EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016AE5296

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi l-Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (Riformulazzjoni)” (COM(2016) 590 final – 2016/0288 (COD))

ĠU C 125, 21.4.2017, p. 56–64 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

21.4.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 125/56


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi l-Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi

(Riformulazzjoni)”

(COM(2016) 590 final – 2016/0288 (COD))

(2017/C 125/08)

Relatur uniku:

Jorge Pegado Liz

Konsultazzjoni

Parlament Ewropew, 24.10.2016

Kunsill, 9.11.2016

Bażi legali

L-Artikoli 114 u 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni

Adottata fis-sezzjoni

11.1.2017

Adottata fil-plenarja

26.1.2017

Sessjoni plenarja Nru

522

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

162/3/23

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-KESE jinsab sodisfatt bil-kontenut ġenerali tal-proposta tal-Kummissjoni dwar il-Kodiċi Ewropew tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi, l-adegwatezza tagħha, l-approċċ magħżul sabiex taffronta t-tema u l-mod li bih ipproċediet għall-kodifikazzjoni u r-riformulazzjoni orizzontali tal-erba’ Direttivi eżistenti (id-Direttiva Qafas, id-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni, id-Direttiva tal-Aċċess u d-Direttiva “Servizz Universali”), li hija tiġbor fi ħdan Direttiva waħda u unika li tissimplifika l-istruttura attwali bl-għan li titjieb il-koerenza u l-aċċessibbiltà, b’konsistenza mal-għan tal-programm dwar l-idoneità u l-prestazzjoni tar-regolamentazzjoni (REFIT).

1.2

Il-KESE jenfasizza b’mod partikolari d-diffikultà ta’ dan l-eżerċizzju ta’ tfassil mill-ġdid tad-direttivi differenti involuti u jenfasizza l-eċċellenza tal-ħidma legali li seħħet għall-ewwel darba. Madankollu, huwa jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa li ssir reviżjoni dettaljata tad-diversi verżjonijiet lingwistiċi, biex tirrimedja xi difetti żgħar ta’ abbozzar.

1.3

Il-KESE jaqbel mal-għanijiet prinċipali tal-proposta biex tiġi żgurata konnettività aħjar għall-internet għaċ-ċittadini kollha u l-impriżi kollha, fil-qafas tal-pakkett ta’ inizjattivi maħsuba biex jagħmlu l-investiment f’infrastrutturi ġodda ta’ kwalità għolja aktar attraenti għall-impriżi kollha, fl-Unjoni kollha, kemm fil-livell lokali kif ukoll lil hinn mill-fruntieri nazzjonali.

1.4

Il-KESE madankollu jinnota b’dispjaċir id-deċiżjoni li titwarrab id-Direttiva dwar il-privatezza, li għandha sservi ta’ xempju għaċ-ċittadini peress li tikkaratterizza l-azzjoni pożittiva tal-Unjoni fil-konfront tagħhom. Din tnaqqas il-proposta minn wieħed mill-aktar pilastri importanti ewlenin li jiżguraw ir-rispett għall-interessi tal-utenti tan-netwerks u għaldaqstant dan huwa punt dgħajjef tal-proposta..

1.5

Huwa jinnota b’dispjaċir ukoll li l-Kummissjoni kienet għażlet direttiva li tipproponi diversi skemi ta’ armonizzazzjoni, li tħalli għadd ta’ kwistjonijiet importanti jiġu deċiżi mill-Istati Membri u għalhekk ma tmurx kontra l-frammentazzjoni tas-swieq, minflok li għażlet regolament li huwa direttament applikabbli u jista’ jistabbilixxi livell ogħla ta’ protezzjoni tal-konsumatur u b’hekk jikkontribwixxi għal integrazzjoni akbar tas-suq uniku.

1.6

Fost il-punti ewlenin tas-sistema proposta li l-KESE jappoġġja, jenfasizza b’mod partikolari:

a)

l-attenzjoni għall-aċċessibbiltà tas-servizzi għall-“utenti b’diżabbiltà” u l-ħtieġa li jiġu deskritti aħjar “id-drittijiet tal-utenti finali”, iżda bil-kondizzjoni fundamentali li jiġu applikati r-regoli tal-UE dwar il-protezzjoni tal-konsumatur, b’mod partikolari d-Direttivi 93/13/KEE, 97/7/KE u 2011/83/UE;

b)

ir-rilevanza fil-formulazzjoni ta’ kunċetti u definizzjonijiet ġodda, li huma utli għall-kjarifika u l-interpretazzjoni tal-qafas legali;

c)

il-bidla fil-proċeduri ta’ analiżi tas-suq kif ukoll il-kodifikazzjoni tal-aħjar prattiki attwali biex jiżguraw li l-obbligi tal-aċċess jiġu imposti biss fil-każijiet u fil-ħinijiet li fihom huma meħtieġa sabiex jiġu indirizzati l-fallimenti tas-suq bl-imnut u jiġu żgurati riżultati għall-utent finali, filwaqt li fl-istess ħin, jiġi żgurat li jkunu kompetittivi;

d)

is-semplifikazzjoni tal-kondiviżjoni tal-ispettru fuq in-netwerk 5G kif ukoll il-promozzjoni tal-aċċess tal-utenti finali għall-konnettività bażika tal-WiFi. Fil-fatt, l-użu kondiviż tal-ispettru, abbażi ta’ awtorizzazzjoni ġenerali jew ta’ drittijiet ta’ użu individwali, jippermetti l-użu intensiv u iżjed effiċjenti ta’ din ir-riżorsa skarsa;

e)

it-tisħiħ tal-indipendenza tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali u awtoritajiet kompetenti oħra, enfasizzati minn garanziji speċifiċi li huma mogħtija għall-għażla, għal-limitazzjoni tat-tul ta’ żmien tal-mandati, l-awtonomija ta’ ġestjoni u dwar it-tkeċċija ta’ membri tal-korpi ta’ ġestjoni rispettivi tagħhom.

1.7

Min-naħa l-oħra, il-KESE għandu riżervi serji u dubji serji b’mod partikolari fuq l-aspetti li ġejjin:

a)

ċerti innovazzjonijiet introdotti fis-“servizz universali”, fejn, bl-iskuża tal-allegat modernizzazzjoni tal-iskema korrispondenti, fil-fatt jiġu mibdula s-servizzi jew anke jitħassru mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom sensiela ta’ obbligi, bħall-kabini telefoniċi pubbliċi, id-direttorji komprensivi u s-servizzi ta’ konsultazzjoni tad-direttorju, u għalhekk ir-riżultat li d-Direttiva tippretendi li tilħaq isir superfluwu;

b)

definizzjoni ta’ “aċċess funzjonali għall-internet broadband” inkwantu din tista’ tagħti lok għall-istabbiliment ta’ lista arbitrarja ta’ servizzi aċċessibbli onlajn, b’kuntrast għal konnessjoni ta’ kwalità minima newtrali, li fil-futur jista’ jwassal għal prattiki diskriminatorji għad-detriment tal-utenti finali;

c)

il-fatt li wieħed iserraħ fuq l-assistenza jew is-sigurtà soċjali, jiġifieri l-baġit nazzjonali permezz tat-tassazzjoni, biex jgħin lill-“utenti finali bi dħul baxx jew ħtiġiet soċjali speċjali” jew lill-“persuni b'diżabilità”“ħalli tkun żgurata l-affordibbiltà tas-servizzi tal-aċċess għall-internet funzjonali u tal-komunikazzjoni bil-vuċi mill-inqas f’post fiss”, li jneħħi l-obbligi tal-fornituri għal dawn is-servizzi u jippermettilhom li jkopru biss is-setturi li jrendu qligħ, li jipproteġi l-interessi tagħhom u jnaqqas kemm l-ambitu tas-servizz universali kif ukoll id-drittijiet tal-konsumatur; fl-istess ħin, huwa l-Teżor li huwa mistenni li jkopri l-ispejjeż tas-servizz pubbliku, il-possibiltà ta’ kondiviżjoni tal-ispejjeż li qabel kienet prevista issa tħassret;

d)

l-għażla li saret espressament dwar il-metodu ta’ armonizzazzjoni massima fir-rigward tad-drittijiet tal-utenti finali, b’livell baxx ta’ protezzjoni, li twassal għat-tnaqqis tad-drittijiet tal-utenti minħabba x-xewqa ta’ semplifikazzjoni u tmur kontra l-pożizzjoni difiża kontinwament mill-KESE;

e)

it-tneħħija ta’ ċerti obbligi regolatorji jew tnaqqis tad-drittijiet jew tal-garanziji preċedenti bl-iskuża li m’għadhomx meħtieġa jew li huma koperti mil-liġi tal-konsumatur ġenerali. Dan huwa l-każ, pereżempju, tat-tneħħija tas-setgħat mogħtija lir-regolaturi nazzjonali li jimponu direttament regolamentazzjoni tal-prezzijiet bl-imnut lill-operaturi li għandhom saħħa sinifikanti fis-suq (SMP) jew ta’ ċerti dispożizzjonijiet fir-rigward ta’ kuntratti, trasparenza, l-ekwivalenza tal-aċċess għall-utenti b’diżabilità, servizzi ta’ direttorji u l-interoperabbiltà tat-tagħmir tat-televiżjoni diġitali;

f)

ir-regolazzjoni insuffiċjenti ta’ ċerti prattiki allegati bħala inġusti f’kuntratti mal-utenti, bħal pereżempju fil-każ ta’ limiti massimi tat-tul ta’ kuntratti jew ta’ terminazzjoni ta’ kuntratt, tat-tiġdid tal-kuntratti f’każ ta’ pakketti, in-nuqqas ta’ sanzjonijiet li jkunu jistgħu jiżguraw l-effettività tal-proċess ta’ tibdil għall-utent finali, iż-żamma tal-obbligu ta’ kumpens għall-utent aħħari “għall-valur pro rata tempore tat-tagħmir sussidjat mogħti mal-kuntratt meta sar il-kuntratt u rimborż pro rata tempore għal kull vantaġġ promozzjonali ieħor li ġie kumerċjalizzat bħala tali waqt il-konklużjoni tal-kuntratt”.

g)

fl-aħħar nett, il-fatt li din il-proposta ma tissodisfax ix-xewqa tal-Kunsill ta’ “Kodiċi Ewropew tad-drittijiet tal-utenti tas-servizzi tal-komunikazzjoni elettronika”, li “l-għan huwa li fil-livell tal-UE jkun hemm għodda sempliċi u faċli għall-utent li tlaqqa' flimkien id-drittijiet kollha tal-utenti tas-servizzi tal-komunikazzjoni elettronika fl-oqsma tal-ICT (Teknoloġija tal-Informazzjoni u tal-Komunikazzjoni) u l-protezzjoni tal-konsumatur”.

2.   Sinteżi tal-proposta tal-Kummissjoni

2.1    Proposta għal Direttiva

2.1.1

Fil-kuntest tal-Istrateġija għal Suq Uniku Diġitali (1) u fid-dawl tal-bidliet rapidi u profondi li reċentement laqtu lill-istrutturi tas-suq tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, bil-ħolqien ta’ kategoriji ta’ atturi li ma kinux magħrufa preċedentement u li joħolqu kompetizzjoni ma’ operaturi tradizzjonali tat-telekomunikazzjoni, kif ukoll l-iżvilupp, f’termini ta’ kwantità u popolarità, tas-servizzi tal-kontenut onlajn, huwa indispensabbli li ssir reviżjoni u aġġornament tal-qafas regolatorju għall-komunikazzjonijiet elettroniċi, li jmur lura għall-2009. L-għan huwa b’mod partikolari li jiġi żgurat li ċ-ċittadini u n-negozji jibbenefikaw minn aċċess mingħajr xkiel għall-attivitajiet online fi ħdan qafas li jiżgura kompetizzjoni ġusta. L-iżgurar ta’ konnettività aħjar għall-internet għaċ-ċittadini u n-negozji kollha huwa l-għan ewlieni li assumiet il-Kummissjoni fil-proposta li ppubblikat fl-14 ta’ Settembru 2016 (2).

2.1.2

Din il-proposta hija parti minn pakkett leġislattiv li għandu l-għan li jagħmel l-investiment f’infrastrutturi ġodda ta’ kwalità għolja madwar l-Unjoni aktar attraenti, għall-impriżi kollha, kemm fil-livell lokali kif ukoll lil hinn mill-fruntieri nazzjonali, u tinkludi wkoll proposta għal Regolament li jikkonċerna l-Korp ta’ Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (BEREC), kif ukoll komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar “Konnettività għal suq uniku diġitali kompetittiv — lejn soċjetà Ewropea tal-Gigabit”. Barra minn hekk, ġew ippreżentati wkoll pjan ta’ azzjoni għall-varar tas-servizzi 5G madwar l-UE kollha mill-2018 u proposta għal regolament dwar il-promozzjoni tal-konnettività tal-Internet fil-komunitajiet lokali u l-ispazji pubbliċi – “Wi-Fi għall-Ewropa” (WIFI4EU).

2.1.3

Dawn l-istrumenti kollha jaqdu t-tliet objettivi strateġiċi dwar il-konnettività għall-2025:

a)

l-atturi soċjoekonomiċi ewlenin kollha għandu jkollhom aċċess għal konnessjoni għolja ħafna, fil-livell ta’ gigabits;

b)

id-djar kollha tal-Ewropa, rurali jew urbani, għandu jkollhom aċċess għal konnettività ta’ veloċità ta’ tniżżil ta’ mill-inqas 100 Mbps u li kapaċi tadatta għall-veloċitajiet tal-gigabits;

c)

iż-żoni urbani kollha u r-rotot tat-triq jew ferrovjarji ewlenin kollha għandhom jibbenefikaw mill-kopertura 5G bla waqfien; bħala mira intermedja għall-2020, il-konnettività 5G għandha jkunu disponibbli fuq is-suq f'għall-inqas waħda mill-ibliet ewlenin f'kull Stat Membru.

2.1.4

Il-proposta hi bbażata fuq l-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea bil-għan li toħloq is-suq intern tal-komunikazzjonijiet elettroniċi u li tiżgura l-funzjonament tiegħu. Hija għażlet riformulazzjoni orizzontali tal-erba’ Direttivi eżistenti (id-Direttiva Qafas, id-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni, id-Direttiva tal-Aċċess u d-Direttiva Servizz Universali), li hija tiġbor fi ħdan Direttiva waħda u unika, bis-semplifikazzjoni tal-istruttura attwali bl-għan li titjieb il-koerenza u l-aċċessibbiltà, konsistenti mal-għan tal-Programm dwar l-Idoneità u l-Prestazzjoni tar-Regolamentazzjoni (REFIT), fil-forma ta’ kodiċi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi Ewropew ġenwin.

2.1.5

Skont is-suġġetti ttrattati, il-proposta tadotta diversi forom ta’ armonizzazzjoni leġislattiva, minn armonizzazzjoni sħiħa speċifika jew selettiva, pereżempju fir-rigward tar-regoli dwar il-protezzjoni tal-utenti finali, għal armonizzazzjoni massima għal kwistjonijiet dwar l-ispettru, b’armonizzazzjoni minima b’livell għoli f’dak li jikkonċerna l-kompetenzi tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali.

2.1.6

Il-proposta tibbaża fuq konsultazzjoni pubblika estensiva mal-partijiet interessati fuq perjodu ta’ tnax-il ġimgħa, fuq parir speċjalizzat ta’ esperti esterni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, fuq diversi studji oħrajn elenkati u spjegati fid-dettall fil-valutazzjoni tal-impatt, kif ukoll fuq l-opinjoni ta’ panel ta’ esperti ta’ livell għoli stabbilit fil-kuntest tal-istudju SMART 2015/0005.

2.1.7

B’din il-proposta, il-Kummissjoni għandha l-ħsieb li tilħaq l-għanijiet li ġejjin:

a)

intensifikazzjoni tal-kompetizzjoni, u kundizzjonijiet ta’ investiment iktar prevedibbli;

b)

użu aħjar tal-ispettru tar-radju;

c)

protezzjoni aħjar tal-konsumatur, fl-oqsma fejn ir-regoli ġenerali għall-protezzjoni tal-konsumaturi m’humiex biżżejjed, għaliex ma jissodisfawx il-bżonnijiet speċifiċi tas-settur;

d)

ambjent online aktar sikur għall-utenti u regoli aktar ġusti għall-atturi kollha.

2.1.8

Fil-qosor, bosta mill-bidliet proposti, b’mod partikolari dawk li jikkonċernaw l-ispettru, is-servizz universali, l-aċċess, l-utenti finali, in-numerazzjoni u l-governanza politika, għandhom l-għan li jintroduċu regoli ċari, li jippermetti lill-partijiet jifhmu faċilment id-drittijiet u l-obbligi tagħhom, u tiġi evitata regolamentazzjoni u piżijiet amministrattivi żejda.

2.1.9

Il-bidliet proposti speċifikament jinkludu l-miżuri li ġejjin: li r-regolamentazzjoni dwar l-aċċess tiġi ssemplifikata u mmirata ġeografikament; li (kull meta dan ikun possibbli) tintuża awtorizzazzjoni ġenerali bi preferenza għal-liċenzji individwali tal-ispettru; li jittrawmu swieq sekondarji għall-ispettru; li jitneħħew l-obbligi tas-servizz universali li ma għadhomx meħtieġa, bħar-rekwiżiti li jkun żgurat il-forniment ta’ telefowns bil-flus u ta’ direttorji fiżiċi; li jiċkien il-kamp ta’ applikazzjoni tal-obbligi dwar id-disponibbiltà tas-servizz universali u li jispiċċa l-mekkaniżmu tal-kondiviżjoni settorjali; li jiġi ċċarat il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Qafas Regolatorju u li jitneħħew l-obbligi tal-protezzjoni tal-konsumaturi li ma jkunx għad hemm bżonnhom meta dawn diġà tkun qed tindirizzahom il-leġislazzjoni orizzontali jew ikun qed jissodisfahom is-suq; li jiġu armonizzati u ċċarati r-regoli u l-governanza tan-numerazzjoni fil-kuntest tal-M2M.

2.1.10

Il-Kummissjoni pproponiet ukoll li ssaħħaħ ir-rwol tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali u l-BEREC biex tiġi żgurata implimentazzjoni koerenti u prevedibbli tar-regoli dwar il-pakkett tas-suq uniku diġitali, billi titnaqqas il-frammentazzjoni u l-inkonsistenzi attwali bl-għan tal-promozzjoni ta’ governanza effiċjenti tal-ġodda (3).

2.2    Il-metodu ta’ riformulazzjoni

2.2.1

Il-Kummissjoni ma llimitatx ruħha, kif tagħmel fil-parti l-kbira tal-każijiet, li ssir sempliċi “kodifikazzjoni” bl-inklużjoni tal-kontenut tad-diversi direttivi preċedenti f’pakkett komplut armonjuża u koerenti u mingħajr ma jibdel il-kontenut. Pjuttost xtaqet tuża l-possibbiltà mogħtija lilha permezz tal-Ftehim Interisitituzzjonali ffirmat fit-28 ta’ Novembru 2001 (4), li fl-istess ħin li tkompli bl-integrazzjoni orizzontali tad-diversi atti preċedenti f’test leġislattiv uniku, tagħmel bidliet estensivi u sostanzjali (imsejħa “emendi sostantivi”) tar-reġim ikkonċernat.

2.2.2

F’dan it-tip ta’ eżerċizzju ta’ semplifikazzjoni leġislattiva, kodifikazzjoni u modifika sostanzjali tar-reġim legali ta’ att leġiżlattiv, “il-proċess leġislattiv normali tal-Komunità għandu jitħares kollu kemm hu” (punt 5 tal-Ftehim). Il-proposta ta’ riformulazzjoni hija b’mod partikolari suġġetta għal Opinjoni tal-KESE, u hija rregolata minn sett ta’ kriterji u regoli espressament stipulati fil-paragrafi 6 u 7 tal-Ftehim.

3.   Kummenti ġenerali

3.1    Kwistjonijiet mhux diskussi f’din l-opinjoni

3.1.1

Mhux biss minħabba l-limiti imposti fuq id-daqs tal-opinjonijiet tiegħu iżda wkoll minħabba n-natura stess tal-proposta, il-KESE jqis li m’għandux jagħmel stqarrija mill-ġdid fuq l-elementi tal-atti leġislattivi preċedenti li huma applikati bla modifiki f’din il-proposta, għajr meta dan ikun assolutament indispensabbli għall-fehim ta’ wieħed mill-punti diskussi.

3.1.2

Fil-fatt, il-KESE kellu l-opportunità jikkummenta fid-dettall fl-opinjonijiet preċedenti tiegħu dwar dawn is-suġġetti kollha, u hawn jikkonferma l-pożizzjoni tiegħu.

3.1.3

Bl-istess mod, f’din is-sede mhux se jidħol fid-dettall dwar l-aspetti relatati mal-istruttura u l-operat tal-BEREC indirizzati fil-proposta, li se jiġu analizzati fid-dettall fl-Opinjoni li qed tiġi mfassla b’mod parallel ma’ din.

3.2    Valutazzjoni tal-approċċ ġenerali tal-proposta

3.2.1

Il-KESE jixtieq jibda billi jfaħħar lill-Kummissjoni għar-rilevanza tal-inizjattiva tagħha, kompletament iġġustifikata minn kunsiderazzjonijiet marbuta mas-suq, l-evoluzzjoni tat-teknoloġija u tal-protezzjoni legali tal-utenti tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, li jeħtieġu tfassil mill-ġdid tal-qafas legali sabiex ikun żgurat li ċ-ċittadini kollha jkollhom aċċess mingħajr xkiel għal attivitajiet onlajn u li n-negozji jiżviluppaw dawn l-attivitajiet f’kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni ġusta. Tali rikonoxximent ikopri wkoll it-teknika ta’ “riformulazzjoni”, li hija strument partikolarment xieraq fil-qafas ġenerali tal-programm REFIT, filwaqt li jiddeplora n-nuqqas ta’ użu tiegħu fil-fatt mill-Kummissjoni.

3.2.2

Dwar dan il-punt partikolari, il-KESE jikkongratula lill-Kummissjoni għall-korrezzjoni formali tal-eżerċizzju diffiċli tar-“riformulazzjoni” li hija wettqet, bir-rispett dovut għar-regoli stabbiliti. Huwa jinnota b’dispjaċir biss li l-Kummissjoni ma għażlitx is-soluzzjoni tal-pubblikazzjoni simultanja ta’ verżjoni “nadifa” iktar ċara, kif suġġerit diversi drabi.

3.2.3

Huwa jixtieq ukoll jindika b’mod ġenerali l-qbil tiegħu mar-regoli l-ġodda introdotti fil-proposta għal att leġislattiv ġdid, u kif dawn l-arranġamenti legali ġew allinjati ma’ politiki oħra tal-UE, kemm jekk hija leġislazzjoni speċifika fis-seħħ fis-settur jew, b’mod partikolari, jekk huma prinċipji tal-liġi tal-kompetizzjoni u l-leġislazzjoni orizzontali tal-protezzjoni tal-konsumaturi.

3.2.4

Madankollu, il-KESE jemmen li l-għażla – diskutibbli – ta’ direttiva daqstant ġenerika u wiesgħa, u li tħalli għadd ta’ aspetti għal-leġislazzjoni nazzjonali, seta’ kellha riżultati aħjar fir-rigward tas-sempliċità u ċ-ċertezza tad-dritt kieku minflok intgħażel regolament qafas, ta’ applikazzjoni diretta, immedjata u uniformi fl-Istati Membri kollha, kif ipproponiet il-Kummissjoni, u kieku tfasslu direttivi speċifiċi għal ċerti temi diskussi, soġġetti għal gradi differenti ta’ armonizzazzjoni skont il-kundizzjonijiet tas-suq u n-natura tagħhom. Minħabba ż-żmien meħtieġ għall-adozzjoni tagħha (tal-inqas 18-il xahar), għat-traspożizzjoni tagħha (minimu ta’ sentejn) u għall-implimentazzjoni tagħha, id-dħul fis-seħħ effettiv ta’ din is-sistema l-ġdida mhix se ssir qabel l-2021/2022.

3.2.5

Min-naħa l-oħra, l-esklużjoni tad-Direttiva dwar il-privatezza, li l-proposta tagħha ġiet ippubblikata fl-10 ta’ Jannar 2017 (COM(2017) 10 final), u li hija waħda mill-kwistjonijiet ċentrali u essenzjali ta’ dan il-pakkett, għalkemm komprensibbli għal raġunijiet ta’ skeda għall-proċess leġislattiv, hija punt dgħajjef tal-proposta. Din il-proposta għalhekk hija nieqsa minn wieħed mill-iktar pilastri importanti li jiżguraw ir-rispett lejn l-interessi tal-utenti tan-netwerks, u tirreferi għal xi futur ’il bogħod, għall-armonizzazzjoni tal-leġislazzjoni attwali mal-istrument futur dwar il-ħajja privata, u toħloq aktar diffikultajiet fit-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni tal-miżuri kollha.

3.2.6

Il-proposta lanqas ma tkopri r-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-roaming fuq netwerks pubbliċi ta’ komunikazzjoni mobbli fi ħdan l-Unjoni (5) u ċerti aspetti tal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar “Promozzjoni tal-użu kondiviż ta’ riżorsi tal-ispettru tar-radju fis-suq intern”, li stħoqqilhom jiġu inklużi f’din ir-riformulazzjoni (6).

3.2.7

Fl-aħħar nett, jidher ċar li din il-proposta la tissodisfa x-xewqa tal-Kunsill ta’ “Kodiċi Ewropew tad-drittijiet tal-utenti tas-servizzi tal-komunikazzjoni elettronika”, li “l-għan (tiegħu) huwa li fil-livell tal-UE jkun hemm għodda sempliċi u faċli għall-utent li tlaqqa’ flimkien id-drittijiet kollha tal-utenti tas-servizzi tal-komunikazzjoni elettronika fl-oqsma tal-ICT (Teknoloġija tal-Informazzjoni u tal-Komunikazzjoni) u l-protezzjoni tal-konsumatur” (7) u lanqas ma tissodisfa l-intenzjoni espressa fl-Istrateġija Diġitali għall-Ewropa “biex tippubblika Kodiċi tad-Drittijiet tal-Onlajn tal-UE sal-2011 li joħloq sommarju tad-drittijiet tal-utenti diġitali eżistenti fl-UE b’mod ċar u aċċessibbli” (8).

4.   Kummenti speċifiċi

4.1    Is-suġġett u l-iskop

Il-KESE japprezza li l-Kummissjoni, diġà fl-ewwel Artikolu tenfasizza l-kwistjoni tal-aċċessibilità għas-servizzi għall-“utenti b’diżabbiltà” kif ukoll il-ħtieġa biex “tistabbilixxi d-drittijiet tal-utenti finali”. F’dan ir-rigward, ir-riżerva espressa fil-punt 4 tal-ewwel Artikolu hija partikolarment importanti. Fil-fehma tagħha, id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw bla ħsara għar-regoli tal-UE dwar il-protezzjoni tal-konsumatur, b’mod partikolari d-Direttivi 93/13/KEE u 97/7/KE u 2011/83/UE, u r-regoli nazzjonali f’konformità mal-liġi tal-Unjoni, li għal kull wieħed minnhom il-KESE fassal studji ta’ evalwazzjoni. (Rapporti ta’ informazzjoni INT/795 u 796 adottati fis-sessjoni plenarja tal-15 ta’ Diċembru 2016).

4.2    Id-definizzjonijiet

Fir-rigward tad-definizzjonijiet, il-KESE jenfasizza r-rilevanza fil-formulazzjoni ta’ kunċetti ġodda bħalma huma “n-netwerk ta’ kapaċità għolja ħafna”, is-“servizz ta’ komunikazzjonijiet interpersonali”, is-“servizz ta’ komunikazzjoni interpersonali ibbażati fuq in-numru”, is-“servizz ta’ komunikazzjoni interpersonali u indipendent min-numri”, “is-sigurtà tan-netwerks u s-servizzi”, permezz tal-“punt tal-aċċess bla fili f’żona żgħira”, in-“netwerk ta’ żoni lokali bir-radju” (RLAN), “l-użu kondiviż tal-ispettru tar-radju”, l-“spettru tar-radju armonizzat”, “ċentru li jwieġeb is-sejħiet tas-sikurezza pubblika (PSAP)”, “l-aktar PSAP xieraq”, il-“komunikazzjoni ta’ emerġenza”, is-“servizz ta’ emerġenza”, li għandhom impatt fuq is-sistema legali.

4.3    Għanijiet

4.3.1

Fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-għanijiet, il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-problema ta’ kollaborazzjoni bejn l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali u l-awtoritajiet kompetenti oħra, kif ukoll bejn l-Istati Membri u l-BEREC, għalkemm il-“mudell” preferut tiegħu jimxi f’direzzjoni oħra, kif indika fl-Opinjoni tiegħu dwar ir-Regolament il-ġdid tal-BEREC.

4.3.2

F’dan ir-rigward, huwa partikolarment importanti li tiġi enfasizzata d-definizzjoni mill-ġdid tal-obbligi tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali u l-awtoritajiet rilevanti oħra kif ukoll tal-BEREC, li huma definiti fl-Artikolu 3(2).

4.3.3

Fl-istess ħin, huwa importanti li l-Istati Membri jikkoperaw permezz tal-Grupp għall-Politika dwar l-Ispettru tar-Radju (l-RSPG), stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2002/622/KE, bejniethom u mal-Kummissjoni, u mal-Parlament Ewropew u mal-Kunsill meta jitolbuhom, b’appoġġ fl-ippjanar strateġiku u fil-koordinazzjoni tal-approċċi tal-politika tal-ispettru tar-radju fl-Unjoni.

4.4    Kwistjonijiet ta’ interess partikolari

4.4.1

Peress li mhuwiex possibbli, f’din l-opinjoni, li ssir analiżi tad-dispożizzjonijiet kollha inkwistjoni, il-KESE xtaq jikkonċentra fuq ftit punti li huwa jqis li huma ta’ importanza kbira għas-soċjetà.

4.4.2   Regolamentazzjoni dwar l-aċċess

4.4.2.1

Il-KESE jilqa’ l-fatt li r-regoli tal-aċċess ma ġewx mibdula sostanzjalment u jappoġġa l-Kummissjoni fl-isforzi tagħha tas-semplifikazzjoni tal-proċeduri u l-promozzjoni ta’ konnettività universali u ta’ kapaċità għolja ħafna (HCV), l-għan ewlieni tal-qafas regolatorju tas-settur, flimkien mal-promozzjoni tal-kompetizzjoni, għall-ikkompletar tas-suq intern u l-ħarsien tal-konsumatur.

4.4.2.2

Il-KESE jappoġġja l-emendi speċifiċi tar-regolamentazzjoni tas-suq biex jeżiġu lir-regolaturi li jiddeterminaw l-intenzjonijiet tal-investiment u jippermettu lill-awtoritajiet pubbliċi biex ifittxu investituri fiż-żoni mhux koperti biżżejjed. Dan għandu jżid it-trasparenza tal-pjani tat-tifrix tan-netwerk, joffri lill-investituri aktar prevedibilità u jippermetti lir-regolaturi jqisu aħjar l-ispeċifiċitajiet ġeografiċi fl-analiżi tagħhom tas-suq.

4.4.2.3

Huwa japprova l-bidla, min-naħa tal-Kummissjoni, fil-proċeduri ta’ analiżi tas-suq kif ukoll il-kodifikazzjoni tal-aħjar prattiki attwali biex jiżguraw li l-obbligi tal-aċċess jiġu imposti biss fil-każijiet u fil-ħinijiet li fihom huma meħtieġa sabiex jiġu indirizzati l-fallimenti tas-suq bl-imnut u jiġu żgurati riżultati għall-utent finali, filwaqt li fl-istess ħin, jiġi żgurat li jkunu kompetittivi. Madankollu l-KESE ma jsibx ġustifikazzjoni għall-estensjoni tal-perjodu ta’ tliet snin tar-reviżjoni tas-suq għal ħames snin.

4.4.2.4

Fl-aħħar nett, il-KESE jaqbel mal-idea li l-kompetizzjoni bbażata fuq l-infrastruttura huwa wieħed mill-aktar mezzi effettivi biex jipprovdi konnettività aħjar jew ġdida għall-internet fiż-żoni fejn id-densità tal-popolazzjoni tippermetti l-preżenza ta’ aktar minn netwerk wieħed.

4.4.3   Allokazzjoni tal-ispettru

4.4.3.1

Għalkemm l-UE kienet l-ewwel li żviluppat teknoloġiji mingħajr fili 4G, hija ilha tesperjenza dewmien fl-implimentazzjoni tagħhom, meta mqabbla ma’ reġjuni oħra. L-allokazzjoni u l-ġestjoni tal-ispettru hija, bħala prinċipju, kompetenza tal-Istati Membri. Dan il-fattur ġeneralment kien enfasizzat bħala kawża tal-frammentazzjoni tas-swieq li għandu impatt negattiv dirett fuq il-kopertura tan-netwerk mingħajr fili u l-penetrazzjoni madwar l-Ewropa. Jekk jippersisti, jhedded li jipperikola s-suċċess tal-introduzzjoni tas-servizzi 5G fl-Ewropa u l-użu tas-servizzi innovattivi ġodda.

4.4.3.2

Din hija r-raġuni għaliex il-proposta biħsiebha timponi sett komuni ta’ regoli, pereżempju, tul ta’ żmien minimu tal-liċenzja sabiex ikun żgurat il-ħlas tad-djun tal-investiment, aktar flessibbiltà għall-iskambju tal-frekwenzi tal-ispettru, il-koerenza u l-oġġettività tal-miżuri regolatorji (riżerva, arranġamenti ta’ organizzazzjoni tas-sejħa għall-offerti, prezzijiet massimi u imblukkar tal-frekwenza, riżerva straordinarja tal-frekwenzi tal-ispettru). Hija tipprovdi wkoll għal evalwazzjoni bejn il-pari bejn ir-regolaturi nazzjonali biex tiġi żgurata l-konsistenza tal-prattiki tal-għoti fil-kuntest tal-BEREC. Min-naħa l-oħra, l-operaturi għandhom jimpenjaw irwieħhom li jużaw l-ispettru li ġie fdat lilhom b’mod effettiv.

4.4.3.3

Il-KESE jappoġġja dan l-approċċ ġdid. Fil-fatt, minbarra li jaċċelera l-proċessi tal-allokazzjoni tal-ispettru għall-komunikazzjonijiet elettroniċi, bi skadenzi ċari biex l-ispettru jsir disponibbli fis-suq, huwa jippermetti lill-investituri fil-ġenerazzjoni tal-broadband mingħajr fili li jmiss, jibbenefikaw minn prevedibbiltà u konsistenza fir-rigward tas-sistemi futuri ta’ liċenzjar u l-kundizzjonijiet ewlenin għall-għoti jew it-tiġdid tad-drittijiet nazzjonali fir-rigward tal-ispettru.

4.4.3.4

Fl-aħħar nett, il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon is-semplifikazzjoni tal-kondiviżjoni tal-ispettru fuq in-netwerk 5G kif ukoll il-promozzjoni tal-aċċess tal-utenti finali għall-konnettività bażika tal-WiFi. Fil-fatt, l-użu kondiviż tal-ispettru, abbażi ta’ awtorizzazzjoni ġenerali jew ta’ drittijiet ta’ użu individwali, jippermetti l-użu intensiv u effiċjenti ta’ din ir-riżorsa skarsa. L-utenti tal-ispettru tar-radju tar-reġim tal-awtorizzazzjoni ġenerali se jkunu pprovduti aktar protezzjoni kontra l-interferenza dannuża, b’tali mod li l-ostakli għall-istabbiliment ta’ punti tal-aċċess tal-WiFi jiġu eliminati u li l-aċċess tal-utenti finali għall-konnessjonijiet kondiviżi tal-internet bla fili ikun iżjed faċli.

4.4.4   Id-definizzjoni mill-ġdid tar-reġim tas-servizz universali

4.4.4.1

L-iskema “mġedda” tas-servizz universali u l-emendi għas-servizzi u r-regoli dwar il-protezzjoni tal-utenti finali huma aspetti li joħolqu l-akbar riservi lill-KESE. Is-servizz universali kien diġà wieħed mill-aspetti li kien is-suġġett ta’ kritika ewlenija mill-KESE f’opinjonijiet preċedenti.

4.4.4.2

L-estensjoni ta’ dan is-servizz u servizzi oħra bħas-servizzi mobbli u l-aċċess għall-internet broadband ilhom prijorità. Bl-iskuża tal-allegat modernizzazzjoni tar-reġim dwar is-servizzi universali, fil-fatt il-proposta tibdel is-servizzi jew anke tħassar mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom sensiela ta’ obbligi, bħall-kabini telefoniċi pubbliċi, id-direttorji komprensivi u s-servizzi ta’ konsultazzjoni tad-direttorju, u għalhekk ir-riżultat li d-Direttiva tippretendi li tilħaq isiru superfluwi; Għadu mhux ċar għall-KESE jekk il-maturità tas-settur hiex ser tkun biżżejjed biex tiżgura li dawn is-servizzi jkomplu jiġu pprovduti anke meta jieqaf l-obbligi tas-servizz universali. L-Artikolu 82 jippermetti lill-Istati Membri mhux biss li “jkomplu jiżguraw id-disponibbiltà u l-affordabbiltà ta’ servizzi oħra” jekk “jintwera debitament li hemm bżonn dawn is-servizzi fid-dawl taċ-ċirkostanzi nazzjonali” iżda jiftaħ ukoll it-triq għal l-abbandun ta’ dawn is-servizzi fi żmien qasir minħabba l-ispejjeż li jġibu magħhom.

4.4.4.3

Il-KESE jinsab imħasseb fir-rigward tad-definizzjoni ta’ “aċċess funzjonali għall-internet broadband” inkwantu din tista’ tagħti lok għall-istabbiliment ta’ lista arbitrarja ta’ servizzi aċċessibbli onlajn, b’kuntrast għal konnessjoni ta’ kwalità minima newtrali, li fil-futur jista’ jwassal għal prattiki diskriminatorji għad-detriment tal-utenti finali.

4.4.4.4

Ċertament, l-Artikolu 79 jobbliga lill-Istati Membri jiżguraw “l-utenti finali fit-territorju tagħhom ikollhom aċċess, bi prezz affordabbli, fid-dawl tal-kondizzjonijiet nazzjonali speċifiċi, għas-servizzi disponibbli tal-aċċess għall-internet funzjonali u tal-komunikazzjoni bil-vuċi, bil-kwalità speċifikata fit-territorju tagħhom, inkluż il-konnessjoni sottostanti, mill-anqas f’post fiss”, li jppermettilhom li “jeżiġu li l-impriżi jipprovdu dawn is-servizzi biex lil dawk l-utenti finali joffrulhom alternattivi ta’ tariffi jew pakketti differenti minn dawk provduti bil-kondizzjonijiet kummerċjali normali”, billi “japplikaw tariffi komuni, inkluż medjar ġeografiku fit-territorju kollu”.

Madankollu, il-punti 4 u 5 tal-Artikolu 80, jirreferu għall-“assistenza jew is-sigurtà soċjali” jew għall-baġits nazzjonali, permezz tat-tassazzjoni, l-għajnuna “lill-utenti finali bi dħul baxx jew bi bżonnijiet soċjali speċjali (biex) jingħataw l-appoġġ ħalli tkun żgurata l-affordibbiltà tas-servizzi tal-aċċess għall-internet funzjonali u tal-komunikazzjoni bil-vuċi mill-inqas f’post fiss”, li jneħħi l-obbligu ta’ servizzi bħal dawn għall-fornituri.

4.4.4.5

Barra minn hekk, is-sistema kollha ta’ finanzjament tas-servizz pubbliku fejn l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jsibu li impriża hija suġġetta għal piż eċċessiv, huwa limitat għall-istabbiliment ta’ “mekkaniżmu biex jikkumpensaw lil dik l-impriża għall-ispiża netta stabbilita taħt kondizzjonijiet trasparenti minn fondi pubbliċi”. Jiġifieri għal darb’oħra t-Teżor pubbliku huwa msejjaħ ikopri l-ispiża tas-servizz pubbliku b’mod speċjali fin-nuqqas ta’ fornituri fiż-żoni li ma jrendux tas-servizz għall-pubbliku. Il-possibbiltà ta’ kondiviżjoni tal-ispejjeż li kien previst qabel skont l-Artikolu 13 tad-Direttiva rrevokata fil-fatt tneħħa (Dan l-artikolu jipprevedi li: “b) jikkondividu l-ispiża netta tal-obbligu tas-servizz universali bejn il-fornituri ta’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi”).

4.4.5   Id-drittijiet tal-utent finali

4.4.5.1

Madankollu, il-punt li l-KESE jħoss li huwa l-aktar diffiċli huwa t-titolu ġdid marbut mad-drittijiet tal-utenti finali, billi, fid-dawl tal-opinjonijiet kollha addotati dwar dan is-suġġett, ma jaqbilx mas-soluzzjonijiet addotati, u mal-għażla tal-armonizzazzjoni massima tat-termini stabbiliti skont l-Artikolu 94. Il-pożizzjoni tal-KESE minn dejjem kienet li, fi kwistjonijiet li jirrigwardaw id-drittijiet tal-konsumatur, huwa importanti li jiġu adottati linji gwida għall-armonizzazzjoni minima jew regolamenti li jiggarantixxu l-ogħla livell ta’ protezzjoni tal-konsumatur.

4.4.5.2

Ma jemminx li huwa aċċettabli li jitneħħew ċerti obbligi regolatorji jew li jonqsu d-drittijiet jew il-garanziji preċedenti bl-iskuża li m’għadhomx meħtieġa jew li huma koperti mil-liġi tal-konsumatur ġenerali. Dan jirrigwarda, pereżempju, it-tneħħija ta’ setgħat mogħtija lir-regolaturi nazzjonali li jimponu direttament regolamentazzjoni tal-prezzijiet bl-imnut tal-operaturi li għandhom saħħa sinifikanti fis-suq (SMP) jew ta’ ċerti dispożizzjonijiet fir-rigward ta’ kuntratti, trasparenza, l-ekwivalenza tal-aċċess għall-utenti b’diżabilità, servizzi ta’ direttorji u ta’ interoperabbiltà tat-tagħmir tat-televiżjoni diġitali (l-Artikoli 95 sa 98, 103 sa 105).

4.4.5.3

Bl-istess mod, il-proposta tal-Kummissjoni ma tirrikonoxxix il-ħtieġa ta’ regolamentazzjoni aħjar ta’ ċerti prattiki allegati bħala inġusti f’kuntratti mal-utenti, bħal pereżempju fil-każ ta’ limiti massimi tat-tul ta’ kuntratti jew ta’ terminazzjoni ta’ kuntratt, tat-tiġdid tal-kuntratti f’każ ta’ pakketti, in-nuqqas ta’ sanzjonijiet li jkunu jistgħu jiżguraw l-effettività tal-proċess ta’ tibdil għall-utent finali. Dan jikkonċerna wkoll iż-żamma tal-obbligu ta’ kumpens għall-utent aħħari “għall-valur pro rata tempore tat-tagħmir sussidjat mogħti mal-kuntratt meta sar il-kuntratt u rimborż pro rata tempore għal kull vantaġġ promozzjonali ieħor li ġie kumerċjalizzat bħala tali waqt il-konklużjoni tal-kuntratt.”

4.4.5.4

Madankollu, il-KESE japprezza għadd ta’ dispożizzjonijiet ġodda, pereżempju, leġġibiltà aħjar tal-kuntratti permezz ta’ kuntratt li jiġbor fil-qosor l-essenza tal-informazzjoni semplifikata, il-forniment ta’ strumenti ta’ kontroll tal-konsum, għodod ta’ tqabbil tal-prezz u tal-kwalità, il-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità jew il-pajjiż ta’ residenza.

4.5    L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali u l-awtoritajiet kompetenti l-oħra

4.5.1

Rigward is-setgħat tal-awtoritajiet regolatorji u l-awtoritajiet kompetenti oħra, ir-riformulazzjoni tal-Artikolu 5(1) attwali huwa partikolarment rilevanti.

4.5.2

Fir-rigward, b’mod iktar speċifiku, tal-indipendenza tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali u awtoritajiet kompetenti oħra, l-Artikoli 7-9 jenfasizzaw il-garanziji speċifiċi li huma mogħtija għall-għażla, għal-limitazzjoni tat-tul ta’ żmien tal-mandati, l-awtonomija ta’ ġestjoni u dwar it-tkeċċija ta’ membri tal-korpi ta’ ġestjoni rispettivi tagħhom.

4.6    Soluzzjoni amikelvoli għat-tilwim

4.6.1

Huwa partikolarment importanti li l-proposta tiżgura li l-proċeduri barra l-qorti jkunu trasparenti, nondiskriminatorji, sempliċi, rapidi, ġusti u affordabbli għat-tilwim mhux solvut bejn il-konsumaturi u l-impriżi li jipprovdu servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi disponibbli pubblikament għajr għas-servizzi tal-komunikazzjonijiet interpersonali u indipendenti min-numri, li joħorġu minn din id-Direttiva u li għandhom x’jaqsmu mal-kondizzjonijiet kuntrattwali u/jew il-prestazzjoni tal-kuntratti li jikkonċernaw il-forniment ta’ dawn in-netwerks u/jew is-servizzi.

4.6.2

Ta’ importanza akbar hija l-konċessjoni lill-Istati Membri li jestendu l-aċċess għal dawn il-proċeduri lil utenti finali oħra, b’mod partikolari lill-intrapriżi mikro u żgħar.

4.6.3

Iżda f’każ ta’ tilwim transkonfinali, il-proposta tipprovdi soluzzjoni li għandha nuqqas ta’ mekkaniżmi stabbiliti fil-livell tal-UE għal dan it-tip ta’ tilwim, billi tispiċċa biex tidħol fi proċeduri kumplessi b’riżultati dubjużi kemm mil-lat tal-effettività kif ukoll tal-garanzija reali li din tasal fil-ħin għal bilanċ ġust bejn l-interessi, u li mbagħad tirriżulta fi proċediment ġuridiku.

Brussell, is-26 ta’ Jannar 2017.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Georges DASSIS


(1)  COM(2015) 192 final.

(2)  COM(2016) 590 final.

(3)  COM(2016) 591 final.

(4)  ĠU C 77, 28.3.2002, p. 1.

(5)  COM(2011) 402 final.

(6)  COM(2012) 478 final.

(7)  Il-3017-il laqgħa tal-Kunsill, 31 ta’ Mejju 2010.

(8)  COM(2010) 245 final.


Top