-impenji tal-Ewropa stabbiliti fil-miri tal-SDGs tan-NU u tal-COP21, hemm lok għal estensjoni, iffokar u pagamenti għal aktar miżuri ambjentali taħt il-Pilastru 2 tal-PAK. Biex dan ikun jista’ jsir, filwaqt li tiġi rispettata l-allokazzjoni baġitarja attwali taħt il-Pilastru 2, huwa importanti li d-distribuzzjoni futura tal-baġit bejn l-Istati Membri tkun tirrifletti din l-ambizzjoni.

    4.27

    Aktar miżuri u pagamenti ambjentali, tat-tibdil fil-klima u tal-bijodiversità tal-Pilastru 2 tal-PAK jistgħu jiġu mmirati lejn il-forniment ta' servizzi tal-ekosistema mtejba minn bdiewa li jagħmlu enfasi fuq dan li ġej:

    1.

    Il-pagamenti għall-ġestjoni mtejba ta' bjar tal-karbonju fil-ħamrija li tkopri l-bwar, il-forestrija u t-torbiera.

    2.

    Ġestjoni mtejba ta' bwar permanenti biex jittejbu l-bjar tal-karbonju.

    3.

    Pagamenti biex ċertu raba' li jinħadem jiġi kkonvertit fi bwar.

    4.

    Għażla ta' programmi ta' serħan tal-art u ta' ħdim minimu tar-raba'.

    5.

    Għażla biex jitnaqqsu r-rati tal-irjus fuq il-bwar, filwaqt li tinżamm rata tal-irjus minima.

    6.

    Pagament għall-ħolqien ta' ħabitats u kurituri naturali.

    7.

    Marġini ta' lqugħ (buffer margin) madwar il-korpi tal-ilma.

    8.

    Ġestjoni ta' gandotti u ringieli ta' sġajriet.

    9.

    Navigazzjoni tal-karbonju.

    10.

    Pagament biex jinżammu t-torbieri.

    11.

    Protezzjoni tal-estetika tal-pajsaġġ u ta' siti arkeoloġiċi.

    12.

    Pagament għal miżuri ta' trattament xieraq tal-annimali.

    13.

    Pagamenti akbar f’żoni tan-Natura u għal ħsara minn fawna selvaġġa.

    14.

    Miżuri biex titnaqqas id-deżertifikazzjoni f'żoni nexfin.

    15.

    Agroekoloġija u produzzjoni organika.

    16.

    Pagamenti biex jiżdied il-kontenut ta’ materja organika fil-ħamrija, titrażżan l-erożjoni tal-ħamrija u tiġi ffaċilitata ż-żamma tal-ilma fil-pajsaġġ.

    4.28

    Il-pagamenti taħt l-iskema għal żoni b'restrizzjonijiet naturali (ANC) huma kruċjali għall-bdiewa fir-reġjuni ifqar u aktar iżolati tal-UE.

    4.29

    Il-provvediment ta' finanzjament bi prezz baxx huwa essenzjali biex jiġi stimulat it-tkabbir fis-settur agrikolu, u b'mod speċjali biex jiġu assistiti bdiewa żgħażagħ li huma kruċjali għat-tiġdid ġenerazzjonali.

    4.30

    PAK imfassla mill-ġdid għandha tkun komplementari għal politika komprensiva dwar l-ikel, u tlaqqa’ flimkien l-agrikoltura sostenibbli, l-iżvilupp territorjali bbilanċjat, dieti tajbin għas-saħħa, l-impjiegi u l-kummerċ. Ma tistax issir enfasi żejda fuq l-importanza ta' dieta tajba għas-saħħa għall-konsumaturi u fuq il-benefiċċji assoċjati għas-soċjetà f'termini ta' kwalità tal-ħajja, għajxien ta' ħajja f'saħħitha, ġlieda kontra l-obeżità u spejjeż tas-saħħa mnaqqsa. Hemm bżonn aktar riżorsi u programmi biex dan il-messaġġ jiġi kkomunikat lill-konsumaturi flimkien ma' programmi biex tinqered il-ħela tal-ikel u jiġi mħeġġeġ ir-riċiklaġġ.

    4.31

    Biex tinkiseb il-mira tal-UE li l-użu tal-enerġija rinnovabbli jiżdied għal mill-inqas 27 % sal-2030, jenħtieġ li jiġu adottati miżuri biex tiġi żgurata l-istabbiltà u ċ-ċertezza legali. Għandhom jiġu adottati pagamenti mmirati biex jappoġġjaw kemm l-investiment fl-enerġija solari, tal-bijomassa u eolika kif ukoll programmi ta' effiċjenza fl-enerġija u ta' ffrankar tal-enerġija.

    4.32

    Biex tinżamm il-kompetittività, huwa importanti ħafna li s-settur agrikolu jkollu l-aktar riċerka u innovazzjoni riċenti u li dawn ikunu disponibbli fil-livell tar-razzett. It-trasferiment effettiv tal-għarfien, l-edukazzjoni, u l-programmi u servizzi konsultattivi u ta' estensjoni għall-azjendi agrikoli għandhom ikunu disponibbli u appoġġjati.

    4.33

    Fid-dawl taż-żieda fl-użu tat-teknoloġija fl-agrikoltura u b'mod partikolari għall-biedja intelliġenti u għas-semplifikazzjoni, il-kopertura tal-broadband hija kruċjali għaż-żoni rurali kollha.

    4.34

    Fl-ekonomija l-ġdida tal-biedja intelliġenti, b'użu akbar tat-teknoloġija, il-protezzjoni tad-data individwali u tal-kunfidenzjalità tal-bdiewa hija importanti ħafna. Barra minn hekk, huwa essenzjali li l-bdiewa jżommu sjieda sħiħa tad-data individwali kollha miżmuma fir-rigward tan-negozju tagħhom.

    4.35

    L-ekonomija ċirkolari jista' jkollha rwol ewlieni fit-tnaqqis tal-iskart fis-setturi kollha. Il-mudelli tradizzjonali tal-biedja huma x-xempju ta’ ekonomiji mingħajr skart, effiċjenti fir-riżorsi u ċirkolari. L-agrikoltura għandha rwol pożittiv x’taqdi fis-settur tal-użu mill-ġdid u tar-riċiklaġġ, inkluża l-ġestjoni ekonomika tal-ħamrija, l-ilma u l-arja.

    4.36

    Jeħtieġ perjodu raġonevoli ta’ tranżizzjoni mill-2020 għall-introduzzjoni ta’ PAK imfassla mill-ġdid, partikolarment biex jitqiesu kwistjonijiet baġitarji b’rabta mal-Brexit u deċiżjonijiet politiċi oħrajn (7).

    Brussell, l-1 ta’ Ġunju 2017.

    Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    Georges DASSIS


    (1)  European Commission EU agricultural spending focused on results, Settembru 2015.

    (2)  European Commission Agri-food trade statistical fact sheet – Extra EU 28.

    (3)  Eurostat. Land cover, land use and landscape 2016.

    (4)  Opinjoni dwar “Mid-Dikjarazzjoni Cork 2.0 għal azzjonijiet konkreti”, (għadha mhux ippubblikata fil-ĠU).

    (5)  Il-Kummissarju Hogan, Working for Europe’s Farmers 2016.

    (6)  Opinjoni dwar “Ir-rwol tal-agrikoltura fin-negozjati kummerċjali bilaterali u reġjonali fid-dawl tal-laqgħa ministerjali tad-WTO f’Nairobi”, ĠU C 173, 31.5.2017, p. 20.

    (7)  Opinjoni dwar “Fatturi li jinfluwenzaw lill-PAK wara l-2020”, ĠU C 75, 10.3.2017, p. 21,


    Top